L-IKEL fis-SEKLU DSATAX

L-IKEL  li L-MALTIN KIENU JIEKLU

fis-SEKLU  DSATAX

Osservazzjonijiet dwar l-ikel f’Malta minn William Domeier

Ftit wara l-bidu tal-okkupazzjoni Ingliża f’Malta, ċertu William Domeier, tabib Ingliż, membru tar-Royal College of Physicians of London, qatta’ mat-tliet snin f’Malta. Meta rritorna l-Ingliterra, fl-1810, ippubblika ktejjeb li fih ta bosta informazzjoni dwar Malta. Il-ktieb kien immirat lejn dawk kollha li xtaqu jiġu Malta biex jirkupraw minn xi mard jew kondizzjonijiet ta’ saħħa.  Fost l-affarijiet li hu żvela dwar Malta, insibu bosta informazzjoni dwar l-ikel li wieħed seta’ jsib għall-bejgħ. Hu jibda’ biex jgħid li fiċ-ċentru tal-Belt Valletta kien hemm suq li fih wieħed seta’ jixtri dak kiollu li hu meħtieġ, bħal, laħam, ħut, ħxejjex, bajd u frott. Qiegħed nassumi li Domeier qed jirriferi għas-suq fi Triq il-Merkanti, wara l-Palazz tal-Gran Mastri, (dak iż-żmien kien okkupat mill-Kummissarju Ingliż). Domeier isemmi wkoll suq ieħor, dak tal-ħut li kien hemm ix-xatt tal-Belt. Apparti dawn, kien hemm fil-Belt bosta ħwienet u bejjiegħa tat-toroq li jbigħu l-istess oġġetti tal-ikel.

Domeier ifaħħar it-togħma bnina tal-laħam taċ-ċanga. Jgħid li billi f’Malta, minħabba l-ispazju u t-temp, għal bosta xhur tas-sena ma kienx hawn fejn jirgħu l-bejjem, il-baqar u l-barrin kienu jimpurtawhom, l-aktar minn Sqallija u ġieli mill-Afrika ta’ Fuq. Jgħid li laħam tal-barrin f’Malta kien jitjieb għax dawn kienu jkunu mitmugħa ż-żerriegħa tal-qoton li dak iż-żmien kien jitkabbar f’Malta bil-kwantità. Minkejja l-importazzjoni, xorta waħda, il-bejgħ tal-vitella kien skars, u l-istess il-laħam tal-muntun. L-aktar li kont issib għall-bejgħ kien il-laħam tal-majjal li kien jinxtara bil-kwantità. Dan tal-aħħar, jgħid Domeier, kien laħam ta’ kwalità tajba ħafna u kien jittiekel l-aktar immellaħ. Laħam ieħor komuni kien il-laħam tal-mogħoż u l-laħam tal-fenek. Il-fniek mhux talli setgħu jinxtraw mingħand tal-ħwienet jew mis-suq, iżda anki kont issibhom fid-djar jew fl-irziezet ta’ bosta familji.

Mill-Ingilterra u mill-Italja kien ikun impurtati perżut, ilsien tal-barri, ħut immellaħ u ħut imqadded. Mill-Kalabrija kienu jimpurtaw tip ta’ zalzett iffumigat, u mill-Eġittu, ilsien il-ġemel, li Domeier għid li kien ‘a great delicacy’. Domeier jgħid li laħam ieħor li kien jittiekel ħafna għax kien laħam fin u tari, kien dak tal-fenek tal-Indi. Ma’ dawn kien jinxtara anki laħam tat-tiġieġ, tad-dundjan u anki tal-beċċun. Dan tal-aħħar, hu jgħid li kien itjeb minn dak tal-Ingilterra. Mhux l-istess jgħid għal-laħam tal-wiżż, għax dan kien ta’ togħma inferjuri, biss ma tantx kont issib tixtri wisq minnu.

Is-sajjieda kienu jaqbdu ħut ta’ kull kwalità u kwantità u kien jinbiegħ ta’ kuljum. Biss, it-tonn kienu jinpurtawh minn Sqallija għax hemm kien jinqabad bil-kwantità. Apparti l-ħut, il-Maltin kienu jieklu kemm il-fkieren tal-baħar kif ukoll is-siċċ. Dan tal-aħħar, skont Domeier, ma kienx għali, u fl-istess ħin kien meqjus bħala ikel nutrijenti ħafna.

Il-ħalib kien jinbiegħ fit-toroq direttament mill-mogħoż li kienu jaħilbuhom quddiem il-bieb tad-dar, biex, skont Domeier, ħadd ma jfettillu jissuspetta li l-ħalib kien miżjud bl-ilma. Ma’ dan kien ukoll jinbiegħ il-ħalib tal-ħmir, li Domeier jgħid kien sustanzjuż immens. F’Malta kien ukoll jinħadem tip ta’ butir magħmul mill-ħalib tal-mogħoż jew tan-nagħaġ. Kien ukoll impurtat butir immellaħ li kien jiġi mill-Irlanda. Biss, dan kien ikkunsmat mill-Ingliżi biss. Kienu impurtati wkoll diversi tipi ta’ ġobon, pereżempju, dak parmeġġan, ieħor impurtat mill-Isvizzera u ieħor mill-Olanda. Oġġetti oħra impurtati kienu, il-kafé, it-te, iz-zokkor, il-kokotina, basal tal-pikles, ħwawar u affarijiet simili. Fi żmienu, il-patata ftit li xejn kienet titkabbar f’Malta, u l-Maltin ma tantx kienu jħobbuha. Din kienet ikkunsmata mill-Ingliżi biss u damet ħafna ma ndrat mill-Maltin.

Il-ħobż kien magħmul mid-dqiq tal-qamħ (Domeier jgħidlu wheatened flour) u kien ta’ togħma bnina. Ħafna drabi min kien jipprepara l-ħobż kien iżidlu l-ġunġliel, ingredjient li kienu wkoll iħalltuh ħafna ma’ kull tip ta’ ikel ieħor. L-inbid kien l-aktar impurtat minn Sqallija, mill-Greċja, minn Spanja u minn Franza. Domeier jgħid li dawn l-inbejjed kienu jinxtorbu l-aktar mill-popolin għax kienu rħas. L-inbid kont tista’ tixtrieħ b’inqas minn żewġ soldi l-flixkun. Il-Marsala, li l-Ingliżi kienu jsejħulu, Sicilian Madeira, kont tista’ tixrieħ b’inqas minn xelin.

Domeier jgħid li f’Malta kont kapaċi ssib bosta kwalitajiet ta’ ħxejjex, biss mhux dejjem ta’ kwalità. Pereżempju, il-patata, il-ġdur u z-zunnarija, skont Domeier, kienu ta’ kwalità inferjuri minn dawk tal-Ingilterra. Imbagħad, il-pastard, il-brokkoli u l-qaqoċċ kienu ta’ togħma itjeb minn dawk li kont issib f’pajjiżu. Domeier isemmi wkoll tip ta’ fażola partikolari, il-hog beans.

L-istess awtur jgħid li f’Malta kienet tikber tip ta’ qara’ żengulija li ma kontx issib bħala fl-Ingliterra. Din kienet tittiekel, kemm waħidha, kif ukoll mimlija bl-ikkapuljat jew inkella msajra mas-soppa. Il-Maltin kienu jieklu wkoll it-tadam (hu jsejjaħlu bl-isem Ingliż love apples, u l-brunġiel, u jgħid li dawn kienu jittieklu f’Malta aktar milli fl-Ingliterra, u matul is-sena kollha. *

Bħala frott, Domeier jgħid li f’Malta kien hawn għażla kbira mhux ħażin. Isemmi l-larinġ, id-dulliegħ, il-mandolina, u l-berquq. Kont issib ukoll ħawħ, għeneb, lumi, rummien, pistaċċo, tin, lewż, passolina u żbib. Domeier isemmi wkoll il-frawli, it-tut u l-ħarrub kif ukoll il-ġewż, il-ġellewż, iċ-ċirasa, it-tuffieħ u l-lanġas. Hu jgħid li l-qastan kien jinxtewa u jinbiegħ fit-toroq. Naturalment, dawn kollha għandi nifhem li kont issibhom skont l-istaġun.  

Domeier jgħid li l-Maltin kienu jikkunsmaw ħafna ħaxix, qaqoċċ, basal, karfus, tip ta’ ċiċri li hu jsejħilhom lupins u cicer, żebbuġ fis-salmura, tin, u bajtar tax-xewk. Dan tal-aħħar kienu jħobbu jdellku mal-ħobż. Jgħid ukoll li matul il-ġurnata il-Maltin ma kienu jieklu xejn ħlief ħobż biż-żejt bi ftit inċova mmelħa, aringi jew xi ħut ieħor imqadded. Din il-kwalità ta’ ikel kienet ikkunsmata aktar u aktar fil-jiem tas-sawm matul is-sena kollha, jiġifieri, kull nhar ta’ Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt.

L-ikel tal-bdiewa u dawk li jgħixu fl-irħula

John Hennen kien tabib ieħor Ingliż li ġie Malta daqs għaxar snin wara Domeier. Hu kien mibgħut apposta biex jagħmel studju dwar is-saħħa u l-mard, kemm fost is-suldati Ingliżi stazzjonati f’Malta kif ukoll fost il-Maltin. Hennen ħa notamenti dwar l-ikel bażiku li l-Maltin kienu jikkunsmaw. Hu jgħid li l-ikliet tan-nies tal-kampanja u l-irħula kien sempliċi immens. Ħafna drabi l-ikel, bħal ħaxix, l-insalata u l-frott kienu jittieklu nejjin. Għall-kolazzjon il-Maltin kienu jħobbu jixorbu l-kafé jew il-kokotina u jieħdu xi kisra ħobż jew xi frotta. L-ikla prinċipali tal-ġurnata kienet tkun taħlita ta’ ħxejjex imsajra fil-borma. Kien hemm ukoll l-għaġin (hu jsejjaħlu maccaroni) u xi ftit laħam. L-ikel kien jissajjar barra d-dar, fit-triq, fuq il-kenur. In-nar kien jitqabbad mill-faħam li kien impurtat minn Sqallija. Biex jitkebbes in-nar kienu jużaw xi friegħi żgħar ta’ pjanti aromatiċi bħala lixka. Il-ħobż kien ta’ kulur kannella għax kien maħlut – jiġifieri mħallat max-xgħir. Hennen jgħid li l-qamħ ġieli kien ikun miżjud (adulterated) bil-qxur tal-qamħ (frammentazzo) li jaqa’ fl-art hu u jinħażen fil-’fosos pubbliċi’. Hennen jgħid li dan l-ingann kien twaqqaf mill-awtorijajiet meta kienu stabbiliti pieni ħorox u issa l-ħobż kien ta’ kwalità aħjar minn qabel. 

Fost l-ikel bażiku li kien anki jittiekel matul il-jum kien hemm it-tewm, iż-żejt, il-ġobon u ż-żebbuġ. Il-ħut immellaħ bħas-sardin jew aringi kien ikel komuni. Fit-tisjir, il-Maltin kienu jinkludu bosta ħxejjex fosthom il-qara ħamra, il-ħjar, il-piżelli u l-pastard, li Hennen jgħid kienu ta’ kwalità eċċellenti. Ma’ dawn kienu kultant iżidu l-ħut jew xi ftit majjal. Mingħajr ebda ħjiel ta’ deriżjoni jew sarkażmu, Hennen jirrimarka dwar ir-riħa tintenn li kellhom fuqhom il-Maltin għaliex kienu jieklu ħafna tewm u ħut immellaħ. Hu jgħid li r-riħa kienet tkun aktar qawwija meta dawn kienu jikkunsmaw il-prodotti tat-tabakk.

Hennen jgħid li anki l-familji sinjuri ma tantx kienu jieklu laħam. Forsi daqs libbra jew tnejn laħam jew xi biċċa tiġieġa tinqasam bejn il-membri tal-familja. Matul l-ikla kienu jixorbu biss l-ilma u fl-aħħar jispiċċaw l-ikla b’xi tazza inbid. Il-frott kien ta’ diversi tipi. Id-dulliegħ kien magħruf sew għat-tjubija tiegħu. Biss, Hennen jgħid li ħlief għall-larinġ, ħafna mill-frott kien ta’ kwalità ħażina, l-aktar għaliex ta’ spiss, il-Maltin kienu jaqtugħ u jikluh mhux misjur għaliex kienu jibżgħu li dan kien jilħaq jinsteraq mill-għelieqi jew mill-ġonna.

Kuntlarju ta’ dak li qal qablu Domeier, Hennen jgħid li t-togħma tal-laħam tal-baqar ma kinetx tajba għax iċ-ċanga kienet tkun mimlija xaħam. Hennen jgħid li l-patata li kienet titkabbar f’Malta kienet ta’ kwalità inferjuri minn dik tal-Ingliterra. In-nagħaġ u l-mogħoż kienu jipproduċu ħalib eċċellenti. Hu jgħid li ż-żejt, bħat-tonn, kien impurtat minn Sqallija. Fost il-ħut, Hennen isemmi l-pixxisanpietru, (dory), ir-rock cod u ‘a species of whiting’, li bil-Malti jsejħilha, lupo (probabbilment qed jirriferi għall-pixxilupu, magħrufa wkoll bħala ballottra), il-cray fish (skont id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din hi l-awwista mxewka) magħrufa għat-tjubija tagħha. Kien hemm ukoll tip ta’ gandoffla, (Hennen isejħilha pholis (x’aktarx qiegħed jirriferi għall-pholas dactylus). Ma’ dawn Hennen jinkludi wkoll is-sardin u l-inċova. It-tamar tal-baħar kien ikkunsidrat bħala speċjalità li wieħed kien jiekol kultant żmien.

L-aqwa ikla lussuża tas-sena kienet dejjem tkun fil-festa tar-raħal, jew inkella xi okkażjoni partikolari bħal xi magħmudija jew tieġ tal-familja. Hawn kien jidħol ukoll il-ħelu. Hennen jgħid li f’dawn l-okkażjonijiet, il-mistednin kienu jiffangaw fl-ikel kemm jifilħu.

L-ikel fil-ħabs  

Dominique Miège, konslu Franċiż li qatta’ bosta snin jgħix f’Malta, fil-ktieb tiegħu, Histoire de Malte (1841), jagħti rendikont dwar it-tip ta’ ikel li kien jingħata fil-ħabs, li dak iż-żmien kien għadu f’binja fil-Belt Valletta, quddiem il-Barrakka ta’ Isfel. Il-priġunieri kienu jingħataw kuljum razzjon ta’ ħobż ismar, daqs 26 uqija (737 gramma) u erba’ uqijiet (113.39 gramma) ta’ għaġin li hu jgħid kien ta’ kwalità inferjuri (isejjaħlu, de seconde qualité). L-għaġin kien jisserva bħala ingredjent fis-soppa. L-istess soppa kienet kultant ikollha għads, piżelli jew fażola. Barra minn dan, ir-razzjon tal-ħabsin kuljum kien jinkludi ġobon – 2 ½ uqija (70.5 gramma), ħut immellaħ u żebbuġ. Dan l-ikel kien ipprovdut kuljum minn kuntrattur imqabbad apposta mill-awtoritajiet tal-ħabs, li kien jitħallas 2 tari u 10 ħabbiet għal kull ikla ta’ kull priġunier. Fejn kien jisserva l-ikel kienet tiddendel tabella b’lista li turi r-razzjon dovut lil kull priġunier. Kien ukoll jitqiegħed miżien apposta biex il-priġunieri jaċċertaw ruħhom li qed jingħataw ir-razzjon dovut lilhom kif suppost. Il-priġunieri kienu jistgħu jpartu r-razzjon tagħhom għal somma ekwivalenti ta’ flus.

L-ikel fl-orfanatrofju f’nofs is-seklu dsatax

Pietru Pawl Ċiantar fil-ktieb tiegħu, Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min Ghalija. (1865), jgħid li fl-1850, il-Gvernatur More O’Ferrall kien fetaħ orfanatrofju fil-Belt, fil-binja fejn qabel kien hemm l-Isptar Ċivili għall-irġiel, fil-Kunvent tal-Ikkonvertiti. F’dan l-orfanatrofju kien hemm daqs 100 tifel u tifla. Hawn, it-tfal kienu jinżammu għal madwar tlettax-il sena, sakemm jagħlqu t-tmintax-il sena. Ciantar jagħti rendikont tat-tip ta’ ikel li dawn it-tfal kienu jingħataw.

Kolazzjon: Kafé u miegħu ħamest ewwieq ħobż jew galletti. 

Ikla ta’ nofsinhar: soppa tal-ħaxix bl-għaġin jew bir-ross; uqitejn buljut (laħam taċ-ċanġa mgħolli u li jittiekel wara li jitneħħa mill-brodu); sebat ewwieq u nofs frott, jew uqitejn ‘deżerta xotta’, bħal ġewż jew tin. Ħamest ewwieq jew seba’ biċċiet ħobż, skont l-età.

Ikla ta’ filgħaxija: insalata u uqitejn ħut jew salami, inkella uqija ġobon; deżerta u ħobż bħal f’nofsinhar.

Il-bniet li kienu inkarigati jagħmlu xogħol ta’ ħassiela kienu jingħataw ukoll daqs żewġt iswaba’ inbid, waqt li dawk ta’ kondotta tajba kienu anki jingħataw il-ħalib!  Din l-informazzjoni tal-aħħar turina illi dak iż-żmien, il-Maltin kienu jemmnu li l-inbid kien nutrienti aktar mill-ħalib għax kien jingħata lil dawk li jagħmlu xogħol manwali, waqt li l-ħalib kien jingħata biss jekk dawk it-tfajliet kienu jġibu ruħom sewwa. Anki fil-ħabs l-inbid kien jingħata biss, f’ċerta kwantità lill-ħabsin li kienu morda.**

Maturin Murray Ballou

Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax

Biex inkunu nafu jekk dan l-ikel baqax l-istess lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, qallibt il-ktieb, The Story of Malta, (1893) ta’ Maturin Murray Ballou, vjaġġatur Amerikan li ġie Malta. Dan jikkonferma kif id-dieta tal-Maltin lejn l-aħħar tas-seklu dsatax qajla nbidlet. Isemmi kemm il-Maltin kienu jieklu ħxejjex u ħut. Il-laħam ma tantx kien jinxtara għaliex prezzu kien ogħla aktar minn dak li kien jinbiegħ fl-ibliet Amerikani, waqt li l-ħut kien irħis. Biss, jgħid li l-laħam tal-ħaruf kont issib minnu kemm trid. Jgħid ukoll li l-Maltin kienu jħobbu ħafna l-frott tal-baħar (shell fish). Ballou jsemmi wkoll il-larinġ tad-demm u jgħid li dan kien itjeb minn dak li hu kien daq fi Florida.  

L-ikel fl-istejjer orali li ġabar il-folklorista Patri Manwel Magri 

Patri Manwel Magri

Fl-aħħar nett biex nagħlaq dwar l-ikel li kien jittiekel fis-seklu dsatax, indur għal sorsi orali li Patri Manwel Magri ġabar u kiteb dwarhom meta fittex dwar il-ħrejjef tal-Maltin ta’ żmienu (1851 – 1907). Fost l-ikel jissemmew, il-ftira biż-żejt, ir-ravjul li l-aktar li kien jittiekel fix-xitwa, ir-ross il-forn, il-brodu tal-fekruna tal-baħar, il-fenek imsajjar fil-baqra, (reċipjent tat-tisjir) jew xi ‘ħasi moħxi’. Bħala ikel ħafif jissemma l-qassatat bil-piżelli, il-ful, it-tin fid-dugħ (tip ta’ reċipjent), bil-werqa tar-rand bejn saff u ieħor u mbexxex bl-għeneb u l-brandy; il-qagħaq, il-figolla tal-Għid il-Kbir, u l-biskuttini; ħobż tas-smid, qubbajt tal-għasel abjad u ‘imqaret sħan sħan’. Isemmi wkoll il-ġobon tan-nar u l-ħabbgħażiż, xi ‘dolliegħa ta’ Tripli daqs kajjik’. Dawn kollha mhux bilfors kienu jittieklu ta’ kuljum. Anzi għandi x’nifhem li xi wħud minnhom kienu ikliet speċjali u oħrajn skont l-istaġun jew l-okkażżjoni.   

* Biex tkun taf aktar dwar l-etimoloġija tal-kelma tadam ikklikkja hawn kliemustorja.com/t/ u fittex TADAM.

** Fil-kitba ta’ Ovid Doublet, is-segretarju tal-Gran Mastru Hompesch, (1796-98) insibu li meta Doublet għamel xi ġimgħat marid fis-sodda, meta wieħed mill-ħbieb mar iżuru rregalalu flixkun inbid, bħallikieku dan seta’ jgħin fil-fejqan; l-istess bħal meta llum nieħdu xi tużżana laring lil xi ħadd li mmorru nżuru l-isptar.

Martin  Morana

23 ta’ Marzu, 2023

http://www.kliemustorja.com

Aktar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur …. ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Biblijografija

Ciantar Pietru Pawl, Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min Ghalija. 1865.

Domeier William, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta etc., J. Callow, Medical Bookseller, Soho, London. 1810.

Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas & George Underwood, London. 1830.

Miège Dominique,  Histoire de Malte. Gregoir, Wouters et Co., Bruxelles. 1841.

Mifsud Chircop Ġorġ, Manwel Magri – Ħrejjef Missirijiena, Publishers Enterprises Group (PEG). 1994.

Scicluna Joe, When Malta Surrendered – The Doublet Memoires and the Poussielgue Report. Allied Publications, 2011.

Ktieb li jittratta mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħti tifsiriet ta’ kliem antik u minsi.

paġni 256, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġett ittrattat. Jinsab għand il-librara. Prezz. Euro 14.95

Aktar pubblikazzjonijiet mill-istess awtur … ikklikkja hawn …

2 Comments

  1. Grazzi Sur Morana ta’ tant informazzjoni siewja li inti tagħtina regolarment. F’din ta’ l-ahhar, dwar “L-IKEL li L-MALTIN KIENU JIEKLU fis-SEKLU DSATAX” , qabbatni kurzita meta int ktibt: “Bħala ikel ħafif jissemma l-qassatat bil-piżelli, il-ful, it-tin fid-dugħ (tip ta’ reċipjent) . . . . . . . . Issa jien noqghod Marsaskala fi Triq id-Dugh u ili zmien twil nipprova insir naf x’inhu ezattament dan id-Dugh. Qed niktiblek biex jekk forsi ghandek xi nformazzjoni fuq dan l-imbierek dugh [anki forsi xi stampa] tgħaddijili u sserahli rasi darb’ ghal-dejjem. Darba xi hadd qalli li huwa kaxxa li fiha jpoggu fliexken tal-inbid vojta imma qatt ma rrnexxieli nikonfermha din.

    Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s