A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
TERMINI EKKLESJASTIĊI
li jappartjenu għall-
kleru, lajċi, ilbieshom, titli u termini oħra
AKKOLTU 1. Abbati tar-raba’ ordni minuri. Rif. għal dak li jassisti liċ-ċelebrant billi jżomm ix-xemgħa f’idejh waqt il-funzjoni reliġjuża. 2. AKKOLTA/U Waħda mix-xemgħat li jinġarru mill-abbatini waqt xi ċerimonja. 3. Dak li jkun qed jistudja għall-qassis u jkollu diġà l-permess li jqarben.

ALARJU Messaġġier jew qaddej tal-Kurja. Oriġ. Kien suldat tal-Isqof. Etim. Tal. alario li ġejja minn ausiliaro.
APOSTASIJA Iċ-ċaħda formali ta’ bniedem li jiddeċiedi li għandu jitlaq it-twemmin reliġjuż tiegħu biex jibda jipprattika reliġjon jew twemmin ieħor. Fi żmien l-Inkwiżizzjoni f’Malta kien hemm mijiet ta’ każi fejn nies kienu akkużati bl-apostasija. Dawn il-każi kienu jkunu ħafna drabi ta’ baħħara Maltin li wara li nqabdu lsiera, qalbu t-twemmin tagħhom għal dak Musulman. Meta mbagħad dawn kienu jinħelsu u jiġu lura Malta kienu jammettu mal-Inkwiżitur li huma kienu saru apostasi, jiġifieri. Gr. Apo : M. ’il bogħod + Gr. stasis : M. pożizzjoni.
ARĊISQOF Dan it-titlu kien mogħti għall-ewwel darba lill-Isqof ta’ Malta, Vincenzo Labini, (1780-1807). Fl-1797, il-Papa Piju VI ħareġ bolla, li fiha ddikjara li l-Isqof tal-gżejjer Maltin, ikun ukoll magħruf bħala l-Arċisqof ta’ Rodi. Dan it-titlu baqa’ jgħodd ukoll għall-isqifijiet li ġew wara. Ara: DJOĊESI.
BADESSA Il-madre superjura tas-sorijiet li jgħixu f’monasteru. Oriġ. etim. Tal. v. badare – M. ħa ħsieb, ta każ.
BAŻILIKA Fil-Knisja Kattolika jeżistu biss erba’ bażiliki maġġuri, li kollha kemm huma jinsabu f’Ruma, u li fihom hemm is-sede tal-Papa. Il-bażiliki l-oħra kollha fid-dinja – mal-1,400, huma kollha minuri u titulari. Fil-gżejjer Maltin jeżistu ħmistax-il bażilika minuri; ħamsa minnhom jinsabu Għawdex. Kull bażilika tkun aggregata ma’ waħda mill-erba’ bażiliki maġġuri ta’ Ruma. Il-bażiliki issib fihom oġġetti simboliċi, bħal ma’ ngħidu aħna, is-salib b’żewġ traversi fuq it-timpanu u l-umbrellun ħdejn l-altar maġġur.

BEATU Ara: VENERABBLI, BEATI U QADDISIN.
ĊILIZJU Tip ta’ ċoqqa ħoxna li l-Patrijiet Penitenzjarji kienu jilbsu biex tidentifikahom minn komunitajiet reliġjużi oħrajn. Fil-Malti kienet teżisti espressjoni, ‘Dak jilbes iċ-ċilizji.’ – rif. għal xi ħadd li jilbes ħwejjeġ qodma u mitluqin għall-aħħar. Tal. cilizio – drapp tal-ixkejjer.

FILJALI Dan l-appellattiv jintuża l-aktar fil-frażi ‘knisja filjali’, rif. għal dawk il-knejjes u kappelli li jaqgħu taħt l-awtorità ta’ knisja partikolari, ħafna drabi tal-parroċċa fl-istess belt jew fil-qrib tal-istess lokalità. Dawn il-kappelli jissejħu wkoll ‘SUKKURSALI’ – jiġ. fergħat tal-parroċċa. Biex nagħti eżempju, il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl, il-Belt Valletta, għandha bħala l-knejjes filjali tagħha, il-knisja tal-Madonna ta’ Liesse, il-knisja tal-Ġiżwiti u l-knisja tal-Erwieħ. Fihom kienu jsiru s-sagramenti kollha ħlief il-magħmudija, għax din kienet il-prerogattiva tal-MATRIĊI.
GARŻUBLA Il-pjaneta tas-saċerdot li jilbes meta jqaddes, fuq il-bqija tal-ilbies l-ieħor. Din tkun ta’ kulur differenti skont il-liturġija; pereż., bajda fi żmien il-Milied, l-Għid u l-festi tal-qaddisin mhux martri, kif ukoll fil-quddies taż-żwieġ; ħadra fil-Ħdud tal-ottava tal-festi; safra kulur id-deheb fi żmien in-novena; ħamra fi żmien il-festi tal-qaddisin martri u fil-ġimgħa ta’ Pentekoste; vjola fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Etim. Sqal. casubbula. Ing. chasuble.
GREMBJAL Fardal żgħir tal-ħarir jew tax-xoqqa, li jitqiegħed fuq ħoġor l-isqof waqt il-quddiesa pontifikali, waqt funzjonijiet oħra reliġjużi. Meta l-isqof jilbes il-grembjal dan għandu jkun tal-istess kulur bħall-GARŻUBLA. Il-grembjal jintlibes ukoll meta jsir it-tberik tax-xema’, id-dlik biż-żejt waqt l-ordinazzjoni tas-saċerdoti, kif ukoll waqt il-ħasil tas-saqajn f’Ħamis ix-Xirka. Għaldaqstant l-iskop prinċipali tal-grembjal hu dak li jipproteġi l-garżubla mill-qtar taż-żejt li jista’ jaqa’ mill-flixkun. Tal. grembiale. Ing. gremial.

KJERIKU Wieħed li jistudja biex isir qassis. Jista’ jkun ukoll abbati. Matul is-snin it-tifsira ta’ kjeriku mbidel. Fil-Medjuevu kien hemm irġiel miżżewġa li kienu jgħinu fil-knejjes, li kienu wkoll jissejħu kjeriċi. Appellattiv ieħor għal kull min mhux saċerdot, iżda jilbes u jieħu sehem fil-funzjonijiet liturġiċi. Tal. chierico – giovane avviato al sacerdozio. Fi żmien l-Ordni, il-kjeriċi kienu sottomessi għall-awtorità tal-Isqof u l-Ordni ma kellu l-ebda setgħa fuqhom.
KONFRATERNITÀ Għaqda reliġjuża li l-membri tagħha għandhom l-iskop ewlieni li juru d-devozzjoni tagħhom b’qima partikulari lejn is-Sagrament, il-Madonna jew xi qaddis partikulari. Il-membri jieħdu ħsieb l-altar jew il-kappella ddedikati lil dawn. Il-membri kienu wkoll jagħtu każ ħafna tad-dfin xieraq tal-membri sħabhom fl-istess konfraternità. Meta l-membri tal-konfraternità jakkumpanjaw f’xi purċissjoni dawn jilbsu KONFRATIJA. Sqal. cunfratia. Associazione.

KOLLEĠĠJATA Dan it-titlu jingħata lill-knejjes li jkollhom kapitlu tal-kanonċi, iżda mhux is-sede tal-Isqof. Dan kien iffisser li teoretikament, il-kolleġġjata ma taqax taħt l-awtorità tal-Isqof, iżda direttament taħt il-Papa. Fil-funzjonijiet reliġjużi, il-kapitlu tal-kolleġġjata jkun akkumpanjat fuq quddiem mill-mazzier li jġorr il-mazza lewn il-fidda. Lat. collegium. F’Malta għandna dawn il-kolleġġjati:
Birkirkara – Santa Liena; Il-Belt Valletta – San Pawl Nawfragu;
Il-Birgu – San Lawrenz; Bormla – Il-Kunċizzjoni;
L-Isla – Madonna tal-Vitorja; Rabat – San Pawl;
L-Għarb – il-Viżitazzjoni Ix-Xagħra – Il-parroċċa tan-Nattività
In-Nadur – San Pietru u San Pawl;

KWAREŻIMALIST Il-predikatur tal-prietki tar-Randan. Bosta drabi l-kwareżimalisti kienu jkunu barranin, l-aktar patrijiet Taljani, u kienu jinġiebu apposta Malta għal dan iż-żmien biex jagħmlu l-prietka tagħhom f’diversi knejjes.

LABTU 1. Drapp maqtugħ kwadru jew rettangolari li jiddendel mal-għonq u li fuqu jkun hemm xbieha ta’ xi qaddis, eċċ. L-aktar labtu magħruf hu dak li jintlibes mill-Karmelitani u għaldaqstant għandu fuqu l-immaġini tal-Madonna tal-Karmnu. Il-Kavallieri Gran Kruċ tal-Ordni ta’ San Ġwann, waqt xi ċerimonji solenni kienu jilbsu labtu f’forma ta’ strixxa sewda bil-bizzilla. Dan il-labtu kien ikollu wkoll xi ornamenti oħra, ġeneralment, xi wiċċ ta’ Kristu jew xi emblemi oħra tal-Ordni. Dan kien jinqafel fuq l-ispalla u d-driegħ ix-xellugija.

2. Il-labtu jista’ jirreferi wkoll għal speċi ta’ tunika mingħajr kmiem li tintlibes mill-patrijiet. Din it-tunika tintlibes minn fuq ir-ras u tiddendel minn quddiem u minn wara l-ispallejn, bħal fardal twil. Dan il-fardal jissejjaħ ukoll SKAPULAR. Sqal. l’abitu. Tal. l’abito. Ara: GRAN KRUĊ.
MATRIĊI Biex tkun vera denja ta’ dan it-titlu il-matriċi, jiġifieri, il-knisja omm, trid taddotta lill-parroċċa bint, u l-Isqof jistabbilixxi għeliem kif il-parroċċa bint (il-FILJALI) għandha turi r-rispett lill-parroċċa omm. Fost il-knejjes li jissejħu matriċi nsibu: Santa Katarina taż-Żurrieq, il-Lunzjata ta’ Ħal Tarxien, San Lawrenz il-Birgu, il-Porto Salvu, l-Belt, San Ġorġ, Ħal Qormi, Stella Maris, Tas-Sliema u Santa Marija tal-Gudja. Il-knisja parrokkjali ta’ Santa Liena hi arċimatriċi għax mhux talli hi l-omm ta’ bosta knejjes filjali iżda wkoll minnha ħarġu diversi parroċċi oħra kemm f’Birkirkara kif ukoll f’irħula oħra.

ONORATI, KONGREGAZZJONI TAL- Din hi x’aktarx l-eqdem għaqda reliġjuża lajka li ilha teżisti f’Malta għal mijiet ta’ snin. Bdiet bħala fratellanza ta’ devoti li kienu jiltaqgħu fl-ewwel snin tas-seklu sbatax, fil-knisja u kulleġġ tal-Ġiżwiti, il-Belt. Din l-għaqda kienet imsejħa ‘tal-Onorati’ għax id-devozzjoni ta’ dawn il-membri kienet issir f’kappella ddedikata lil Santa Onorata.
PAPABBLI Appellattiv għal xi dinjitarju tal-Knisja, eż., isqof jew kardinal li jkollu fih il-kwalitajiet ta’ qdusija u l-kapaċitajiet amministrattivi, li jappellaw għall-approvazzjoni tal-kardinali eletturi biex dawn jivvutaw ħalli dak li jkun magħżul jilħaq bħala kap tal-Knisja Kattolika.
PREPOSTU / PROPOSTU It-titlu ta’ saċerdot maħtur fuq l-oħrajn fil-ġerarkija tal-parroċċa kolleġġjata ta’ xi kapitlu benefiċjali. Hu wkoll il-mexxej fuq il-kanonċi u l-amministratur ewlieni tal-parroċċa bħal (jew flok) il-kappillan; eż. il-Prepostu Arċipriet ta’ Birkirkara jew il-Prepostu ta’ Bormla. Lat. Praeponere – M. tpoġġi fuq quddiem.
POSTULANT/A Persuna li tkun se tibda l-kors fil-ħajja reliġjuża.
POSTULATUR Bniedem tal-kleru li jipproponi l-kawża ta’ persuna twajba li bil-kwalifiki tagħha tista’ tkun iddikjarata beata. L-istess postulatur, wara, jista’ wkoll ikompli jmexxi l-proċess biex din tkun ikkanonizzata bħala qaddis.

ROŻARJANTI Membri tal-konfraternità tar-Rużarju tal-parroċċa tal-Porto Salvu, il-Belt. Magħrufa wkoll bħala l-Konfraternità tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann. Dawn kienu jkunu fit-toroq, jitolbu u jiġbru l-flus għall-quddies għar-ruħ ta’ dak li jkun ikkundannat għall-mewt. Fil-jum meta l-ikkundannat ikun ser jittieħed għall-mewt dawn kienu joħorġu f’purċissjoni mill-oratorju tal-Porto Salvu, l-Belt, u jakkumpanjaw il-persuna miċ-ċella tiegħu fil-Kastellanja, u wara jimxu miegħu fi Triq il-Merkanti, sa x-xagħra tal-Furjana fejn hemm ikun mgħallaq fuq il-forka. Ara: KONFRATERNITÀ.

SKALZ Jeżistu ordnijiet ta‘ patrijiet li r-regoli tagħhom jeżiġu li jridu jkunu ħafjin. Eż. ta’ dan insibu l-patrijiet Karmelitani Skalzi u t-Tereżjani Skalzi. Illum ħadd ma hu skalz fil-veu sens tal-kelma. Ħafna minnhom jilbsu l-qorq. Tal. Scalzo – M. ħafi.
SKAPULAR Ara: LABTU.
PETTORAL Bokkla li tkun imżejna b’xi fosos li biha jinqafel il-pivjal fuq is-sider tal-isqof.

PIVJAL Parament sagru li s-saċerdot jilbes fuq ilbies ieħor waqt ċerti funzjonijiet. Il-pivjal jintlibes bħal mantell li jinqafel b’bokkla minn quddiem fuq is-sider. Dan jintlibes meta s-saċerdot ikun ser jagħti l-barka u meta jkun qiegħed iġorr l-Ewkaristija.

SODALITÀ Ara: KONFRATERNITÀ.
SPELLIZZA Sopravest bajdani li jintuża miċ-ċelebrant waqt il-funzjonijiet reliġjużi. Sqal. suppillizza.

SPIGOLATRIĊI Nisa lajċi li jappartjenu għall-grupp li twaqqaf fl-1947 fl-Italja, minn ċerta Pia Tavernelli. Din l-għaqda hi magħrufa wkoll bħala Spigolatrici della Chiesa jew, bl-Ingliż, ‘Gleaners of the Church’. L-iskop ta’ l-Ispigolatriċi hu li bħala lajċi jgħixu ħajja spiritwali u fl-istess ħin jgħinu lil għajrhom mingħajr ma jintrabtu mal-ebda komunità reliġjuża f’xi kunvent. Isimhom kien ispirat mill-Ktieb ta’ Rut, fil-Bibbja. L-Ispigolatriċi kienu stabbillew rwieħhom f’Malta fl-1964. Tal. Spigolatrici. – M. Dan l-isem hu riferenza lejn dawk li jiġbru s-sbul li jaqa’ u li jitħalla warajhom waqt il-ħsad. (jiġ. ġabbara tan-nies emarġinati fis-soċjetà).

STOLA Strixxja tad-drapp dekorata b’disinn, ħafna drabi fir-rakkmu, li s-saċerdot jilbes madwar spalltu meta jkun qiegħed jamministra s-sagramenti. Din ikollha l-kulur tagħha, eż., abjad, aħdar, vjola, eċċ., skont il-kwalità tal-funzjoni liturġika li titwettaq. Idj. ‘Bl-istola miegħu’ – din tingħad meta bniedem ikun qiegħed imut jew gravi, u jkollu saċerdot ħdejh jamministra s-sagrament tal-griżma eċċ. STOLA U SALIB Espr. li tirriferi għal xi ħadd li jkun bla sold fil-but.
SUDDJAKNU Qassis li jkun laħaq l-ewwel mit-tliet ordnijiet sagri maġġuri, jiġ., dak li jżomm iċ-ċelibat u li jgħid l-uffizzju, biss la jista’ jqaddes u lanqas iqarar. Tal. suddiacono.
SUKKURSAL Ara: FILJALI.
SURĠENTINA Bastun irqajjaq miksi bil-metall li jintuża mill-fratell inkarigat li jqassam u jippożizzjona lil sħabu l-fratelli waqt il-purċissjoni. Norm. dan il-bastun ikun iddekorat b’simboli relatati mal-qaddis li l-fratellanza tkun imsemmija u ddedikata għalih. Tal. sergentina.
TERZJARU Wieħed li jinkiteb fit-terz’ordni tal-patrijiet eż., Terzjarju Franġiskan. Lajk li jsegwi b’mod rigoruż id-devozzjoni u l-obbligi ta’ talb u qima ta’ xi ordni reliġjuż.
UFFIZZJU Tingħad mal-kelma sagru. Talb li l-qassis jaqra kuljum. UFFIZZJATURA It-talb u ċ-ċeremonjal li jsir fil-knisja. Ara: URI.

VENERABBLI, BEATI U QADDISIN L-appellattiv, ‘Venerabbli’ hu rikonoxximent li jingħata mill-Papa lil individwi li jkunu għexu ħajja qaddisa skont il-prinċipji tal-karità, tat-tama u tal-fidi. Jekk din ir-ruħ qaddisa jkun jistħoqqilha aktar minn hekk, jibda mbagħad il-proċess tal-beatifikazzjoni. Hawn jitqiesu każijiet fejn il-’venerabbli’ jkun wettaq xi miraklu ma’ xi ħadd li jkun talab għall-interċessjoni tiegħu. Mal-beatifikazzjoni, tiġi stabbilita d-data tal-festa. Wara jibda l-proċess tal-kanonizazzjoni. Fil-preżent, f’Malta għandna żewġ persuni li kienu beatifikati fis-sena 2001. Dawn huma Nazju Falzon (1813-1865) u Suor Maria Adeodata Pisani (1806-1855). Venerabbli huma Adelaide Cini (1838-1885), u Suor Margerita de Brincat (1862-1952).

VENERANDA LAMPADA Oriġ. dan kien fond ta’ flus li kien jinġabar fil-knejjes biex isostni l-ħlas taż-żejt u x-xema’ għal-lampir ta’ quddiem l-altar maġġur. Billi kultant, il-flus li kienu jinġabru ikunu jlaħħqu somma sostanzjali, parti mid-dħul kien beda jintefaq għal spejjeż oħra relatati ma’ kull tip ta’ bżonnijiet tal-knisja.
VIGARJU Viċi isqof. Il-persuna maħtura mill-Isqof biex tirrappreżentah. Il-VIGARJU TA’ KRISTU – Titlu mogħti lill-Papa bħala r-rappreżentat ta’ Kristu. Il-VIGARJU APPOSTOLIKU Dan hu l-kardinal jew l-isqof li jkun iddelegat mill-Papa fi djoċesi jew f’pajjiż barrani.
© Martin Morana
26 ta’ Ottubru 2023
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-ISTESS AWTUR
ikklikkja hawn ..
