xi
ĦWAWAR U ĦXEJJEX AROMATIĊI
Dawk lokali u dakw impurtati
Introduzzjoni
Meta niġu biex niddistingwu l-ħxejjex aromatiċi mill-ħwawar għandna tendenza li nitħawdu fejn naqtgħu l-linja bejn speċi u oħra.
Xi wħud isostnu li l-ħxejjex aromatiċi huma normalment derivati mill-partijiet ħodor u mlaħħmin tal-pjanti, filwaqt li l-ħwawar huma derivati mill-għerq (jew l-għeruq), jew miz-zokk, miż-żerriegħa u ġieli anki minn xi tip ta’ frott imqadded li joħorġu mill-pjanti. Iżda din hija biss definizzjoni wiesgħa; hemm definizzjonijiet oħra. Hawn min jiddistingwi l-ħxejjex aromatiċi mill-ħwawar b’mod ieħor.
Pereżempju, għal xi wħud, il-ħxejjex aromatiċi huma dawk il-pjanti li fihom riħa pjaċevoli. Il-ħwawar huma dawk li jinkludu dawk il-biċċiet imnixxfa ta’ pjanti li fihom iż-żjut jew li jipproduċu togħma qawwija, pikkanti u distinta.
Xi pjanti jistgħu jkunu klassifikati kemm bħala ħxejjex aromatiċi kif ukoll bħala ħwawar. Nieħdu bħala eżempju l-pjanta tal-bużbież. Din il-pjanta għandha l-weraq ħodor aromatiċi li jfuħu, u li jittieklu appena maqtugħa friski. It-Taljani jħobbu jikkunsmawhom nejjin jew mgħollija bħala kondiment mal-għaġin. Mill-banda l-oħra, ladarba l-istess pjanta tinxef fix-xhur tas-sajf, iż-żerriegħa tagħha li tinxef ukoll, tista’ tkun imfarfra mill-friegħi tagħha u tinġabar biex tintuża bħala ħwar mal-ikel, bħal ngħidu aħna, mal-patata l-forn, jew mal-ħut u l-laħam. L-istess żerriegħa tista’ wkoll tinbiegħ f’boroż bħala infużjonijiet aromatiċi li wieħed jista’ jixtri bil-pakkett. Il-boroż biż-żerriegħa tal-bużbież tixxarrab fil-misħun biex it-togħma terħi u tintiegħem u l-misħun jinxtorob bħat-te. L-istess isir b’bosta ħxejjex aromatiċi u ħwawar oħra.
Xi wħud mill-istudjużi jiddistingwu l-ħxejjex aromatiċi mill-ħwawar mod ieħor. Pereżempju, fil-ktieb Dangerous Tastes, Andrew Dalby jenfasizza li tul l-istorja l-ħwawar kienu dawk biss li jiġu impurtati minn pajjiżi li jinsabu ’l bogħod minn fejn jiġu kkunsmati fl-Ewropa. Apparagun, l-istess awtur jirreferi għall-ħxejjex aromatiċi bħala dawk il-pjanti li jitkabbru fil-ġonna, jew fil-qsari fid-djar, f’pajjiżu jew f’pajjiżi viċini, li għandhom l-istess tip ta’ klima u veġetazzjoni.
Definizzjonijiet bħal dawn setgħu ġew proposti mill-istudjużi tal-istorja maż-żmien, meta dawn kienu qed jiktbu dwar l-osservazzjonijiet tagħhom fil-qasam tar-riċerka xjentifika, kemm dik lokali kif ukoll dik ta’ pajjiżi ’l bogħod. Għalhekk il-kittieb tal-istorja żied element ta’ eżotiżmu jekk mhux ukoll sens ta’ romantiċiżmu. Għalhekk, id-distinzjoni tista’ tkun marbuta wkoll mas-semantika aktar milli max-xjenza.
Distinzjoni dibattibli oħra dwar dawn il-pjanti hi li filwaqt li fl-Ewropa, il-ħxejjex aromatiċi kienu tradizzjonalment ikkunsmati min-nies tal-klassi l-baxxa, il-ħwawar kienu ikkunsmati min-nies li kellhom aktar flus. Dan għaliex il-ħwawar kienu jġibu prezz aktar għoli minħabba li biex ġew ittrasportati distanzi twal għaddew minn taħt ħafna kummerċjanti.

L-użu tal-ħwawar u l-ħxejjex aromatiċi
Il-ħwawar kienu tradizzjonalment imfittxa biex iżommu l-lonġevità ta’ ċertu ikel li jekk ma jkunx ikkunsmat mill-ewwel, wara ftit jiħżien jew inkella jitlef it-togħma, u jsir insipidu, jekk mhux ukoll isir valenuż jekk jittiekel. Qabel l-invenzjoni tal-friġġ u l-friżer, ċertu ikel, bħal-laħam, il-ħut u frott, kien bilfors jinħtieġlu li jkun imnixxef u mqadded, bl-arja u r-riħ, jew bis-sħana tax-xemx. Dan l-ikel kien aktar minn kollox jinkesa bil-melħ. Fejn ma kienx hemm il-melħ intużaw il-ħwawar addattati li setgħu jippreservawh u anki jagħtuh togħma partikolari.
Wieħed ma jridx jinsa wkoll li kemm il-ħxejjex aromatiċi kif ukoll il-ħwawar kienu u għadhom jintużaw għal skopijiet oħra, fosthom fil-mediċina, bħala rimedji naturali. It-terminu Malti ‘spiżjar’ fil-fatt ġej minn speziale, wieħed li kien jittratta u jbiegħ l-ispezie, jiġifieri il-ħwawar. Sa żminijiet mhux daqshekk ’il bogħod, il-pjanti mediċinali kont issibhom għand kull spiżjar. Kien ikun hu li jipprepara l-mediċina minnhom skont il-bżonn partikolari tal-pazjent.
Hawn taħt ser issib żewġ listi, waħda ta’ ħxejjex aromatiċi, l-oħra ta’ ħwawar u l-użu tagħhom. Uħud minn dawn il-pjanti kienu u għadhom jikbru lokalment fis-selvaġġ u għalhekk ilhom jiġu kkunsmati għal mijiet ta’ snin. Xi wħud ġew impurtati u bdew jitkabbru fl-għelieqi jew fil-ġonna. Filwaqt li l-isem Semitiku ta’ xi wħud jindika li l-pjanti ilhom magħrufa sew magħna minn mijiet tas-snin ilu, dawk li isimhom ġej mit-Taljan x’aktarx li ddaħħlu fi żmien aktar riċenti.

ĦXEJJEX AROMATIĊI
| Isem bil-Malti | L-Isem bl-Ingliż u dak xjentifiku | L-użu fl-ikel | Użu mediċinali | Fejn jikbru jew jitkabbru |
| Bużbież (Il-weraq frisk) | Fennel Anaethum foeniculum | Kondiment mal-għaġin jew jittiekel waħdu nej jew mgħolli. | Tajjeb għal uġigħ fiż-żaqq. | Jikber fis-selvaġġ. |
| Ħabaq | Basil Ocimum basilicum | Kondiment tajjeb għal mal-laħam, ħut, eċċ. | Jitkabbar fil-ħamrija tal-ġonna jew fil-qsari. | |
| Rand | Bay leaves Laurus nobilis | Il-weraq jintefa’ maz-zlazi u mal-istuffat tal-fenek, fost ikel ieħor. | Jitkabbar fil-ġonna jew fil-qsari. | |
| Kamumilla | Camomille Matricaria recutita | Titgħalla biex issir infużjoni li tinxtorob bħat-te. (Ing. camomile tea. | Tajba biex tikkalma l-moħħ u jgħin kontra l-uġigħ fl-intestini. | Tikber fis-selvaġġ. |
| Kappar | Capers Capparis spinosa | Kondiment tajjeb mal- ikel bħal-ħut; ħobż biż-żejt u zlazi. | Jikber fis-selvaġġ. | |
| Kurrat irqieq | Chives Allium schoenoprasum | Imur ħafna mal-insalata. | Jitkabbar fil-ġonna iżda hemm minnu li jikber fis-selvaġġ. | |
| Tewm | Garlic Allium | Imur ma’ ħafna ikel, pereżempju għaġin, bigilla, brusketta u zalza tal-fenek. | Tajjeb għall-intestini | Jitkabbar fl-għelieqi. |
| Basal | Onions Allium cepa | Jittiekel nej, moqli jew mgħolli maz-zalza. Kondiment tajjeb għal ħafna sopop u ikel ieħor. | Jitkabbar fl-għelieqi. | |
| Nagħniegħ | Mint mentha | Imur ma’ ħafna ikel għat-togħma, l-aktar nej, mal-ħut, u l-ħobż biż-żejt. | Tajjeb bħala infusjoni li tinxtorob bħat-te. (Ing. mint tea). | Jitkabbar fil-ġonna u fil-qsari. |
| Tursin | Parsley Petroselinum crispum | Komuni ħafna ma’ diversi ikel l-aktar mal-ħut. | Jitkabbar fil-ġonna u l-qsari. | |
| Klin | Rosemary Rosmarinus officinalis | Jitħallat ma’ bosta ikel għat-togħma, bħal mat-tiġieġ, kull tip ieħor ta’ laħam u ħut. | Jitkabbar fil-ġonna u l-qsari. | |
| Salvja | Sage Salvia officinalis | Titħallat fl-ikel bħal-laħam u ħut ieħor. | Titkabbar fil-ġonna u l-qsari. | |
| Merdqux | Sweet marjoram Origanum majorana | Jagħti togħma tajba lil-laħam u l-ħut. | Jitkabbar fil-ġonna u l-qsari. | |
| Kurrat | Wild leek Allium porrum | Tajjeb għat-togħma tiegħu ma’ diversi tipi ta’ ikel. | Jikber fis-selvaġġ jew jitkabbar fil-ġonna. | |

ĦXEJJEX AROMATIĊI
| Isem bil-Malti | L-isem bl-Ingliż u isem xjentifiku | L-użu fl-ikel | Użu mediċinali | Fejn jikber jew jitkabbar |
| Ħlewwa | Anise Pimpinella anisum | Jitħallat mad-dqiq bħal meta jissajjar l-qagħaq. Tajjeb għal mal-biskuttini. | Kien jikber fis-selvaġġ biss illum hu impurtat. | |
| Kanella | Cinnamon Cinnamomum verum | Jitħallat mat-torot tat-tuffieħ u mal-kejk tal-Milied. Tissajjar għat-togħma. | Impurtat | |
| Msiemer tal-qronfol | Cloves Syzygium aromaticum | Jitħallat biex jagħti togħma pikkanti lit-tuffieħ mgħolli. Jitħallat ukoll max-xorb bħal Gluhwein. | Kien jintuża’ biex inaqqas l-uġigħ tas-snien. | Impurtat |
| Kosbor | Coriander Coriandrum sativum | Jitħallat bħala żerriegħa jew mitħun maz-zalzett biex jagħti togħma pikkanti. | Kien jikber fis-selvaġġ – biss illum impurtat. | |
| Kumin | Cumin Cuminum cyminum | Jintuża f’ħafna zlazi u stuffat, Iż-żerriegħa tixxerred ukoll fuq ikel imsajjar fil-forn. | Kien l-aktar prodott agrikolu importanti, wara l-qoton u kien esportat. Illum hu impurtat. | |
| Curry | Curry (taħlita ta’ ħwawar, eż., tumeriku). | Jitħallat maz-zlazi e.g. li jmur mar-ross. | Impurtat | |
| Bużbież (iż-żerriegħa) | Fennel seed Anaethum foeniculum | Tintuża billi tinfirex fuq bosta ikel, bħal-laħam mixwi, patata l-forn, ħut u ikel ieħor. | Mgħollija isserraħ l-istonku mill-indiġestjoni. | Jikber fis-selvaġġ. |
| Mustarda | Black mustard Sinapis nigra | Tintuża bħala pejst mal-laħam. | Impurtata | |
| Sombor | Lavander Lavandula angustifolia | Popolari ħafna bħala essential oil biex jirrillassa l-ġisem | Kienet tikber antikament f’Malta. Illum issibha fi qsari minn żerriegħa impurtata. | |
| Pepprin (żerriegħa) | Poppy seed Papaverum dubium | Tixxerred fuq il-patata mixwija jew mgħollija. Tinxtered fuq il-kejkijiet u l-wiċċ tal-ħobż. | Impurtata | |
| Xibt | Dill Anethum graveolens | Iż-żerriegħa tintuża mal-pikles, speċjalment tal-ħjar. | Impurtata mill-Afrika ta’ Fuq. | |
| Ġunġlien | Sesame Sesamum indicum | Jitferrex fuq il-qagħaq jew torot qabel it-tisjir. | Kien jitkabbar mill-bdiewa. Illum jiġi impurtata. | |
| Bżar aħmar | Chilli Peppers Capsicum annuum | Jintuża fi kwantitajiet żgħar biex jagħmel l-ikel aktar pikanti | Jikber fil-ġonna. | |
| Sagħtar | Wild Thyme Thymus capitatus | Jintuża l-aktar għal mal-laħam tat-tiġieġ. | Antisettiku | Jikber fis-selvaġġ jew fil-ġonna. |
Martin Morana ©
9.09.2025
Grazzi għal bosta informazzjoni li ħadt mingħand il-kitba ta’ Carmen Tedesco, kif ukoll mingħand Terry Morana u Joe Aquilina.
http://www.kliemustorja.com
Bibliography
Dalby Andrew, Dangerous Tastes – The Story of Spices. The British Museum Press. 2000.
Gambin Kenneth & Buttigieg Noel, L-Istorja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta. PIN. 2003.
Lanfranco Guido, Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin. Media Centre. 2000.
Miège Dominique, Histoire de Malte, Gregoire V. Wouters et Co., 1841.
Tedesco Carmen, Ħxejjex Aromatiċi u Ħwawar. (leaflet).
Aktar kitba u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur….Ikklikkja hawn:
