L-IMKEJJEN TAL-BELT VALLETTA

IMKEJJEN TAL-BELT VALLETTA

u

 l-Laqmijiet Tagħhom

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Introduzzjoni

Dawk ta’ ċerta età żgur li jiftakru bosta ismijiet ta’ toroq u wesgħat fil-Belt Valletta li kienu magħrufa aktar bil-laqam milli b’isimhom. Kultant l-isem antik baqa’ jingħad, anki jekk l-isem tat-triq imbidel. Biex nagħti eżempju, minkejja li mis-snin sebgħin Triq ir-Repubblika bdiet tissejjaħ hekk, xorta waħda n-nies baqgħu jafuha bl-appellativ antik tagħha, jiġifieri, Kingsway, jew Strada Rjali.

L-ismijiet tat-toroq u l-pjazez tal-Belt, minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann sal-lum inbidlu kemm-il darba. Strada Rjali kienet imsejħa oriġinarjament, Strada San Giorgio. Misraħ ir-Repubblika, li ħafna minna jafuha bħala Pjazza Reġina, kienet oriġinarjament magħrufa bħala Piazza Tezoreria. Triq Melita kien jisimha Strada Pia, u fi żmien l-Ingliżi, Strada Britannica, jew Britannia Street.

Imkejjen oħra tal-Belt kienu u baqgħu magħrufa bl-isem ta’ xi binja jew knisja partikolari li hemm f’dawk l-inħawi. Hekk insibu li l-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, kienet magħrufa bħala ‘fuq San Ġakbu’, minħabba l-knisja żgħira u ħelwa li hemm kantuniera ma’ Triq Melita. ’L isfel fl-istess triq, wara l-Palazz, kien magħruf bħala ħdejn is-Suq, minħabba s-suq antik li kien ilu hemm minn żmien il-Kavallieri u li fis-seklu dsatax inbniet struttura tal-ġebel u ħadid fejn il-bejjiegħa kellhom il-bankarelli tagħhom. Partijiet minn Triq ir-Repubblika, kont tidentifikahom, mill-binjiet partikolari. Ngħidu aħna, meta tnejn jiftiehmu li jiltaqgħu qrib il-kantuniera ta’ Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika kienu jiftiehmu li se jiltaqgħu ‘ħdejn is-Savoy’, (għax hemm kien hemm żewġ swali taċ-ċinema b’dan l-isem. Inkella kienu jgħidu, ‘ħdejn tal-fjuri’ minħabba l-kjosk li kien hemm fil-qrib li kien ibigħ il-fjuri. Imbagħad, Pjazza San Ġorg, quddiem il-Palazz, fi żmien l-Ingliżi kienet dejjem magħrufa bħala l-Main Guard, minħabba l-binja li kienet isservi għalhekk. U nibqgħu sejrin hekk.  

Ismijiet u laqmijiet fi żmien Temi Zammit (1864 – 1935)

Fost il-bosta kitbiet li Temi Zammit ippubblika, insibu artikolett li jismu, ‘Il-Belt Valletta – Tifkiriet tal-Imgħoddi’. Dan l-artiklu deher wara mewtu, fil-ktieb, Ward Ta’ Qari Malti, (1936). Fih, Zammit jirrimarka kemm kienu imbidlu l-ismijiet ta’ ċerti akkwati tal-Belt Valletta.    

Fost dawn l-imkejjen, l-ewwel ma jsemmi hu  l-ambjent ta’ qrib il-fortizza ta’ Sant’Iermu. Hawn kienu jgħidulu, l-Ixprun, x’aktarx minħabba dik il-ponta tal-fortizza li tisporġi minn ġol-foss lejn id-direzzjoni tat-triq prinċipali tal-Belt. Zammit isemmi wkoll, l-Arċipiergu (hu jsejjaħlu l-Arċipierku). Hu jgħid li dan kien f’dik in-naħa ta’ ‘taħt il-Furmarija’, jiġifieri dawk it-toroq u l-binjiet qrib l-Isptar tal-Ordni, ‘s-Sagra Infermerija’.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Żammit ikompli billi jgħid li fil-Belt kien hemm żewġ inħawi li kienu magħrufa bil-laqam skont ix-xogħol li kien isir fihom. Fi Triq San Kristofru, qrib il-knisja tal-Ġiżwiti, kien magħruf bħala ‘tas-siġġijiet’ għax hemm kien hemm min jaħdem is-siġġijiet, barra fit-triq. Imbagħad, Zammit isemmi x’imkien li ma jidentifikax sew, biss li x’aktarx hi Triq il-Mediterran preċiżament fuq naħa minnhom tal-Barrakka ta’ I’isfel magħruf bħala ‘tal-ħaddidin’ (illum is-sur tal-ħaddidin) għax hemm kien hemm jaħdmu bosta ħaddieda. Zammit jgħid li fi żmienu ftit kien għad fadal minnhom. Post ieħor li Zammit isemmi hu ‘l-iskola tal-ħabs’, riferenza għal dik il-binja qrib il-Barrakka ta’ Isfel li sal-1850 kienet għadha tintuża bħala ħabs. Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, din l-istess binja kienu jinqaflu fiha l-ilsiera, u għalhekk kienet ukoll magħrufa, bħala il-bagno.

Strada San Giuseppe kienet magħrufa bħala t-triq tal-Franċiżi. Imbagħad Zammit isemmi li fi Triq tal-Fran kien hemm wesgħa magħrufa bħala, d-Duwi Balli. Zammit jgħid li hemm kien hemm żewġ kolonni li fuq kull waħda minnhom kien hemm bħal balla tal-ġebel, u b’hekk din in-naħa tal-Belt issemmiet hekk. Aktar ’l isfel, kien hemm dak li hu jsejjaħ ‘il-Gett tal-Lhud’ u miegħu, ‘Bieb il-Lhud’, li jagħti għal mina tal-fossa, illum magħruf bħala Jews’ Sally Port.

Lejn Marsamxett, fejn tispiċċa Strada San Cristoforo, hemm kienu jgħidulu ‘fomm ir-riħ’, mid-dehra għax meta kien jonfoħ il-Majjistral dan kien jinħass sew f’dawk l-inħawi. Imbagħad qrib Pjazza San Ġorġ, kantuniera ma’ Triq l-Arċisqof, dik il-qasma tat-triq kellha laqam, kurjuż, ‘Tal-Fama’, riferenza għal kolonna li twaqqfet ad unur tal-Gran Mastru Verdala, meta fl-1588 dan kien imlaħħaq kardinal.

In-naħa tal-Port, lejn Ta’ Liesse, Zammit jgħid li kienu jgħidulu ‘fuq il-Ġgant’, minħabba l-istatwa ta’ Nettunu li kienet imqiegħda hemm fi żmien il-Gran Mastru Wignacourt. Din kienet tneħħiet minn hemm mill-Gvernatur Le Marchant, fl-1858, jiġifieri, sitt snin qabel ma twieled Zammit.

It-taraġ ta’ wara s-Suq kien magħruf bħala t-taraġ ‘tat-tiġieġ’, għax it-triq kienet maħnuqa b’gaġeġ bit-tiġieġ u tjur oħra lesti biex jinbiegħu. Il-parti ta’ Triq San Ġwann fejn ħafna jafuh bħala ‘t-triq tal-ganċ’ hawn kien magħruf bħala ‘n-niżla tal-ikkalzrati’ minħabba li l-bieb tal-ħabs tal-Qorti, (il-Klistanija) kien jinsab hawn. Dan il-bieb kien jintuża biex jinħarġu dawk ikkundanati għal mewt, biex l-ewwel idawruhom proċessjonalment matul bosta toroq u wara jittieħdu lejn ix-xagħra tal-Furjana biex jgħallquhom fuq il-forka.

Is-Suq tal-Belt

Temi Zammit jagħlaq l-artiklu billi jfakkar li meta kien għadu tfal, bosta bħalu kienu jmorru jilagħabu f’post qrib Kastilja li kien magħruf bħala, ‘tal-ġinnastika’. Kien magħruf hekk għax hemm l-Ingliżi kienu bnew binja fejn bħala mod ta’ rilassament kienu jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku. Zammit jgħid li l-binja twaqqet biex flokha ttela’ l-Vernon Institute. Flok il-Vernon llum hemm, il-Bank Ċentrali.

The Vernon Club li Zammit jgħid li kien jissejjaħ The Vernon Institute

Tibdiliet oħra fl-ismijiet tal-inħawi fil-Belt 

Fil-kitba tiegħu Zammit jgħid li semma bosta ismijiet li fi żmienu kienu leħqu ntesew. Minn meta nkiteb l-artiklu sal-lum reġgħu saru bosta tibdiliet kemm fil-binjiet kif ukoll fl-ismijiet u l-laqmijiet tat-toroq u nħawi. Hawn taħt qiegħed inniżżel xi ismijiet,  xi wħud minnhom ġa imsemmija, biss b’tifsira aktar fil-wisa’, ta’ postijiet li hemm fil-Belt Valletta. Kif ser tinnutaw, ħafna minnhom jagħtu ħjiel tal-istorja li hi marbuta magħhom.

——

ARĊIPIELGU / ARĊIPIERGU, L-    Dan hu l-ambjent ta’ qrib il-knisja parrokkjali tal-Porto Salvo u l-Barrakka t’Isfel – għalkemm bħala parroċċa, hawn jagħmel ma’ San Pawl. Dari, hawn kienu jgħixu familji pjuttost foqra. Il-blokki tal-bini ta’ dawn l-inħawi twaqqgħu fl-1972, biss inbnew oħra ġodda u aqwa flokhom. Fil-kuntest urban, il-kelma ‘arċipiergu’ tfisser binja jew blokki ta’ bini. Intant, fl-Enciclopedia Treccani sibt din it-tifsira: complesso, raggruppamento ampio e irregolare di cose o persone. Unione (isole) di gruppi o comunità isolate una dall’altra affini di condizione socio-politiche.  

IL-BARRAKKA Ta’ FUQ u l-BARRAKKA Ta’ ISFEL  Il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u tal-Barrakka ta’ Isfel, oriġinarjmanent kellhom bħal-loġġa msaqqfa kull wieħed, li kienet toffri kenn lil min irid igawdi l-arja friska ġejja minn fuq il-baħar waqt li jitpaxxa bil-veduta tal-Port il-Kbir. L-eqdem miż-żewġ Barrakki hi dik ta’ naħa ta isfel, u fil-fatt kienet magħrufa bħala La Barracca Antica. Din fis-seklu dsatax kienet isservi lill-militar Ingliż bħala kamp tas-suldati. Il-Barrakka ta’ Fuq baqgħet tintuża bħala post ta’ sfog għall-pubbliku. Biss anki hawn l-Ingliżi sabu użu ieħor għalih, għaliex imlew il-ġnien bil-monumenti li jfakkru persuni li kienu jservu l-Imperu Ingliż. Hemm imfakkra wkoll xi traġedji li ġraw fuq il-baħar. Apparti minn hekk, il-Barrakka ta’ Fuq serva wkoll biex jindifen l-ewwel gvernatur Ingliż li miet f’Malta, Sir Thomas Maitland. Etim. Tal. Barracca: costruzione in legname, facilmente smontabile.

BARRIERA, IL-   It-triq ta’ fejn kien hemm l-imħażen ta’ Perellos, bejn il-pixkerija l-antika u dik aktar riċenti. Imsejħa hekk minħabba li fi żmien l-Ordni u fi żmien l-Ingliżi hawn kien hawn barriera tal-injam li kienet iżomm lin-nies milli jersqu viċin il-Parlatorju fejn kienu jinżlu l-vjaġġaturi minn fuq il-bastimenti, bħala prekawzjoni kontra l-mard infettiv.   

BIEB IL-LHUD    Dan isemmieh Temi Zammit u llum ukoll għadu magħruf hekk. Appellattiv ieħor għal dan l-ambjent hu ‘l-fossa’. F’xi kitba antika sibt li hawn kien magħruf ukoll bħala Bieb is-Saraċeni.

BLATA, FUQ IL-     It-triq u l-ambient ta’ Triq Marsamxett, taħt il-knisja tal-Ingliżi. Hawn fl-antik kien hawn bosta ħwienet tal-ħaddieda u ta’ dawk li jaħdmu l-karettuni.

DEHEB, IT-TRIQ TAD-    Minħabba n-numru ta’ ħwienet li jbigħu l-ġojjellerija, il-parti tat-Triq ta’ Santa Luċija, bejn Triq il-Merkanti u Triq ir-Repubblika, kienet u għadha magħrufa hekk fost in-nies.

DUWIBALLI / DIJUBALLI    Laqam li jirriferi għall-inħawi fin-naħa ta’ isfel tal-Belt, bejn Triq il-Funtana u Triq San Ġużepp lejn Triq L-Ifran. Din iż-żona kienet assoċjata mal-Mandraġġ. Dan l-appellattiv ingħata minħabba li fl-inħawi xi darba kien hemm żewġ balal tal-ġebel fuq plieri, simili bħal ma naraw f’Bieb il-Bombi, il-Furjana. Nafu b’ċertezza li fi żmien l-Ordni, Triq San Nikola kien kienet tissejjaħ, Strada due palle, u fi żmien il-Franċiżi, din it-triq żammet l-istess isem biss bil-Franċiż, Rue Deux Balles.  Sors: Valletta,  ta’ Michael Galea, 2011.

GANĊ,  IT-TRIQ  TAL-     Din hi dik il-parti ta’ Triq San Ġwann li minn Triq il-Merkanti, tagħti għan-niżla lejn Triq San Pawl. Dan il-laqam ingħata lil din it-triq minħabba ganċ kbir imdeffes fil-ħajt, ftit ’il bogħod mill-kantuniera ta’ Triq Il-Merkanti. Hawn min jgħid li dan il-ganċ twaħħal mal-ħajt fi żmien l-Ordni biex miegħu jdendlu b’ħabel, il-persuni kkundannati, minn fuq speċi ta’ ħoġor ħiereġ ’l barra li hemm fl-għoli tal-kantuniera. Hu fatt li fi żmien l-Ordni, ma’ din il-kantuniera li kienet tagħmel parti mill-Kastellanja, kien isir l-istrapado, jiġifieri, tip ta’ tortura fejn l-ikkundannat kien jintrabat, u jinġibed bil-ħbula biex jissussawlu l-ġogi. Hemm min jgħid ukoll li l-ganċ kien serva biex miegħu jintrabtu l-ħbula meta ttellgħu l-qniepen li hemm fil-kampnar tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Hemm ukoll xniegħa ħelwa, li fi żmien l-Ingliżi dawk impjegati man-Navy li kien jirnexxielhom jgħaddu mill-ħolqa tal-ganċ kienu jingħataw promozzjoni.

ĠENJU,  TRIQ    Dan hu isem li komunament kien jingħad flok Triq l-Inġinier. Triq u sqaq li jinsabu bejn Strada Mezzodi (Triq Nofsinhar) u l-Ġnien ta’ Hastings. Bl-Ingliż, dawn kienu msejħa, Sappers Street u Sappers Lane.

L-ILJUNI,  FUQ   Wesgħa li tagħti għal fuq Triq il-Lvant, int u nieżel mill-Barrakka ta’ Isfel lejn Victoria Gate. Hawn imsejjaħ hekk għax f’dan l-ambjent hemm żewġ pilastri li fuq kulll wieħed minnhom kien hemm statwa ta’ ljun qiegħed iżomm l-arma li tirrapreżenta l-Gran Mastru Manoel de Vilhena. Wieħed minn dawn il-pilastri kien fit-tarf ta’ Strada San Cristoforo (dan kien tneħħa) u l-ieħor li qiegħed ‘l isfel mill-kantuniera ta’ Triq l-Arċisqof.

LIESSE TA’    L-ambjent ta’ madwar il-knisja ddedikata lill-Madonna ta’ Liesse. Ara: PIXKERIJA.

LOĠOĠ, TAĦT Il-   Din hi dik it-triq dejqa u msaqqfa bejn Triq it-Teatru l-Antik u Triq Santa Luċija. F’nofs din it-triq hemm il-Bibljoteka Nazzjonali. Fi żmien l-Ordni din kien jisimha Strada Tezoreria. Fi żmien il-Franċiżi saret Rue D’Egalitè.  

MAŻŻRI, IT-TELGĦA TAL-   It-telgħa tal-Mażżri jew Mażri hi dik il-parti ta’ Triq San Pawl, li titla’ lejn Kastilja. Imsejħa hekk għax f’dawn in-naħat kien jinbiegħ il-qoton li kien ikun impurtat mill-Eġittu. Misr hu l-isem bl-Għarbi għall-Eġittu, u masri kienet riferenza għall-qoton li kien ikun impurtat minn hemm. Agius de Soldanis (1712 – 1770), jgħid hekk meta jispjega l-kelma masri: ‘[…] bejjiegħ tal-masri, venditore di lino […]’.

MANDRAĠĠ, IL-  Sa nofs is-seklu 20, dan kien ambjent partikolari tal-Belt, mibni ta’ ħorrox borrox fin-naħa tal-Punent tal-Belt Valletta, fuq ix-xaqliba ta’ Triq Marsamxett. Fih kien jinkorpora parti minn Triq San Mark, Triq Santa Luċija, u Triq San Patrizju. Oriġinarjment, il-Mandraġġ kellu jkun manderacchio, jiġifieri, menqa għall-bastimenti u bċejjeċ oħra tal-baħar tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ix-xogħol waqaf nofs leħja meta t-tħaffir kien wasal f’ċertu fond. Bl-abbandun ta’ dan il-proġett il-ħofra kbira fil-blat li kienet leħqet tħaffret bdiet timtela b’binijiet ta’ kull tip, li bdew iservu ta’ kerrejja, mezzanini u kmamar żgħar, kollha ġo xulxin, b’konsegwenza li dan l-ambjent sar iffullat u maħmuġ. B’kollox, il-Mandraġġ kien jagħmel daqs 12,000 metru kwadru u fih laħaq kellu daqs 250 abitazzjoni li fihom kienu jgħixu 1,200 (H. Ganado, 1974). Biex tidħol fil-Mandraġġ, stajt jew tgħaddi minn daħla – bħal mina – imsejħa ta’ San Mark, magħrufa wkoll bħala taċ-Ċintura, inkella, kont tista’ tidħol minn mina oħra f’tarf Triq Santa Luċija, magħrufa bħala t-’tomba’ ta’ San Mark. Kont tista’ wkoll tidħol min-naħa ta’ Strada Zekka. Fil-Mandraġġ kien hemm triq waħda biss u li minnha kienu jinfirxu sqaqin dojoq u mudlama. F’Novembru tal-1948, ir-residenti tal-Mandraġġ kienu mġiegħla joħorġu minn hemm u ngħataw residenza alternattiva biex ftit snin wara l-binjiet kollha tal-Mandraġġ bdew jitwaqqgħu (Bonnici u Cassar, 2004). 

IL-MONTI / FUQ IL-MONTI    Sa għexur tas-snin ilu, in-nies kienet tassoċja dan l-isem mas-suq li kien jarma kuljum fi Triq il-Merkanti, bejn Triq it-Teatru l-Antik sa Triq San Ġwann. Biss, l-isem ta’ dan is-suq ittieħed minn binja li kienet isservi ta’ bank fejn wieħed kien jista’ jissellef il-flus minnu. Dan kien jissejjaħ il-Monte di Pietà, fondazzjoni li twaqqfet mill-Gran Mastru Fra Martin Garzes fl-1598, biex jgħin lil dawk li riedu jisselfu l-flus jagħmlu hekk b’mod legali flok jirrikorru għand l-użuraj għax dawn kien jiħdulhom imgħax fuq is-self ta’ mija fil-mija. Minn din l-istituzzjoni twaqqfet oħra, il-Monte della Redenzione degli Schiavi. Dan kien fond stabbilit biex jitħallas il-flus dovut biex  jinġiebu lura dawk il-Maltin u Kavallieri tal-Ordni li kienu nqabdu ilsiera. Dan il-fond kien twaqqaf fl-1607, fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Illum kull suq tat-triq jissejjaħ ‘il-Monti’, bħal meta ngħidu, il-Monti ta’ nhar ta’ Tlieta.

IMTIEĦEN FUQ L-   L-akkwati tal-Ġnien ta’ Hastings, fuq is-swar ta’ San Mikiel li jħarsu lejn il-Port ta’ Marsamxett. Hawn kien imsejjaħ hekk għax darba kien hawn żewġ imtieħen li llum ma għadhomx jeżistu. Qrib tagħhom għad hemm il-pedestal tal-Gvernatur Frederick Cavendish Ponsonby

NIX  MANĠARI    Din il-frażi kienet u għadha l-laqam ta’ trejqa mtarrġa li hemm fuq il-lemin, qabel ma tidħol mix-xatt ħdejn ta’ Liesse minn Victoria Gate. Hemm kienu jintasbu nies foqra, jittalbu l-flus mingħand il-baħrin u n-neguzjanti hekk kif dawn kienu jgħaddu minn ħdejhom. It-tallaba kienu jittantaw lil kull min ikun għaddej billi jlissnu l-kliem ‘nix mangiari’. Il-kelma ‘nix’ tintuża sal-lum b’mod kollokju ħafna mill-Ġermaniżi flok nichts li tfisser ‘xejn’ waqt li mangiar ġejja mit-Taljan. Dan it-taraġ u t-tallaba jsemmuhom bosta kittieba antiki, fosthom, Thomas MacGill fil-ktieb tiegħu, Handbook, or Guide to Strangers Visiting Malta (1839) u George Percy Badger, f’Description of Malta and Gozo (1838).

PIXKERIJA   Il-post fejn jinġieb il-ħut li jinqabad bi kwantità biex jinbiegħ lill-bejjiegħa tal-grossa. L-ewwel pixkerija li nafu biha kienet inbniet eżattament ħdejn il-Knisja ta’ Liesse, ix-xatt tal-Belt. L-istruttura kienet mibnija forma ta’ exedra – arkati li joffru d-dell mix-xemx biex il-post u l-ħut li jinbiegħ hemm iżomm frisk kemm jista’ jkun.

PJAZZA ĊELSI     Dan kien il-laqam ta’ Pjazza Indipendenza, fejn hemm il-Katidral tal-Ingliżi. Mhux ċar għaliex din kienet tissejjaħ hekk. Hawn minn jgħid li f’din il-pjazza kien hawn siġra taċ-ċawsli u l-laqam ingħata b’hekk.

PUTIRJAL  Dan hu l-ambjent li jmiss immedjatament mad-daħla tal-Belt Valletta. Oriġinarjament, hawn kien magħruf bħala, Porta San Giorgio. Aktar tard fi żmien l-Ordni, din id-daħla bdiet tissejjaħ ukoll Porta Reale, jiġifieri, il-bieb prinċipali u l-istess it-triq li saret Strada Rjali. Biż-żmien, anki l-knisja ta’ San Franġisk (tal-Franċiskani Minuri) li hemm daqs 200 metru ’il ġewwa fi Triq ir-Repubblika, bdiet tissejjaħ, il-knisja ‘ta’ Putirjal’ għax hi pjuttost qrib dan l-ambjent.

STRADA STRETTA     Fi żmien l-Ingliżi, Strada Stretta bdiet timtela bil-lukandi żgħar. Imbagħad aktar tard bdew anki jinfetħu ħwienet tax-xorb fejn mijiet ta’ baħrin, kienu jmorru jqattgħu s-serati tagħhom jixorbu, jieklu u jgawdu l-mużika li kienet tindaqq fil-ħwienet. Matul is-seklu għoxrin sas-snin sebgħin, dik il-parti tat-triq wara l-Main Guard kienet magħrufa sew għat-tbahrid u l-istorbju u l-ġlied li kien ikun hemm fis-sigħat ta’ billejl. L-Ingliżi kienu laqmu din il-parti ta’ Strada Stretta bħala ‘the Gut’. 

IXPRUN, FUQ  L-   L-isem ta’ ambjent lejn il-ponta tal-Belt Valletta. Temi Zammit isemmieh fir-rakkont tiegħu, ‘Pina’, ‘[…] Pina kienet l-aktar mara magħrufa ta’ fuq l-Ixprun fil-ħâra ta’ Sant’Iermu […]’. Proprjament, il-kelma xprun tista’ tfisser niggieża tal-ħadid forma ta’ stilla, li tkun imwaħħla maż-żarbun tar-rikkieb li juża biex inigges iż-żiemel f’ġenbu biex dan jitħarrek.  Sors: Nies Bla Sabar, u Stejjer Oħra, miġbura minn Toni Cortis.

IŻ-ŻENQA   Fil-kitba tiegħu, dwar l-ismijiet u l-laqmijiet tal-Belt Valletta, Temi Zammit jgħidilna li fi żmienu kien hemm niżla qrib il-Ġnien ta’ Hastings li kienet magħrufa bħala ‘ż-Żenqa’. Fil-Malti antik, ‘żenqa’ kien isem ieħor għal ‘triq’.

Martin Morana

30 ta’ Lulju, 2023

Ħajr lil Michael Cassar ta’ bosta informazzjoni li ma sibtx fil-kotba.

http://www.kliemustorja.com

BIBLIOGRAFIJA

Bonnici Joseph u Cassar Michael. Chronicles of 20th Century Malta. Book Distributors Ltd. 2004.

Cortis Tony, Temi Zammit – Nies Bla Sabar u stejjer oħra. Publikazzjoni Merlin Library Ltd. 1987.

Degiorgio Roger, A City by an Order. Progress Press Co. Ltd. 1985.

Galea Michael, Valletta – Statues, Niches – Small Churches – Public Fountains, Public Clocks – Monuments – Marble Tablets. Allied Publications, 2011.

Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, L-ewwel Volum. Interprint. 1977.

Temi Zammit, ‘Il-Belt Valletta – Tifkiriet tal-Imgħoddi’, Ward ta’ Qari Malti (1936).

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur  –  ikklikkja hawn: 

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

3 Comments

  1. Sur Morana, ghall kurzita’, m’ghandekx idea fejn kienu exatt il-kolonni fi Stada Forni li taw l-isem ta’ Due Balli?? Jien kont noqghod hemm meta kont tifel zghir imma ma kontx naf bihom, hlief hafna snin wara meta jien kont ili li tlaqt. Grazzi hafna ta kollox.

    Like

    1. Sur Bonello …. Temi Zammit jgħid ;i fi Triq San Ġiusepp kantuniera ma’ Triq l-Ifran kien hemm iż-żewġ kolonni bil-balal tal-ġebel (dekorazzjoni biss)

      Like

      1. Grazzi. Jekk ikollok aktar info ghidli ghax Sir Temi xejn ma hu precis. Strada San Guzeppe, ghalkemm mhix boghod, ma tmisx ma Strada Forni u allura ma jistaghux bejniethom jiffurmaw kantuniera. Tghid ser nibqa bil-kurzita’. Nixtieq inzid li jien dejjem nafa li id-Dijuballi kien Strada Rjali l-isfel u t-toroq ta warajh jigiefieri San Guzeppe u Fontana imma qatt ma naf li kien hemm konnessjoni ma Strada Forni.

        Like

Leave a comment