IL-FORTI CHAMBRAY

IL-FORTI CHAMBRAY

 GĦAJNSIELEM, GĦAWDEX

Hekk kif meta naqsmu l-fliegu ta’ bejn il-Marfa u l-Imġarr ta’ Għawdex, ninnutaw li fuq ix-xellug, madwar 190 metru ’l fuq mix-xatt, hemm linja dritta ta’ swar li jagħmlu parti mill-Fortizza Chambray. Il-ħsieb ewlieni li jinbena dan il-forti kien li jinħoloq refuġju fejn, f’każ ta’ żbark mill-għadu fuq il-gżira ta’ Għawdex, il-popolazzjoni kollha ta’ din il-gżira, li dak iż-żmien kienet tleħħaq madwar l-10,000 ruħ,  ikollha fejn issib kenn sod (A. De Soldanis, 1749). Dan għaliex l-istorja wriet li l-ispazju fiċ-Ċittadella, tar-Rabat, kien żgħir wisq biex jakkomoda l-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex. Agħar minn hekk, is-swar taċ-Ċittadella ma kinux adekwati biex jirreżistu kontra l-qawwa tal-kanuni tal-għadu. Waħda mill-esperjenzi l-aktar qarsa tal-abitanti Għawdxin kien l-iżbark tal-furbani mmexxija minn Dragut fl-1551. Dakinhar, daqs ħamest elef ruħ, li bosta minnhom kienu stkennew fiċ-Ċittadella, spiċċaw imkaxxkra għal fuq ix-xwieni bħala lsiera.  (Ara l-artiklu: ‘Iċ-Ċittadella’, fl-istess website: https://kliemustorja.com/2022/11/03/ic-cittadella-l-istorja-taghha/ ).

Kien il-Balliju Jacques Franҫois de Chambrai, li insista li Għawdex għandu jkollu belt ġdida ffortifikata sew biex il-poplu jkun moħħu mistrieħ li f’każ ta’ bżonn jerħilha ‘l hinn bl-annimali tal-irziezet b’kollox. Chambrai ppropona li tinbena belt-fortizza qrib l-Imġarr, fuq l-għolja magħrufa bħala Ras it-Tafal. Dan, kemm biex in-nies ikunu mħarsa sew, kif ukoll biex minn fuq dik l-għolja l-kanuni jiddefendu l-port żgħir tal-Imġarr minn xi żbark tal-għadu. Chambrai kien lest li joħroġ minn butu, 40,000 skud. L-ispejjeż l-oħra nħarġu mill-Ordni ta’ San Ġwann. B’hekk, fl-1749, l-Ordni reġa’ poġġa fuq il-mejda l-pjanta li kien iddisinjaha l-inġinier militari, Francois René Jacob de Tigne fl-1716, u li kienet ġiet irranġata xi ftit, snin wara, mill-inġinier militari Charles Francois de Mondion, biex il-proġett jibda minnufih. Sar it-tiftix sorsi tal-ilma li seta’ jittella’ mill-art taflija tal-istess għolja, biex ikun assigurat li l-gwarniġġun tal-fortizza seta’ jagħmel użu minnu. Il-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca kien qabbad lill-inġinier tal-Ordni ta’ dak iż-żmien, it-Taljan Francesco Marandon, biex bi ftit arranġamenti oħra lill-pjanta oriġinali, ix-xogħol jibda minnufih. (S. Spiteri, 2001). Marandon waqt issorveljanza x-xogħol kien mgħejjun mill-capomastro Andrea Piccolo. Tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-forti fil-21 ta’ Jannar tal-1751, u x-xogħol baqa’ għaddej matul is-snin ħamsin sakemm tlesta, bejn wieħed u ieħor fl-1761.  Il-balliju Chambrai ma leħaqx ra x-xogħol mitmum għax miet fit-8 ta’ April tal-1756 fl-għomor ta’ 68 sena (C. Testa, 1989).

Verament, ix-xogħol qatt ma kien komplut sal-aħħar, skont il-pjanijiet oriġinali, għaliex il-belt ippjanata ta’ ġewwa s-swar li kellha takkomoda lill-abitanti f’każ ta’ xi attakk ma nbniet qatt. Ħlief għas-swar, l-uniku binjiet li ttellgħu fil-fortizza kienu, binja biex isservi bħala kwartier għas-suldati, u kappella, ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja. Il-proġġett ma kienx komplut sal-aħħar, l-aktar għaliex aktar ma kien għaddej iż-żmien, kien qed jidher biċ-ċar li l-periklu ta’ xi attakkati mill-għadu Ottoman kien kważi għeb għal kollox.

Ġara li l-art fejn inbniet din il-fortizza fiha saffi tat-tafal, u għalhekk mhix soda biżżejjed biex tieħu ħafna toqol, la ta’ bini kbir, u wisq anqas tas-swar massivi. Tant hu hekk, li wara ftit snin, partijiet mis-swar bdew jixxaqqu b’xi konsenturi, u sas-sena 1789, partijiet mis-swar kienu diġà fi stat ħażin. Il-fortizza kienet tikkonsisti minn tliet bastjuni, żewġ rivellini u foss madwar is-swar, fuq in-naħa li tħares lejn il-Punent. Il-fortizza kellha jiddefendiha ġwarniġġun żgħir li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu 18-il kanun li kienu jisparaw balal tat-tmien libbri. F’tarf minnhom tal-fortizza nbniet polverista fejn setgħu jinħażnu l-isplussivi (S. Spiteri, 2001).

Żmien il-Franċiżi

Fl-10 ta’ Ġunju, 1798, meta l-Franċiżi żbarkaw f’Għawdex, is-suldati Maltin f’din il-fortizza qajla għamlu reżistenza biex jiddefendu lilhom infushom, u fi ftit sigħat, it-truppi Franċiżi ħatfu din il-fortizza taħt idejhom. Dlonk ġie stazzjonat gwarniġġun ta’ 60 suldat Franċiż biex jiddefendiha. Biss, dawn ma damux kwieti hemm. L-għada ta’ meta l-Maltin qamu f’rewwixta kontra l-Franċiżi, fit-2 ta’ Settembru, 1798, l-Għawdxin għamlu l-istess u rvellaw kontra t-truppi Franċiżi f’Għawdex biex jappoġġjaw lill-Maltin. It-truppi fil-forti Chambray sfaw assedjati bħal dawk li kienu fiċ-Ċittadella. Mhux wisq wara, fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Settembru, il-gwarniġġun Franċiż abbanduna l-fortizza u ħarab inkiss inkiss, lejn Malta.

Żmien l-Ingliżi fis-seklu dsatax

L-Ingliżi għenu ’l-Għawdxin jeħilsu mill-Franċiżi, u fit-28 ta’ Ottubru dawk is-suldati li kienu fiċ-Ċittadella ċedew. Issa li Għawdex kien taħt il-protezzjoni tal-Ingliżi, il-Forti Chambray bdiet tkun okkupata mit-truppi Ingliżi. John Hennen, tabib Ingliż li għamel żmien jgħix f’Malta bejn l-1821 u 1823, jiddeskrivi l-kwartier tas-suldati (Ing. barracks) ta’ din il-fortizza. Hu jgħid li l-kwartier kellu tul ta’ 42 pass u kien sitta u tletin pass fil-wisa’. L-għoli tiegħu kien daqs tliet sulari. Minn ġewwa, il-binja kienet maqsuma f’żewġ sulari, kull sular b’erba’ swali. Kull sala kienet twila daqs 33 pass, wiesa’ 6 passi u għolja 20 pied. Jgħid ukoll li f’kull tarf ta’ kull sala kien hemm tieqa. Imbagħad, kien hemm daqs 28 kmajra mxerrda li l-kobor tagħhom kien ta’ mhux aktar minn 4 passi x 4, u għaxar piedi għoljin. Hennen jistma li l-kwartier kien jilfaħ daqs 250 suldat. L-istess awtur isemmi li fil-fortizza kien hemm sptar żgħir b’erba’ swali li seta’ jakkomoda 20 pazjent. F’dan l-isptar kien hemm sala tal-operazzjonijiet u kċina. Hennen jgħid li fl-isptar normalment ma kienx ikun hemm aktar minn tnejn jew tliet pazjenti fl-istess waqt.  (J. Hennen, 1830).

Il-fortizza fil-gwerra tal-Krimea u tal-Eġittu

Meta faqqgħet il-gwerra tal-Krimea (1854 – 1856), il-forti mbidel fi sptar, li ma’ bosta sptarijiet oħra f’Malta, beda jilqa’ l-feruti ġejjin lura mill-kamp tal-battalja. Biex il-post seta’ jilqa’ numru kbir ta’ pazjenti kien hemm bżonn li jinbnew 30 barrakka tal-injam li kull waħda minnhom setgħet takkomoda 50 ruħ. F’Ġunju tal-1882, kien qam inkwiet serju fl-Eġittu li għalkemm dan il-pajjiż ma kienx kolonja Ingliża, l-Ingliżi kellhom bosta interessi kummerċjali li kienu jamministraw huma. Dan l-inkwiet dam xi ftit xhur, u bosta suldati Ingliżi kienu sfaw feruti. Din id-darba, il-feruti u l-morda li ttieħdu Għawdex tqiegħdu fil-binja prinċipali li oriġinarjmant kienet isservi bħala kwartier tas-suldati, u li kif ġa għedna kienet tesa’ sa 250 ruħ. (P. Cassar, 1993).

Intant, fl-istess fortizza, it-tobba bdew jindunaw li s-suldati u l-familji tagħhom li kienu stazzjonati hemm kienu qed jimirdu mingħajr ħadd ma jaf biex. Fl-1910 – 1911, kien sar studju mit-tobba Ingliżi li matulu wieħed intebaħ li l-marda li kienet qed tattakka l-immunità tas-saħħa fil-ġisem kienet ġejja minn nemusa rqieqa li hi komuni fil-gżejjer Maltin. Din hi l-hekk imsejħa sandfly (Isem xjentifiku: Phlebotomus papatasii). Il-gidma ta’ din in-nemusa tagħmel ħafna ħsara kemm lil bniedem kif ukoll l-annimali, l-aktar il-klieb. Illum din hi il-marda hi magħrufa bħala leichmaniasis. Wara ħafna osservazzjonijiet it-tobba ndunaw li l-aktar li kienu qed ikunu affettwati b’dan il-parassit kienu dawk is-suldati li kienu jabitaw qrib is-swar. Dan għaliex din in-nemusa irqieqa tgħix l-aktar fix-xquq umdi tas-swar u l-ħitan tas-sejjieħ. In-nemusa ittir l-aktar ma’ nżul ix-xemx u toqros u tinfetta lill-bniedem jew l-annimali. Rimedju għal din il-marda ma kienx hawn, biss meta ndunaw x’kienet il-kawża malajr ittieħdu l-prekawzjonijiet. Saddew il-ħofor tas-swar, ressqu lil dawk kollha li kienu jabitaw qrib is-swar fi kwartieri aktar ’l bogħod, u s-sodod fil-kwartieri tgħattew bid-drapp tal-filoxx.

Fil-fortizza kien hemm tliet ċimiterji, kollha mibnija fi żmien l-Ingliżi. L-ewwel wieħed minnhom, li magħruf bħala l-Garrison Cemetery kien jinsab fil-fortizza, u t-tnejn l-oħra kienu barra, fil-foss taħt is-swar. Fl-1980, il-Garrison Cemetery ġie żarmat u l-fdalijiet tal-mejtin kienu ttrasferiti f’ċimiterju fix-Xewkija. (ara: ’Fort Chambray’, fuq Wikipedia).

Fit-30 ta’ Settembru tal-1911, is-suldati tar-Royal Artillery stazzjonati fil-forti ħadu qatgħa kbira meta seħħ terrimot qawwi. L-art tal-forti xxaqqet min-nofs kif ġralhom ukoll bosta ħitan tal-kwartieri. L-akbar ħsara saret fil-binja tal-isptar, tant li għal xi żmien, il-pazjenti ma setgħux ikunu akkomodati fih qabel ma jsir restawr strutturali konsiderevoli.

Ewwel Gwerra Dinjija

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914 – 1918), il-forti reġa’ nbidel fi sptar. Ġa minn Marzu tal-1915, il-militar Ingliż kien ħaseb għal 3,000 sodda għal feruti li tqassmu fi 30 sptar f’Malta u Għawdex. Fort Chambray kien wieħed minnhom. Għaldaqstant saru arranġamenti biex hawn ikunu akkomodati daqs 400 ferut, l-aktar dawk li kellhom bżonn ta’ żmien għall-konvalexxenza. Minn Ottubru tal-1915 sa Marzu tal-1916 kienu nġabu hawn, 1,579 ruħ li ħafna minnhom kienu sofrew ġrieħi serji fil-battalji ta’ Gallopoli u Salonika (A. Zarb-Dimech, 2004).  

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-fortizza ma baqgħetx tintuża għal skopijiet militari. Mill-1934 – 1983, il-forti inbidel fi sptar għallpazjenti b’mard mentali. Bejn nisa u rġiel, dawn ġieli kienu jlaħħqu mal-160 ruħ. Ħafna mill-pazjenti li kienu fl-isptar Monte Carmeli nġabu hawn biex itaffu mill-kwantità ta’ xogħol li kien hemm fl-isptar ta’ Malta. Sal-1983 kien fadal daqs 64 pazjent, u dawn ittieħdu fi sptar ix-Xewkija jew  tqassmu fid-djar tax-xjuħ f’Għawdex. Intant, bejn l-1937 u l-1956, l-istess sptar beda anki jakkomoda l-lebbrużi. Dawn instabilhom post ieħor fis-snin ħamsin. Fis-snin sebgħin, il-forti reġa’ ntuża għal xi żmien bħala sptar mentali.

Fl-2004, il-Gvern ta l-fortizza lil imprenditur Għawdxi biex l-ispazju ta’ ġewwa jinbidel u jsir wieħed residenzjali, kif fil-fatt seħħ ftit snin wara.

Il-belt li ma nbnietx fis-seklu tmintax, skont il-pjanti oriġinali, inbniet fl-ewwel deċenji tas-seklu wieħed u għoxrin, bi pjanta u skopijiet differenti.

Martin Morana

2 ta’ Marzu 2023

Ħajr għar-ritratt tal-faċċata lil Joe Morana

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija

Bezzina Joseph, ‘La Nazione Gozitana’, The Sunday Times, October 25. 1998.

Cassar Paul, ‘Fort Chambray, the medical profile’. The Times of Malta, Friday, January 29, 1993.

Cauchi Kevin, ‘Places of Interest – Fort Chambray’. www.ghajnsielem.com  

Farrugia Giuseppe / St Francis Friary, Gozo – Ancient and Modern – Religious and Profane. Media Centre Publications, 1999.

Hennen John, The Medical Topography of the Mediterranean. 1830.

Hoppen Alison, ‘Military Priorities and Social Realities in the Early Modern Mediterranean: Malta and its Fortifications’, Hospitaller Malta, 1530 – 1798. Mireva Publications. 1993.

Mahoney Leonard, 5000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 1996.

Mercieca, Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane. Media Centre Publications. 1999.

Mizzi John A., ‘The French in Gozo’, The Sunday Times, May 31, 199?

Spiteri Stephen, Fortresses of the Knights. Book Distributors Ltd. 2001.

Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989.

Tarpey Brian N. Foreign intervention during French occupation of Gozo’, The Sunday Times, February, 28, 1999.

Zarb -Dimech Anthony, Malta During the First World War, 1914-1918. Veritas Press. 2004.

‘Fort Chambray’, Wikipedia.

Aktar pubblikazzjoniet tal-istess awtur tistgħu tarawhom jekk tikklikkjaw hawn:

Categories:

2 Comments

  1. An interesting article indeed.
    It’s a shame that the unique powder magazine was left to it’s fate and the headstones of the uprooted British cemetery were left piled and broken on one of the walls. Culture, what culture!

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s