QWIEL ANTIKI
Li għadhom jingħadu llum
Dan l-aħħar ġietni l-kurżità nara kemm mill-qwiel li nafu preżentament imorru lura fil-passat. Biex nagħmel dan dort għal żewġ sorsi. Wieħed minn dawn hu, id-Damma tal kliem Kartaġiniż mscerred fell fomm tal Maltin u Ghawċin, li Pietro Francesco Agius Sultana (1712 – 1770) (magħruf ukoll bħala De Soldanis) ħadem fuqu bejn l-1750 u l-1767. F’dan id-dizzjunarju De Soldanis inkluda mal-230 qawl. Imbagħad fittixt ukoll fil-kitba ta’ Mikiel Anton Vassalli, Motti, Aforiżmi e Proverbi Maltesi li l-awtur ippubblika fl-1828. F’din il-pubblikazzjoni insibu daqs 860 qawl imfisser bit-Taljan. Minn dawn il-mijiet ta’ qwiel, daqs 1,100 b’kollox, skoprejt li hemm mal-130 qawl li għadhom jingħadu fi żmienna. Xi wħud minnhom illum jingħadu b’mod kemxejn differenti.
Għar-riċerkatur tal-istorja soċjali ta’ Malta, dawn il-qwiel huma importanti għax juruna kif kien jaħsibha l-Malti daqs 200 – 250 sena ilu kif imqabbel mal-lum, dwar ħafna aspetti tal-ħajja, tista’ tgħid, kull sitwazzjoni bejn it-twelid sal-mewt. Dan ma jfissirx li ma hemmx qwiel antiki oħrajn li għadhom jingħadu llum. Intant dawk li naf bihom nniżżilthom hawn.
Fejn minn dawn il-qwiel hemm dawk li huma kemxejn differenti minn kif ngħiduhom illum jien niżżilt iż-żewġ verżjonijiet – dik antika u dik li nużaw illum. Fejn kien hemm bżonn, tajt ukoll spjegazzjoni tal-qawl kif għandu jkun interpretat. Fejn sibt li l-qawl kellu tifsira oħra fl-antik minn dik kif nafuha llum jien niżżilt l-ispjega taż-żewġ kittieba, anki kultant kelma b’kelma kif qalbuha huma għat-Taljan. Fejn jidher l-ittri (M.A.V.) dan ifisser li l-qawl jinsab fil-pubblikazzjoni ta’ Mikiel A. Vassalli. Fejn il-qawl hu inkluż fid-Damma ta’ Agius de Soldanis, niżżilt, (A. de S.). Fejn il-qawl jinsab fiż-żewġ xogħlijiet ktibt l-inizzjali tat-tnejn (A. de S. u M.A.V). –
Martin Morana
15.11/2022
A
AJMA Aħjar ajma minn karba (A. de S.) [Illum ngħidu, aħjar uff milli aħħ].
ALLA Alla ma jħallasx kull nhar ta’ Sibt. (M.A.V.)
Għin ruħek biex Alla jgħinek. (M.A.V.)
Inagħlaq bieb u Alla fetaħ sebgħa (A. de S.) [Illum ngħidu, Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija].
B
BAĦAR Il-baħar żaqqu ratba, u rasu iebsa bħal-ħatba [zokk iebes]. (M.A.V.)
BAJTAR Dak li jistenna l-bajtar jaqa’ f’ħalqu jibqa’ bil-ġuħ (A. de S.)
Irid il-bajtar jaqa’ f’ħalqu (M.A.V.)
Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqtgħu. (M.A.V.)
BASLA Dak li jidħol bejn il-basla u qoxritha jibqa’ b’riħitha (A. de S.)
BAŻWA Kollu żejt fil-bażwa. (M.A.V.) [Tingħad għal rimedju jew xogħol li ma jiswa għalxejn].
BEJGĦ Li għandek tira’ bigħu. Quello che hai da impegnare vendilo. (A. de S.)
BILLI Billi tagħti tieħu. Con quello che dai, riceverai. (A. de S)
BIXKILLA Min jaf jagħmel il-bixkilla, jaf jagħmel il-qartalla. (A. de S. u M.A.V.) [Jiġ., min kapaċi jagħmel il-ħażin bil-ftit, jaf ukoll jagħmel ħafna agħar minn hekk].
BORMA Il-borma ta’ bejn l-ixierka [nies imsieħba fl-istess xogħol / kummerċ – sing. xrik] taqbad. (M.A.V.) [Dan il-qawl ifakkarna f’ieħor: vapur b’żewġ kaptani ma jimxix].
Bormot ġarek iżjed tfuħ minn ta’ darek. (M.A.V.)
Il-borma toqgħod fuq tlieta [fuq tripied] (A. de S.) [Jiġ., meta jseħħu żewġ ħwejjeġ, waħda wara l-oħra, stenna li tiġri it-tielet ħaġa].
BRIMBA Jekk ma tneħħix il-brimba, il-għanqbut ma jinqatax (A. de S.)
BUT Bit-tifħir ma timlix butek (A. de S.)
BŻAR Min għandu l-bżar [demel] iroxxu fuq il-kromb [il-ġeneru tal-pjanti bħal, il- kaboċċi, il-ġdur u l-pastard]. (M.A.V.) [Parir mogħti lil min qiegħed jagħmel xi ħaġa li ma tiswa xejn].
D
DAĦK Wara d-daħk jiġi l-biki (M.A.V.)
DAQQ Kif iddoqqli hekk nisfinlek (M.A.V.) [illum ngħidu, skont id-daqqa nisfnu].
DAR Dak li trid lill-ġarek, isebbaħ bieb darek (A. de S.) [Dan il-qawl qiegħed iwissi li d-deni li tixtieq lill-għajrek bħal xejn jiġi fuqek ukoll.]
DEBBA Turinix id-debba biex tagħtini l-ħmara (A. de S.) [Tingħad meta fi ftehim ta’ bejgħ wieħed joffri oġġett ta’ valur, biss iwikki lix-xerrej b’xi ħaġa difettuża].
DEHEB Kull ma jiddi u jleqq ma hux dejjem deheb. (M.A.V.)
DEJL Jekk xi ħadd irid miegħek jillitiga, aqta’ biċċa minn dejlek [dublett] u bagħtu (A. de S.) [IIlum ngħidu: għatih biċċa minn djulek].
DEMM Id-demm qatt ma jsir semm [velenu] (A. de S. u M.A.V.) [Fi kwalunkwe kwist- joni ħadd mhu ser iżomm mal-barrani u jeħodha kontra familtu – ‘demm’ tirreferi għan-nies tal-istess razza.
DLIEL Ħoll dlielek [xagħrek] u ġib iż-żejt. (M.A.V.) [Skont l-istess awtur, din tingħad f’sitwazzjoni meta mara tinkorla waħda sew – fl-antik ix-xagħar kien ikun ikkurat biż-żejt tal-lewż – biċċa xogħol li tinpjega ħafna ħin].
DNEWWA Min ma jridx bis-sewwa jagħmel bid-dnewwa (A. de S.)
DNUB Id-dnub ma jorqod qatt. (A. de S. u M.A.V.)
DUBBIEN Id-dubbien dejjem imur fuq il-ħmar il-magħkus (A. de S.)
DIKXIENA Id-dikxiena [A. de S. jiktibha dukkxiena – cuchiarone / cucchiario], biss taf x’hemm fil-borma (A. de S.) [Illum ngħidu: Min iħawwad fil-borma jaf x’fiha].
F
FAR Bil-kelma // klejma t-tajba toħroġ // tiġbet il-far mit-tqajba [toqba żgħira] (A. de S. u M.A.V.)
FETTUL Kulħadd jiġbed in-nar ala fettulu [għaġina tawwalija li meta tissajjar tkun tqarmeċ] (A. de S.) [Dan il-qawl jixbah lill-ieħor: kulħadd jiġbed lejn xawwatu, jiġ., kulħadd jipprova jiġbed lejn l-interessi tiegħu].
FITTEX Min ifittex isib. (M.A.V.)
FLUS Mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus (A. de S.)
Bil-flus tagħmel triq fil-baħar. (M.A.V.)
Il-flus tagħmel il-flus, u l-qamel jagħmel il-qamel. (M.A.V.)
Ġ
GĦASFUR Kull għasfur jifraħ b’rixu. (M.A.V.)
ĠENN L-imħabba oħt il-ġenn (A. de S.) [Min jintilef fl-imħabba ma jibqax jirraġuna b’moħħu].
ĠID Xi drabi tagħmel il-ġid u jiswilek deni. (M.A.V.)
ĠIFEN Ġifen b’wisq bdoti qatt ma jimxi (A. de S.) [Ifakkarna fil-qawl: Vapur b’żewġ kaptani ma jimxix].
GĦ
GĦAJN Bgħid mill-għajn, bgħid mill-qalb. (M.A.V.)
Għajn la tara, qalb la tuġa’ (M.A.V.)
Għajn li tixrob minnha la ddardarhiex. (M.A.V.)
GĦAJR Dak li ma tridx lilek tagħmlux lill-għajrek (M.A.V.)
GĦALI Il-għali jiġi waħdu. (M.A.V.)
GĦAWWAR Iż-żgħar jikxfu l-għawwar tal-kbar (A. de S.)
GĦOLI Iżjed ma wieħed ikun fil-għoli, iżjed iweġġa’ xħin jaqa’ (A. de S.)
GĦOMMA Min jaħbi għommtu [inkwiet, dwejjaq jew deni] jmut biha.
Ħ
ĦABBA Għal ħabba jqaxxar qamla (A de S.)
ĦABIB Aħjar ħabib fis-suq, milli mitt skud fis-senduq. (M.A.V.)
ĦAĠRA Tixħitx il-ħaġra u taħbi jdejk (A. de S.) // Tefa’ l-ħaġra u ħeba idu (M.A.V.)
ĦAJT Il-ħajt għandu widnu, l-għajru għandu għajnu (A. de S. u M.A.V.)
ĦANŻIR Il-ħanżir għad li taqtgħalu widintu // denbu, jibqa’ dejjem ħanżir. (A. de S. u M.A.V.)
ĦAQQ Kulħadd irid il-ħaqq barra minn daru (A. de S.)
ĦAŻIN Mill-ħażin ħu li tista’. (M.A.V.)
ĦMAR Il-ħmar it-tajjeb jinbiegħ f’raħlu. (M.A.V.)
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. (M.A.V.)
ĦMURA Il-ħmura ta’ filgħaxija ġib żwejmlek għat-tiġrija, il-ħmura ta’ filgħodu ġib żwejmlek minn ġor-robu [jispjega din il-frażi: ritirarlo dal campo]. (M.A.V.) .
ĦOBLA Ħobla u tradda’ għandek qawwi [diffiċli] issibha.
ĦOBŻ Il-ħobż agħtih lil min jaf jieklu (M.A.V.)
Ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus. (M.A.V.) [Il-bniedem li għandu kollox ma jinteressahx minn ħaddieħor].
ĦOTBA Ħadd ma jara ħotbtu [ħotobtu]. (A. de S. u M.A.V.)
ĦUT/A Dak li jixtri l-ħut fil-baħar, jieklu jintenn. (M.A.V.)
Il-ħuta tibda tintenn minn rasha. (M.A.V.)
I
ILMA Kull ilma jaqta’ l-għatx. (M.A.V.)
J
JAGĦTI Jagħti bajda biex jieħu tiġieġa. (M.A.V.) [Tingħad għal dak li japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni].
K
KELB Tnebbaħx kelb li hu rieqed (A. de S.) // Kelb rieqed la tqajmux (M.A.V.)
Kelb li jinbaħ wisq, la tibżax minnu. (M.A.V.)
Il-kelb il-mismut kull ilma jiddannah [jaħsbu] misħun. (M.A.V.)
KERA Min jikri joqgħod għaliha (A. de S.) // Min jikriha jeħtieġlu joqgħod għaliha. (M.A.V.)
KITBA Kif tarani tiktibni. (A. de S.) [Iffisser: Tant jien fqir li ma għandi xejn ħlief dak li liebes fil-mument. Qawl jixbah lil: Ta’ fuqi senduqi, jew: Kif tarani pinġini].
KLIEM Il-kliem bħaċ-ċirasa. (A. de S.) Kelma ġġib lill-oħra (M.A.V.)
Kliem ix-xiħ dejjem żomm fih. (M.A.V.)
KUS Fil-bieb tal-imgħallaq iddendilx il-kus [vażett tal-fuħħar]. (A. de S.) // Iddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq. (M.A.V.). – [illum ngħidu biss: iddendilx kusek miegħu, jiġifieri, ma jaqbillekx teħodha ma dak li jista’ jġibek fl-inkwiet].
L
LAQXA Kull laqxa tirfed l-imramma. (A. de S. u M.A.V.)
LBIS Lbis sar jaf jagħmel in-nies. (M.A.V.)
LEĦJA Min jerħi lħitu f’idejn l-oħrajn, jintfuhielu (A. de S. u M.A.V.) [Tafdax affarik għand ħaddieħor għax jiddispjaċik].
LIFGĦA Min irabbi l-lifgħa f’kommtu, ittemmu [toqtlu] (A. de S.)
M
MAQDAR Dak li jmaqdar bi ħsiebu jixtri. (M.A.V.) [Illum ngħidu: Min imaqdar iħobb]
MARDA Il-mard jidħol f’daqqa u joħroġ qajla. (A. de S.) // Il-mard jidħol bil-qantar u jorħoġ bl-irtal. (M A.V.) // Il-mard jidħol riekeb fuq debba u jorħoġ fuq nemla. (M.A.V.)
MISTOQSIJA Il-mistoqsija oħt il-għerf. (M.A.V.)
MITLUF Mill-mitluf ħu dak li tista’ (A. de S.)
MQASS Qabel ma tagħmel l-imqass fix-xoqqa ara kif taqta’ (A. de S.) [Dan jixbah lill- qawl: Qis mitt darba u aqta’ darba].
MUSMAR Il-musmar ġdid jaqla’ ’l-qadim (A. de S.)
N
NAR Min irid in-nar imur ifittxxu (A. de S. u M.A.V.) [Min jixtieq jew għandu bżonn xi ħaġa għandu jaħdem għaliha. [Dan jixbah ’il-qawl: Toqgħodx tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek].
NWAR Iż-żgħar tikxef l-inwar (-għawwar – vergogne) (A. de S. u M.A.V.)
P
PJAĊIR Pjaċir mingħajr mitlub, nofsu mitluf (A. de S.)
Q
QALB Fejn tħobb il-qalb jimxu r-riġlejn (M.A.V.)
QAMEL Il-flus jagħmlu l-flus, u l-qamel jagħmel il-qamel. (A. de S. u M.A.V.)
Min ma jbiddilx, iqammel. (M.A.V.)
QASBA Il-qasba ma ċċaqċaqx bla miksura (A. de S.) [Illum ngħidu, il-qasba ma ċċaqċax għalxejn].
QATRA Bil-qtajra l-qtajra, tintela l-ġarra. (M.A.V.)
Wieħed qiegħed imut bis-sakra, u ieħor qiegħed imut għal qatra (M.A.V.)
QATTARA Ħeles minn taħt il-qattara, weħel taħt il-miżieb.
QATTUSA Qattusa għaġġelija tagħmel uliedha għomja. (M.A.V.)
QIS Qis mit-tarba u aqta’ darba (A. de S. u M.A.V.) Qabel taqta’ qis u erġa’ qis.
QOLLA Il-qolla fl-aħħar tinkiser, sejra u ġejja. (M.A.V.) [Illum ngħidu, il-ġarra ġejja u sejra fl- aħħar tinkiser].
QRUN Kajman u kutu kutu, iżda qrunu f’butu (A. de S.)
R
RIĦ Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa // Riħ ta’ siegħa isaffi l-qiegħa. (A. de S. u M.A.V.)
S
SAB Min ifittex isib (A. de S.)
SABA’ Min jagħtik saba’ teħodlux l-id (A. de S.) // Tajtu s-saba’, ħa l-id (M.A.V.) [Simili għal qawl li nafu bih illum: mis-saba’ jieħu l-id].
SELF Is-self joħroġ jidħak, jidħol jibki. (A. de S. u M.A.V.)
SEMA Min jobżoq għas-sema jiġi f’wiċċu. (A. de S.)
SEMMEN Dak li ma joqtolx isemmen (A. de S.)
SENGĦA Bin is-sengħa għandu nofsha. (M.A.V.)
SORR Sorr u erġa’ sorr biex issib xi tħoll (A. de S.) [Jixbah lil qawl: Sorr għal meta tiġi bżonn].
SWAR Tieħu u ma trodd, is-swar tħott. (A. de S. u M.A.V.)
T
TAF Fejn ma tafx la tindaħalx. (M.A.V.)
TELF Tagħmel ġid bla mitlub, nofsu mitluf. (M.A.V.)
TIKBER Aktar ma tikber iżjed titgħallem. (M.A.V.)
TRIQ Bil-flus wieħed jagħmel triq fil-baħħar (A. de S.)
W
WARD Mill-ward joħroġ ix-xewk. (M.A.V.)
X
XAWWAT Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu [l-ikel li jkun qed isajjar]. (M.A.V.)
XEBH Ma’ min rajtek xebbahtek (A. de S.)
XENGULI Dak li jimxi max-xenguli [bniedem li jzappap] ma’ għeluq l-erbgħin jibda’ jixxengel (A. de S.)
XEMX Xemx li ma ssaħħanx, aħjar il-bard minnha (A. de S. u M.A.V.)
Ix-xemx titla’ u x-xita tinżel għal kulħadd (M.A.V.)
Ix-xemx u x-xita, Alla jaf meta. (M.A.V.)
Ix-xemx ma titgħattiex bl-għarbil. (M.A.V.)
XEWK Ebda warda bla xewk. (M.A.V.)
XKORA Xkora fiergħa [vojta] ma tieqaf. [Bniedem li ma jikolx, jew li ma jkollux flus biex jiekol, ma jgħix – illum ngħidu, xkora vojta ma tiqafx].
XOGĦOL Ix-xogħol agħtih lil min jaf jagħmlu, u l-ħobż lil min jaf jieklu
Ix-xogħol salmura tal-ġisem (A. de S. u M.A.V.)
Ż
ŻARA’ Dak li tiżra’ taħsad. (M.A.V.)
ŻEJJED Kull żejjed nieqes // Iż-żejjed bħan-nieqes (A. de S. u M.A.V.) [Illum ngħidu, Iż- żejjed ħu n-nieqes].
ŻEJT Is-sinjuri jidħaddtu u jiddieħku, ħobżom maħbuż u żejthom fil-kus (A. de S.)
ŻFIN Kif iddoqqli niżfinlek. [Jixbah il-qawl: mad-daqqa niżfnu].
Grazzi mill-qalb
Sur Morana,napprezza hafna it-tradizzjonijiet li hallewna missirijietna.
Inselli ghalikom
Greg Caruana.
16/11/2022.
LikeLike