A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
It-tfal ta’ dari ma kellhomx wisq ġugarelli biex jilgħabu bihom, biss kellhom l-aqwa ħaġa: l-immaġinazzjoni li biha kienu jivvintaw kull tip ta’ logħob, kemm dak tat-tfal żgħar, li kien ikun logħob sempliċi, kif ukoll logħob li kien ikun aktar ikkumplikat, u li jirrikjedi ċerta makakkerija. F’dan l-artiklu ser insemmi biss logħob tat-tfal li llum intesa.
Bosta minn dawn il-logħbiet iltqajt magħhom l-aktar meta kont qiegħed indur id-Damma ta’ Agius de Soldanis, jiena u nfittex għal aktar kliem antik u minsi. Logħob ieħor li jissemma jidhru fil-ktieb ta’ Anton F. Attard, il-folklorist Għawdxi li llum ma għadux magħna. Hemm ukoll xi ftit referenzi għal-logħob li jelenka Guido Lanfranco, fil-ktieb tiegħu Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin sa nofs is-seklu għoxrin. (Ara il-bibliografija taħt dan l-artiklu).
Xi wħud mid-deskrizzjoni tal-logħob li qiegħed nagħti huma akkumpanjati anki b’tifsira etimoloġika tal-isem tal-logħba, għax anki din għandha tkun ta’ interess għall-qarrej. Il-kliem li jidhru b’ittri kapitali u skuri għandhom l-ispjega kompluta li ssibuha fis-sezzjoni enċiklopedika ta’ din il-website. Mela ħa nibda:
BRUGA (D) Logħba tat-tip wiċċ jew bajs. Wieħed kien itella’ x-xorti billi jgħolli l-ħabba fl-ajru u jipprova jaqta’ fuq liema naħa ser tiġi il-munita. Fi żmien meta konna nużaw l-munita Ingliża, konna ngħidulha, wiċċ jew irġejjen, (forsi fil-plural biex tirriferi għaż-żewġ irġejjen, Victoria u Eliżabetta (?). Fi żmien l-Ordni din il-logħba kienet imsejħa LOGĦOB TAT-TFAL ANTIK U MINSIbħala l-logħba tal-kruċ, minħabba li f’naħa tal-munita kien ikun hemm stampat is-Salib tal-Ordni. Agius de Soldanis (A. de S. ) – ċ. 1750 – 1767 – jigħdilha wkoll il-logħba ‘tal-ħabba’.
ĊAMILLIERI / ĊAMMILLIRI Skont Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.), din kienet logħba sempliċi tat-tfal fejn wieħed jaħbi oġġetti żgħar f’idu, pereżempju, xi lewż jew ċagħaq, biex l-avversarju jipprova jaqta’ kemm hemm oġġetti fiż-żewġ ponnijiet. Isem ieħor ta’ din il-logħba kien, BIL-BIEX li Vincenzo Busuttil fid-dizzjunarju tiegħu mill-Malti għall-Ingliż ((1900) jafferma wkoll l-istess isem u jittraduċiha bħala, Is it odd or even? Logħba simili kienet, ĦAĠRA MAĠRA. F’din il-logħba kienu jieħdu sehem bosta tfal, maqsuma bejn żewġ gruppi. Dawn ikunu bilqiegħda faċċata ta’ xulxien madwar mejda. Tim minnhom jaħbu idhom taħt il-mejda u l-oġġett jibda jiġri fl-idejn minn persuna għall-oħra. Meta dan l-ewwel grupp jgħolli l-ponnijiet magħluqa minn taħt il-mejda, it-tim l-ieħor fuq in-naħa l-oħra jipprova jaqta’ f’liema id qiegħed l-oġġett. Din il-logħba hi magħrufa wkoll bħala TIEGĦLA. Erin Serracino Inglott (E.S.I.) jgħid li din oriġinat fi Sqallija, fejn kienet magħrufa bħala Quantuliera. Ismijiet oħra li din il-logħba jew varjazzjoni ta’ din il-logħba, huma, ĦĠEJRA u PIĊ.
GARDINAW Logħba li kienet tintlagħab bejn sitta sa għaxart itfal li jinqasmu f’żewġ gruppi. Grupp minnhom kien dak li lest li jaħrab biex ma jinqabadx; il-grupp l-ieħor, xogħlu kien li jaqbad il-maħrubin. Wieħed minn dawk il-maħrubin jgħajjat, ‘Gardinaw’, kelma li ġejja mill-Ingliż ‘Guardian out’. Ma’ din il-kelma l-grupp tat-tfal li jagħmluha tal-kalzriera jiġri wara l-grupp tat-tfal maħruba. Hekk kif jinqabad tifel minn dawk il-maħruba dan jinġieb mal-ħajt fejn il-grupp ta’ kalzriera jkun ‘stazzjonat’, u dan jingħata tliet daqqiet fuq idu biex ikun iddikjarat priġunier. Sħabu jippruvaw iħarrbuh billi jersqu lejh waqt li jiżgiċċaw lill-kalzriera tiegħu. Jekk il-priġunier ikun meħlus minn sħabu, dan jgħidulu ‘salvament’. Biss, jekk il-maħruba jinqabdu kollha, il-kalzriera jirbħu l-logħba. Lanfranco jgħid li din il-logħba hi l-istess bħall-GWERRA FRANĊIŻA. Biss, Anton F. Attard jgħid li f’Għawdex din il-logħba kienet tintlagħab b’mod differenti, għax fil-Gwerra Franċiża, kif tintlagħab, kull grupp kellu l-‘belt’ u l-‘ħabs’ tiegħu x’jiddefendi. Nassumi l-gwerra Franċiża tissejjah hekk għax ispirata mill-imblokk tal-Franċiżi li seħħ flk-1798 – 1800.
KARFUSU Dan kien wieħed minn ħafna laqmijiet mogħtija lix-xitan. Minn dan l-isem it-tfal ħolqu logħba ħelwa li tintlagħab bejn grupp ta’ tfal. Wieħed mill-grupp jagħmilha ta’ Ġesù, tifla oħra tagħmilha tal-Anġlu u tifel ieħor jagħmilha ta’ Karfusu, jiġifieri, tax-xitan. It-tifel li jagħmilha ta’ Ġesù, b’vuċi baxxa biex ma jinstemax mill-‘Anġlu’ jew minn ‘Karfusu’, jagħti kulur lil kull wieħed u waħda mill-grupp ta’ tfal li jkunu madwaru. Imbagħad jersqu lejha l-Anġlu u Karfusu u jsaqsuh x’tip ta’ kuluri hu (Ġesu) ta lit-tfal. Fil-fatt il-mistoqsija tingħad bit-Taljan: ‘Che colore?’ L-Anġlu u Karfusu jibdew jippruvawh jaqtgħu il-kulur ta’ kull tifel jew tifla fil-grupp, wieħed wara l-ieħor u skont min immissu. Kull darba li ż-żewġ karattri jaqtgħu l-kulur ta’ xi tifel jew tifla dawn jintbagħtu jew ħdejn l-Anġlu jew Karfusu. Fl-aħħar jingħaddu kemm-il tifel jew tifla hemm mal-‘Anġlu’ u ma’ ‘Karfusu’. Jirbaħ dak li jkun qata’ l-akbar numru ta’ kuluri u allura jkun ġabar miegħu l-aktar numru kbir ta’ tfal.
LOGĦBA TAL-FLIELES Din il-logħba kienet tintlagħab bejn numru ta’ tfal, tnejn jew aktar. Kull wieħed mil-lagħba jagħmel għalih disinn ta’ kaxxa, ta’ bejn wieħed u ieħor 30 ċentimetru kwadru. Kull tifel jew tifla jgara ballun żgħir, (daqs 3 ċm fid-diametru), minn ċerta distanza biex jittanta idaħħlu fil-kaxxa tiegħu. Min ma jirnexxilux jagħmel dan jissejjaħ ‘fellus’ u jitlef il-logħba.
LOGĦBA TAL-PAPA Aktar milli logħba, din hi pjuttost ċajta li biha wieħed jgħaddi ż-żmien bl-ieħor, dik li bl-Ingliż ngħidulha ‘prank’ jew ċajta goffa. Grupp ta’ tfal jiddeċiedu li jagħmlu ċajta fuq wieħed minn sħabhom, li ma jkunx jaf xinhu lest għalih. Dawk li jafu bil-ħażen tal-logħba, jiftiehmu bejniethom biex wieħed minnhom jagħmilha tal-Papa. Dan it-tifel magħżul ilibbsuh mitra fuq rasu. Din il-mitra jimlewha bl-ilma. It-tfal imorru quddiem ‘il-Papa’ biex kull wieħed minnhom ‘jitolbuh’ għal xi grazzja speċjali, minn biex ikollu xi grazzja min oħra. Lit-tifel vittma, sħabu jgħidulu biex jitlob lill-Papa għax-xita. Meta jasal il-mument tiegħu dan it-tifel jagħmel bħal ma qalulu, jinżel għarkupptejh u jitlob lill-Papa għax-xita. Dan tal-aħħar jgħidlu ‘t-talba tiegħek hi milqgħuha’, u fil-pront imejjel rasu ‘l isfel u ’l quddiem u dlonk l-ilma fil-mitra jaqa’ gelgul fuq it-tifel u dan isir għasra.
LOGĦOB TAL-MEZZA BLATA / LOGĦBA TAT-TGĦOLIJA Il-lagħba jitfgħu xi ftit żerriegħa fl-ajru biex din taqa’ fuq ċangatura jew maduma. Dak li jirnexxilu jagħmel dan, jirbaħ il-logħba waqt li dak li ż-żerriegħa tiegħu taqa’ lil hinn jitlef.
ROMAW Logħba tat-tfal li jsemmiha A. de S. fid-Damma. Din hi logħba simili għat-Tiġieġa l-Għamja, fejn tifel ikun mgħammed b’maktur fuq għajnejh waqt li t-tfal sħabu joqogħodu ċirku madwaru. It-tifel mgħammad jissejjaħ il-Maestro. Meta t-tfal jgħajtu ‘romaw!’, l-imgħammad jibda jfajjar kemm jiflaħ il-maktur li jkun milwi fi tnejn. Lil min jolqot bil-maktur ikollu jgħamilha tat-tiġieġa l-għamja minfloku. E.S.I. jagħti diversi tifsiriet tal-oriġini tal-kelma. Forsi l-aktar plawsibbli hi, li l-isem ġej minn logħba oħra simili, fejn wieħed kien jgħati l-ordni, ‘Armaw, jiġifieri, ‘ibdew agħtu’.
TRIJA Logħba li normalment kienet tintlagħab bejn żewġt itfal. Dawn kienu l-ewwel iħożżu disinn fl-art, forma ta’ kaxxa kbira daqs 30 ċentimetru kwadru, b’sinjali dritti u dijagonali, b’mod li d-disinn jiġi jixbah id-disinn tal-Union Jack. Kull wieħed mit-tfal jqiegħed ċagħka jew fażola, lewża jew oġġetti oħra bħala pedina fuq xi wieħed minn dawk il-punti fejn il-linji tad-disinn jiltaqgħu ma’ xulxin. Kull wieħed mil-lagħaba jipprova jgħaqqad ‘trija’, billi jqiegħed tliet pedini f’linja dritta, mingħajr l-ebda interruzzjoni ta’ xi pedina tal-avversarju mqiegħda bejniethom. L-avversarju jipprova kemm jista’ jantiċipa l-ħsieb tal-ewwel lagħbi biex ma jħallihx jgħaqqad trija. Anzi, dan kull meta jitfa’ l-pedina tiegħu jipprova jgħaqqad it-trija hu qabel sieħbu. Jirbaħ dak li jgħaqqad it-trija l-ewwel. Logħba li fil-prinċipju tixbah lill-OXO.
***
Bilħaqq ….
Kont taf minn fejn ġejja l-kelma Noli? E.S.I. jagħti etimoloġija interessanti tal-isem tal-logħba u jgħid li ‘Noli’ ġejja mit-Taljan: ‘No li’ li hi r-risposta għal mistoqsija: ‘Tu li?’ Jiġifieri, ‘Int hemm? – u l-ieħor iwieġbu, ‘No li!’ Le (m’inhiex) hemm’. Fil-fatt kien hawn min jagħti isem ieħor lil din il-logħba bħala TULI – ‘Tu li?’ Isem ieħor għal din il-logħba hu, MISTOĦBIJA.
Kont taf li l-PASSJU / PASSJO li kienu jiddisinjaw fl-art biex jilgħabu fuqu kien innumerat mill-wieħed sad-disgħa biex jissimbolizza id-disa’ xhur tat-tqala. Forsi għalhekk il-passju kien ikkunsidrat aktar bħala logħba tal-bniet milli tas-subien. Sqal. palasu.
Biblijografija
Agius de Soldanis, Damma Tal Kliem Kartaginis imscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. Ed. Rosabel Carabott. (Pubblikat bil-kollaborazzjoni ta’ bosta entitajiet). 2016.
Attard, Anton F., Logħob Folkloristiku t’Għawdex, 1969.
Cannataċi Doris, I Remember, I Remember … Years Gone By, p. 47. 2017.
Cassar Pulliċino Joseph, Studies in Maltese Folklore, Malta University Press, 1992.
Lanfranco Guido, Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin – sa nofs is-seklu XX. Wise Owl Publication.
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon (1796).
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
J’Alla inizjattivi dwar dak kollu li hu Malti jkunu apprezzati u jsibu ghajnuna. Grazzi
LikeLike