Il-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar
u żmienu (1636 – 1657)
Introduzzjoni
Jean Paul Lascaris Castellar twieled fi Provenza, Franza, fit-28 ta’ Ġunju tal-1560. Il-ġenituri tiegħu kienu Giannetto u Franceschetta di Agostino. Il-familja tiegħu kienet dixxendenti tal-familja nobbli Ventimiglia li antikament kienet ġejja mill-imperaturi ta’ Biżanzju. Dan il-fatt jirrikonoxxih Gian Frangisk Abela fid-dedika li għamel lil dan il-Gran Mastru, fil-ktieb tiegħu, Della Descrittione di Malta, ‘[…Oltre che haundo i gloriosi Antecessori della Sua Imperiale Famiglia de LASCARIS tenuto gia il possesso dell’Imperio Orientale …]’. B’hekk l-arma tal-familja għandha l-ajkla imperjali.
Fl-1584, meta Lascaris kellu 24 sena, daħal kavallier mal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-1632, intbagħat bħala ambaxxatur fi Spanja. Wara leħaq Balliju ta’ Manosque u għaldaqstant dam ħafna ’il bogħod minn Malta. Ġie elett Gran Mastru fit-13 ta’ Ġunju tal-1636, meta kellu diġà 76 sena. Hu dam imexxi l-Ordni ta’ San Ġwann sa mewtu fl-1657, fl-età ta’ 97 sena.
Appena elett Gran Mastru, Lascaris beda jisħaq minnufiħ fuq bosta proġġetti. Fost dawn kien hemm proġetti li jirrigwardaw it-tisħiħ u l-bini tas-swar, il-bini tal-imħażen u l-moll barra s-swar tal-Belt; il-kodifikazzjoni u t-tibdil tal-liġijiet f’ħafna oqsma tal-ħajja, u r-riorganizzazjoni tal-armata u t-tmexxija tal-flotta tal-Ordni.
Il-fortifikazzjonijiet u l-armata
Daqs sena qabel ma miet il-Gran Mastru Antoine de Paule, jiġifieri sena qabel ma Lascaris kien elett, l-inġinier militari, Pietro Paolo Floriani, kien għamel il-proposti tiegħu biex jinbnew is-swar tal-Furjana. Fi żmien Lascaris, dawn is-swar tkomplew fost ħafna battibekki jekk għandhomx jinbnew jew le. Ma’ dawn Lascaris beda proġett ieħor, dak tal-bini tas-swar ta’ Santa Margarita biex dawn jiddefendu t-tlett ibliet tal-Birgu, Bormla u L-Isla, minn xi attakk li seta’ jseħħ minn fuq l-għoljiet tal-madwar. Id-disinn tal-proġett ġie fdat f’idejn l-inġinier militari Taljan, Padre Vincenzo Maculano da Firenzuola. Biss, il-fondi finanzjarji fil-kaxxa tal-Ordni ma kinux biżżejjed u għalhekk, Lascaris ħaseb biex jimponi taxxa ta’ 50,000 skud fuq il-poplu. Minn dawn, daqs 5,000 skud kellhom jitħallsu mill-kleru. Il-kleru, immexxi mill-Kapitlu tal-Katidral, ipprotesta bil-qawwa, anki jekk stess, Lascaris kien ġab l-approvazzjoni u l-awtorità tal-papa Urbanu VIII. Minħabba din it-taxxa, fl-1637, kienet kważi qamet rewwixta, mill-qassisin u l-lajċi. Kien bl-intervent tal-Inkwiżitur Fabio Chigi u l-Isqof Balaguer li l-qiegħa kkalmat xi ftit. Finalment, l-Ordni ta’ San Ġwann kellu jċedi għax-xewqa tal-kleru, u minflok, biex seta’ jiġbor il-finanzi neċessarji, Lascaris irrikorra għal-impożizzjoni fuq id-dazju ta’ kwantità kbira ta’ oġġetti utili li kienu impurtati regolarment. (A. Hoppen 1993). Intant, hekk kif miet Lascaris, ix-xogħol fuq Santa Margarita waqaf, għax bosta ma kinux jemmnu li dan il-proġett kien ser ikun ta’ ġid. Fl-1670, ix-xogħol reġa’ tkompla għax kien hemm il-biża’ ta’ xi attakk mit-Torok (A. Hoppen 1980).
Fi żmien Lascaris, inbnew sitt torrijiet żgħar tal-għassa madwar Malta. Dawn kienu nbnew, f’Għajn Tuffieħa (1637), Ta’ Lippija (1637), fuq il-Ġnejna, fil-ponta tal-Qawra (1638), in-Nadur (limiti ta’ Binġemma), il-Bajja ta’ San Ġorġ (ħdejn San Ġiljan), u Ta’ Xutu (1648), ħdejn Wied iż-Żurrieq (Stephen Spiteri, 2001). Fl-1649, inbena t-Torri l-Aħmar, il-Mellieħa, magħruf ukoll bħala t-Torri ta’ Sant’Agata. Dan kien bil-wisq akbar mit-torrijiet imsemmija, għaliex l-iskop tiegħu kien mhux biss li jservi bħala torri tal-għassa, iżda wkoll bħala torri ta’ difiża kemm-il darba l-għadu jfettillu jiżbarka f’dawk l-inħawi.
Fl-1647, Lascaris ordna li ssir riorganizazzjoni fl-ingaġġar fir-riġmenti tal-irġiel ta’ bejn is-sittax-il sena sa dawk li jagħlqu s-sittin. Apparti minn hekk, fl-1648, l-istess Gran Mastru ħoloq reġiment tal-muskettieri f’Għawdex biex il-gżira tkun iddefenduta aħjar. Dan ir-reġiment kien ileħħaq mal-430 suldat (A. Mifsud 1920, u Frederick Cauchi Inglott, 2006).
Il-Muniti tal-Ordni
Biex Lascaris seta’ jlaħħaq mal-ispejjeż, fl-1643, ġiegħel li jkunu stampati b’kemm jiswew 250,000 skud ta’ muniti taż-żewġ u tal-erba’ tari. Dan ma kien pass għaqli xejn għaliex din il-kwantità hekk kbira ta’ muniti tar-ram fl-idejn ġagħlithom jiżvalutaw, u b’hekk ħafna bdew jaħbu l-muniti tad-deheb u tal-fidda bil-konsegwenza li dawn naqsu miċ-ċirkolazzjoni. L-importaturi sabu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli, għax in-negozjanti barranin ma baqgħux jafdaw il-muniti lokali. Minħabba f’hekk, wara ftit żmien, kien hemm il-ħsieb li dawn il-muniti jkunu rtirati, biss, billi fl-1644 kien hemm xnigħat li t-Torok kienu ser jattakkaw lil Malta, il-flus tar-ram tħallew jiċċirkolaw biex dawk l-eluf ta’ ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq is-swar setgħu jitħallsu (A. Hoppen 1993).
Constitutiones Lascaris 1640 u l-iskjavi
Fl-1640, Lascaris biddel il-kostituzzjoni tal-liġijiet f’bosta oqsam b’oħrajn ġodda. Dawn kienu liġijiet li kienu jirrigwardaw kull aspett tal-ħajja, kemm dik ċivili kif ukoll dik tal-qrati kriminali. Liġijiet oħra kienu jirregolaw l-attività ekonomika u avventuruża tal-piraterija, l-isbirri, kif ukoll il-bejgħ u l-libertà tal-iskjavi f’Malta.
Waħda mil-liġijiet kienet dik li tipprojbixxi l-iskjavi milli jagħmlu kwalunkwe tip ta’ kummerċ li minnu kienu jaqalgħu l-flus (G. Wettinger 2002). Kien ipprojbit ukoll li l-iskjavi jikru proprjetà, kemm bħala abitazzjoni għalihom, kemm jekk għal xogħol kummerċjali. (Ħafna mill-iskjavi, minnħabba x-xogħol ta’ qadi għall-sidhom, kellhom il-libertà li filgħaxija ma jirritornawx lura l-ħabs ħlief f’każijiet ta’ xi attakki iminenti mill-għadu). Liġi oħra kienet li l-iskjavi ma kellhomx jisservew xorb u ikel fit-taverni (G. Wettinger 2002).
Kien ukoll ipprojbit il-bejgħ ta’ skjavi tfal. Din il-liġi kienet ġiet istitwita oriġinarjament fis-seklu 16, iżda kienet reġgħet ġiet rinfurzata b’amendi fil-Constitutiones Lascaris. (G. Wettinger, 2002). L-iskop tal-infurzar ta’ din il-liġi kien li dawn it-tfal kellhom ikunu mgħammda bħala Nsara u mogħtija l-libertà. Il-liġi kienet ħarxa ma’ min kien jinqabad jiksirha għax kien jintbagħat għall-mewt. Barra minn hekk, kien stipulat li jekk kemm-il darba l-ġenituri ta’ dawn it-tfal kienu jkunu mifdija bħala rahan mill-jasar, kien hemm l-obbligu li t-tfal tagħhom jitħallew imorru lura magħhom minn fejn ġew.
Alleanzi ma’ pajjiżi oħra
Fi żmien Lascaris, l-Ordni kellu bosta relazzjonijiet diplomatiċi, kummerċjali, u militari ma’ pajjiżi oħrajn. L-Ordni kien ħbieb ma’ diversi potenzi Ewropej, dejjem bl-approvazzjoni tal-papa, li kien (u għadu sal-lum) il-kap suprem. L-Ordni kien joqgħod attent fir-relazzjonijiet tiegħu, speċjalment ma’ Franza u Spanja, għax dawn kienu fi gwerra kontra xulxin, u fl-Ordni kien hemm kemm kavallieri Spanjoli kif ukoll Franċiżi, u għalhekk biex ikun evitat xi disgwid bejniethom kien hemm bżonn li jinżamm sens ta’ newtralità.
Mhux l-ewwel darba jew tnejn li l-Ordni kiser ir-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ xi pajjiż. Fost dawk li kisirha magħhom, kien hemm ir-Repubblika ta’ Ġenova, u r-Repubblika ta’ Venezja. Il-ħbiberija ma’ Venezja kienet dejjem waħda fraġili. Dan għaliex waqt li l-Venezjani riedu jsaħħu l-kummerċ mal-Imperu Ottoman, l-Ordni kien moħħu dejjem li jaħtaf il-merkanzija tal-istess imperu bis-saħħa tal-piraterija għax dan kien sors finanzjaru kbir. Minħabba f’hekk, dafrba minnhom, il-Venezjani kienu ssekwestraw proprjetà f’artijiet tar-Repubblika li minnhom l-Ordni kien iddaħħal il-flus (V. Mallia Milanes, 1989).
Ħaġa tal-għaġeb, kultant l-inkwiet kien jinqala’ fuq kwistjonijiet ta’ protokoll, jiġifieri, ir-rispett dovut dwar il-preċedenza tal-Galera Capitana tal-iskwadra tax-xwieni meta dawn iż-żewġ qawwiet marittimi jkunu fil-preżenza ta’ xulxin. Pereżempju, fl-1655, kien inqala’ inkwiet kbir dwar il-preċedenza bejn il-Capitana tal-Ordni u l-Capitana ta’ Ġenoa. Tant kienet kibret l-affari li mument minnhom, fl-1658, ix-xwieni tal-Ordni ngħataw struzzjonijiet biex jisparaw fuq ix-xwieni ta’ Ġenova kemm-il darba il-kaptan Ġenoviż ma jurix ir-rispett dovut lejn il-Capitana tal-iskwadra tal-Ordni. (D. Cutajar u C. Cassar 1986).
Mhux l-ewwel darba li l-flotta tal-Ordni kienet tidħol fi sħab ma’ qawwiet marittimi oħrajn biex flimkien jattakkaw l-għadu komuni tagħhom. Fil-fatt, fl-1645, ftit wara li faqqgħet il-Gwerra ta’ Kandja (Kreta), l-Ordni ta’ San Ġwann kien bagħat ix-xwieni tiegħu biex jissieħbu mal-qawwa marittima tal-papa ħalli jiddefendu din il-gżira kontra t-Torok.
Anki hawn, minkejja din l-alleanza l-ħbiberija ta’ bejn ir-Repubblika ta’ Venezja u dik tal-Ordni nkisret bl-ikraħ meta fl-1664, il-Capitana tal-Ordni ma ngħatatx il-preċedenza kif kien xieraq. Minħabba f’hekk, dik is-sena u ta’ wara, l-Ordni waqaf milli jieħu sehem fl-alleanza kontra t-Torok (C. Cassar u D. Cutajar, 1986). Episodji bħal dawn juruna jekk xejn, kif sa nofs is-seklu sbatax, il-virtù tal-umiltà li l-kavallieri suppost kienu jħaddnu bħala wieħed mill-prinċipji tagħhom (flimkien mal-kastità u l-faqar) ma kienx għadu jeżisti bħalma kien darba. Minflok, l-ispirtu tal-Ordni ta’ San Ġwann kien sar aktar dak ta’ gwerrier aristokratiku mimli bih innifsu.
Il-flotta tal-Ordni
Fi żmien Lascaris, l-Ordni kellu flotta ta’ seba’ galeri (Ivan Grech, 2018). Fl-1642, il-Gran Duka tat-Toskana kien irregala galera lill-Ordni wara li l-Capitana kienet għerqet f’maltempata ħdejn Capo Passero, Sqallija. Fl-1651, il-Gran Mastru Lascaris ħoloq fondazzjoni biex bil-flus li nġabru jinbnew aktar bastimenti. Il-kontribuzzjoni minn din il-fondazzjoni kienet tleħħaq madwar is-6,500 skud. Dan l-ammont ma kienx biżżżejjed għall-ispejjeż u għalhekk il-bqija tal-flus kienu joħorġu mit-Teżor. Fl-1655, Lascaris kien anki beda jaħseb biex jarma skwadra magħmula minn vaxxelli, għax fi żmienu bosta mill-vaxxelli li kien jisserva bihom l-Ordni għal piraterija kienu ta’ sidien privati. Biss dan il-proġett baqa’ ma seħħx qabel il-bidu tas-seklu tmintax. (Salvatore Bono 1993, u J. Muscat, 2000).
Fi żmien Lascaris, ix-xwieni tal-Ordni kienu ta’ spiss jattakkaw xwieni u portijiet li kienu jaqgħu taħt l-Imperu Ottoman. Hekk insibu li fl-1639, kien sar attakk fuq il-port ta’ Tripli, biss, dakinhar l-iskwadra tal-Ordni kellha disfatta kbira. F’Awissu tal-1640, l-iskwadra attakkat u ħatfet sitt xwieni tat-Torok qrib La Goletta (illum magħruf bħala Ħalq għall-Wadi, port fit-Tuneżija). Fl-1642, l-Ordni għamel attakk ieħor fuq Tripli li falla wkoll. Dan, apparti l-attakki li kienu jsiru regolarment fuq ix-xwieni tat-Torok u anki dawk Griegi, lejn il-Lvant, l-aktar bejn il-gżejjer Griegi u l-Art Imqaddsa (D. Cutajar u C. Cassar, 1986).
Fit-28 ta’ Settembru 1644, il-flotta tal-Ordni ħabtet għal għaxart ixwieni tal-flotta Ottomona li kienu qed issalpaw qrib Rodi. Il-passiġġieri kienu fi triqthom lejn Mekka. Fil-battalja li damet sejra ħames sigħat, il-kavallieri ħatfu is-Sultana (il-Gran Galeone tat-Torok), bastiment li kien mimli b’bosta ġid. Fit-taqtiha nqabdu mat-350 suldat u baħri Tork li nġabu Malta bħala lsira. Fost dawn kien hemm waħda mill-konkubini tas-Sultan Tork, Ibrahim, u t-tifel tagħhom. Il-gran galjun li kien irmunkat mix-xwieni tal-Ordni ma leħaqx wasal Malta, għaliex meta l-iskwadra tal-Ordni waslet ħdejn Capo Passero, dan għereq. (T. Freller u D. Campoy, 2006).
Wara dan l-inċident, kien sar magħruf li s-Sultan Tork, Ibrahim kien inkurlat bil-kbir għall-Ordni ta’ San Ġwann, u kien qam biża’ kbir li l-Imperu Ottoman kien ser jaħbat għal Malta. Fil-fatt il-bokka tal-Port il-Kbir ingħalqet b’katina (la Catena) twila bħala protezzjoni kontra xi attakk iminenti. (D. Cutajar u C. Cassar, 1986).
X’aktarx kien dan il-każ li wassal għall-assedju ta’ Kandja mit-Torok, lejn Diċembru tas-sena ta’ wara (P. Guillaumier 2002). Il-gżira ta’ Kandja kienet dak iż-żmien taħt ir-Repubblika Venezjana, u s-Sultan Tork kien jippretendi li l-Venezjani kellhom jikkontrollaw l-aġir tal-Ordni li ta’ spiss kien juża din il-gżira biex ix-xwieni jsalpaw lejn il-Lvant ħalli jħufu f’dawk l-ibħra għax-xwieni tal-Mislem.
L-affari tal-Karnival tal-1639
Fi żmien l-Ordni, il-Karnival kien għall-popolin, kif ukoll għall-kavallieri tal-Ordni, okkażjoni ta’ tbaħrit u żufjett fid-deher. Jidher li l-komportament tal-kavallieri f’dawn il-jiem kien beda jdejjaq lil xi wħud, l-aktar dawk li kellhom twemmin reliġjuż riġidu. Fl-1639, il-Gran Mastru Lascaris ħareġ bandu li bih ipprojbixxa lill-kavallieri milli jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival. Ipprojbixxa wkoll lin-nisa milli jilbsu l-maskri. Xi kavallieri ssuspettaw li l-aġir tal-Gran Mastru kien istigat minn Patri Tagliava, ir-rettur tal-Ġiżwiti u minn Patri Giacomo Cassia, Ġiżwita ieħor li kien il-konfessur ta’ Lascaris. Bi tpattija, fil-Karnival ta’ dik is-sena, Fra Giacomo Salvatico, kavallier tal-Ordni, libes ċoqqa ta’ Ġiżwita u beda jdur it-toroq, b’xi kitba fuq dahru, biex jipprotesta kontra l-editt tal-Gran Mastru, u biex iżeblaħ lill-Ġiżwiti. Dan il-kavallier kien akkumpanjat minn xi kavallieri sħabu li bdew taparsi jsawtuh fuq dahru bħallikieku qegħdin isawtu lil patri Ġiżwita. Tal-għemil tiegħu, dan il-kavallier spiċċa arrestat u mitfugħ il-ħabs ta’ Sant Iermu. Meta sħabu saru jafu b’dan irvellaw, marru l-Kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Triq San Ġakbu (illum, Triq il-Merkanti), u bdew jarmu kull ma ġie f’idejhom għal ġot-triq.
Il-kavallieri bdew jinsistu li l-Ġiżwiti għandhom jitkeċċew minn Malta, u finalment mat-tlettax minn ħmistax-il Ġiżwita trikkbu fuq bastiment biex ikunu eżiljati fi Sqallija. Biss, jidher li l-istruzzjonijiet tal-Gran Mastru kienu mod ieħor. Il-bastiment salpa lejn Kemmuna fejn baqa’ moħbi hemm għal xi jiem sakemm il-biċċa kkalmat. Fl-aħħar, il-Ġiżwiti nġabu lura l-Belt Valletta, biss, damu xi żmien imsakkrin ġewwa l-kunvent, ’il bogħod minn għajn in-nies. Tant hu hekk illi l-knisja tagħhom baqgħet magħluqa sa Jannar tas-sena ta’ wara. (M. Galea, 1986, V. Zammit u J. Grima, 1992, J. Cassar Pulliċino, Frar 1995).
It-Tbiegħ tal-pubblikazzjonijiet
F’Mejju tal-1642, Pompeo de Flore, imprimatur, x’aktarx Sqalli, talab lill-Gran Mastru biex jingħata l-permess jopera l-makkinarju tat-tbiegħ li kien daħħal f’Malta. Dan il-permess ingħata f’Ġunju tal-istess sena, bil-kundizzjoni li kull ma jiġi mitbugħ kellu l-ewwel jgħaddi minn taħt iċ-ċensura tal-Ordni. Jekk dan ma jsirx De Flore kien jeħel multa ta’ 500 skud. Hawn mill-ewwel deffes denbu l-Inkwiżitur Gori Pannellini li seħaq li kull ma kellu jkun stampat f’Malta ried ukoll jgħaddi minn taħt għajnejh. (Evarist Bartolo, 1994). Anki L-Isqof Balageur Camarasa ppretenda li l-pubblikazzjonijiet mitbugħa jkunu ċċensurati minnu. Fuq din il-kwistjoni il-Gran Mastru ħassu offiż u qamu inkwiet u piki kbar, tant li wara ftit, l-istamperija ngħalqet u f’Malta, qatt ma kien stampat xejn sa aktar minn mitt sena wara. Fl-1699, is-Santa Sede ħarġet proklama fejn iddettat li t-tliet awtoritajiet imsemmija għandhom id-dritt biex jiċċensuraw flimkien kull ma jiġi stampat. Dan l-editt ma solva xejn u t-tbiegħ f’Malta beda biss fl-1746.
Għaliex Wiċċ Laskri?
Għaliex għadna sal-lum nirreferu għal xi ħadd b’wiċċ imqiet, jew għal xi bniedem supperv bħal qisu, ‘Wiċċ Laskri’? Ħafna jemmnu li l-espressjoni nħolqot minħabba dan il-Gran Mastru, għax wiċċu kien jixhed li hu bniedem sever. Ta’ min wieħed jammetti li meta tħares lejn il-figura tiegħu, din turu dejjem xeħta ta’ bniedem imqit. Biss, ma għandniex nemmnu li l-Gran Mastri l-oħra kellhom wiċċ aktar simpatiku minn dak tal-Lascaris. Għaldaqstant, l-argument li dan il-Gran Mastru kien partikolarment imqit u aħrax ma niesu ma jreġix. Din l-idjoma x’aktar għandha tifsira totalment differenti.
Fil-Malti antik, hemm kelma li tingħad u hi ppronunzjata l-istess bħal ‘Laskri’. Din hija l-aġġettiv ‘għaskari’ li bil-Malti ta’ dak iż-żmien, u l-Għarbi li għadu jintuża sal-lum tfisser suldat, jew uffiċjal militari. Fil-lingwaġġ komuni u antik Malti, dan in-nom kien jirriferi ukoll għal suldat ta’ razza sewda, għax dak iż-żmien kien hemm ħafna minnhom fl-Imperu Tork-Ottoman (forsi għalhekk ngħidu, ‘iswed qisu Tork’. L-aġġettiv jista’ jintuża wkoll biex jirriferi għal wiċċ ikrah. Ma tridx wisq biex dak li jkun kien jipparaguna wiċċ ta’ xi ħadd sever ma’ wiċċ ta’ uffiċjal tal-armata (bl-Għarbi, l-aġġettiv għall-kelma ‘militari’ jgħidu, عسكري – għaskari). Dwar dan l-argument, Erin Serracino Inglott, l-awtur tal- Miklem Malti, hu tal-istess fehma).
Dettalji oħra dwar Lascaris u żmienu
- Matul il-ħakma ta’ Jean Paul Lascaris de Castellar, jiġifieri bejn l-1636 u l-1657, il-popolazzjoni ta’ Malta, kienet tvarja bejn, 52,000 u 50,000. (D. Cutajar u C. Cassar 1986). Il-popolazzjoni tal-Belt Valletta kienet tagħmel daqs għaxart elef ruħ (G.F. Abela, 1647). Id-dħul tal-Ordni kien ileħħaq mal-269,000 skud fis-sena.
- Fl-1640ijiet, Lascaris kien ħareġ editt, li kull minn ried jemigra minn Malta, ried iġib permess speċjali mill-awtoritajiet konċernati. Apparti minn hekk, kull min imbagħad jibqa’ jgħix barra għal ħafna tul ta’ żmien kien jitlef id-dritt tal-proprjetà tiegħu fil-gżejjer Maltin (C. Cassar, 2004). Dan għaliex ħafna kienu dawk li minħabba l-biża’ ta’ xi attakk mit-Torok, kienu qed jimigraw minn Malta lejn Sqallija.
- Fl-1642, il-Gran Mastru Lascaris bena ġnien taħt is-swar tal-Belt, fin-naħa tad-daħla magħrufa bħala ‘La Porta di Monte’, biex meta jfettillu, jmur iqatta’ ftit ħin hemm, igawdi l-veduta tal-Port il-Kbir. Dan il-ġnien kien sar magħruf bħala Ġnien is-Sultan. (G. Bonello, 2005).
- Il-Lazzarett inbena fuq il-Gżira tal-Isqof (Il-Gżira Manoel) fl-1643, bħala ċentru ta’ ditenzjoni biex tkun imħarsa s-saħħa pubblika minn xi epidemija li setgħet tinġarr fuq ix-xwieni. Fl-1654, kien beda jinżamm reġistru bl-isem ta’ kull bastiment li kien jidħol fil-Port tal-Kwarantina. Dan ir-reġistru kien iżomm ukoll kull tip ta’ dettall, mhux biss minn fejn kien ġej il-bastiment, iżda anki l-ismijiet tal-kaptani u l-ammont taċ-ċorma (T. Freller, 2018).
- Fl-1647, bdiet f’Malta l-era Barokka bil-bini, jew arranġamenti ta’ arkitettura b’dan l-istil fuq ċerti knejjes. Dan beda meta Francesco Buonamici, li kien l-arkitett u l-inġinier militari residenti f’Malta (1635 – 1659), biddel il-faċċata kif ukoll l-intern tal-knisja tal-Ġiżwiti fi Strada San Girolamo (Triq il-Merkanti), il-Belt Valletta, fuq stil Barokk. Wara kien anki bena l-knisja tal-Erwieħ, ftit aktar ’l isfel, fl-istess triq, u l-knisja ta’ San Pawl ir-Rabat, dejjem fl-istess stil Barokk.
- Fl-1651, xi kavallieri tal-Ordni, bl-approvazzjoni tal-Gran Mastru Lascaris xtraw xi gżejjer fl-Indi tal-Punent (West Indies) mingħand La Compagnie des Isles de L’Amerique. Fl-1665, dawn kienu mibjugħa lura lill-gvern Franċiż.
- Fl-1655, Il-Gran Mastru ħatar kummissjoni magħmula mill-kavallieri tal-Ordni, Osterhausen, Balbiani u Rafael Cottoner, biex jistħarrġu s-sitwazzjoni tas-saħħa f’Malta, wara li fiż-Żejtun kienu nstabu każi tal-pesta bubonika (M. Galea, 1986).
- Fl-1656, sar il-ġnien tal-Mall biex fih il-kavallieri tal-Ordni setgħu jqattgħu il-ħin liberu tagħhom jilgħabu l-Paglio Maglio, logħba simili għall-croquet.
- Fi żmien it-tmexxija tal-Gran Mastru Lascaris Castellar kien hawn f’Malta sitt inkwiżituri. Dawn kienu: Fabio Chigi (1634 – 1639) Giov. Battista Gori Pannellini (1639 – 1646) Antonio Pignattelli (1646 – 1649) Carlo Cavalletti (1649 – 1652) Federico Boromeo (1653 – 1654) Giulio degli Oddi (1655 – 1658).
- Matul l-istess żmien ta’ Lascaris kien hawn biss isqof wieħed: Miguel Juan Balaguer Camarasa.
Martin Morana
Ottubru 13, 2022
Bibliografija
Abela Gian Francesco, Della Desrittione di Malta Isola nel mare Siciliano con le sue antichita ed altre notitie. 1647.
Bartolo Evarist, ‘The history of the printed word’, The Malta Independent. July 3, 1994.
Bonello Giovanni, ‘Francesco Bonamiċi – Eight New Attributions’, Ventures and Adventures, Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2005.
Bono Salvatore, ‘Naval Exploits and Privateering’. Hospitaller Malta – 1530 -1798. Mallia Milanes, (Ed.). Mireva Publications. 1993.
Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva Publications. 2002.
Cassar Carmel, ‘The Socio-Cultural Transformation of Malta’, Malta Roots of a Nation. Ed. K. Gambin. Heritage Malta. 2004.
Cassar Pullicino Guże, ‘17th century Carnival theatricals’, AirMalta Inflight Magazine.
Cauchi Inglott, Frederick, ‘Notes on the origins of the sequential military drill commands – documented in thje manuscript ‘Regole per la lingua maltese’. Sacra Militia, issue no 5, 2006.
Cutajar D. u Cassar C., ‘Malta’s Role in Mediterranean Affairs 1530 – 1699’, Malta Studies of Its Heritage and History. Mid-Med Bank Ltd. 1986.
Freller Thomas u Campoy Dolores, Padre Ottomano and Malta – A story of 1001 nights. Midsea Books Ltd. 2003.
Freller Thomas, ‘Port of Call and Health Shield’, The Port of Malta. Progress Press. 2018.
Galea Michael, German Knights of Malta. Bugelli Publications. 1986.
Grech Ivan, ‘Dealing with shortages of manpower in the Mediterranean’, The Port of Malta. Ed. C. Vassallo & S. Mercieca. 2018.
Grima Joseph F., ‘The Introduction of Printing in Malta’, Heritage Encyclopedia, Vol. 1. Midsea Books Ltd. 1979.
Guillaumier Paul, ‘Balthazar de Demandolx’, The Sunday Times. September 8, 2002.
Hoppen Alison, ‘The Fortifications of Malta 1530 -1798 – The impact on the Maltese’. Hyphen, Volume II, 1980.
Hoppen Alison, ‘Malta and its Fortifications’, Hospitaller Malta – 1530 -1798. Mallia Milanes, (Ed.). Mireva Publications. 1993.
Mahoney Leonard, 5000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 1996.
Mallia Milanes Victor, ‘From Valona to Crete: Veneto – Maltese relations from the late 1630s to the outbreak of the Cretan war’. Malta – A Case Study in International Cross-Currents. Ed. S. Fiorini u V. Mallia Milanes. 1989.
Mizzi Pawlu, The Grand Masters of Malta. Heritage Books. 2000.
Muscat Joseph, Il-Flotta tal-Ordni Ta’ San Ġwann. Pubblikazzjoni Indipendenza. 2000.
Spiteri Stephen, Fortifications of the Knights. Book Distributors Ltd. 2001.
Thake Conrad, ‘Francesco Bonamici (1596 – 1677)’, Treasures of Malta Vol. VIII, no 2.
Zammit Vincent u Grima Joseph F., ‘Il-Karnival ta’ l-1639’, Il-Granmastri. L-ewwel Volum. Valletta Publishing & Promotion Co. Ltd., Valletta, 1992.
Wettinger Godfrey, Slavery in the Islands of Malta and Gozo – ca. 1000 – 1812. PEG Ltd. 2002.
Wismayer J.M., A Miscellanea of Historical Records. 2003.
‘History – Jean Paul Lascaris Castellar – 1636 – 1757’ http://www.coinsofmalta.com/history-1636-1657-jean-paul-lascaris-castellar/
‘Coastal Towers’ https://vassallohistory.wordpress.com/coastal-towers/
Aktar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Ktieb li jittratta mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħti tifsiriet ta’ kliem antik u minsi. paġni 256, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġett ittrattat. Jinsab għand il-librara. Prezz. Euro 14.95
Xkien jisimha Strada Merkanti qabel; San Girolamo jew San Gakbu ghax msemmijin it-tnejn. Grazzi.
LikeLike