Ħrejjef Maltin

Ħrejjef Maltin 

dwar

Ġganti, Slaten u Tfal Eroj

9781409538875Mill-eqdem żminijiet, dejjem kien hawn min jirrakkonta stejjer fantasjużi, l-aktar biex jagħti gost lil min jismagħhom jew jaqrahom. Il-Griegi kellhom lil Esopu bil-ħrejjef tiegħu mid-dinja tal-annimali, li waqt li kienu jagħtu gost kienu wkoll jipprovdu tagħlima morali. L-istess Griegi kellhom ukoll lil Omeru li rrakkonta l-ħrejjef tal-eroj mitoloġiċi, bħal Ulisse, u l-eroj tal-Iljad, dawn kollha mgħejjuna fil-ħiliet tagħhom mill-allat ta’ Olimpus. L-istess, fl-Indja, il-Persja u fil-pajjiżi Għarab, wieħed isib ħrejjef f’‘Elf Lejl u Wieħed’, stejjer li nġabru bejn is-seklu tmienja u s-seklu erbatax. Fl-Ewropa, fis-seklu dsatax, kittieba famużi, bħall-aħwa Ġermaniżi Grimm, u d-Daniż Hans Christian Andersen, ħolqu karattri u stejjer li għadhom isaħħru lil miljuni sal-lum. Issib li kultant, dawn ir-rakkonti ħarġu minn moħħ l-awtur tagħhom, għax influwenzat minn ħrejjef oħra popolari f’pajjiżi mbiegħda.

Anki  xi wħud mir-rakkonti Maltin setgħu wkoll kienu influwenzati minn stejjer li oriġinaw f’pajjiżi oħra, kemm fl-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll fl-Ewropa, jew fil-Lvant Nofsani. Eżempju ta’ dan huma l-ħrejjef umoristiċi ta’ Ġaħan, li fid-dinja Għarbija, kienu minn dejjem popolari immens, anki jekk dan il-karattru hemm insibuh magħruf bħala Ġuħa, fi Sqallija, bħala Giufà, u fit-Turkija bħala Ħoġa. Ara: ‘Ġaħan Min Kien?’ https://kliemustorja.com/2020/07/23/gahan-min-kien/

spinning xxxxIr-rakkont tal-ħrejjef huwa passatemp li jsir prinċipalment għat-tgawdija tat-tfal u kif ukoll għall-kbar. Fl-Ingliż, niltaqgħu mal-idjoma, ‘to spin a yarn‘, li għandha żewġ tifsiriet, waħda fattwali, jiġifieri, ‘iddawwar u taħdem il-qoton jew is-suf fuq ir-rota biex isir ħjut’, u l-oħra li għandha tifsira metaforika, ‘tirrakkonta storja fantasjuża għall-aħħar’. L-idjoma, to spin a yarn, tista’ tapplika sew u b’mod prattiku għal mod kif setgħu nħolqu storikament il-ħrejjef Maltin. Patri Manwel Magri nnifsu kien ta’ din il-fehma wkoll: ‘[…] qabel ma xterrdu fl-irħula l-każini, u meta kien hawn ix-xogħol tal-maħluġ, in-nies kienet tgħaddi ż-żmien ittenniehom (dawn il-ħrejjef) […], (Manwel Magri /  Cassar Pullicino, 1967). Sa nofs is-seklu dsatax, mijiet ta’ ħallieġa u għażżiela kienu jkunu okkupati f’dan ix-xogħol għax it-tkabbir u l-produzzjoni tal-qoton kienet dak iż-żmien xi ħaġa kbira. Dan il-proċess li jieħu ħafna ħin, kien isir l-aktar min-nisa mgħejjuna minn uliedhom. Dawn kienu jinġabru l-ġurnata kollha f’xi kamra jew bitħa tar-razzett biex mill-qoton li jkun inħasad, jew mis-suf tan-nagħaġ joħorġu l-ħajt. Sabiex jaljenaw lilhom infushom, matul is-sigħat ta’ xogħol ripetut u tedjanti, wieħed jista’ jimmaġina kemm kien isir tpaċpiċ u kultant xi storja jew anedotta kienet tingħad ukoll. Wieħed jista’ jissoponi li xi ħadd fosthom, forsi l-omm jew xi mara oħra mdaħħla fiż-żmien, kienet kultant tirrakkonta l-ħrejjef li tkun semgħet minn x’imkien ieħor lil dawk ta’ madwarha, biex il-ħin jgħaddi aktar malajr. B’hekk, l-istejjer ta’ missirijietna ffiltraw minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-ħrejjef folkloristiċi Maltin

F’Malta niltaqgħu ma’ varjetà ta’ rakkonti li xi darba kienu popolari. Xi wħud minn dawn servew biex jagħtu tifsira, kif setgħet tinftiehem dak iż-żmien, ta’ xi fenomenu partikolari tan-natura, bħal ngħidu aħna, xi fenomenu astronomiku, jew l-okkorrenza ta’ xi strambezza fin-natura, jekk mhux ukoll xi ħlieqa dwar kif inħolqu l-ismijiet ta’ ċerti postijiet. Hekk  pereżempju, insibu l-leġġenda tal-ħofra tal-Maqluba tal-Qrendi. Dawn l-istejjer aktar jaqgħu fil-kategorija tal-leġġendi milli tal-ħrejjef, għax skont id-definizzjoni ta’ ‘leġġenda’ bosta kienu jemmnu li dawn l-istejjer seħħew verament. Ara: ‘Leġġendi Maltin u Għawdxin’, https://kliemustorja.com/2022/05/04/leggendi-maltin-u-ghawdxin/

L-ewwel studjużi tal-folklor Malti

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, diversi studjużi tal-folklor, fosthom xi wħud barranin, ġabru rakkonti li kienu jingħadu bil-fomm, billi intervistaw nies minn kull naħa tal-gżejjer Maltin. Wieħed minnhom kien it-Taljan Luigi Bonelli. Tnejn oħra kienu l-Ġermaniżi, Bertha Koessler Ilg, u Hans Stumme. Imbagħad kien hemm il-Ġiżwita Malti, Patri Manwel Magri, (1851 – 1907). Bejniethom dawn ġabru daqs 102 storja li jinkludu bosta varjanti ta’ xi wħud minnhom. Waħdu, Patri Manwel Magri kien ġabar 42 ħrafa li wkoll, xi wħud minnhom kellhom bosta varjanti.

magriFost ir-rakkonti ta’ Magri, wieħed josserva li madwar tlettax minn dawn għandhom bħala karattru prinċipali xi ġgant jew ġganti. Oħrajn, jinkludu xi ħlejjaq fantasjużi oħra, bħal, sriep kbar, draguni għasafar-sħaħar u annimali feroċi li għandhom il-ħila li jheddu, iwerwru u joqtlu lin-nies. Imbagħad, sittax-il rakkont ieħor jinvolvi bħala wieħed mill-karattri prinċipali, is-sultan ta’ xi renju mhux imsemmi, li bil-poter tiegħu jitlob mingħand is-sudditi tiegħu l-impossibbli. Mhux l-ewwel darba jew tnejn, is-sultan iġiegħel lil xi żagħżugħ ifittex u joqtol il-mostru li kien qed iwerwer lin-nies. Ta’ dan, is-sultan kien jippremja sew lil min kien jirnexxilu jegħleb lill-avversarju, biss kien ukoll kapaċi jasal biex jhedded lill-istess eroj li jekk dan iffalli fil-missjoni tiegħu, jibagħtu għall-mewt.

 Ħrejjef tal-ġganti

It-tlettax-il rakkont li fihom hemm involuti l-ġganti huma dawn:

‘Missirijietna u l-Ġganti’
‘Butlettax’
‘Il-Mara li Ġarret Ħaġar Kbir għall-Bini f’Malta u Għawdex’
‘Ulied il-Ġganta jew in-Nisel tal-Għawdxin u tal-Mostin’
‘Il-Borġ tal-Imramma’
'Il-Kuruna tal-Ġganti’
‘Il-Ġemgħa tal-Ġganti’
‘Il-Mara li Ġarret il-Ġebel Enormi għall-Bini’
‘Tifel Jeqred Disa’ Ġganti’
‘Is-Swar tal-Ġganti’
'Għar il-Lhud'
'Il-Belt tal-Lhud'
‘Il-Ġgant u s-Sajjied il-Għasafar’ 
‘Tifla Teqred Ġganta’

Biex nagħti xi eżempji ta’ kif jisvolġu xi wħud minn dawn l-istejjer, ser nirrakkonta fil-qosor l-aħħar tnejn imsemmija fil-lista.

Il-Ġgant u s-Sajjied il-Għasafar

ggantiDarba kien hemm kaċċatur li jum minnhom daħal fil-bosk u ltaqa’ ma’ ġgant. Il-ġgant ikkonfrontah u sfidah għal logħba tal-lotta qabel ma jibilgħu. Il-kaċċatur żamm il-kalma u qal lill-ġgant, ‘lanqas il-klieb ma jġibu ruħhom bħalek, għax qabel ma jiġġieldu, l-ewwel ixommu lil xulxin!’ Dlonk, il-kaċċatur sfida lill-ġgant għall-diversi piki ta’ ħiliet biex jurieh li kien kapaċi daqsu. Bdew bl-ewwel sfida. Il-ġgant ġabar ċagħka, poġġiha fil-pala ta’ idu u farrakha fi trab. Il-kaċċatur, billi kien jaf li mhux ta’ saħħa daqs il-ġgant, niżel għarkupptejh fl-art taparsi ser jiġbor ċagħka, waqt li bil-moħbi ħareġ ġbejna miċ-ċurniena li kellu mdendla. Il-ġgant ma ndunax li f’id il-kaċċatur kien hemm ġbejna u mhux ċagħka. Wiċċu lejn il-ġgant, il-kaċċatur għamel il-pala ta’ idu f’ponn, u għafas kemm felaħ il-ġbejna. Fil-pront, beda ħiereġ l-ilma tal-ġbejna minn bejn is-swaba’. Wara, fetaħ il-ponn u wera l-ġbejna lill-ġgant. ‘Qed tara’, qallu, jien mhux talli għaffiġt iċ-ċagħka u ġibtha trab, iżda rnexxieli wkoll nasarha u noħroġ l-għaraq minnha. Il-ġgant baqa’ mistagħġeb li dan ir-raġel hekk ċkejken kien kapaċi jfarrak iċ-ċagħka u jagħsarha. L-istorja tkompli bi sfidi oħra li l-kaċċatur dejjem irnexxielu jirbaħ bis-saħħa tal-għaqal tiegħu. Eventwalment, il-ġgant ħalla lir-raġel imur għal triqtu.

Tfajla toqtol ġgant

ggant u t tifla DSCN0142
Disinn mill-ktieb, Ġabra ta’ Ward ta’ E.B. Vella (Ir-Raba’ Ktieb)

Ħrafa oħra hi ta’ tifla żgħira, zoppa, li nħatfet minn koppja ġganti, li  sakkruha f’darhom bl-intenzjoni li jsemmnuha biex ’l quddiem isajruha għall-ikel. Meta din it-tifla simmnet biżżejjed, il-ġganta, mart il-ġgant, iddeċidiet li wasal il-jum li lit-tfajla titfagħha ġol-forn u ssajjarha. Waqt li  r-raġel kien barra fuq xogħlu, il-ġganta fetħet il-gaġġa fejn kienet imsakkra t-tifla u ħallietha toħroġ, waqt li qaltilha biex tiġi tgħinha fit-tisjir. It-tifla mill-ewwel xammet x’kien lest għaliha. Meta daħlu fil-kċina, il-ġganta qalet lit-tifla, ‘għax ma titlax fuq ħoġor il-forn biex nurik kif taħmi l-ħobż u ssajru?’ It-tifla weġbitha, ‘għax ma titlax inti fuq ħoġor il-forn biex b’hekk jien narak aħjar?’ Il-ġganta, li ma kienx jilħqilha daqs it-tifla għamlet kif qaltilha u rikbet hi fuq ħoġor il-forn. Fil-pront it-tfajla imbuttat lill-ġganta u deffsitha minn ġol-bokka ’il ġewwa fil-forn u sabbtet il-bieba warajha. Sakemm wasal il-ġgant, it-tisjir kien lest u l-ġgant ħa gost jiekol dak ir-robbu kbir li ma kien xejn aktar milli l-koxxa ta’ martu.

Biss, l-istorja ma tispiċċax hawn. Wara l-pranzu, il-ġgant talab lit-tfajla biex iġġiblu buqar ilma biex jixrob. It-tfajla mill-ewwel irrispondietu li l-ilma kien spiċċa u ssuġġeritlu li jinżel fil-bir biex jara kif jista’ jimla barmil ilma minn dak li kien fadal fil-qiegħ. Il-ġgant għamel kif qaltlu t-tifla, tela’ fuq il-ħorża tal-bir, qagħad fuq il-barmil u ddendel maċ-ċima biex it-tfajla setgħet tniżżlu ħelu ħelu fil-bir. Meta wasal fil-qiegħ kien pront ġabar l-ilma fil-barmil, għax ilma kien għad hemm biżżejjed, u wara ftit ħares ’il fuq u għajjat lit-tifla, ‘Jien lest, il-barmil imtela’ … issa tista’ ttellagħni!’ It-tfajla qaltlu, ‘Biex intellek, l-ewwel trid tgħid appa!’ Il-ġgant obda u qal, ‘appa!’ u tfajla fil-pront weġbitu, ‘il-ħabel skappa’. Kif qaltlu dan il-kliem, it-tifla telqet minn idejha l-ħabel u dan waqa’ f’qiegħ il-bir biex b’hekk il-ġgant baqa’ hemm isfel għax ma kellux biex jitla’ u t-tifla ħarbet lejn dar ommha.

Fir-rakkonti kollha li niltaqgħu magħhom dwar il-ġganti, dawn donnhom kollha jinzertaw ta’ moħħ ħafif u dgħajjef, li ma jlaħħaqx mal-moħħ makak tal-eroj jew l-erojna tal-ħrafa, B’hekk l-eroj joħroġ dejjem rebbieħ, kif wara kollox is-semmiegħ jew il-qarrej tant jikun qed jittama. F’kull storja, il-moral rikorrenti hu li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażen, u li jiswa aktar jekk il-bniedem juża moħħu milli xi saħħa fiżika straordinarja. Fis-żewġ rakkonti s-simpatija tagħna tmur dejjem lejn dak li hu l-anqas b’saħħtu (dak li bl-Ingliż jgħidulu, the underdog). Hekk ukoll  insibu fl-istejjer tal-Bibbja. Dan narawh fl-eżempju tal-istorja ta’ David u l-ġgant Gulija.

Slaten u żgħażagħ eroj

GhuLFil-folklor Malti, fost il-ħafna ħrejjef, hemm bosta li jittrattaw it-tema tal-eroj, fejn il-bniedem sempliċi jirnexxielu jwettaq l-impossibli, u li saħansitra jiġi ppremjat għal dak li wettaq. F’dawn l-istejjer tispikka l-awtorità tas-sultan, filwaqt li l-eroj tal-istorja ta’ spiss ikun xi żagħżugħ sempliċi, li jkun ġej minn familja fqira. Biss, it-tfajjel ikun ta’ karattru avventuruż, intelliġenti u tenaċju fir-rieda tiegħu. Dan ħafna drabi jiżattat għal xi bawxata li jqabbdu jagħmel is-sultan. Din tkun xi qadja skabruża u ta’ sogru liema bħalu, bħal ngħidu aħna, meta jkun imġiegħel joqtol xi ġgant, serp, jew xi annimal feroċi ieħor. Bi tpattija, ir-re jwiegħed liż-żagħżugħ rikkezzi kbar, u xi kultant jasal anki li joffrilu lill-bintu biex dan jiżżewwiġha. Fl-istess ħin, is-sultan kapaċi jasal li jhedded liż-żagħżugħ bil-mewt, jekk dan ma jirnexxilux fil-qadja jew qadjiet li jkun ordnat jagħmel. Fl-avventura taż-żagħżugħ, mhux l-ewwel darba li jkun mġiegħel jaqta’ mistoqsijiet diffiċli, magħmula f’forma ta’ ħaġa muħġaġa. Kultant, l-eroj tal-istorja jkun ukoll l-iżgħar minn tliet aħwa jew aktar. Waqt li ħutu l-kbar ma jirnexxilhomx jirbħu l-isfidi, hu jirnexxilu jasal fejn irid. Fejn l-eroj jeħel, ta’ spiss jieħu l-parir mingħand xi xiħ  jew xiħa biex jifhem kif għandu jasal u jagħmel dak li hemm bżonn. Għax kif jgħid il-Malti, kliem ix-xiħ żomm fih.

Fil-lista tal-ħrejjef li ġabar Magri, fejn jidħol is-sultan, insibu dawn:

‘Tifla Ġġib l-Għasfur Jgħanni’
‘Il-Għaġeb tal-Ilma’
‘Is-Siġra’
‘Għar il-Lhud’
‘Il-Ħila ta’ Bin il-Mara l-Għarfa’
‘It-Tmienja Jeħles lill-Bint is-Sultan mid-Dragun Draganti’
‘Is-Seba’ Tronġiet Mewwija’
‘Ix-Xini Jimxi fl-Art’
‘Balmies’
‘Id-Dinja ta’ Taħt’
‘Ir-Rjieħ’
‘Karru Deheb Ieħor Ħarir’
‘Il-Ktieb l-Aħmar’
‘Bint is-Sultan Twieġeb Le Għal Tliet Mistoqsijiet’
‘Bin il-Furnar Jgħid Tliet Ħwejjeġ Moħġaġa lil Bint is-Sultan’
‘Ix-Xiħ Midfun ġol-Għar’

Minn dawn ser nirrakkonta din tal-aħħar biex nagħti eżempju fuq xi punti li spjegajt aktar qabel.

L-għerf tax-x midfun ġol-għar

10687880F’dan ir-rakkont, żagħżugħ jieħu lil missieru xiħ li kien wasal fi tmiem ħajtu, fid-demus, għar li skont l-għajdut tal-folklor Malti, suppost kienu jagħlqu fih lil min ikun wasal biex imut bix-xjuħija u jabbandunawh hemm. Wara li għamel hekk, iż-żagħżugħ ġietu ħasra minn missieru, magħluq kif kien f’dan il-ħabs-qabar, u għaldaqstant ħalla bħal tieqa żgħira, kemm missieru jieħu n-nifs, u wegħdu li jmur iżuru kuljum u jmantnih bil-ħalib tal-mogħża.

Inzerta li fl-istess jum li l-iben ħa lil missieru hemm, is-sultan ħareġ bandu li bih ordna li minn issa ’l quddiem, is-sudditi tiegħu ma setgħux jaħdmu aktar l-għelieqi tagħhom. Minflok dawn kellhom jaħdmu il-jum kollu l-għelieqi tas-sultan. Iż-żagħżugħ kienet ser ittiegħ rasu meta sema’ b’dan, għax kif seta’ jgħajjex lil ommu u ’l ħutu? Mar żar lill-missieru fl-għar biex dan jagħtih parir.

Ix-xih qallu, ‘Jekk is-sultan jixtieq li tieħu ħsieb l-għelieqi tiegħu allura agħmel hekk. Aħdem l-art tiegħu matul il-jum, iżda mbagħad, wara li tkun lest, mur aħdem l-għelieqi tagħna dak inhar stess, matul il-lejl. It-tifel sama’ minnu u għamel hekk, u matul ix-xhur ta’ wara rnexxilu jaħdem kemm l-għelieqi tas-sultan kif ukoll tal-familja. Wasal iż-żmien tal-ħsad u hu kien l-uniku wieħed fis-saltna li ħasad b’suċċess, kemm l-uċuħ tar-re kif ukoll dawk li kibru fl-għelieqi ta’ missieru. Is-sultan tħasseb dwar kif dan it-tifel irnexxilu jikseb ħsad daqshekk tajjeb fiż-żewġ każijiet. Għalhekk sejjaħ liż-żagħżugħ biex dan jagħtih spjegazzjoni. Dan ammetta li hu ħadem kemm l-għelieqi tar-re kif ukoll l-għelieqi tal-familja fl-istess jum, tas-saltna filgħodu u tal-familja billejl. Is-sultan baqa’ mistagħġeb bil-ħiliet u l-makakkerija tat-tifel. ‘Ja sabi ħażin’ qallu r-re, jidher li int bniedem jilħaqlek tassew. Mela issa trid tagħmel dan għalija: ‘Għada trid tiġi żżurni bil-mixi, imma fl-istess ħin trid tkun ukoll riekeb, fhimt?’

It-tifel mar lura mħasseb lejn l-għar fejn kien maqful missieru biex jieħu parir u jara kif ser joħroġ minnha l-biċċa. Il-missier qallu: ‘Hemm soluzzjoni aktar sempliċi milli taħseb. Agħżel ħmar żgħir. Irkbu, imma kun żgur li meta tirkbu tkun tista’ tmiss saqajk mal-art. Imbagħad int u riekeb, imxi fl-istess ħin, u mur hekk il-palazz. Dan għandu jissodisfa x-xewqa tas-sultan.’

It-tifel għamel dan u l-għada rikeb il-ħmar tiegħu sal-palazz tas-sultan filwaqt li mat-triq  kollha saqajh żammhom ikaxkru mal-art. Kif wasal, sellem lis-sultan u dan daħaqlu. ‘Af li int tassew tifel makak. U issa li għaddejt minn żewġ provi, għad fadallek sfida oħra x’tiffaċċja. Mela ara x’ser ngħidlek. Għada trid tiġi għandi ħafi imma fl-istess ħin liebes par stvali!’

Din l-isfida reġgħet ħawditu liż-żagħżugħ u ġegħelitu jħaffef lura lejn l-għar ta’ missieru. Il-missier meta sama’ b’din l-aħħar ordni ħakk rasu għal mument, iżda wara ftit ħareġ b’ soluzzjoni. Qal lill-ibnu: ‘Ħu l-istvali għand l-iskarpan u għidlu biex ineħħilek il-qiegħ ta’ kull stvala. Imbagħad ilbes l-istvali u mur għand is-sultan. B’dan il-mod inti tkun liebes l-istvali u fl-istess ħin tkun saqajk ħafja mal-art. Iż-żagħżugħ għamel preċiżament kif qallu missieru u ħa l-istvali għand l-iskarpan biex ineħħilhom il-qiegħ ħalli jkun jista’ jimxi ħafi. L-għada mexa t-triq kollha bl-istvali bla qiegħ sal-palazz tas-sultan.

Is-sultan meta rah daħak kemm felaħ u qal lit-tifel, ‘jidher li int issib soluzzjoni għall-isfidi kollha tiegħi!’ It-tifel qallu li l-pariri kollha ħadhom mingħand missieru li kien midfun fid-demus. ‘Trid tgħidli li missierek mejjet biss xorta jitkellem miegħek?’ – ‘Le’, qallu s-sabi, ‘missieri ħaj, imma hu maqful fid-demus’. Is-sultan xengel rasu bl-iskantament. Minnufih ħareġ bandu li bih ipprojbixxa li x-xjuh li jkunu waslu biex imutu jissakkru mill-familja tagħhom fid-demus. U minn dak iż-żmien, fir-renju, ix-xjuħ ma baqgħux jinqaflu fl-għerien biex imutu hemm.

Fir-rakkont ta’ dawn l-istejjer, is-semmiegħ jew il-qarrej dejjem isegwi l-istorja b’taqtigħ il-qalb, u b’simpatija kbira lejn l-eroj tal-istorja, waqt li jittama li dan jirnexxielu jirbaħ kull ostaklu impossibbli li jiffaċċa. Għax hekk tirrikjedi l-ħniena umana, u kulħadd jieħu gost meta jara l-eroj jiġi ppremjat għal kapaċitajiet straordinarji tiegħu.

Filwaqt li dawn ir-rakkonti divertenti kienu  maħsuba sempliċiment biex jagħtu gost l-aktar lit-tfal, il-ħrejjef kienu wkoll mod kif jagħtu lezzjonijiet morali lil kull min jismagħhom. Hekk bħalma l-eroj tar-rakkont, kapaċi jsib soluzzjonijiet billi juża moħħu waqt li jżomm sod fir-rieda tiegħu l-istess għandu jagħmel is-semmiegħ / qarrej.

david

Martin Morana

15 ta’ Ġunju 2022

*       *       *

Bibliography

Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore, Malta University Press, 1992.

Magri Manwel, Ħrejjef Missirijietna, Provinċja Maltija ta’ Ġesù, 1967.

Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, Publishers Enterprises Group, 1994.

Grima Lily, Stumme’s Folktales from Malta, Malta University Publishing, 2019.

http://www.kliemustorja.com

Biex tkun taf dwar aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur, ara:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)                  Aa ARA X'INT TGHID

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s