SUPERSTIZZJONIJIET fis-SEKLU DSATAX

Superstizzjonijiet u Ħmerijiet  

 fis-Seklu Dsatax

Pietru Pawl Castagna (1827 – 1907) kien kittieb, għalliem, u drammaturgu, wieħed minn tal-ewwel li kiteb drammi bil-Malti għal fuq il-palk. Kien ukoll studjuż tal-istorja ta’ Malta u  intiż sew fil-kultura Maltija ta’ żmienu. Fl-1865, Castagna ppubblika, Malta bil Gzejer Tahha u dak li Ghadda Min Ghalija. Imbagħad, fl-1888 kien ippubblika ktieb ieħor b’titlu kemxejn simili, Lis Storja ta’ Malta bil Gzejer tahha. Fost il-ħafna kapitli ta’ din it-tieni pubblikazzjoni hemm artiklu partikolari li fih Castagna jittratta 43 kurżitajiet dwar it-twemmin superstizzjuż u l-użanzi strambi tal-Maltin. Dawn ġabarhom taħt titlu wieħed, ‘ĦMERIJIET’. It-tlieta u erbgħin suġġett jirreferu kemm għal dak it-twemin superstizzjuż li n-nies kienu jħalltu mat-twemmin reliġjuż, kif għal xi użanzi li kienu jittieħdu b’nofs ċajta u nofs serjetà. Għal istudjuż tal-istorja soċjali din l-informazzjoni hi ta’ mitqlu deheb għax jgħallmuna dwar il-ħsibijiet, id-drawwiet u t-twemmin tal-Maltin ta’ żmien is-seklu dsatax.

F’din il-lista qiegħed nirriproduċi t-tifsiriet kollha li jagħti Castagna, waħda wara l-oħra, preċiżament kif elenkahom u nnumerahom hu. Waqt li żammejt bi preċiżjoni mat-termini u l-lingwaġġ tal-awtur, ħallejt barra biss dawk il-kummenti tiegħu li ħassejt ma kinux importanti. Meta sibt li jkun aħjar li nikkwota lil Castagna kelma b’kelma, niżżilt it-test bejn il-virgoletti. Fejn rajt li kien hemm bżonn li nżid xi kummenti min-naħa tiegħi, jien dawn daħħalthom bejn parentesi kwadri, jiġifieri [ ].


  1. ILSIEN SAN PAWL – L-antiki tagħna kienu jsostnu li dawk il-fossili li nsibu fil-blat huma Lsien San Pawl, li ppenetra bil-prietki tiegħu fil-ħaġar samm. Castagna jgħid li dawk ma kinux ħlief snien ta’ ħut li għexu fi żminijiet antiki. It-trab ta’ dawn is-snien misħuqin kien miżmum bħala trab mirakoluż li kien ifejjaq kemm il-feriti kif ukoll avvelenament. Fi żmien l-Ordni [ta’ San Ġwann] kien jingħad anki xi talb waqt li dan it-trab kien jitqiegħed fuq il-ferita. Castagna jgħid ukoll li sa żmienu, kien jaf b’xi nies li kienu jżommu sinna ingastata bil-fidda mdendla ma’ għonqhom biex meta jsiefru, jekk qatt ikunu migduma minn xi serp, malajr jużaw dan it-trab bħala rimedju ta’ fejqan.  

2. Il-GAWGAW  Castagna hawn jikkwota kelma b’kelma dak li spjega qablu, Mikiel Anton Vassalli, fid-dizzjunarju tiegħu, Ktyb il-Klym Malti / Lexicon, (1796): It-traduzzjoni ta’ Castagna tgħid hekk: ‘Fost is-superstizzjonijiet ta’ xi nies boloh Maltin għad fadlilna dika tat-tibdila tal-bniedem fil-Gawgaw. Xi tfal jew xi nisa jgħidu li dawk li jitwieldu fil-lejl tal-Milied, appuntu fil-ħin li twieled il-Messija jibqgħu kull sena sakemm imutu, meta jkunu reqdin, jinbidlu u jsiru fantażmi u joħorġu jiġġerrew fit-toroq, fil-pjanuri, fil-widien u fl-irdumijiet biex bid-tgergir u l-għajjat tagħhom ibeżżgħu lil kull min jismagħhom jew jiltaqa’ magħhom. Hekk kif jgħaddi ċertu ħin u jkunu għajjenin u mifluġin dawn jirritornaw f’darhom fejn jerġgħu jieħdu l-figura ta’ bniedem u jistenbħu. Dan il-kastig ta’ kull sena (jgħidu l-boloh tagħna) jingħata bħala piena, għax Kristu ma jridx li dak li jkun jitwieled fl-istess ħin li twieled hu’. Għal aktar dettalji dwar din is-superstizzjoni, ara: GAWGAW fil-paġna tal-enċikopedija dwar il-kliem Malti].

3. Il-WAĦX  kien joħroġ fl-iljieli tax-xitwa. Dan il-waħx kellu rasu ta’ gendus, ġismu ta’ muntun u riġlejh ta’ ħmar. Dan kien joħroġ idur it-toroq sakemm jasal ħdejn xi dar malacquistata [kelma li juża Castagna] u hemm bil-leħen ikrah tiegħu jbażża’ u jriegħed lil min joqgħod fiha. Ma’ din l-informazzjoni iżid ukoll li sa żmienu, l-ommijiet kienu jbeżżgħu lil xi tarbija billi jgħidulha, ‘iskot, orqod għax jiġi l-BABAW’.

4. WARDA TAL-PASSJONI  Castagna jgħid li xi nisa li jkunu ser iwelldu kienu jakkwistaw mingħand xi ġara, warda tal-passjoni għax din kienet tgħin biex il-ħlas isir bl-inqas diffikultà. [ Għal aktar tagħrif dwar din l-użanza ara: WARDA TAL-ĦLAS].

5. L-GĦAJN   Bosta kienu jemmnu bl-għajn ħażina li biha kien hawn minn kapaċi jitfa’ l-GĦAJN ĦAŻINA jew kienet magħrufa wkoll, il-MAGĦMUL. Biss, hawn l-awtur jammetti u jgħid, ‘u forsi nemmen biha jien ukoll wara dak l-esperjenzi li għaddejt minnhom’. Biss, jidħak meta jisma’ li biex wieħed jikkumbatti l-għajn ħażina, il-vittma jrid jiddobba biċċa mill-ħwejjeġ ta’ min jgħajjen biex jaħraqha u jidbaħħar biha ‘u hekk mad-duħħan tagħha tmur l-għajn ħażina minn fuqu u minn taħtu’. Ara: TBAĦĦIR.

6. Il-ĦARES  Castagna jgħid li bosta xjuħ kienu għadhom jemmnu bil-ħares. Dan l-esseru kellu forma ta’ serp iswed u xiħ. Xogħolu kien li jindokra d-dar u jagħti l-fortuna lit-trabi li jitwieldu fiha. Għalhekk dan is-serp ma għandu qatt jinqatel għax inkella wara mewtu jiġu d-disgrazzji fuq dik il-familja. [Jeżistu tifsiriet oħra dwar il-ĦARESikklikkja].

7. QARI TAX-XORTI  Bosta, l-aktar ix-xebbiet, jemmnu bix-xorti. Dawn, nhar San Ġwann kienu jdewbu ċ-ċomb fl-ilma jagħli biex skont il-figura li toħroġ ikunu jafu dwar futurhom. Jekk dan iċ-ċomb joħroġ ileqq, ifisser li ser ‘jaqalgħu’ għarus sabiħ u jkunu ‘feliċi’ f’ħajjithom, jekk iċ-ċomb joħroġ iswed, ikollhom raġel ‘ikrah’ u jkunu ‘imħabbtin’.

8. Il-QATGĦA. Mad-daqq ta’ Sibt il-Glorja  [lejlet Ħadd il-Għid], l-ommijiet iqiegħdu t-trabi tagħhom f’banju [bl-ilma] biex tgħaddilhom xi qatgħa. L-ewwel iqiegħdu ż-żgħir, imbagħad il-kbir, biex il-qatgħa ma tinteridx.

9. L-GĦAĠUŻA  Bosta tfal għadhom jemmnu li f’nofs ir-Randan tinqatel l-għaġuża. Bosta ommijiet għadhom, wara l-ewwel 20 jum tar-Randan, jibagħtu t-tfal tagħhom quddiem xi kunvent biex jaraw il-patrijiet jitfgħu mill-kampnar għal isfel għaġuża [din tkun l-ixjeħ mara tar-raħal – Aqra aktar dwar dan billi tikklikkja hawn: GĦAĠUŻA].

10. PEDILLUVJU  Meta bniedem ikollu uġigħ ta’ ras jew xi marda kien jagħmel banju bil-misħun biex iqiegħed saqajh fih. Fl-ilma jinxteħed il-melħ. Sa hawn kollox sew. Biss, dan il-melħ ried jintefa’ minn mara miżżewġa, u le xebba, għax inkella din il-kura ma tiswa xejn.

11. ŻEJT, MELĦ U NBID  Bosta jemmnu li meta fid-dar jinbidel iż-żejt, dan ifisser li tkun ġejja xi disgrazzja. Meta fid-dar jixxerred il-melħ jew l-inbid dan jindika li ġej żmien ta’ ferħ u  r-risq

12. Il-ĦOLM. Min joħlom bil-ħut, dan ifisser li x-xorti ser tidħaklu. Min joħlom bil-baħar, ser ikollu taħbit kbir. Min joħlom bil-qamħ ser ixerred ħafna dmugħ minħabba xi disgrazzja li ser taqa’ fuqu. Min joħlom bil-għazz [jew GĦADS] ser jibqa’ bil-ġuħ.

13. MEJJU hu meqjus bħala ix-xahar li jġib id-disgrazzji. Bosta jevitaw li jiżżewġu f’dan ix-xahar, għaliex jemmnu li min jiżżewweġ kapaċi jkun żvinturat – kemm f’martu, f’żewġha kif ukoll f’uliedhom.

14. DAQQ TAL-ORGNI FIT-TIEĠ  Bosta ‘kampanjoli’ jemmnu li meta żewġ għarajjes jiġu biex jiżżewġu għandhom ikollhom organista jdoqq fiċ-ċerimonja tat-tieġ. Kienu jemmnu li jekk le, l-għarajjes miżżewġin ma ‘jgħammrux’. Castagna jsemmi każ li seħħ fi żmienu, meta f’tieġ li sar f’Ħal Kirkop, għax l-organista ma marx idoqq, l-għarus sabbat il-ġlekk tiegħu mal-art [Castagna jgħid, ġlekku] u telaq ’il barra mill-knisja.

15. KMAND BEJN IL-MIŻŻEWĠIN  Wara t-tieġ, min miż-żewġ għarajjes jidħol l-ewwel fid-dar li jkunu ser jgħammru fiha, ikollu l-pussess fuq l-għamara u jikkmanda f’kollox hu. Għaldaqstant kienu dejjem ifittxu biex l-għarusa ma tidħolx l-ewwel, biex ma tikkmanda xejn.

16. ŻJARA FID-DAR  Meta xi ħadd imur jagħmel viżta f’dar ħaddieħor, dan għandu jkun ittrattat biż-ŻAMBUR, għax jekk le jidħol xi far fid-dar u jgerrem id-dbielet kollha. [Din għandi neħodha aktar bħala ħlieqa milli bis-serjetà].

17. SAFAR U IKEL IL-FORN  Jekk ir-raġel tad-dar ikun imsiefer, il-mara ma għandha qatt tibgħat l-ikel biex jissajjar il-forn [għand il-furnar]. Jekk tagħmel hekk tkun qed tavveli ruħha mal-ġirien [Castagna juża dan il-kliem : ‘… għax il-ġirien joħorġulha fl-għarukaża …].

18. PRANZU BEJN TLETTAX  Waqt pranzu, ma għandhom qatt joqgħodu 13-il persuna madwar mejda. Jekk dan isir, ibqa’ żgur li wieħed minn dawn imut fi żmien 24 siegħa. Hawn, fl-istess paragrafu ma din is-superstizzjoni Castagna iżid oħra, li nistgħu ngħadduha bħala ħmerija: Il-friex tas-sodda ma għandu qatt isir minn tlieta min-nies, għax ‘… sal-għada jinqered żgur dak li jkun ser jorqod fiha’.

19. SAFAR U GANDLIERI Il-mara li tixtieq ir-raġel, jew it-tifel jirritorna mis-safar għandha tixgħel gandlier u tqiegħdu wara l-bieb. ‘Jekk dan ma jiġix mill-ewwel jiġi mat-tieni, u jekk ma jiġix mat-tieni, mat-tielet jiġi żgur!’

20. GAZZJA  L-antiki kien wisq tal-fehma li mal-fjuri u l-pjanti ma għandhom qatt idaħħlu d-dar il-gazzja [varjant ta’ gaġġija jew gazzija – pjanta, li l-isem xjentifiku tagħha hu, Acacia farnesiana], għax jekk isir hekk imut il-kap tal-familja.

21. DENB IL-WIŻGĦA  Min joqtol xi wiżgħa u jħalli d-denb jitkagħweġ, dan id-denb jidgħi lill-ommu l-missieru.

22. QARINZA  Għali u swied il-qalb ikollu dak li flok ġir jitfgħulu l-faħam. [Din kienet tradizzjoni antika, li fl-ewwel jum tas-sena jgħaddi xi ħadd fit-toroq, iħabbat il-bibien u jawgura s-sena t-tajba lir-residenti ta’ tad-djar. Jekk dawn jagħtuh xi ħaġa tal-flus, dlonk ibajdilhom l-għatba tal-bib bil-ġir, jekk le, jitfgħalhom il-faħam quddiem biebhom. [Għal verżjoni aktar antika ta’ dan ir-ritwal ara il-QARINZA].

23. IL-PRANZU TAL-EWWEL TAS-SENA  Fl-ewwel tas-sena, kulħadd għandu jiekol mal-familja, għaliex jekk dak li jkun ma jagħmilx hekk, jekk ma jikolx f’rasha [jiġifieri, fl-ewwel tas-sena] imut f’denbha.

24. KAWLATA FL-EWWEL TAS-SENA  Ara tiekol kawlata fl-ewwel tas-sena! Jekk tagħmel hekk matul is-sena tmexmex l-għadam tal-perżut [Castagna jikteb berżut].

25. KABOĊĊI FL-EWWEL TAS-SENA  Min jiekol il-kaboċċi l-ewwel tas-sena, jokrob matul it-tnax-il xahar.

26. BAĦRIJA  Meta tidher il-baħrija, jekk tkun bajda jfisser li jkunu ġejjin l-imsifrin. Meta tkun sewda, ikunu ġejjin b’aħbar tal-mewt.

27. XJATIKA U REWMATTIŻMU Min ibati bix-xjatika jew bir-rewmatiżmu, għandu jżomm ħuta mqadda fil-but.

28. ĦAĠAR FIL-BAĦAR U FIL-BIR   Ix-xjuħ kienu jwissu lit-tfal biex ma jitfgħux ħaġar fil-baħar jew fil-bir, għax inkella jkollhom iġorruh [il-ħaġar] fi xfar għajnejhom.

29. KOMETA   Meta tidher xi kometa … ‘jommi x’ġej … ġej il-gwaj!’

30. L-EKLISSI  Meta jinzerta xi eklissi, jgħidu li kulħadd jiġġieled, sal-qamar u x-xemx. Jekk trid tarahom jiġġieldu, itla’ fuq il-bejt b’lembija u ħares lejhom minnha [jiġifieri lejn ir-riflessjoni tagħhom fl-ilma].

31. IL-KELB SINJAL TA’ MEWT  Meta joqrob il-kelb, sejjer imut xi ħadd.

32. ĦAKK FL-IDEJN   Meta tiklok idejk, ifisser li sejjer iddaħħal kemxa flus.

33. TAGĦRIX FL-GĦAJN   Meta tgħarxek għajnek, sejjer tagħli.

34. ŻARŻIR FIL-WIDNEJN  Meta żżarżar [Castagna jgħid iżżanżan] widintek, ikunu qed isemmuk. ‘Jekk dik id-dritta [lemin] fil-ġid, jekk dik tax-xellug fid-deni’.

35. TIDDIN TAT-TIĠIEĠA  Meta tidden it-tiġieġa jfisser li sejra teqred wieħed minn tad-dar, u għalhekk ifittxu li joqtluha jew ibigħuha.

36. IL-MUSBIEĦ U L-IMSIFRIN  Meta tispara [tfaqqa’ jew tisplodi] miċċet il-musbieħ ifisser li jkun ġej xi ħadd imsiefer.

37. IL-GRADENZA U L-MARD   Meta ċċaqċaq il-gradenza jfisser li ġej il-mard.

38. XGĦIRA FL-GĦAJN   Min titlagħlu xgħira f’għajnu, sejjer jiret.

39. ZOKK IT-TURSINA   Min jaqla’ zokk it-tursina u jerġa’ jwaħħlu, imutulu ommu u missieru.

40. SAWM F’RAS IR-RANDAN   Min ma jsumx f’Ras ir-Randan imut f’denbu. [Dan hu qawl antik].

41. IL-FURKETTA U L-ANĠLU TAL MEJDA  Tagħtix bil-furketta fuq id-dvalja għax tolqot l-anġlu tal-mejda. [qabel kienu jemmnu li waqt l-ikla kien ikun hemm il-preżenza tal-anġlu fost dawk preżenti.]

42. IL-GANDLORA  Nhar it-2 ta’ Frar, f’Jum il-Gandlora, joħroġ l-ors – jekk ixarrab saqajh [għax tkun ix-xita] xitwa ancora [ix-xahar ser ikun xitwi] – jekk ma jxarrabhomx [għax ikun jum bla xita] – xitwa fora[ix-xitwa tkun fi tmiemha].  [Ara aktar dettalji hawn: GANDLORA] .

www.kliemustorja.com

Ara wkoll dan l-artiklu fl-istess website: ‘Are the Maltese Superstitious?’  Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2020/10/16/are-the-maltese-superstitious/

Għal aktar kitbiet mill-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Categories:

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s