GĦAJJARTU b’li KELLU

ĠABRA TA’ KLIEM OFFENSIV

Il-Malti jgħid, ‘agħtini l-fama u itfani l-baħar!’ Fil-ħajja niltaqgħu ma’ kull tip ta’ nies; x’uħud bi kwalitajiet fil-karattru tagħhom li jispikkaw minn ħaddieħor, min fit-tajjeb, min fil-ħażin. In-nies ta’ madwaru malajr tinnota u skont li tara fih tiġġudikah, jekk mhux ukoll titimbrah b’xi titlu għal għomru.  

Ħassejt li jkun interessanti jekk nagħti titwila ta’ x’uħud mill-bosta aġġettivi jew attributi li kienu u għadhom jingħataw biex imaqdru jew iwaqqgħu għaċ-ċajt lil dak li jkun, skont imġibtu. Xi wħud mill-aġġettivi li ġbart huma antiki sew għax anki jsemmuhom Giovanni Francesco Agius de Soldanis (1712 – 1770) u Mikiel Anton Vassalli (1764 – 1829). Ħafna minn dawn l-appellattiv xejn sbieħ intesew u għalhekk għedt ħa nerġa’ nagħtihom id-dawl.  

Insomma, dak li sibt niżżiltu hawn u qegħidtu f’sewkenza alfabetika, kif inħobb nagħmel dejjem. Ma’ kull attribut hemm inkluż spjega żgħira u kultant anki xi informazzjoni forma ta’ anedotta li tispjega kif oriġina dan l-aġġettiv.

—–

ASPRU    Aġġettiv li jingħad għal bniedem ta’ mġiba żorra. Xi ħadd li jitkellem b’mod li jniggeż. Tal. aspro. Malt. qares; riġidu; aċiduż; sarkastiku.

AŻŻMU    Aġġettiv li jingħad għal xi persuna diffiċli u li ma tinħallx kif ġieb u laħaq mill-manjieri riġidi tagħha. Bniedem żorr. Proprjament, l-aġġettiv ażżmu tintuża l-aktar meta ngħidu, ‘ħobż ażżmu’. Dan għaliex meta l-għaġina tal-ħobż ma tkunx imħallta bil-ħmira l-ħobża tibqa’ pjuttost ċatta.

BAJJU    Bniedem li jaqa’ għaċ-ċajt ripetutament, bniedem redikolu u fidil. Dan il-laqam isemmieh Patri Manwel Magri li jgħid li semgħu n-Nadur. Sors: E.S.I. Imbagħad Aquilina jagħti l-istess tifsira iżda jżid magħha, BAJJU TA’ LAĊĊA, karattru komuni fil-commedja del’ arte. Tal. lazzo, atto molto buffonesco. Verżjoni oħra ta’ Aquilina (skont ma qalulu) hi li laċċa ġejja minn Lecce belt fl-Italja, famuża għax-xogħol taċ-ċeramika, u għalhekk jista’ jkun li dan il-laqam ġej minn xi statwetti li jinħadmu hemm li jirrappreżenaw żagħżugħ belhieni.Etim. bajo Tal.antik, cosa, persona da ridere. Sqal. baju, garzone.

BALALU   Bniedem fidil u li jibla’ kull ma jgħidulu. Baħnan. Kelma li ġejja mill-Għarbi, baħlul li tfisser bniedem li jidħak ħafna. Sors: E.S.I.

BIDILLU    Ngħidu, ‘qisni l-bidillu ta’ kulħadd’. Il-bidillu hu l-purtinar, xi ħadd inkarigat biex jieħu ħsieb l-indafa u ħtiġijiet oħra żgħar tal-binja ta’ fejn ikun impjegat, bħal fi skola jew f’xi każin.   

BISBETKU     Bniedem li jgerger mix-xejn. Bniedem qansħa, fonqla, bużżu. Tal. bisbetico. E.S.I.

BODBOD    Tintuża għal xi ħadd li ma jimpurtah minn xejn; bniedem ta’ bla manjieri, injorant jew ta’ rasu iebsa. Ngħidu, ‘raġel badbadi’ għal bniedem li jfittex in-nisa ta’ sikwiet biex ikollu x’jaqsam magħhom sesswalment.

BUĠARRUN Sodomist. Sors: E.S.I.

BUŻŻU     Tingħad għal xi ħadd, aktarx xiħ u ta’ temperament buruż, jew li jitlagħlu malajr. Raġel bħal dan konna ngħidulu wkoll in-nannu bużżu. Intant il-bużżu hu l-isem bil-Malti għal kreatura partikolari li tgħix fil-baħar. Bil-Malti hi magħrufa wkoll bħala qallut il-baħar. Is. xj. Holothuria holothuria. Ing. Sea cucumber.

ĊABATTIN     Aġġettiv mogħti lil xi ħadd li xogħolu jagħmlu bl-addoċċ u kif ġie ġie. Tal. ciabattino – Malti, skarpan. Sfortunatament bil-Malti għad min għadu jgħidha din, ‘kemm int skarpan!’ Ma nafx għaliex għax l-iskrapan nafhom bħala nies li jagħmlu xogħolhom bir-reqqa.

ĊAFLANGU    Wieħed magħmul fiżikament goff u ma jafx ikun ġentili man-nies. Bniedem ta’ bla manjieri u ma għandux etikett.  Bniedem li jilbes b’mod żmattat. Tal. ciaffo lungo, jew Sqal. ciaffu – viso largo grasso e tondo.  Sors etim:  J.A.

ĊAKKAR     Persuna daqsxejn lura minn moħħha. Bniedem li jilbes żmattat u rozz. Bniedem kampanjol. Bniedem li jħobb idaħħaq. Sors: V. Busuttil, Kalepin (1900). Sqal. Chaccaru; Spanjol, chaccarero, bniedem li jaħdem fl-għelieqi.  Sors:  J.A. u E.S.I.

ĊAPSA   Appellattiv għal xi ħadd li jkun tqil u bilkemm jiflaħ jiċċaqlaq. X’aktarx il-kelma ġejja minn ‘ġabsa’, il-fem. ta’ ĠABAS, li tfisser ‘xi ħadd tqil u goff’. Espr. ‘Qisek ċapsa xaħam fuq karta.’

ĊELLAQ-BIEBU   Xi ħadd li jilbes imqatta’ jew żmattat. Sors:  B. Falzon (G.B.F., 1845). 

ĊUĊ    Appel. għal xi wieħed injorant jew li jkun għamel xi ħmerija. Sqal. u Toskan ciucciu jew cioccio, finalalment giuccio – M. stupidu jew ħmar. Mikiel Anton Vassalli jagħti spjega differenti: ‘Lat. Pudendum muliebre os. vulvae; Tal. natura della donna.   ĊUĊATA   Tal. giuccata

ĊUPLAJS / ĊOPLAJS    Xi ħadd li joqgħod għal kollox. Bniedem li ma jiswa għal xejn. F’xi każi tintuża l-kelma ċuples. Din il-kelma għandha bosta tifsiriet. 1. Tewm iswed. 2. Għodda magħmula biex tiddritta s-snien tas-serrieq. 3. Tip ta’ sħab. 4. Baħar daqsxejn imċaqlaq. 5. Weraq tal-bajtar tax-xewk. 6. Il-parti ta’ fuq nett tal-barjol tal-mitħna. Ara: BARJOL. Etim. dubjuża, forsi mit-Tal. cipolla – M. basla.  Sors: J.A. u E.S.I. 

DISKLU   Bniedem ixxellerat u li jagħmel affarijiet li mhux xierqa fis-socjetà. Tal. u Span. discolo, M. diżubbidjenti, indixxiplinat, wieħed li jaqla’ l-problemi, pezza kwistjoni u ribelljuż.

INDIĠEST     Bniedem li hu antipatiku f’għemilu b’mod li ma tniżżlux.

DUTTUR     Ngħidu, ‘uff kemm int duttur!’ Din l-espressjoni tingħad għal xi ħadd li u konvint iżżejjed fil-ħsibijiet u d-deċiżjonijiet li jieħu u li jemmen li ħadd ma għandu jmerieh. Bniedem li jinjora kull suġġeriment mingħajr ħlewwa ta’ xejn. Id-duttur hu proprjament titlu li ngħata lil xi teoloġi tal-Knisja li kitbu dwar it-twemmin Nisrani b’mod awtorevoli. Dawn l-għorrief kienu anki kapaċi jeħduha kontra xi ereżija jew setet xiżmatiċi. It-titlu ta’ duttur kien jingħatalhom mill-Papa.  

ĠABAS / ĠABSA   Ngħidu, ‘donnu ġabas’. Qabbel mal-Għarbi ġabus – M.  bniedem li ma jiswa għal xejn. Sors: J.A u E.S.I  Ara: ĊAPSA.

ĠAĦAN    Tingħad meta nirriferu għal xi ħadd fidil jew iblah. L-isem ta’ karattru fittizju fil-folklor Malti, li ismu hu sinonimu ma’ xi ħadd sempliċi, balalu għall-aħħar. Dwaru jingħadu stejjer tad-daħk, fejn tispikka l-inġenwità ta’ dan iż-żagħżugħ. Dwar dan il-karattru hemm artiklu sħiħ fuq din il-website. Ara: ‘Min kien Ġaħan’. Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2020/07/23/gahan-min-kien/

ĠBARA    Ngħidu, ‘Qisu ġbara’ lil min għandu telqa fuqu; bniedem pjuttost qawwi u tqil ħafna u li jdum biex jaġixxi. Fil-verità l-ġbara hi taħlita magħmula minn nuħħala. Tirreferi wkoll għal oġġett li tradizzjonalment kienet tintuża biex titfejjaq il-ferita. Din tkun magħmula mill-ġewwieni ta’ ħobża mxarrba bil-ħalib, li titqiegħed fuq dik il-parti muġugħa tal-ġisem li tkun misluħa jew infettata. Ing. poultice jew cataplasm. Ara aktar: ĠBARA.  

INĠAZZ    Appellativ għal xi ħadd antipatiku għall-aħħar. Bniedem kiesaħ jew dardira. Bniedem besqa. Ngħidu, ‘Kemm int inġazz!’ Sqal. ghiazzu.

INGARŻAT/I    Riferenza għal xi persuna jew koppja li qed tgħix flimkien biss mhux miżżewġa. Qawl: L-imħabba tal-ingarżament tegħleb lil tas-sagrament. Sqal. Ingarzamentu, M. konkubinaġġ.

INTAMAT    Bniedem li jkun kalm u indifferenti fl-atteġġament tiegħu. Bniedem bla ħeġġa għax-xogħol. Persuna fi stat mentali konfuż. Etim. mhux magħrufa. Sors: J.A. u E.S.I. 

ĦATAMBU     Bniedem ta’ statura qasira. Xi ħadd goff u bla grazzja.

KELBUNAZZ   Mod li wieħed jgħajjar lil xi ħadd ta’ qalb kiefra u ta’ ħażen kbir. Dan l-appel. qiegħed iqabbel il-bniedem mal-kelb, l-istess bħal meta wieħed jgħid: ‘Ja kelb li int!’ A. de S. jgħid li din il-kelma kienet tingħad fi żmienu.

KSIR IL-GĦAJN  / KSIR IS-SORM    Bniedem li jidħol fejn ma jesgħux u jdejjaq lil dak li jkun.

KURNUT/A   Bniedem li fir-relazzjoni tiegħu ma jkunx fidil lejn martu. Għalhekk hu ipparagunat ma’ barri, gendus jew faħal li jkun tajjeb biex jitgħammar (inissel). L-istess bħal MOQRAN.

KUTU     Appel. għal xi ħadd kwiet, li ma jħobbx jitkellem wisq; xi ħadd magħluq fih innifsu. Idj: ‘Kutu kutu, qrunu f’butu’ – tingħad għal xi ħadd ta’ karattru kwiet, iżda li jbexkel minn taħt. Sqal. cotu cotu, – M. kwiet kwiet.

MINGĦUL    Bniedem li hu ta’ karattru ħażin jew li ma għandux kwiet f’ġismu. Bniedem ‘imxajtan’ għaliex mingħul hu laqam ieħor għax-xitan. Ngħidu, ‘ja mingħul li int!’. Ara: GĦUL.

MOQRAN    Tingħad b’mod dispreġġattiv għal xi ħadd li jagħmel ħsara lill-ieħor. Fig. Xi ħadd KURNUT. Il-moqran hu kull tip ta’ annimal bil-qrun.  

MANIGOLD     Bniedem ixxellerat u ta’ karattru ħażin. Bniedem li juża saħħtu biex jiddomina u jaħqar lil ħaddieħor; bniedem kattiv. Il-bojja u min jittortura lill-priġunieri kienu magħrufa bħala ‘manigoldi’.  Tal. manigoldo.

MAŻUN   Skont it-twemmin ta’ bosta, meta kont tgħid li bniedem hu mażun kont qed tirreferi għal xi ħadd li ma jemminx f’Alla. Dan l-aġġettiv kien komuni fi żmien meta kull min ma jaqbilx mar-reliġjon Kattolika kien meqjus bħala ateu u raġel ħażin. Intant storikament, il-Mażun kien membru tal-Mażunerija, għaqda li bdiet fil-Medjuevu bħala unjoni jew sħab ta’ ħaddiema l-aktar ta’ bennejja, bl-iskop li l-membri tagħha jgħinu lil xulxin kull meta jkun hemm bżonn. Masson jew Massoneria. Ara aktar: MAŻUNERIJA.

PALJAZZA   Ngħidu, ‘jiena m’jienx il-paljazza tiegħek’, jiġifieri, jien mhux ser tagħmel bija li trid. Il-paljazza hi biċċa drapp jew ċarruta li tintuża biex tnaddaf jew timsaħ u tixxotta biha. Biss, antikament, din kienet tirreferi għal xi oġġett magħmul bit-tiben li bih kont tnaddaf. Qawl: Għal kull razza hemm paljazza. Tal. paliacca – Sq. pagghiazza.

PALJETT    Ngħidu, ‘jien ma nħalli ‘l-ħadd jagħmilni paljett’. Xi ħadd li jkun ordnat minn ħaddieħor biex jagħmel ix-xogħol kollu hu. Intant, il-paljett hu dak il-oġġett twil u żenguli magħmul kobba minn ħbula marbutin biex jiddendel mal-ġnub tal-opri tal-baħar biex jipproteġihom huma u jittrakkaw mal-moll. Għal daqstant it-tifsira setgħet xi darba kienet mod ieħor, ‘iddaħħalnix fl-inkwiet ta’ bejnietkom!’ Tal. paglietto – Mparabord.

PAMPALUN     Wieħed li jippretendiha, Sqal.  pampanuni – M. wieħed li juri li jaf aktar minn ħaddieħor. Biss, jista’ jkun ukoll li din il-kelma ġejja mill-Venezian Pampalugo – Persona sciocca, vuota, di scarsa levatura.  Sors: J.A. u E.S.I. 

PASTAŻ    Ngħidu ‘kemm int pastaż’. Din tingħad għal xi ħadd ta’ bla manjieri. Bniedem vulgari. Fil-verità, il-pastaż kien dak li jġorr l-affarijiet tqal lil min iqabbdu. Ara: FAKKIN u ĦAMMALLU. Il-pastaż hu wkoll it-travu li fuqu jserrħu travi oħra. Sqal. vastasu, portatore.    

PAXÀ / BAXÀ    Ngħidu, ‘dak iħobb jagħmilha tal-paxà’, jiġifieri, iħobb jordna lil dak u lil ieħor waqt li hu jibqa’ dejjem komdu u paxxut. Storikament, il-Paxa kien bniedem ta’ awtorità fl-Imperu Ottoman. Sqal. pasciri, pasciutu. Anki masciaturi, ambasciatore. Bl-Għarbi u bil-Malti antik, kellna l-kelma baxxar, jiġifieri dak li jwassal il-bxara u għalhekk kapaċi tfisser l-istess bħal ambaxxatur.

PEĊLUQ   Wieħed li jgħid ħafna u li jiżvela s-sigrieti fdati lilu. Oriġ., il-kelma ħarġet minn żewġ kelmiet: peċpeċ u laqlaq. Ngħidu, ‘mar peċlaq ma’ dak u mal-ieħor’. Sors: J.A u E.S.l.   

PEPÉ  TAL-    Laqam mogħti lil nies ta’ kreanza żejda. Kelma li ġejja minn, papà, biss imgħawġa biex tirriferi għal dawk li biex jitkellmu bil-Malti jużaw aċċent Ingliż. Fir-rumanz ta’ Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda (1939), ‘Spiru’ li kellu ħanut tax-xorb tas-Sliema, jgħid hekk: ‘[…] Puh għalikom, intom li taparsi tal-papà lkoll ħaġa waħda, tridu titkessħu mbagħad issibukom imċappsin bid-djun […]’.

PERĊIMES   Aġġettiv li bih inkunu qed nirriferu għal xi ħadd li jħobb jaqla’ l-inkwiet. Biss dan it-titlu jista’ wkoll jirriferi għal dik il-persuna li tispikka l-aktar fil-grupp. Tal. Primicero, kelma li ġejja mill-Grieg. primiceros – M. kmandant.

PEJTER    Ngħidu, ‘qisu pejter’, jiġifieri qisu ġabas. Bniedem mitluq u li jsibha bi tqila biex jitħarrek. Etim. dubjuża.

PITTMA    ‘Bniedem pittma’; tingħad meta xi ħadd li hu fitt jew li jiffitta lil ħaddieħor bid-domandi u l-kummenti tiegħu, jew għax fitt f’-xogħolu. Ngħidu, ‘pittma fi ħwejġu’. Fil-verità, il-pittma tista’ tkun pjanta li hi meqjusa bħala parassita, li tikber fix-xagħri. Is. xj. Cuscuta Tourn, (Crenilabrus mediterraneus). Din hi pjanta invażiva u li ddum biex teħles minnha. Agius de Soldanis jispjega dan l-aġġettiv hekk: Per motto donnok pittma, cioé  uomo seccatore, che mai la termini nel parlare […]. Fit-Taljan teżisti wkoll din l-analoġija meta jirriferu għal xi ħadd xħiħ u antipatiku jew wieħed li jiffitta lil ħaddieħor.     

POXT    Bniedem mill-agħar u li jagħmel il-ħsara lill-għajru. Xi ħadd li jgħid kontra sħabu bil-moħbi bl-intenzjoni li jagħmel id-deni. Kelma li ġejja mill-Għarbi boxt. Skont Dozy bil-Franċiż tfisser bardache – homosexuel passiv. Sors: Supplément aux dictionnaires arabes (1877–1881), u E.S.I.

QAĦBUNAZZ   Appel. għal min ta’ spiss ifittex in-nisa għal skop sesswali. Bniedem li jfittex il-ħażen; bniedem makakk; bniedem li mhux ta’ min jafdah. Sors: A. de S.

QAJŻ / QAJŻU   Kelma diminuttiva għal ‘qażquż’.  Idj: ‘Kemm int qajż’ – tingħad lil xi ħadd li ma jġibx ruħu sew u b’mod xieraq fis-soċjetà. Tingħad meta xi ħadd jagħmel xi mossa li ‘ddardrek’, bħal meta wieħed jiekol bla manjieri fil-preżenza ta’ nies oħra.

QAMMIEL    Bniedem xħieħ. Ngħidu, ‘għal sold iqaxxar qamla’.

QANŻĦA     Ngħidu, ‘dak bniedem qanżħa’ – meta xi ħadd ikun puntilljuż, fitt f’kollox, u li jdum ma jaċċetta l-opinjoni jew ix-xogħol kif magħmul minn ħaddieħor. Paragun li ġej minn qanżħa tat-tiġieġa. Il-qanżħa hu l-istonku tal-għasafar bħal ma għandhom it-tiġieġ li minnu jgħaddi l-ikel biex ikun iddiġerit. V. Busuttil (1900) jirriferi għal xi ħadd li jieħu għalih malajr. Ing. gizzard. Tal. uomo molesto, ventrigli. Sors oħra: E.S.I., J.A. u Damma. Ara: QONSRU

ROZZ      Aġġ. li jingħad għal xi ħadd goff fi kliemu u hu ta’ bla manjieri. Tal. rozzo.

RUFFJAN    Bniedem ta’ karattru ħażin jew ta’ qattani. Ir-ruffjan, jew ir-ruffjana kienu dawk li jqaħħbu lin-nisa billi jħajru l-irġiel imorru mal-qaħba li jkunu miftiehma magħha biex jaqsmu il-flus bejniethom. Hemm tifsira oħra meta ngħidu: ‘jien mhux ir-ruffjan tiegħek’. Illum, nifhmu aktarx, ‘li jien mhux ser noqgħodlok għal kollox’. Idjoma: Qishom il-qaħba u r-ruffjan.

RUVLU    Antikament, kont tisma’ lil min jgħid, ‘Dik qisha ħatba tar-ruvlu.’ Ir-ruvlu hu injam iebes ħafna meħud mis-siġar tal-ballut biex tinħadem l-għamara minnu. Mir-ruvlu jinbnew ukoll l-opri tal-baħar għax hu injam b’saħħtu u reżistenti għall-ilma. Għalhhekk meta tgħajjar marra ħatba (zokk) tar-ruvlu tkun qiegħed tipparaguna mara, x’aktarx xiħa li hi arroganti u ta’ ċertu ħażen. Etim. Sqal. ruvulu. Tal. rovolo.

SANTAFJAKKA     Aġġ. li jingħata lil xi ħadd li hu kalm u kwiet iżżejjed; jew inkella xi ħadd li mdorri jaġġixxi bil-mod. Il-kelma hi magħmula minn żewġ kelmiet magħqudin flimkien, santa u fjakka.

SANTARELLINA    Tfajla li tilgħabha tat-twajba iżda minn taħt iġġib ruħha b’mod qarrieqi u mhux xieraq.

SAPPITUTTU     Xi ħadd li jippretendi li jaf ħafna.  Sqal. sapiri tutu.

SEBA’ SNIN TAL-GĦAKS Esp. li tingħad biex tiddeskrivi bniedem xħieħ u li jitqammel meta jiġi biex ibigħ, jixtri jew iħallas fi kwalunkwe okkażjoni. Din l-espressjoni hi meħuda minn passaġġ fil-Bibbja, Ġenesi, 41.25 – 26., fejn Ġużeppi (magħruf bħala ‘Ġużeppi mibjugħ minn ħutu’), ifiehem iż-żewġ ħolmiet li kienu qed iħabblu moħħ il-faragħun tal-Eġittu. Fl-ewwel ħolma il-faragħun jara seba’ baqriet smien telgħin min-Nil biex jirgħu. Ftit wara mill-istess xmara jitilgħu seba’ baqriet mgħaddma u dawn kielu lis-seba’ baqriet smien. Imbagħad il-faragħun reġgħa ħolom li ra seba’ sbuliet sbieħ li nbelgħu minn seba’ sbuliet nixfin. Skont kif interpretah Gużeppi, dan il-ħolm kien mod ta’ twissija lill-faragħun li fil-futur l-Eġittu, wara li jgħaddi minn żmien ta’ abbundanza, kellu jiffaċċa snin ta’ faqar.   

SENTIKKA     Mara li dejjem tkun moħħha fuq dak u l-ieħor.  Waħda li tindaħal f’kollox. Tal. santocchio, santacchia:  xi ħadd li jara jew jisma’ ħafna;  ipokrita.

SENSAFIDI / SENZAFIDI     Terminu li kien jirriferi għal xi ħadd li ma jemmen b’xejn. Biss, dan it-terminu seta’ wkoll jirriferi għal xi ħadd ta’ reliġjon u twemmin ieħor, bħal pereżempju, xi ħadd Musulman. Fiż-żmien din il-kelma kienet tintuża fit-tgħajjir f’bosta sitwazzjonijiet.

SIFISENT    Wieħed li jħobb jindaħal fejn ma jesgħux. Xi ħadd żatat u li jħobb ideffes imnieħru f’kollox. Ngħidu, ‘kemm int sifisent ħej!’ Etim. inċerta. J.A. jgħid li din hi varjant tal-kelma ‘fiżikant’ jew ‘viżikant’ – jiġ., wieħed li jdejjaq in-nies u jqabbilha mal-Isqalli fisicusu. Għandha mnejn din titqabbel mat-Tal. ficcanaso. Sors: E.S.I. u J.A.

SKAMPLU   Rif. għal xi ħadd li ma huwiex ta’ kumpanija tajba, u ta’ min wieħed jiskaratah. Oriġin., din il-kelma kienet tirriferi għall biċċa drapp li jkun baqa’ minn pezza u li ma tista’ tużaha għal xejn. Tal. scampolo. Ħabel li jintuża biex jitella’ l-barmil mill-bir.

SFRATTAT   Aġġ. għal xi ħadd li ħareġ minn patri. Etim., il-kelma tidher li ġejja minn frate. Agius de Soldanis jagħti t-tifsira tagħha hekk, ‘[…] mneżża minn raħeb […]’ neża’ minn qassis’. Sors: Damma.

SMAĊTU / ŻMAĊTU   Bniedem stramb li jġib ruħu b’mod kif mhux suppost. J.A. jgħid li din tista’ tkun ġejja minn ‘xiżmatiku’. Tingħad meta wieħed jakkuża lil ieħor li mhux qed jirraġuna, jew mhux f’sensih. 

SMAJĊ / ŻMAJĊ / SMAJTX   Raġel tal-kampanja. Bniedem li jiġbor iż-żibel. Fil-Militar Ingliż kienet tintuża l-kelma, smitch, li kienet tirriferi għal xi ħadd li kien ikun imqabbad inaddaf il-kwartieri tas-suldati. Sors: G.B.F. (1845). 

SMARĠASS / ŻMARĠASSAT   Bniedem minfuħ bih innifsu; bniedem fanfru. Wieħed li jħobb jagħmilha tal-bravu. Fl-ewwel ktieb mis-serje Rajt Malta Tinbidel, p. 78, Herbert Ganado juża dan l-appellattiv hekk: ‘[…] Spiru kien ġuvni ta’ 30 sena, twil u smarġass […]’, u f’paġna 135: ‘[] il-vuċi xterdet, bi nkejja ta’ dawk l-ismarġassati kollha li kienu jiftaħru […]’. Tal. smargiasso. Oriġ., Gr. margos – M. miġnun.

SPIŻJAR   Meta bniedem ibigħlek xi oġġett bil-qies u bi preċiżjoni, bħallikieku jrid jiġbed lejh, ngħidu, ‘kemm int spiżjar!’ jiġifieri, ‘qiegħed tkun xħieħ miegħi’.

STRADIKATUR / STRADIKAJR    Bniedem li jirrovina kulma jaqa’ taħt idejh. Wieħed li mhux kapaċi jieħu ħsieb dak li jkun fdat lilu. Tal. sradicare.

STRAFUTTENT    Bniedem li jaqa’ u jqum minn kulma jiġri madwaru. Bniedem li ma jimpurtah minn xejn. Tal. strafottente.

STRAMAN    Aġġ. Raġel ta’ waħdu, li ma jitħallatx man-nies. Bniedem li jgħix għar-rasu. Tal. stramano  – M. barra mill-ambjent tas-soltu.

TRONĠA   Din il-kelma hi waħda minn tal-aħħar li daħlu fostna. Għal xejn b’xejn hawn min jgħajjar lil xi ħadd li ma jifhimx fuq dak li jkun qiegħed jingħad billi jgħidlu ‘Kemm int tronġa!’ Intant, tronġa hi dik il-frotta qisha grejpfrut kbira. Is. xj. Citrus paradisi. Hawn min isejħilha wkoll, XADOKK tal-ikel, (Ing. shaddock). Ma jidher li hemm l-ebda analoġija soda, biss tingħad għax forsi tinstema tad-daħk.

XEKKIEK   Bniedem li jħobb jindaħal fl-affarijiet ta’ ħaddieħor sempliċiment biex ikun jaf x’inhu għaddej. Bniedem li jdeffes imnieħru f’kollox biex jaqta’ l-kurżità. Proprjament, xekkiek hu ħajjat tal-imtieraħ.  G.B.F. (1845) jgħid:  vagabondo; Ing. a wanderer.

XIDJA    Idj: ‘Fitt daqs / qisu  xidja’. Bniedem fitt. Proprjament ix-xidja hi dubbiena taż-żwiemel. Ing. gadfly. Għ. xada, fittaġni.  Sors: E.S.I. u J.A..  

ŻIMLUNAZZA     Agius de Soldanis jispjega din il-kelma fid-Damma meta jirriferi għal mara li tiġġerra ’l hawn u ’l hinn u tiġri ma’ dak u mal-ieħor. (D.) […] Donna più di una libertina […]’.

ŻMAJMOĊĊ    Tifel imqareb; bniedem  b’temperament instabbli u li taqbiżlu malajr. Tal. smammuccio.

ŻOTA  / ŻLOTA     Kelma li tingħad mal-kelma ‘ruħ’. ‘Ruħ żota’ tirriferi għal persuna li ma jridha ħadd miegħu. Persuna rozza.  Espr. ‘Ħallieni bħal ruħ żota’.

ŻOTKU     Persuna ta’ natural vulgari, żorr u rozz. Etim. Tal. isolata. Sors: J.A.

http://www.kliemustorja.com

© Martin Morana

7 ta’ Marzu 2024

Biblijografija

Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary, Vol I & II. Midsea Books Ltd. 1987 & 1990.

Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju mill Malti għal Inglis. N.C. Cortis & Sons. 1900.

Carabott Rosabelle (ed.) amma tal Kliem Malti Kartaġinis mxcerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. L-Akkademja tal-Malti et al. 2016.

Falzon Giovann Battista, Dizionario Maltese – Italiano. 1845.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.

Vassalli Mikiel Anton, Ktyb Yl Klym Malti Lexicon, 1796.

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur … ikklikkja hawn taħt

Leave a comment