Is-Sagra Infermeria
Minn Sptar għal Ċentru tal-Konferenzi
L-oriġini tal-isptar
Wara li l-Ordni ta’ San Ġwann ħalla l-Birgu fl-1571, biex jibda jamministra l-gżejjer Maltin mill-Belt Valletta, kien hemm bżonn urġenti li kull faċilità li kellu fil-Birgu tiġi ttrasferita lejn il-belt il-ġdida. B’hekk ukoll l-isptar tal-Ordni, li sa’ dak iż-żmien kien jinsab il-Birgu ngħalaq, u nbena sptar ġdid ftit ’il bogħod mill-forti Sant Iermu, fuq ix-xaqliba tal-Port il-Kbir.
Il-binja kif kienet imfassla
L-isptar il-ġdid fil-Belt Valletta beda jinbena fl-1574 u ġie inawgurat fl-1579, mill-Gran Mastru La Cassiere. Biż-żmien ġie mkabbar aktar, sakemm fis-seklu tmintax leħaq sar kumpless kbir bi swali kemm kbar kif ukoll żgħar. Dan it-tkabbir sar f’diversi perijodi, fl-1582-83, fl-1660-66, fl-1712 u fl-1780. Fl-1660, l-akbar sala, (is-Sala Grande) jiġifieri dik li tagħti għal fuq is-Sur ta’ San Lazzru, fuq il-Port il-Kbir, wara xi żmien, ġiet imtawla aktar u saret twassal sa 153 metru. Fin-nofs ta’ din is-sala tqiegħdu żewġ altari, wieħed dahru lejn l-ieħor, biex kuljum isir il-quddies u b’hekk dawk il-pjazjenti ta’ naħa jkunu jistgħu jattendu għal quddiesa li ssir fuq altar minnhom u l-oħrajn, tan-naħa l-oħra jattendu l-quddiesa li ssir fuq l-altar li jħares lejhom. Fl-1712, fi żmien il-Gran Mastru Perellos fin-nofs, u fil-ġenb din is-sala nbniet kappella.
Is-Sala Grande – illum magħrufa bħala l-Exhibition Hall, twila 153 metru. Fin-nofs, fuq in-naħa tal-lemin hemm il-kappella li nbniet fi żmien il-Gran Mastru Perellos.
Taħt l-istess sala hemm żewġ swali twal oħra, kull waħda minnhom fuq livell għalih. Biss, għall-kuntrarju għas-sala t-twila ta’ maġenb it-triq, li hi ferm arjuża, dawk ta’ isfel huma mudlama għax magħluqa minn kullimkien. L-ewwel waħda minn dawn kienet magħrufa bħala s-Sala del Magazzino. Hi magħmula bi ħnejjiet sbieħ u eleganti u li jippuntaw lejn in-nofs tas-saqaf biex dan jiflaħ it-toqol tas-sala t-twila. Parti minn din is-sala kienet isservi bħala sala għall-pazjenti, parti bħala maħżen, u parti oħra bħala kċina minn fejn kien joħroġ l-ikel għall-isptar kollu. Taħt din is-sala, kif semmejna hemm sala oħra twila, biss iċken mit-tnejn l-oħra ta’ fuqha. Din hi kompetament imħaffra fil-blat. X’aktarx kienet tintuża bħala sala għal dawk li kienu jsofru minn mard mentali. F’dan il-livell kien hemm passaġġ li jagħti għax-xatt biex dawk il-baħħara ta’ fuq ix-xwieni li kienu morda jew imweġġa’, jittellgħu mix-xatt, dritt għal ġol-isptar mingħajr ma jkollhom jiddaħħlu mill-Porta del Monte. G. Wood, Ingliż li ġie Malta fl-1667 u żgħar l-isptar, jgħid illi l-bitħa l-kbira li kienet daqs 28 x 28 metru wiesa’ kienet mimlija siġar tal-larinġ. (P. Cassar, 1983). Fir-restawr tal-binja din issaqqfet u mbidlet f’teatru u sala tal-konferenzi.
Fl-aqwa tiegħu, l-isptar kellu b’kollox mal-563 sodda, biss, f’każ ta’ emerġenza setgħu jiżdiedu magħhom ħafna aktar sodod biex l-isptar jilqa’ 914 pazjent (P. Cassar, 1983). L-isptar kien jinkludi wkoll spiżerija kif ukoll librerija b’kotba li jittrattaw kull aspett tal-mard u l-mediċina. Lil hinn mill-isptar, fi Triq San Ġakbu (illum Triq il-Merkanti), kien hemm binja apposta biex fiha jinħaslu l-ħwejjeġ tal-morda. Din wara saret il-binja magħrufa bħala l-Camerata li mbagħad l-Isqof Casolani biddel bħala kerrejja – magħrufa bħala l-Kerrejja l-Kbira (P.P. Castagna, 1863).

It-tqassim tal-pazjenti fis-swali
Il-pazjenti kienu jinżammu fi swali separati skont it-tip ta’ mard, kundizzjonijiet jew feriti li jkunu qed isofru minnhom, jew inkella skont il-klassi tas-soċjetà li jappartjenu għaliha. Hawn qiegħed inġib lista ta’ swali li kien hemm fl-isptar skont kif kienu mqassma. Din il-lista ħadtha mill-ktejjeb informattiv ta’ Paul Cassar, (1983).
- Is-Sala Grande – Din kienet magħrufa wkoll bħala s-Sala dei Febbricitanti. Din kellha 64 sodda. Ma’ din kien hemm is-Sala Vecchia (22 sodda). Fiha kienu kkurati kull tip ta’ pazjenti, biss xi sodod kienu merfugħa apposta għall-patrijiet ta’ diversi kunventi.
- Sala per i Feriti (29 sodda).
- Is-Saletta (20 sodda), li kienet qrib is-Sala Grande u l-kappella, (fejn illum hemm l-Ellu Mercer Hall) biss dak iż-żmien ma kinetx tinfed, kienet irriservata għall-pazjenti moribondi.
- Is-Sala San Giuseppe (20 sodda) kienet għall-ħabsin morda.
- Is-Sala Nuova (21 sodda), magħrufa wkoll bħala Sala per i Flussuanti fejn kienu jkunu ttrattati dawk li jbagħtu b’mard intestinali. Ma’ din kien hemm żewġt iswali fejn kienu jiġu ttrattati dawk li jbagħtu mill-ġebla.
- Sala dei Cavalieri (19-il sodda), li fil-fatt kienet magħmula minn żewġt ikmamar merfugħa apposta għall-kavallieri tal-Ordni.
- Żewġt ikmamar, b’għaxar sodod għall-pazjenti li jkunu daħlu għal xi intervent kirurġiku.
- Kien hemm ukoll sala riservata għal dawk li kienu ta’ reliġjon mhux Nisranija (8 sodod).
- Sala del Maggazino Grande (109 sodod). Din hi dik is-sala ta’ taħt is-Sala Grande. Din is-sala ddekorata b’arkati ppuntati lejn iċ-ċentru. Din kienet merfugħa għal l-iskjavi u l-qaddiefa bonavogli ta’ fuq ix-xwieni jew inkella għal dawk ingaġġati bħala suldati fil-militar tal-Ordni. Meta ċertu John Howard – filantropu Ingliż, żgħar l-isptar fl-1786, tkaża kemm din is-sala kienet umda u fid-dlam. Howard jgħid li hawn kienu miżmuma l-morda b’mard tal-ġilda. Jgħid ukoll illi hawn kienu jinżammu xi nies anzjani jew inkapaċi mill-Belt Valletta. (J. Howard, 1791).
- La Falanga – Sala għall-mard venereali (120 sodda). Dan in-numru kbir ta’ sodod f’din is-sezzjoni juri kemm dak iż-żmien is-sess barra ż-żwieġ li kien iwassal għal ħafna mard, kien komuni f’Malta.
- Sale dei Magazzini (36 sodod). Skont P. Cassar, ma nafux fejn kienu dawn is-swali, biss jaħseb li dawn kienu isfel nett u rriservati għal dawk li kienu jsofru b’mard mentali.
- Il-Palombara kienet sala għal dawk b’mard infettiv, bħal mard tas-sider (tuberkolożi) u l-ħniex (29 sodda).
Fl-1625, ċerta Caterina Scarpi kienet fetħet sptar għan-nisa. Biss, fl-1659, l-Ordni ta’ San Ġwann fetaħ l-isptar tiegħu għal pazjenti nisa, f’binja qrib is-Sagra Infermerija, fi Triq San Ġakbu (illum Triq il-Merkanti), bieb ma’ bieb mal-kappella tal-Maddalena. Dan kien magħruf bħala L’Ospidaletto jew La Cassetta. Dan l-isptar kellu mal-160 sodda. Miegħu kellu wkoll la Casa delle Alunne fejn kienu jinżammu t-tfal illeġittimi. C. Savona-Ventura, 2004).
L-ispiżerija
Kif wieħed jista’ jissoponi, mill-kelma nfisha, din kienet is-sezzjoni fejn kont issib ħafna ħwawar mediċinali (Tal. spezie). Din l-ispiżerija kienet tintuża mhux biss biex tingħata l-mediċina meħtieġa mill-pazjenti tal-isptar, iżda kienet isservi wkoll biex dawk li ma kellhomx bżonn jidħlu l-isptar ikunu inviżtati u jingħataw il-mediċina. L-ispiżerija kienet immexxija mill-Ispeziale Primario (Malti: spiżjar ewlieni). Fi żmien l-Ordni, wieħed seta’ jsib madwar 780 tip ta’ mediċina, fosthom, l-għerq sinjur, misjub l-aktar fuq il-Ġebla tal-Ġeneral, Għawdex, kif ukoll, it-trab tal-ġebla tal-franka meħud mill-Grotta ta’ San Pawl, fir-Rabat, għax dak iż-żmien kienu jemmnu li dan kellu l-kapaċità li jfejjaq l-infezzjonijiet fl-intestini, l-aktar f’każi ta’ avvelenament. Ċerti ħxejjex mediċinali kienu jitkabbru fil-foss li jdawwar l-fortizza ta’ Sant Iermu, għaliex dawn il-ħxejjex jikbru sew bl-ilma tax-xita li jinżel fil-foss, waqt li fl-istess ħin ikunu prottetti mir-riħ u minn min jittanta jisraqhom għal użu personali. Dan il-ġnien kien ukoll konvenjenti ħafna għaliex kien jinsab erba’ passi biss ’il bogħod mill-isptar (C. Savona-Ventura, 2004). * Ta’ min wieħed isemmi wkoll l-inbid li kien jingħata fl-isptar lill-pazjenti għax dak iż-żmien kienu jemmnu li dan kien rimedju ta’ saħħa għal bosta kondizzjonijiet.

Is-servizz mediku fl-isptar

Ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-isptar kienet taqa’ taħt il-Gran Prijur ta’ Franza. Dan kien jiddeputa Kavallier Franċiż mill-istess lingwa bħala Infermiere li kien allokat fir-residenza tiegħu fl-istess binja tal-isptar. Biex jamministraw it-tmexxija ġenerali tal-isptar kien hemm żewġ Prod’hommes (ara: PRODOMO). Numru ta’ kavallieri tal-Ordni kienu wkoll jissorveljaw il-morda fl-imkien mal-qaddejja. Dawn il-kavallieri kienu minn ’lingwa’ differenti, kull lingwa assenjata x-xogħol skont min imissu. Anke il-Gran Mastru flimkien ma’ xi Cavalieri Gran Croce kien iżur il-morda tliet darbiet fil-ġimgħa. Biss, George Sandys, Ingliż li żar Malta fl-1610, jgħid li l-Gran Mastru kien iżur il-morda nhar ta’ Ġimgħa biss. (G. Sandys, 1615).
Meta pparagunat ma’ sptarijiet oħra fl-Ewropa, dan l-isptar kien ikkunsidrat bħala sptar ta’ servizz mediku superjuri, kemm minħabba t-trattament uman li l-pazjenti kienu jirċievu mill-kavallieri nfushom, kif ukoll minħabba l-livell għoli ta’ kura li dawn kienu jingħataw. Bosta mill-kirurgi u tobba li kienu jispeċjalizzaw f’ċerti oqsma tal-kura kienu jintbagħtu barra biex jistudjaw, l-aktar f’Pariġi, Ruma u Firenze. Il-Kavallieri kienu jirriferu għall-pazjenti bħala ‘i nostri signori’.
Il-mediċina u l-ikel kienu jisservew f’reċipjenti tal-fidda mastizz, għax dan il-materjal kien maħsub li kien jelimina li jinxtered il-mard. Kull sodda kienet mgħottija b’purtieri minn kull naħa. Il-lożor kienu jbiddluhom darba kull ħmistax. L-ikel kien jingħata darbtejn kuljum, darba fit-tmienja ta’ filgħodu u darba oħra tard wara nofsinhar.

Biss, minkejja l-eloġji li nsibu mogħtija minn diversi barranin li żaru s-Sagra Infermerija, jidher li fl-aħħar snin tal-Ordni f’Malta, il-affarijiet kundizzjonijiet fl-isptar kienu marru lura. John Howard li kif ġa semmejna żgħar l-isptar fl-1786, ikkummenti b’mod negattiv għall-aħħar dwar l-indafa u l-kwalità ta’ servizz li kien jingħata lill-pazjenti. Hu osserva pereżempju, li l-lożor kienu maħmuġin, li d-daħliet fil-ħajt ħdejn is-sodod magħmula biex isservu ta’ latrina għall-pazjenti kienu jintnu u jinxtammu minn kullimkien. Jgħid ukoll, li l-oġġetti tal-fidda li kienu jservu fihom kienu biss għal ftit mill-pazjenti, għax il-maġġorparti kienu jingħataw l-ikel f’reċipjenti u utensili magħmula mill-istann (Ingiż, pewter). Jgħid ukoll illi l-isptar kollu kellu biss 22 attendent, bosta minnhom ħabsin. Dan jipparaguna ħażin ħafna, meta kif qal hu fil-palazz tal-Gran Mastru kont issib mal-40 attendent jieħdu ħsieb 20 żiemel.
Servizzi soċjali mill-isptarijiet
Aparti s-servizz mediku, l-isptar kien joffri wkoll għajnuna b’diversi modi lil dawk in-nies li kienu fil-bżonn. Hekk pereżempju, mill-isptar kien jitqassam ikel, bħal sopop u ħobż lill-foqra, kif ukoll flus lill-għomja u oħrajn. Mill-Ospedaletto kienu jitqassmu daqs 160 ħobża lin-nisa foqra. P. Cassar jgħidilna li matul 1772, kienu jitqassmu mat-880 ħobża kuljum fid-djar tal-Belt, il-Birgu, Bormla u l-Isla. Dawn kienu jitqassmu minn erba’ nisa, li kienu magħrufa bħala pitanziere (P. Cassar, 1993).

Barra minn hekk, l-isptar ta’ spiss kien iservi wkoll biex trabi mhux mixtieqa minn ommhom jingħataw lin-nisa impjegati apposta mill-isptar biex jieħdu ħsiebhom. Biex l-għotja tat-trabi tibqa’ sigrieta kien hemm tieqa (imsejħa ‘la ruota’) apposta mal-ħajt ta’ barra l-isptar, li jagħti għal sqaq, fi Strada della Fortuna (illum, Triq L-Isptar l-Antik), fejn dawn it-trabi kienu jiġu ‘iddepositati’ bil-moħbi.
Fl-istess sptar kien hemm ukoll mal-ħamsin sodda għal dawk il-foqra li ma kellhomx fejn jorqdu. Dawn is-sodod kienu magħrufa bħala letti perpetui. (P. Cassar, 1993). Dawn kienu fil-Gran Maggazino, is-sala t-twila ta’ taħt is-Sala Grande.
Skop ieħor għal dan l-isptar inħoloq fl-1676, meta hawn beda jservi wkoll bħala skola tal-mediċina, tal-anatomija u tal-kirurġija. L-istudju prattiku tal-anatomija kien isir fil-kamra mortwarja li kienet tinsab f’kamra biswit iċ-ċimiterju u l-kappella magħrufa bħala tan-Nibbia. Din il-kappella kienet tinsab fin-naħa ta’ fejn illum hemm l-Evans Building. Dawn il-binjiet inqerdu fl-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Żmien il-Franċiżi
Hekk kif il-Franċiżi ħadu f’idejhom lil Malta, dawn qalftu ’l-morda ’l barra mis-Sagra Infermerija biex ikunu jistgħu jużaw il-binja bħala sptar għas-suldati tagħhom. Il-morda nstabilhom post f’kunvent mhux wisq ’il bogħod, magħruf bħala Delli Convertiti. Din il-binja l-ġdida setgħet takkomoda mall-200 pazjent. In-nisa baqgħu fil-Casetta, li semmejt ftit qabel, fejn is-sodod kienu jammontaw għall-150. It-tfal orfni li kienu jinżammu fl-isptar intbagħtu fl-Ospizio, il-Furjana (J. Hennen, 1830).
Żmien l-Ingliżi
Meta imbagħad, l-Ingliżi ħadu t-tmexxija tal-gżejjer Maltin f’idejhom, l-isptar baqa’ jkun użat bħala sptar militari. Biss, billi il-pazjenti tal-militar kienu ftit, ma kienx ikun hemm aktar minn għoxrin sodda okkupata. Għalhekk l-Ingliżi bdew jużaw biss il-parti ta’ fuq nett tal-binja. (J. Hennen, 1830). Is-sala t-twila li tagħti mat-triq ingħatat lil xi kurdara biex fiha ikunu maħduma l-ħbula.
John Hennen, tabib Ingliż li kien intbagħat Malta biex jinvestiga s-sitwazzjoni tas-saħħa, kemm fost is-suldati Ingliżi kif ukoll dik tal-poplu Malti inġenerali, jgħid li parti kbira mill-binja kienet fi stat ħażin ħafna u li biex l-istruttura terġa’ tieħu r-ruħ kien hemm bżonn li ssir manutenzjoni kbira li kienet tiswa mal-1000 lira sterlina. Hennen ta bosta suġġerimenti biex kemm il-binja tal-isptar kif ukoll is-servizz jitjiebu. Hu kien tal-fehma li l-binja ma setgħet qatt tkun addattata biex isservi ta’ sptar skont il-ħtiġijiet. Fil-fatt, kien hu li ppropona li l-Ingliżi kien imisshom jibnu sptar ġdid fuq il-promonotorju ta’ Bighi, (J. Hennen, 1830). Fil-fatt hekk kien seħħ, għaliex l-isptar ta’ Bighi inbena hemm, (kumbinazzjoni fl-istess sena meta kien ippubblikat l-studju tiegħu.
Matul is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, is-Sagra Infermerija baqgħet isservi lill-militar Ingliż. Fil-frattemp, bdew jinbdew sptarijiet oħrajn attrezzati aħjar, fosthom dawk ta’ Bighi, wieħed il-Birgu, magħruf bħala tal-Cottonera, fejn illum hemm il-Kulleġġ tas-St Edwards, ieħor fil-binja magħrufa bħala l-‘Armerija’, il-Birgu, u dak tal-Imtarfa (Sir David Bruce Hospital).

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, mill-1915 ‘il quddiem, l-Ingliżi reġgħu mlew is-Sagra Infermerija bis-sodod hekk kif bdew ġejjin mijiet ta’ feruti mill-kampijiet tal-battalja. Anthony Zarb-Dimech fil-ktieb tiegħu, Malta During the First World War – 1914-1918, jgħid li minn 26 sodda li l-isptar kellu, issa saru 340. Biss, ħafna minn dawk il-midruba, ftit wara li jidħlu f’dan l-isptar kienu wara ftit jintbagħtu f’wieħed mit-tletin sptar li kienu nfetħu f’Malta apposta biex jilqgħu dawn il-feruti.
Ftit wara li spiċċat il-gwerra, fl-1920, l-isptar ingħalaq u minflok ingħata lill-Gvern Ċivili biex beda jintuża bħala Kwartier Ġenerali tal-Pulizija. Dan sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta dan ir-rwol spiċċa wkoll, u mn’Alla, għax il-binja ntlaqtet mill-bombi tal-għadu li farrku parti sostanzjali minnha.
L-isptar irrestawrat u mibdul f’teajtru u sala tal-Konferenzi
Kien fl-1977 li ġie deċiż li dan il-bini, li sa’ dak iż-żmien, parti kbira minnu kienet imwaqqa’ u fi stat ta’ rovina u miżerja, jerġa’ jiġi rrestawrat waħda sew biex iservi ta’ teatru u ċentru tal-konferenzi. Il-bitħa ċentrali tal-isptar issaqfet biex isservi bħala teatru u fl-istess ħin sala tal-konferenzi li tesa’ mal-1,400 ruh.
Illum, fil-livell l-aktar baxx ta’ din il-binja, hemm mużew żgħir, mimli b’diversi diarami, vetrini u disinji li jiddiskrivu l-istorja u l-kwalità ta’ servizz li dan l-isptar kien jagħti.

Nota: L-isem ta’ dan l-isptar kien l-aktar magħruf mill-Maltin bħala l-Furmarija, taqlib bl-ilsien ta’ Sagra Infermerija. Anki sptarijiet oħra li kien hawn f’Malta bdew jissejħu hekk ukoll. F’ilsien il-poplu kien hawn qawl li kien jgħid hekk: ‘Bħat-tiġieġa tal-Furmarija, jekk ma jmissekx filgħodu jmissek filgħaxija’. Dan il-qawl hu x’aktarx riflessjoni dwar id-destin finali tal-ħajja tal-bniedem, għax hu ddestinat li jmut, jekk mhux ta’ età żgħira, ta’ età aktar avvanzata.
Martin Morana
8 ta’ Frar 2023
* Għal aktar informazzjoni dwar il-ħxejjex mediċinali aqra dan l-artiklu fl-istess website: ‘Pjanti Mediċinali’, https://kliemustorja.com/2020/09/29/pjanti-medicinali/.
Aktar kitbiet mill-istess awtur ikklikja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Biblijografija
Bonello Giovanni, ‘The Decline and Fall of the Sacra Infermeria’, The Synapse – The Medical Professionals’ Network. September 11, 2016.
Bonello Giovanni, ‘A Revival of the Sacra Infermeria’, Histories of Malta – Versions and Diversions. Fondazzjoni Patrimonju Malti. Vol. III. 2002.
Buttigieg George Gregory, Buttigieg Nicola Ann, Micallef Stafrace Kyrill, ‘The Knights’ Medical School in Malta and some of its 18th century luminaries’, Sacra Militia, Issue no. 7, 2008.
Cassar Paul, From the Holy Infirmary of the Knights of St John to The Mediterranean Conference Centre at Valletta. Malta. 1983.
Cassar Paul, ‘Pharmacy Jars of the Order of St John in Malta’, Heritage Encyclopedia, Vol II. Midsea Books Ltd.
Cassar Paul, ‘Hospital of the Knights’, Treasures of Malta, Vol 1 no 3. Summer, 1995.
Cassar Paul, ‘Malta’s Medical and Social Services under the Knights Hospitallers’, Hospitaller Malta 1530 – 1798. Mireva Publications, 1993.
Castagna P.P., Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min ghalija. 1863.
Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas and George Underwood, London. 1830.
Howard John, An Account of the principle Lazzarettos in Europe & c. Printed for J. Johnson, C. Dilly and T. Cadell, London. 1791.
Sandys George, A Relation of a Journey begun An. Dom. in 1610 – Containing a description of the Turkish Empire, Aegypt, the Holy Land, the Remote parts of Italy and Lands adjoining. Printed for W. Barren. 1615.
Savona-Ventura C., Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530 – 1798). P.E.G. 2004.
Savona-Ventura Charles, ‘ The Valletta Sacra Infermeria in Travelogues and Art’. Treasures of Malta, Vol. IX. No 2. Easter 2003.
Saint-Priest F.E., Malte Par un Voyageur Francois. 1791.
Zarb-Dimech Anthony, Malta During the First World War – 1914-1918. Veritas Press. 2004.
Għandu mnejn jinteressak ukoll dawn l-artikli fl-istess website:
‘Mediċina u Kura Tradizzjonali’; ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2021/04/02/medicina-u-kura-tradizzjonali/
‘Epidemiji fl-istorja ta’ Malta’, https://kliemustorja.com/2020/03/14/epidemiji-fl-istorja-ta-malta/



Bħas-soltu Martin, prosit u grażżi.
Ray Demanuele
LikeLike
Prosit hafna ta’ l-artiklu tieghek, tant informativ. Ghalkemm min jaf kemm il-darba mort in-“Knightshall” qatt ma kont naf li kellu tant swali differenti li kienu jiddistingwu bejn mard u iehor. Sorpriza ohra kienet li l-akbar sala kienet tal-“STDs”.
Waqt li kont qed naqrah bhal xtaqtek li ssemmi xi haga dwar li il-post kien ukoll jintuza bhall cinema ghat-tfal ta’ l-iskola fis-snin hamsin u sittin ghax ghalkemm niftakrhu dan, jien kien kont zghir u mghandix dettalji tieghu fil-memorja tieghi.
Grazzi hafna tax-xoghol kbir li int qed taghmel u li jien tant nammira. Minn darba ghall-ohra nistenna il-harga li miss b’tant herqa. Grazzi
LikeLike
Taghrif veru siewi
Pajjizna veru rikk fl,-istorja u kultura! Nixtieq hafna li aktar Maltin jitghallmu japprezzaw dan il-,wirt kulturali!
LikeLike