DAMMA TA’ ĦSEJJES

IL-KLIEM ONOMATOPEJKU

Introduzzjoni

Fil-Malti, bħal f’ħafna ilsna oħra, hemm bosta ħsejjes li biex ikunu spjegati sew jintuża kliem li fonetikament jimitaw jew iqarrbu lejn dak il-ħoss. Dan il-ġeneru ta’ kliem jissejjaħ onomatopejku, kelma li oriġinat mill-Grieg onoma (isem) poeiei (għamel). Biex nagħti eżempju, il-verb ‘baqbaq’ jirreferi għal ħoss li jagħmel l-ilma meta jtella’ l-bżieżaq tal-arja waqt li jagħmel il-ħoss ‘boqq-boqq’, l-aktar meta jagħli u jsir misħun. Minn dan il-verb partikolari joħorġu anki nomi u aġġettivi li ukoll jindikaw l-istess ħoss. Pereżempju, minn baqbaq joħroġ in-nom ‘baqbuqa’ li hu l-isem ta’ kontenitur tal-fuħħar b’għonq dejjaq li fih jinżamm l-ilma. Jissejjaħ hekk għaliex meta jitferra l-ilma minnu dan jagħmel l-istess ħoss. Jeżisti wkoll l-aġġettiv ‘baqbieqi’, li jintuża wkoll metaforikament (metaf.) għal xi ħadd li bl-aġir tiegħu mdorri jinkwieta lin-nies u għalhekk ‘ibaqbaqhom’, jew iġiegħelhom ‘jitbaqbqu’. Min ibagħti bl-inkwiet f’mumenti bħal dawn kapaċi jieħu ‘tbaqbiqa’ u jibqa’ taħtha.

Xi wħud mill-kliem onomatopejku ġie maħluq biex jiddiskrivi l-azzjoni u l-ħoss tal-annimali. Pereżempju, ngħidu, ‘il-pespus ipespes’, ‘il-ħamiem ibarqam’ u ‘l-ħanżir iħamħam’. Verbi oħrajn jiddiskrivu ħsejjes magħmula mill-bniedem, bħal, ‘meċlaq’ jew ‘naħar’. Hemm kliem onomatopeiku li jiddeskrivu l-azzjoni u l-ħoss ta’ oġġett, bħal dak ta’ xi qanpiena żgħira meta ċċenċel jew inkella l-boċċi meta jċekċku ma’ xulxin. Ninnutaw li bosta mill-verbi onomatopejki huma kwadrilliteri, b’żewġ sillabi li aktar iva milli le jirrepetu ruħhom.

Hawn ġbart lista ta’ verbi, nomi u aġġettivi ta’ kliem onomatopejku, l-aktar bis-saħħa tas-suġġerimenti li għaddewli l-membri fil-paġna ‘Kelmet il-Malti’, fuq facebook. Irnexxili ngħaqqad daqs 75 verb onomatopejku. Ċert li hemm aktar minn hekk …

LISTA TA’ KLIEM ONOMATOPEJKU

BAĦBAĦGħamel ħoss billi nefaħ fil-BAĦBUĦA. Id-daqq tal-baħbuħa hi xi ħaġa li t-taħħan kien jagħmel meta ried isejjaħ lin-nies tal-madwar biex imorru għandu ħalli jixtru l-qamħ mitħun. Metaf. meta ngħidu, ‘paħpaħlu waħda ġo wiċċu’ aktarx inkunu qed nirreferu għal verb baħbaħ(lu). Ara: PAĦPAĦ li għandha tifsira differenti.    
BAQBAQ (L-ilma) għamel ħoss meta għala. (n.) BAQBUQA (jew BAQBIEQA) – bomblu) kontenitur kemm tal-fuħħar inkella tal-ħġieġ b’għonqu dejjaq, li meta jitferra l-ilma minnu jagħmel ħoss qisu qiegħed ibaqbaq. 
BARQAMNgħidu, ‘il-ħamiem ibarqam’ biex infissru l-azzjoni u l-ħoss li l-ħamiem imdorri jagħmel.
BASBAS Dan il-verb jingħad ukoll metaf. meta wieħed jagħmel l-istess ħoss b’ħalqu, kultant b’sinjal ta’ disapprovazzjoni jew inkella biex iwaqqa’ lil ħaddieħor għaċ-ċajt. Metafora oħra tal-istess verb tingħad f’dan l-eżempju, ‘mar basbas kollox ma’ dak u mal-ieħor’.
BEQBEQL-istess bħal BAQBAQ
ĊAFĊAFŻewġ eżempji ta’ dan il-ħoss huma, meta tarbija ċċafċaf fl-ilma, jew inkella, meta l-mewġ ħafif jaħbat max-xatt. ĊAFĊIFA hu nom (n). relatat ma’ dan il-verb. Lit-tfal ċkejknin kienu jgħidulhom, ‘ejja nagħmlu ĊUFFA’, jiġifieri, ejja ħa mmorru ngħumu.
ĊAPĊAPMinn dan il-verb joħroġ in-nom ĊAPĊIP/A.
ĊUMBUMMĦoss ta’ tfaqqiha, bħal splużjoni ta’ bomba jew inkella ta’ xi oġġett meta jfaqqa b’qawwa. Metaf. ngħidu, ‘dak irid kollox lest ċumbumm’, jiġifieri fil-pront u mingħajr l-ebda dewmien. Tintuża wkoll il-kelma ĊUMPAQQ.
DAMDAMIrbombja. Metaf. ngħidu, ‘bl-istorbju li għamel damdamlu widnejh’. (n.) DAMDIMA. Ngħidu wkoll, ‘qala’ damdima’.
FESFESVarjant ta’ SEFSEF. Tkellem b’vuċi baxxa f’widnejn xi ħadd. Ngħidu, ‘dak iħobb ifesfes biex isaħħan l-irjus’. TFESFIS (n.).
FETFETTkellem minn taħt l-ilsien waqt li żamm xufftejh pjuttost magħluqin. Għamel ħoss bil-’effe’ jew bit-’te’ għaliex lissen ‘fitt-fitt’ bla bżonn, x’aktarx minħabba xi diffett fiżiku fl-artikolazzjoni tal-ilsien.
FEXFEXTFEXFIX (n.) L-azzjoni bil-ħoss meta jisħon u jagħli, pereż. iż-żejt fit-taġen, aktar u aktar meta jkun hemm ikel jinqela fih, jew inkella meta jintefa’ l-ilma fuqu. Il-ħoss li jagħmel it-titjir tax-xampanja, jew kultant xi kwalità ta’ luminata appena jinfetaħ it-tap tal-flixkun.
ĠENĠELJew ĊENĊEL jew ĠELĠEL. Daqq (il-qanpiena). Metaf. ngħidu, ‘bid-daqqa li tah ġenġillu rasu’. (n.) ĠONĠOL jew ġolġol.
GARGARNgħidu, ‘il-baqra tgargar’. Anki l-qattus igargar minn grieżmu bil-pjaċir, l-aktar meta jkun bil-ġuħ u jara l-ikel quddiemu, jew għax irid jitfissed ma’ sidu.
GEDWEDGEDWID (n.) Azzjoni ta’ ħsejjes li wieħed jagħmel meta jitkellem minn taħt l-ilsien b’mod li ma jinftihemx. Ngħidu, ‘gedwed talba qabel ma kiel’ jiġifieri talab b’vuċi kemm kemm jinstema’.
GEMGEMIl-mod kif wieħed juri d-disapprovazzjoni tiegħu bil-kliem, kemm jekk waħdu kif ukoll biex jesprimi ruħu ma’ ħaddieħor. L-istess bħal GERGER u QAMQAM.
GERGERJew GEMGEM. Metaf., dan il-verb jista’ jirriferi wkoll għal meta jfaqqa’ r-ragħad; ngħidu, ‘is-sema qed igerger’. TGERGIR (n.)
 
ĦAMĦAMGħamel ħoss minn imnieħru bħal ‘ħħmm’. (n) TĦAMĦIM  Ħsejjes li jagħmel il-ħanżir bin-nifs ħiereġ minn imnieħru. Ngħidu, ‘il-ħanżir iħamħam’. Interessanti li anki bl-Ingliż, il-verb to hum jirriferi għal kant li jsir bin-nifs mill-imnieħer.
ĦARĦAR TĦARĦIR (n.) Il-ħoss tan-nifs meta bniedem ikun imżikkem (ara: ŻOKMA) u magħdur, b’nifsu tqil. Ngħidu, ‘It-tabib poġġa l-istetoskopju fuq sider il-marid u sema’ bħal TĦARĦIR/A (n.)’
ĦAXWEXĦakk żewġ oġġetti b’mod ħafif ma’ xulxin. Ngħidu, ‘it-tifel beda jħaxwex il-karti waqt il-lezzjoni’. (n.) TĦAĦWIX. Erin Serracino Inglott fid-dizzjunarju tiegħu, Il-Miklem Malti, jgħid li dan il-verb ġej minn ĦAXIX.
KARKARMexa bil-mod għax kien bla saħħa u b’ħoss li juri li xi ħaġa, qed tkarkar taħtu jew warajh, pereż. il-QORQ. Metaf. ngħidu, ‘dam ikarkar ħafna bl-influwenza’. Hemm proverbju li jgħid, ‘fost l-aħwa min bil-palju u min ikarkar bix-XATBA’. KARKUR (n.) isem ta’ xedd tas-saqajn.
KAXKARSimili bħal KARKAR, biss, il-ħoss tal-azzjoni hu pjuttost ta’ xi ħaġa li wieħed ikaxkar warajh, bħal xi xkora, u l-ħoss li jinstema’ jkun ‘xxxx’. Ngħidu, ‘kaxkar saqajh’, bħal meta xi ħadd izappap għax għandu sieq minnhom imweġġa. Metaf. ngħidu, ‘it-tim tagħna qala’ TKAXKIRA (n.), għax qala ħafna goals.
KESKESRiferenza għall-ħoss ‘ksss’ li l-persuna tagħmel meta tkeskes lill-kelb biex iġġiegħlu jew tħajru jagħmel għal xi ħadd, kemm jekk bniedem kemm jekk annimal.
LABLABPaċpaċ iżżejjed. Tawwalha wisq biex jgħid dak li kellu jgħid. Ngħidu, ‘mar lablab fil-vojt biex jidher ħelu’. TLABLIB (n),.
LAĦLAĦRiferenza għall-ħoss tal-ilma, bħal meta wieħed jaħsel idejh jew il-platti. TLAĦLIĦA (n.)
LAQLAQGħamel il-ħoss ta’ papra. Ngħidu, ’il-papra tlaqlaq’. L-istess ngħidu meta wieħed ikun ikkonfondut u jibża’ jgħid dak li għandu jgħid biex jesprimi ħsibijietu.
LEGLEGXorob bħal f’nifs wieħed (l-ilma eċċ., ) mill-flixkun jew tazza. LEGLIEGI (aġġ. għal persuna li mdorrija tlegleg (l-aktar ix-xorb alkoħoliku. GELGUL Riferenza għal ħafna ilma li jkun nieżel minn xi nixxieha eċċ. Hawn qed naraw eżempju ta’ metatesi, jiġifieri meta s-sillabi jinqalbulhom il-konsonanti tagħhom.
MAĦMAĦL-istess bħal ĦAMĦAM. 
MEĊLAQTMEĊLIQ (n.) Il-ħoss li jagħmel xi ħadd meta hu u jomgħod l-ikel ifaqqa’ lsienu mas-saqaf ta’ ħalqu u jagħmel ħoss bħal ‘ċ’ b’mod li jinstema’ sew.
MEKMEK L-istess bħal MEĊLAQ
MEXMEXMaxtar u kiel, waqt li b’xufftejh u b’ilsienu lagħaq sewwa l-ikel bis-sugu b’kollox. Ngħidu, ‘mexmex l-għadam kollu sakemm ġabu qoxqox’. Qawl: daqqa tiekol il-laħam u daqqa tmexmex il-għadma.
NAQNAQGħamel ħoss ta’ żrinġ. Ngħidu hekk ukoll anki għal ħoss li jagħmel il-pappagall. Meta bniedem juża il-’q’ flok il-’k’ ngħidu li ‘qiegħed inaqnaq’.
PAĊPAĊTkellem mingħajr waqfien jew qal kliem fil-vojt. (n.) TPAĊPIĊ. (Aġġ. PAĊPAĊI).
PAĦPAĦTkellem b’vuċi baxxa biex ma jinstemax mill-bogħod. Tkellem billi lissen il-’p’ u l-’ħ’, x’aktarx minħabba xi diffett fl-artikolazzjoni tal-kliem. Meta konna tfal konna ngħidu, ‘dak it-tifel jitkellem bil-pississi’.
PAQPAQDaqq il-ħorn. TPAQPIQA (n).
PATPATL-istess bħal TAPTAP.
PESPESNgħidu, ‘il-pespus – kif ukoll il-fellus – ipespes’.
PEXPEXGħamel l-awrina, bil-mod il-mod, u b’ħoss li jinstema’ ‘pxxx’. X’aktarx dan il-verb ġej mill-verb ‘bexxex’, bħal meta ngħidu, ‘bexxex il-pjanti bl-ilma’. L-istess verb jiddiskrivi l-ħoss li jagħmel bniedem meta jsejjaħ lill-qattus u jgħajjatlu, ‘pxxx, ejja Pejxu fejn int?’
QAMQAMNgħidu, ‘il-barri – jew il-gendus – qamqam’. Metaf. dan il-verb jintuża flok GERGER.
QAQANgħidu, ‘it-tiġieġa tqaqi’. għamel ħoss bħal ‘qa-qa-qa’.
QAĦQAĦĦareġ ħoss minn grieżmu bħallikieku biex inaddaf il-passaġġ tal-arja, jew għax grieżmu xott, jew biex jiċċara l-vuċi. Il-verb hu onomatopejku għax iqarreb lejn il-ħoss ‘qoħħ-qoħħ’.
QARQARFil-Miklem Malti insibu illi dan il-verb hu simili għal GERGER, biss dan jirreferi għal diversi ħsejjes tal-annimali; bħall-ħoss li tagħmel it-tiġieġa meta tkun fuq il-bajd, il-qattus meta jkun mimdud u paxxut f’ambjent komdu għalieh, il-ħamiem (bħal igerger), u l-ħoss li ż-żrinġ jinstema’ jagħmel minn grieżmu. Dan il-verb jispjega wkoll il-ħoss li jagħmel l-istonku meta dak li jkun jaħkmu l-ġuħ sew.
QAXQAXVerb li hu simili ħafna għal MEXMEX. Aġġ. QOXQOX. Metaf. ngħidu ‘spiċċa qoxqox’, jiġifieri, spiċċalu ġidu u ma għandux biex jgħix.
QOŻQOŻGħamel ħoss bħal qażquż. Din jagħtiha biss, Agius de Soldanis fid-Damma (ċ.1767) li jitraduċiha bit-Tal., voce di porco).
RAXXAXL-azzjoni ta’ meta x-xita tkun nieżla b’ħoss ħafif. Dan il-verb ifakkarna fil-poeżija ‘Ix-xita’, ta’ Erin Serrcino Inglott. (Ara aktar ’l isfel). RXIEX (n.)
SARSARL-istess bħal ŻARŻAR). Għamel il-ħoss tal-GĦAŻŻIELA, magħrufa għaż-żarżir kontinwu li jagħmel dan l-insett għal ħin twil matul il-jum.
SEFSEFVarjant ta’ FESFES u ŻAFŻAF. Metaf. dan il-verb jintuża bħal SEKSEK.
SEKSEKTkellem b’vuċi baxxa u ħafifa. Metaf. jirriferi għal meta bniedem jgħid xi ħaġa minn wara dahar dak li jkun. Pereż.: ‘Toni ta’ spiss kien iseksek fuq dak u fuq l-ieħor.
TAPTAPĦabbat b’ħoss ħafif fuq xi ħaġa. Tektek b’subgħu. Ngħidu, ‘taptaplu fuq spalltu biex jiġbidlu l-attenzjoni’. (n.) TAPTIPA Metaf. ngħidu, ‘qala’ taptita’, li tfisser, qala’ xebgħa.
TAQTAQGħamel ħoss ta’ żrinġ – jew ta’ KALANDRA. Ngħidu, beda jtaqtaq daqs kalandra. Nużaw dan il-verb ukoll metaf. meta nirriferu għal xi ħadd li jitkellem mgħaġġel. Metaf. ukoll ngħidu, ‘qalbu bdiet ittaqtaq’. Ara wkoll: NAQNAQ.
TEFTEFL-istess bħal FETFET.
TAWWATDaqq il-ħorn (tal-karozza eċċ.,) verb li hu meħud mill-ħoss ‘tut-tut’.
TEMTEMBħal LAQLAQ, biss, dan il-verb hu assoċjat aktar ma’ xi ħadd li għandu xi tip ta’ impediment biex jartikola kliemu.
TEKTEKL-istess bħal TAPTAP. Ħabbat fuq xi mkien. Ngħidu, ‘tektek bil-martell fuq il-ħajt’. TEKTIKA (n)
TEXTEXL-istess bħal FEXFEX.
VENVENTVENVIN (n.) Il-ħoss li jagħmel ir-riħ qawwi. Ngħidu, ‘ir-riħ beda jvenven mal-irkejjen kollha tad-dar’.
WAĦWAĦBeka jgħajjat. Ngħidu, ‘ma ġbinx kemm waħwaħ bid-daqqa ta’ sieq li qala’.
WATWATNgħidu, ‘il-kokka twatwat’.
WAQWAQNgħidu, ‘il-wiżża twaqwaq’.
XARXARXARXIR (n.) Il-ħoss li jagħmel il-mewġ meta jaħbat mal-blat.
ŻAFŻAFŻAFŻIF (n.) Il-ħoss li jista’ joħroġ mil-likwidu jew pejst meta dan jintgħafas minn ġo kontenitur tal-plastik eċċ., ‘il barra. Dan il-verb jirriferi wkoll għall-ħoss tal-qasab meta jixxengel bir-riħ. Tingħad ukoll għall-ħoss ta’ xi għasafar kif ukoll għall-ħoss ta’ meta wieħed idoqq iż-ŻAFŻAFA (n.)
ŻANŻANIż-ŻUNŻAN iżanżan. Tingħad ukoll meta wieħed jilbes libsa għall-ewwel darba.
ŻAQŻAQGħamel ħoss irqieq, bħal meta oġġett iħokk ma’ ieħor. Ngħidu, ‘il-bieb żaqżaq għax iċ-ċaċċis kien imsaddad’, jew ‘il-parkett beda jżaqżaq taħt saqajh’. (n.) ŻAŻQIQ/A.
ŻARŻARNgħidu, ‘iż-ŻARŻUR (n.) iżarżar. (insett: Isem. xj. Euprepia pudica esper, Ing.   Mediterranean Tiger Moth.) Għamel ħoss fit-tul bħal ‘żżż’ . Eżempju: ‘mir-radju, flok mużika ħelwa smajt biss żarżir u textix’.
ZEKZEKGħamel ħoss b’ilsienu billi għafsu mal-ħanek jew mas-snien u għamel ħoss ta’ ‘zzz’. Ngħidu, ‘is-serp izekzek’. ZEKZIK/A  Il-ħoss li jagħmel bniedem biex juri d-diżapprovazzjoni tiegħu dwar xi ħaġa jew oħra. Iz-ZAKAK (għasfur) jagħmel l-istess ħoss.

http://www.kliemustorja.com

GRAZZI   lil dawk il-membri tal-paġna ’Kelmet il-Malti’ fuq facebook li taw bosta suġġerimenti. Fost dawn nixtieq insemmi lil Ronnie Gauci li għadda lista ċkejkna ta’ għemejjel ta’ ħsejjes tal-għasafar. Dawn huma:

  •   ĊAQĊAQ (ġojjin)
  •   FENFEN (sponsun)
  •   ĠAĦĠAĦ (għasfur tal-bejt ta’ barra)
  •   TPARPAR (gamiema)
  • PAĦPAĦ (meta għasfur ‘jisgħol’)
  • TARTAR (verdun)
  • TKERKER (summiena)
  • ZAMZAM (verdun)
  • ZEKZEK (malvizz taż-żebbuġ jew gardell)

© Martin Morana

16 ta’ Jannar, 2024

http://www.kliemustorja.com

Ix-X I T A

(L-ewwel parti minn poeżija li kiteb Erin Serracino-Inglott li fiha l-poeta jinkludi kliem onomatopejku)


BIBLIOGRAFIJA

Aquilina Joseph, ‘Maltese Etymological Glossary’, Journal of Maltese Studies. University of Malta. 1972.

Rosabelle Carabott (ed.) amma tal Kliem Malti Kartaġinis mxcerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. L-Akkademja tal-Malti et al. 2016.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin.

Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … ikklikkja hawn:

1 Comment

  1. Proset Martin ta din il-gabra ferm interessanti ta kliem onomatopeici; dawn jezistu fl-lingwi ohra? Nahseb li l-Malti hu ferm rik f’dawn it-tip ta kliem.

    Like

Leave a comment