Il-ĦAMIS ix-XIRKA u s-SEBA’ VIŻTI

Lejlet il-Ġimgħa l-Kbira hu jum liturġiku ta’ ċerta importanza fil-Knisja Kattolika u fid-dinja Nisranija, għax dakinhar l-Insara jfakkru L-Aħħar Ċena meta fiha Kristu stabbilixxa l-Ewkaristija. F’dan il-jum il-Knisja Kattolika tfakkar dan l-avveniment billi tiċċelebra l-quddiesa ta’ filgħaxija b’mod ċeremonjali u simbolika. Fil-quddiesa isir ir-ritwal tradizzjonali tal-ħasil tar-riġlejn tal-Appostli. Fi żmien l-Ordni, waqt il-quddiesa, il-Gran Mastru kien jagħmilha taċ-ċeremonier u jaħsel riġlejn tnax-il persuna, irġiel li jagħmluha ta’ ’Tnax il-Appostlu’, b’sens ta’ umiltà lejn il-proxxmu. Wara, dawn il-persuni magħżula minn fost il-foqra tal-lokalità kienu jingħataw qagħqa kull wieħed biex jikkunsmawha meta jmorru lura d-dar. Sal-lum dan il-ħobż forma ta’ ċirku u b’xi lewż fih għadna ngħidulu ‘il-Qagħqa tal-Appostli’. Fl-istess quddiesa jitbierku ż-żjut li jkunu ser jintużaw miċ-ċelebranti matul is-sena liturġika l-ġdida.
Wara din iċ-ċerimonja jittieħed l-ostensorju bl-ostja ġo fih f’waħda miil-kappelli fil-ġenb li tkun imżejna apposta biex tilqa’ lil Ġesù Sagramentat matul it-tridu tal-Għid. Is-simboliżmu f’dan l-ambjent jindika li issa, Ġesù qiegħed fi stat ta’ ripożizzjoni, bħallikieku qiegħed jistenna l-mument li jerġa’ jqum mill-mewt. Fl-antik dan l-altar kienu jgħidulu – kif xi wħud għadhom jgħidulu sal-lum- ‘Is-Sepulkru’. Dan l-altar jkun imżejjen sew bil-ġulbiena, fjuri tal-buqari u qamħ. Titqiegħed ukoll il-’borma’ fil-kappella (qabel kienet tkun tal-fuħħar) biex fiha jissaħħnu l-ħwawar biex ifewħu l-ambjent tal-madwar f’din il-kappella. Dan hu mod simboliku li juri li l-ġisem ta’ Kristu wara mewtu kien midluk bil-balzmu u l-fwejjaħ minn dawk li ħadu ħsiebu fid-difna.
Anki fl-Italja, l-Altar tar-Ripożizzjoni jkun ukoll iddekorat b’bosta pjanti bojod, li jkunu tħallew jikbru fid-dlam biex kulurhom jibqa’ abjad. Bħal ma jsir f’Malta, l-istess kappella jfewħuha bl-inbid u bil-ħwawar li jissaħħnu fil-borma (sors: Si 24, 2018). F’Mata fost tant altari li jiżżejnu insibu wieħed partikolari mtella’ apposta bi struttura tal-injam. Dan jinsab fil-Katidral tal-Mdina. Dan ‘il-monument’ ta’ stil Barokk kien iddisinjat minn Pietro Troisi (1724) u maħdum minn Francesco Zahra fl-1752. Hu xogħol tassew sabiħ.

Is-Seba’ Viżti
Ftit wara t-tmiem tal-quddiesa ċeremonjali ta’ Ħamis ix-Xirka, ma’ Malta kollha, eluf ta’ nies jibdew jagħmlu s-Seba’ Viżti quddiem l-Altar tar-Repożizzjoni. Għad-devoti tas-Seba’ Viżti dan hu speċi ta’ pellegrinaġġ li matulu jsir talb fil-kappella tas-sagrament, jew quddiemha, skont kemm jippermetti l-ispazju tagħha fejn il-follol ta’ nies jinġabru. Hemm isir it-talb, li tradizzjonalment jikkonsisti fil-Glorja Patri, l-Ave Maria u l-Missierna. Minn hemm il-pellegrini joħorġu mill-knisja biex imorru jżuru knejjes oħra biex jirreċitaw għal darb’oħra l-istess talb quddiem Altar tar-Repożizzjoni ieħor. Din il-viżta ssir għal seba’ darbiet, kull darba’ fi knisja jew kappella differenti. Mat-triq bosta jgħidu r-rużarju. Fejn fil-belt jew raħal ma jkunx hemm seba’ knejjes jew kappelli miftuħa għad-dispożizzjoni tad-devoti, in-nies iżuru inqas knejjes, biss xorta jagħmlu seba’ viżti quddiem l-Altar tar-Ripożizzjoni. Jekk il-knisja tkun l-unika waħda fil-lokalità fejn jistgħu isiru l-viżti, allura d-devoti joħorġu mill-knisja u wara ftit jerġgħu jidħlu fiha u jersqu lejn l-istess kappella tar-Ripożizzjoni biex jagħtu għal darb’oħra l-qima lill-Ġesù Sagramentat. Fl-antik dawn il-viżti kienu bosta drabi mmexxija mill-fratellanzi. Fuq quddiem tal-fratellanza kien ikun hemm dak li jerfa’ s-salib, li fuqu jkun hemm imwaħħla biss il-lanza u l-sponża, it-tnejn simboli tal-imrar żebliegħ u t-tbatija li sofra Kristu fuq is-salib.

Kif bdiet it-tradizzjoni tas-seba’ viżti?
L-użanza li jsiru s-Seba’ Viżti mhix ħaġa mhix unika għal Malta. Anzi, x’aktarx l-oriġini tagħha kien fl-Italja. Jingħad li kien San Filippu Neri li bdiha fl-1553, b’pelegrinaġġ li kien għamel f’Ruma meta ħajjar lil bosta minn sħabu biex jagħmlu flimkien żjarat bit-talb fis-seba’ bażiliki ta’ dik il-belt. Iż-żjara fis-seba’ knejjes qabdet sew fl-Italja u bdiet anki ssir f’xi pajjiżi oħra fosthom dawk tal-Amerika Latina fejn din it-tradizzjoni msejħa Visita Iglesia u fil-Filippini għadha ssir. Anki l-Maroniti ta’ l-Art Imqaddsa jagħmlu l-Viżti fis-seba’ knejjes ta’ Ġerusalem.
Ma hemm l-ebda obligu liturġiku jew regola fissa li jsiru seba’ viżti. Anzi, hemm min jagħmel ħames viżti flok sebgħa. Fix-Xagħra, Għawdex isiru tmienja, għax l-aħħar viżta issir quddiem l-altar maġġur fejn it-tabernaklu jkun miftuħ, biss vojt u mingħajr ostensorju bl-ostji (Brian Bonnici, 1998).
Fir-reliġjon Nisranija, in-numru sebgħa għandu bosta konnotazzjonijiet marbuta kemm mat-Testment il-Qadim kif ukoll mat-Testment il-Ġdid. In-numru sebgħa jfakkarna fil-Ġenesi, fejn naqraw li Alla ħalaq l-univers f’sitt ijiem, u fis-seba’ jum Alla straħ. Għalhekk, in-numru sebgħa hu numru li jagħti sens ta’ finalità. Fil-Bibbja hemm ukoll is-Seba’ Salmi, numri: 32, 102, 51, 6, 38, 130 u 143.
Bin-numru sebgħa niftakru wkoll fis-Seba’ Duluri tal-Madonna kif ipprofetizzahom Simeone (Luqa 2.35). Dawn kienu: i. Il-Profezija tal-qassis Simeon fejn jgħid li Maria għad jinfidilha stallett f’qalba bid-dulur li għad iġġarrab fil-ħajja ta’ Binha; ii. Il-ħarba lejn l-Eġittu; iii. it-telfa ta’ Ġesù f’Ġerusalem; iv. meta l-Madonna rat lil Ġesù jġorr is-salib; v. il-kruċifissjoni; v. meta l-Madonna tirċievi l-ġisem ta’ binha fi ħdanha; vi. Id-difna ta’ Kristu. Hekk ukoll, waqt il-Passjoni, Ġesù għadda minn seba’ stadji tat-tbatija. Imbagħad fit-tagħlim Nisrani, hemm is-Seba’ Sagramenti, u s-Seba’ Virtujiet li jpattu għad-dnubiet. Dawn is-seba’ virtujiet huma: karità, kastità, fidi, astinenza, paċenzja, umiltà u bżulija.
Fit-tradizzjonijiet reliġjużi Maltin hemm bosta użanzi marbuta man-numru sebgħa. Insemmu d-drawwa li f’jum id-Duluri, it-tfajliet kienu joħorġu minn darhom u jittallbu mingħand il-ġirien tagħhom seba’ loqmiet ħobż. Dawn kienu magħrufa bħala s-’seba’ bukkuni’.

Il-meditazzjoni waqt is-Seba’ Viżti
L-Insara huma mgħallma li f’kull viżta wieħed għandu jagħmel riflessjoni dwar kull stadju li Kristu għadda minnu. Hekk pereżempju:
l Fl-ewwel viżta li ssir quddiem l-Altar tar-Repożizzjoni fl-ewwel knisja, wieħed jimmedita dwar il-vjaġġ ta’ Ġesù miċ-Ċenaklu għall-Ort tal-Ġezzemani fejn Kristu ħariġlu l-għaraq tad-demm.
l Fit-tieni niftakru fil-vjaġġ li Ġesù għamel mill-Ort tal-Ġezzemani sa għand il-qassis il-kbir Annas fejn ġie interrogat u qala daqqa’ ta’ ħarta.
l Fit-tielet waqfa wieħed jimmedita fil-vjaġġ li Ġesù għamel mingħand Annas sa għand il-qassis il-kbir Kaifa fejn hemm kien imżebblaħ il-lejl kollu u anki beżqulu f’wiċċu.
l Fir-raba’ viżta wieħed jikkontempla dwar l-ewwel waqfa għand Ponzju Pilatu, il-Gvernatur Ruman tal-Lhudija. Hemm Ġesù kien akkużat mil-Lhud u li anki xehdu falz kontrih.
l Fil-ħames waqfa wieħed jimmedita dwar il-preżenza ta’ Ġesù quddiem Erodi fejn kien imżebblah, kemm minn Erodi kif ukoll mis-suldati tiegħu.
l Fis-sitt waqfa, issir il-meditazzjoni dwar it-tieni waqfa għand Pilatu, fejn Ġesù kien inkurunat bil-kuruna tax-xewk u kkundannat għall-mewt.
l Fl-aħħar viżta, il-meditazzjoni tiffoka fuq il-mixja li Ġesù għamel mingħand Pilatu sal-Kalvarju, waqt li ġarr fuq spalltu s-salib. Hawn issir il-meditazzjoni dwar l-inżul min fuq is-salib u d-difna tiegħu.

Martin Morana
3 ta’ April 2023
Biblijografija
Bonnici Brian, Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta. Sensiela Kotba Soċjalisti.1998.
Bjaġju Galea, L-Imdina ta; Tfuliti. Klabb Kotba Maltin. 1975.
Brockhaus Hannah, ‘St. Philip Neri’s 7 Churches Pilgrimage reutnrs after pandemic break’. Catholic, News Agency, 26 May, 2022.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. Pubblikazzjoni Indipendenza. 2004.
Si 24, (website). 18 Aprile, 2019.
‘Seven’ (artiklu) Man, Myth and Magic Encyclopedia, Vol. VI.
‘Seven Churches Visitation’. Wikipedia.

Ktieb li fih hemm imfissra mijiet ta’ kliem antik, bosta minnu li ntesa’ kif ukoll anedotti mill-istorja u l-kultura ta’ Malta. Ara aktar dwar pubblikazzjonijiet oħra billi tikklikkja hawn:
Aktar …
Grazzi Mill-qalb
SUR MORANA>
INselli gha;lik
Greg Caruana
13/4/2023.
LikeLike