TEATRI u TEATRINI

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

TEATRI U TEATRINI

matul l-aħħar 240 sena

F’Malta

It-teatri l-kbar

It-Teatru Manoel

L-imħabba lejn it-teatru f’Malta tmur lura sekli sħaħ. Il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, residenti fil-Belt Valletta, kien jattendu wirjiet teatrali, jew fil-Palazz tal-Gran Mastru jew inkella f’xi berġa ta’ waħda mil-lingwi. Dawn il-programmi ta’ divertiment kienu jikkonsistu l-aktar minn drammi, kummiedji jew kunċerti. Kien fl-1732, li ġie inawgurat teatru apposta biex isiru fih programmi fuq livell aktar professjonali. Dan it-teatru mbena fi Strada San Salvatore, (illum magħrufa bħala Triq it-Teatru l-Antik) u beda jissejjaħ it-Teatro Pubblico. L-aktar rappreżentazzjonijiet komuni li kienu jsir f’dan it-teatru fi żmien l-Ordni, kienu, l-opera buffa u l-opera seria. Ix-xogħlijiet kienu bosta drabi maħduma mill-kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann infushom, inkella ġieli kienu jinġiebu Malta xi kumpaniji barranin (P. Xuereb, 1996).

Fi żmien l-Ingliżi, l-istess Teatro Pubblico sarulu xi alterazzjonijiet strutturali u beda jissejjaħ it-Theatre Royal. Kien fi żmien meta infettaħ it-Teatru Rjal li dan ħa l-isem tal-Manoel Theatre. Dan baqa’, bħal fi żmien l-Ordni u żmien tal-Franċiżi, jipprovdi divertiment, primarjament għall-klassi partikolari ta’ nies, biss, issa kienu jattendu s-suldati stazzjonati f’Malta, jew baħrin u residenti barranin jgħixu hawn. Tabilħaqq, wieħed mill-ewwel xogħlijiet li ttellgħu fl-1801, kienet il-play ta’ Oliver Goldsmith, She Stoops to Conquer. Il-biċċa l-kbira tad-divertiment, madankollu, kien baqa’ bbażat fuq l-opri Taljani u l-mużika lirika li l-Ingliżi kienu japprezzaw ukoll. Biss, wieħed irrid iżid ukoll li ma xbinx kemm kien ikun hemm storbju, issuttar u ġlied fil-platea waqt ir-rappreżentazzjonijiet. Tant hu hekk, li wieħed Ingliż residenti f’Malta li kien entużjast kbir għal palk iddeċieda jiftaħ teatru ieħor fil-Belt biex ikollu udjenza aktar kolta li setgħet tattendi u tapprezza l-ispettakli b’mod ċivili. Dan it-teatru ġdid infetaħ kien jagħmel parti mill-Università l-qadima u kont tidħol għaliha minn Strada San Cristoforo.

Ir-Royal Opera House, il-Belt, Valletta

Billi fl-ewwel deċennji tas-seklu dsatax, l-opra bdiet tiegħu sura akbar u bdiet issir aktar popolari kien jinħtieġ palk u platea akbar minn dawk li kien hemm fit-Theatre Royal. B’hekk, fl-1862, l-amministraturi Ingliżi imħeġġa minn dawk li kienu jattendu it-teatru regolarment iddeċidew li fil-Belt jinfetaħ teatru ġdid u lussuż. Dan tlesta fl-1866, u sar magħruf bħala The Royal Opera House, li l-Maltin kienu wkoll jafuh bħala it-Teatru Rjal. Dan mill-ewwel sar popolari, kemm mal-Ingliżi kif ukoll mal-Maltin, aktar u aktar għax kulħadd kien imur liebes imdandan biex jidher sabiħ fost is-soċjetà għolja, waqt l-intervall. Kien hawn li fl-1910, grupp żgħir ta’ Ingliżi midħla tad-drama iffurmaw kumpanija tal-palk u bdew isejħu lilhom infushom, The Malta Amateur Dramatic Club (MADC). Sena wara, il-grupp deher għall-ewwel darba f’dan it-teatru bil-pantomima ‘Aladdin and his Wonderful Lamp’. Imbagħad, fl-1914, l-MADC ppreżentat il-kummiedja mużikali, ‘Captain Reece of the Mantelpiece’ li għamlet suċċess kbir (P. Xuereb, 1996).

Fil-produzzjonijiet tat-teatri l-kbar, il-palk kien ikun mogħni b’xenarju lussuż li jirrapreżenta  xi sala jew kamra ta’ xi dar tas-sinjuri, jew xi loġġa bil-ġardin ħdejha, biex l-udjenza tifhem minn liema strata tas-soċjetà ġejjin il-karattri li qed jidhru fuq il-palk. Fl-istess waqt, l-udjenza kienet titpaxxa bil-viżwali ta’ djar li kienet tkun mxennqa u toħlom li jkollha. It-teatru mela kien forma ta’ eskapiżmu mir-realtà tal-ħajja.

 It-teatrini tal-bliet u l-irħula

Flimkien mad-divertiment ipprovdut b’mod professjonali fiż-żewġ teatri l-kbar fil-Belt Valletta, lejn it-tieni nofs tas-seklu dsatax, id-dilettanti Maltin bdew jistinkaw biex joħolqu produzzjonijiet aktar modesti mmirati biex ipaxxu l-popolin. Mill-erbgħinijiet tas-seklu tmintax, diversi drammaturgi bdew jiktbu għall-ewwel darba xogħlijiet għall-palk, l-aktar dawk  umoristiċi. Mhux għax ma kienx hemm ukoll min itella’ drammi serji. Anzi ħafna drabi kienu jinkitbu drammi li kienu jiġbdu l-udjenza billi jirrakkuntaw xi episodji ta’ xi qaddis jew ieħor.

Dawn il-gruppi żgħar tad-drama kienu ħafna drabi jsibu xi maħżen vojt, jew meta nħollqu l-każini, mis-snin sittin tas-seklu dsatax ’il hawn, xi sala jew bitħa tal-każin tal-banda li fihom kienu jarmaw palk u jqiegħdu bankijiet għall-udjenza biex iservu ta’ teatru ad hoc. Fix-xhur tas-sajf, uħud mill-familji, l-aktar dawk sinjuri li kellhom dar kbira, kienu jipprovdu wkoll il-bitħa jew il-ġnien tagħhom biex fihom isiru produzzjonijiet teatrali. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, dawn il-kumpaniji tal-palk u magħhom it-teatrini, bdew ifiġġu bil-gzuz, l-aktar fl-ibliet ta’ madwar il-Port il-Kbir, f’Tas-Sliema, San Ġiljan u fl-ibliet tal-Kottonera. Bil-mod il-mod, it-teatrini bdew jinfetħu wkoll fl-irħula. Fil-ktieb tagħha, Oh Żmien Ħelu, Josephine Mahoney tgħid li f’Tas-Sliema biss, bejn l-1866 sal-aħħar tas-seklu dsatax, kien hemm daqs għoxrin teatrin u ssemiehom b’isimhom, wieħed wieħed. Biss, dan ma jfissirx li kollha kemm huma baqgħu joperaw fl-istess żmien sal-aħħar tas-seklu dsatax.

Teatrin f’wieħed mil-lokalitajiet Maltin

Fit-teatri u t-teatrini kienu wkoll popolari ħafna il-wirjiet ta’ varjetà, bħal vaudeville, li kienu jkunu mimlija b’taħlita ta’ żfin, kanzunetti, wirjiet minn illużjonisti (kienu jgħidulhom, bużullottisti) u kultant anki atti akrobatiku minn artisti li jiġu minn barra. B’hekk fil-Malti, il-kelma, ‘kummiedja’ kienet saret sinonima mhux biss mad-drammi umoristiċi iżda anki mal-wirjiet akrobatiċi. Kont tisma’ lil min jgħid, ġejjin tal-kummiedja, jiġifieri ġejja kumpanija li tagħmel l-akrobaziji.

Il-Farsa

Għall-udjenzi mhux sofistikati, l-aktar tip ta’ divertiment popolari kien il-farsa. Bosta drabi, wara xi dramm serju, is-serata kienet tispiċċa b’xi makkjetti u bċejjeċ oħra mużikali u bil-farsa qasira. B’hekk wara daqs tliet sigħat twal ta’ xogħlijiet xi wħud minnhom serji, in-nies kienet tmur lura d-dar bi tbissima fuq fommha.

Il-farsa hija xogħol komiku li fiha l-atturi jippruvaw kemm jista’ jkun idaħku l-udjenza kontinwament bl-akbar numru ta’ kummenti u mossi possibbli, u mżejjen bi djalogu ħafna drabi frivolu. Il-farsa kien ikollha ħafna buffunaġni (Ing. slapstick) bi skript ħafif u djalogu ħafna drabi improvizzat. Il-fares ma kienx ikollhom plott, biss, kienu jinkludu karattri esaġerati fl-imġiba tagħhom, speċi ta’ karikaturi ta’ nies ħafma drabi injoranti u li jifhmu kull ma jingħad b’mod ħażin. Biex nagħti eżempju, kienet issir diskursata bejn tnejn, wieħed minnhom belhini, fidil jew trux, u li kull ma tgħidlu jifhem kollox il-kuntrarju. Insomma, il-fares kienu jinkludu sitwazzjonijiet irreali għall-aħħar u li mhux normali fil-ħajja ta’ kuljum. Tabilħaqq, l-etimoloġija tal-kelma farsa, ġejja mit-Taljan farcire, bil-Malti, ‘mela’, jiġifieri l-farsa kienet maħsuba biex timla ftit ħin bid-daħk biex is-serata ma tkunx serja għall-aħħar.  

Il-kummiedja

Il-kummiedja, hi ġeneru tal-palk li fih jinkludi djalogu b’umoriżmu li biex tapprezzah trid issegwi plott elaborat u għaldaqstant kien jieħu aktar żmien biex jiżviluppa, waqt li jikkomplika ruħu minn att għall-ieħor. Anki l-karattri fl-istorja jiżvelaw ruħhom bil-mod. Il-kummiedja hija maħsuba biex timpennja lill-udjenza bi plott u subplots, ħafna drabi b’konfoffi li jinkixfu min ħin għall-ieħor matul id-dramm jew inkella f’daqqa waħda lejn tmiem il-kummiedja. Il-kummiedja kif kienet ippreżentata kienet toffri karattri tradizzjonali u tipiċi li biż-żmien bdew jindraw mill-udjenza. Biex nagħti eżempju, kont tara ħafna drabi sitwazzjonijiet fejn għandek familja sinjura ta’ valuri antiki u konservattivi bit-tifla jew tifel tagħhom li ma jridx jaf bi żwieġ. Biss, il-ġenituri jikkonfoffaw biex ilaqqgħu li bin(t)om ma xi ġuvni / tfajla tat-tajjeb. Kont tara karattri bħas-seftur jew seftura li jkunu jafu kull ħotob li jkun hemm f’dik id-dar u li jżommu ma naħa jew ma oħra fl-inkwiet li jinqala’. It-tabib jew in-nutar tar-raħal kienu jkunu midħla ta’ din il-familja u dawn jiġu involuti fil-kwistjonijiet li jinqagħu. Plott ieħor seta’ jittratta il-każ ta’ mara li għandha suspett kbir dwar il-fedeltà taʼ żewġha. Din tirċievi ittra ta’ mħabba li hi taħseb li kienet indirizzata lejn ir-raġel tagħha. Insomma, kienu stejjer ħfief li jikkomplikaw ruħhom daqs kemm irid il-kittieb tal-kummiedja.

Fis-seklu dsatax kien hemm diversi drammaturgi Maltin magħrufa, fosthom Luigi Rosato, Carmelo Camilleri (1821 – 1903), Pietru Pawl Castagna (1824 – 1907), Pietru Pawl Pellegrini (1832 – 1895) u Ignazio Padovani Ginies. Aktar tard kien hemm Mikielanġ Borg (1868 – 1939) magħruf sew għal-kummiedja famuża Żeża tal-Flagship (1907) u Toni Dougall.  

Il-kumpanija li ppreżentat ‘Żeża tal-Flagship’ (1907).

It-teatru fis-seklu għoxrin

Sa nofs is-seklu 20, il-kummiedji kien fihom prinċipalment sitwazzjonijiet surreali fl-ambjent familjari, iżda qatt ma kienu jippreżentaw xi tema soċjali mill-ħajja kontemporanja b’xi tagħlima morali. Sal-aħħar tas-snin sittin, it-teatru kien l-akbar sfog flimkien mat-Talkies fejn il-familji kienu jiddevertu fl-aħħar tal-ġimgħa ħafna drabi f’xi sala tal-parroċċa. Għax minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Knisja f’Malta ddeċidiet li tagħmel aktar sforz biex id-divertiment tal-familja ikun aktar taħt għajnejha. Għalhekk wara l-Gwerra bdew telgħin is-swali tal-parroċċa.

Kien żmien fejn l-udjenza kienet tattendi regolarment, billi tħallas xelin u nofs jew tmintax irbiegħi biex tara l-ispettaklu, u l-biljett kien jinxtara matul il-ġimgħa minn fuq iz-zuntier tal-knisja, wara l-quddies. Għal dawn is-serati twal – għax ġieli kienu jdumu aktar minn tliet sigħat – l-ommijiet kienu jaħsbulu billi jġibu magħhom is-sandwiches għat-tfal tagħhom, jekk mhux ukoll xi ftira biż-żejt u t-tadam, biex it-tfal meta jaqbadhom il-ġuħ jieklu waqt ix-xow, u ma jneffquhomx ħafna flejjes waqt l-intermixxin. Anki xi mqarrun il-forn imqartas f’karta taz-zokkor kienu jifirxu quddiemhom. Miskin min ikun bilqiegħda ħdejhom għax kien irid isofri l-irwejjaħ tal-ikel. Imbagħad waqt l-intervall min jaqbdu l-għatx imur jixtri xi flixkun luminata mill-bottegin, ħanut daqs nitfa li kien ibigħ xi xarba ħafifa, xi pakketti tal-crisps, xi pasti ħomor bil-ġews tal-Indi, jew xi pudina tal-ħobż. Il-qliegħ tal-bejgħ kien imur għall-armar tal-festa jew għal xi proġġett ġdid fil-knisja parrokkjali.

Effetti speċjali

Waqt id-drammi kultant kien ikun hemm bżonn ta’ xi effetti speċjali. Hekk pereżempu jekk l-istorja tirrikjedi li jkun hemm ix-xita barra fit-triq, kienu jħokku u jħaxiwxu l-karti mal-ħajt wara l-kwinti, u għall-ħsejjes tar-ragħad kienu jużaw il-laned taż-żingu. Għal xi beraq, dan kien isir billi xi ħadd jixgħel u jitfi xi tubi tad-dawl neon qawwijin iħarsu lejn il-palk minn wara l-kwinti. Imbagħad jekk fl-istorja jkun hemm xi ħadd li jċempel il-qanpiena tal-bieb ta’ barra, is-suġġeritur kellu qanpiena żgħira f’idu li jdoqqha hu (J. Mahoney 2012).

Is-suġġeritur

Sa nofs is-seklu għoxrin, l-atturi ħafna drabi ma kellhomx taħriġ artistiku. Kellhom biss l-entużjażmu li jaraw l-udjenza kuntenta bil-parteċipazzjoni tagħhom. Dawn kollha kienu jirreċtaw mingħajr ħlas. Nisa rari kienu jidhru fuq il-palk għax dak iż-żmien ma kienx xieraq li mara tidher fuq il-palk. Allura l-plott ħafna drabi kien ikun msawwar fuq l-irġiel. Jekk mara kienet tieħu sehem din kienet titħallas bejn żewġ liri jew tlieta (J. Mahoney, 2012). Minħabba ix-xogħol u l-impennji normali ta’ kuljum, l-atturi bilkemm kienu jsibu ħin biżżejjed għall-provi. Barra minn hekk, bosta ma kinux jafu jaqraw u allura kienu jippruvaw jimmemorizzaw kollox f’ġimgħa jew tnejn. Mhux ta’ b’xejn waħda mill-ġokulatorji kienet ‘Sant’Antnin sibilna l-linji mitlufin!’ (J. Mahoney 2012).

Biex ipatti għal dan, l-atturi mhux biss kellhom xi ħadd fis-sema biex jgħinhom, iżda kellhom ukoll id-direttur ftit metri ’l bogħod minnhom. Dan kien is-suġġeritur, il-persuna inkarigata, anzi x’aktar il-kittieb stess tal-kummiedja bl-iskript mifrux quddiemu biex ifakkar lill-atturi bl-intervent ta’ kull wieħed minnhom u d-djalogu li jmiss. F’ħafna mit-teatri, is-suġġeritur kien ikun moħbi fin-naħa tar-ribalta tal-palk, imdeffes minn spallejh ’l isfel, f’ħofra maqtugħa fit-twavel tal-palk u bilqiegħda fuq siġġu li jkun taħt il-palk. Dan ikollu kaxxa (kanapew) imtella ’l fuq rasu minn wara dahru biex ma jidhirx mill-udjenza. Biss, il-vuċi tiegħu kienet tkun għolja, u s-suġġeritur ma kien jiddejjaq xejn jekk kien jinstema anki mill-aħħar ringiela tal-awditorju, tul id-dramm kollu, ftit sekondi qabel ma l-atturi jirripetu kelma b’kelma il-parti tagħhom.

Il-programm li ttella’ fit-Teatru Manoel fit-22 ta’ Ġunju, 1946

It-tip ta’ divertiment fis-snin sittin

Bit-Teatru Rjal imfarrak għal kollox wara li kien intlaqat bil-bombi tal-għadu fid-9 ta’ April tal-1942, it-Teatru Manoel reġa’ ħa l-importanza tiegħu bħala teatru. P. Xuereb jgħid li bejn l-1900 u l-1957, it-Teatru Manoel kien aktar iva milli le jintuża bħala sala taċ-ċinema. Fil-ħamsinijiet il-gvern għamel ir-restawr meħtieġ biex fl-1960 it-teatru Manoel infetaħ mill-ġdid biex jibdew isiru rappreżentazzjonijet ta’ kwalità għolja, totalment differenti minn dawk tat-teatrini tal-bliet u rħula.

Biss, it-teatrini xorta baqgħu popolari. Sa dak iż-żmien, l-udjenza tat-teatrini kienet dik sempliċi u bla ebda aspettazzjonijiet kbar u għalhekk kienet tieħu gost b’kollox. L-aktar li kienet togħxa kien meta xi attur magħruf għaċ-ċajt spirtu pront u preferibbilment b’ċerta kariżma jew bi statura partikolari, bħal ngħidu aħna, xi ħadd b’surtu goffa, jew irqieq u twiel, jew qasira u mbaċċaċ kienu jagħtu l-parti tagħhom skont il-karattru l’aktar addattat għalihom. Imbagħad jekk fil-kummiedja l-attur ikun wieħed stabbilit bis-saħħa tar-radju jew it-televiżoni, dan kien jiġbed aktar nies. Dawn l-atturi, bħal ma kienu Charles Clews, Johnny Navarro, Armando Urso, Johnny Catania u oħrajn kienu jifqugħ lil kulħadd bid-daħk sempliċiment bl-espressjonijiet ta’ wiċċhom. Dawn kienu jdaħħku aktar, meta kienu kultant jilbsu xi kostum b’mod imkittef, żdingat, jew inkella bi ħwejjeġ mhux tas-soltu; ngħidu aħna xi Johnny Navarro liebes ta’ suldat, jew Johnny Catania liebes ta’ tifel tal-iskola. Hemm l-udjenza kienet tinfaqa’ tidħak, joħroġilha d-dmugħ u żżomm żaqqa milli taqbeż ’il fuq u ’l isfel bid-daħk. Kien idaħħak ukoll dak ir-reċtar fejn tidħol xi tgħajjira, għax din kienet xi  ħaġa li kont tara ta’ sikwiet l-aktar bejn il-ġirien. U xi ngħidu għaċ-ċajt fejn tidħol botta u risposta jew xi ċajta li tmiss mas-sess. Xejn vulgari, għax fis-sala tal-kappillan dan ma kienx permess, biss wieħed kien jista’ jifhem malajr bl-insinwazzjonijiet li kienu jgħaddu minn taħt. Il-mossi fiżiċi kienu jdaħħqu wkoll, bħal ngħidu aħna meta tara lil xi attur jaqbeż fuq dahar xi attur ieħor u dan jerfgħu kukkużejt. Jew dak l-attur raġel li jilbes ta’ mara. La qiegħed insemmi dan, kulħadd jiftakkar it-Tieġ ta’ Karmela Abdilla, li Charles Clews kien kiteb għar-Radju, u imbagħad meta din ġiet addattata fuq il-palk, l-ewwel darba li saret fir-Radio City Opera House, il-Ħamrun, il-parti ta’ Karmena għamilha għamilha attur raġel, Nosì Noschese. It-trażvestiżmu għadu sal-lum jassigura d-daħk mill-udjenzi tradizzjonali.

Xena mill-kummiedja ‘It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla’

It-Teatru fi żminijiet aktar riċenti

Apparti l-livell baxx tat-teatrini, kien hemm xeħta oħra ta’ teatru aktar serju u ta’ livell aktar għoli li beda jfaqqas minn wara l-Gwerra. Ġuże Aquilina kien ilu jħambaq biex il-kitba tax-xogħlijiet tal-palk jittieħdu aktar bis-serjetà. Sas-snin ħamsin u sittin dan beda jseħħ u dawn ix-xogħlijiet bdew jiġu mtella’ fit-Teatru Manoel. Hemm bdew jittellgħu x-xogħlijiet ta’ drammaturgi serji bħal ngħidu aħna Francis Ebejer, Ġużè Aquilina, Erin Serracino Inglott, Ġużè Diacono, Lino Grech, Albert Marshall  u  ħafna oħrajn li ġew warajhom.

Biss, ġara illi lejn l-aħħar tas-snin sittin u bidu tas-sebgħin, it-teatru u teatrini qalgħu daqqa kiefra li mewtithom ħesrem, hekk kif bdew deħlin fid-djar is-settijiet tat-televiżjoni. In-nies issa ma kellhiex għalfejn is-Sibt u l-Ħadd toħroġ tiddeverti u tmur it-teatru biex tgawdi. Anzi jekk kont tkun barra, kont tfittex tidħol tiġri d-dar biex tilħaq il-programm ta’ wara l-aħbarijiet.

Kien it-teatru serju li żamm il-kolp għax l-udjenza, għalkemm mhux fil-kwantità daqs qabel baqgħet tmur il-Belt biex tara d-drammi u kummiedji fit-Teatru Manoel. Ix-xogħlijiet li bdew jittellgħu hemm kienu ta’ reqqa, bosta drabi ta’ drammaturgi barranin maqlubin għall-Malti, biss, il-kitba tal-Maltin kienet tittella’ wkoll. L-udjenza li tattendi hemm hi waħda aktar matura u li taf tagħżel it-tajjeb mill-medjokru.

Damu biex għaddew mat-30 sena biex il-kummiedja popolari reġgħet ħadet ir-ruħ. Dan il-qawmin wasal minn sors mhux mistenni, jiġifieri, minn qasam ta’ orjentat politikament. Fl-2001, l-Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku – AŻAD, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tagħha tal-25 anniversarju, iddeċidiet li tippreżenta festival ta’ satira bl-isem Bla Kommixin (‘Mingħajr Kummissjoni’). Dan ix-xow wara ftit sar jissejjaħ, Bla Kondixin. Dawn it-tnejn kienu speċi ta’ maratona umoristka ta’ sagħtejn u nofs fuq il-palk, minn atturi komiċi tal-mument magħrufa sew. Din id-darba, il-kittieba bbażaw l-umoriżmu fuq sketches b’sitwazzjonijiet topiċi li magħhom wieħed jista’ jidentifika faċilment, partikolarment dawk li jmissu ma’ kwistjonijiet politiċi jew soċjali.

Din il-bidla fid-divertiment tal-palk uriet li kienet waslet mewġa ġdida, li forsi taf jew ma tafx l-oriġini tagħha lill-programm satiriku televiż ta’ snin ilu Aħna Aħna jew m’Aħniex. Dan il-qawmien ġdid fl-umoriżmu seħħ fi żmien meta l-politika lokali kienet mgħobbija bil-kbir b’animosità bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Dan it-tip ta’ spettaklu għadu sal-lum jattira bosta mijiet. Għalhekk, s-satira li kultant mhux daqshekk fina u mistura, qed tgawdi popolarità konsiderevoli.

© Martin Morana

21 Settembru, 2023.

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija

Bonnici Anne Marie, Charles Clews (1919-2009) Kittieb u Attur Komiku Popolari. Klabb Kotba Maltin. 2009.

Camilleri J.J. Malta li Għext Fiha ta’  – It-Tifkiriet ta’ J.J. Camilleri – 1928 – 2012. (ed. Steve Borg). S.K.S. 2014.

Cassar Pullicini Joseph, ‘Nineteenth Century Maltese Theatre’ – Luigi Rosato and Carmelo Camilleri’,  The Manoel – Journal of the Manoel Theatre, Vol. , No. 1, 1996-1997.

Cutajar Tony C., Opri Popolari fil-Gżejjer Maltin, FARAXA. 2013.

Galea Marco, It-Teatru Malti tas-seklu Dsatax, L-ewwel volum. Mireva Publications. 1997.

Galea Marco, It-Teatru Malti tas-seklu Dsatax, It-tieni volum. Mireva Publications. 1997.

Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, Vol. I, pp. Rajt Malta Tinbidel, Vol. 1.

Mahoney Josephine, Oh Żmien Ħelu, Il-Palk, ir-Radju u Jien.  

Morana Martin, Maltese Humour – But Seriously. Bestprint, 2017.

Portelli Carmel, Tifkiriet (1934 – 2009). Gutenberg Press. 2010.

Schiavone Michael, Dictionary of Maltese Biographies, Vol 1 & 2. P.I.N. 2009.

Spiteri Charles B., Drawwiet u Tifkiriet Maltin, BDL Publishing. 2015.

Xuereb Paul, ‘Honest Entertainment for the Public’, Treasures of Malta, Easter 1996, Vol II, no. 2.

Ara aktar dwar il-pubblikazzjonijiet tal-istess awtur billi tikklikkja hawn taħt:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

2 Comments

Leave a comment