ĦXEJJEX u FROTT
f’Malta fis-seklu dsatax
Bidu tas-seklu dsatax – xi jgħid William Domeier
William Domeier, tabib li kien jgħix Malta bejn 1806 – 1808 u li kien inkarigat mill-ġnien botaniku tal-Furjana (sors: Royal College of Physicians website), fl-1810, ippubblika ktieb, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta. Dan il-ktieb kien intenzjonat prinċipalment għal dawk li kienu jbagħtu minn xi kundizzjoni ta’ saħħa, biex iħajjarhom jiġu Malta ħalli jtejbu saħħithom, l-aktar bis-saħħa tal-klima tal-Mediterran.


Fil-ktieb tiegħu Domeier jitratta fost affarijiet oħra l-ikel li wieħed seta’ jsib f’Malta. Kemm kien dam Malta, dan l-awtur seta’ josserva l-konsum tal-ħxejjex u l-frott li kienu jitkabbru lokalment. L-awtur jibda biex jgħid li ċerti ħxejjex, bħall-patata, li daħlet f’Malta eżatt meta l-Ingliżi ħadu l-gżejjer f’idejhom, iz-zunnarija u l-ġdur ma kinux ta’ kwalità tajba daqs dawk li kien imdorri bihom f’pajjiżu. Biss, imbagħad, ifaħħar it-tjubija tal-brokkoli, il-pastard u l-artiċokk. Jgħid ukoll li l-qara’ aħmar li jikber f’Malta kien ta’ forma żengulija (fi kliemu, oblong). Jgħid ukoll li l-Maltin kienu jiklu l-qara’ aħmar, kemm jekk waħdu, kemm jekk mimli bil-laħam ikkapuljat, jew inkella mgħolli fis-soppa. Jgħid ukoll li t-tadam, li bl-Ingliż hu jsejjaħlu love apples, jitkabbar u jittiekel ħafna aktar mill-Maltin milli fl-Ingilterra. Jgħid ukoll li bħal fil-każ tal-qara’ aħmar, il-Maltin jieklu t-tadam, jew mgħolli, jew mimli bl-ikkapuljat jew imsajjar fis-soppa.
Domeier isemmi ħxejjex oħra, bħall-piżelli, il-krafes, il-fażola ‘Franċiża’, u xi insalati. Dawn jgħid li kellhom togħma bnina daqs dawk li seta’ jsib f’pajjiżu. L-awtur ikompli jgħid li l-Maltin jieklu ħafna ħxejjex oħra, fosthom, il-basal, il-ful, iċ-ċiċri (bl-Ingliż jgħidilhom cicer), iż-żebbuġ immarinat, u t-tin. Isemmi wkoll il-bajtar tax-xewk, u jgħid li dan kien jittiekel bil-ħobż. Isemmi wkoll il-qastan li kien jinbiegħ mixwi mill-bejjiegħa tat-toroq. (W. Domeier, 1810.)

Is-Saggio di Agricoltura ta’ Carlo Giancinto (1811)
Ħafna mill-osservazzjonijiet li għamel Domeier huma ripetuti minn bosta awturi li kitbu warajh, fosthom, mill-patri Karmelitan Skalz Ġenoviż, Carlo Giacinto. Dan, wara li kien għamel xi żmien jgħallem il-filosofija fl-Università ta’ Malta, ingħata l-inkarigu li jieħu ħsieb it-tmexxija tal-ġnien botaniku u esperimentali tal-Argotti fil-Furjana.
Fil-ktieb tiegħu, Saggio di Agricoltura per le isole di Malta e Gozo, Giacinto jiddiskrivi u jagħti ħafna dettalji dwar il-ħxejjex u l-frott li kien jitkabbar f’Malta fi żmienu. Fil-kitba tiegħu jikkritika bosta drabi d-drawwiet antiki u medjokri ta’ kif il-bdiewa Maltin kienu jkabbru l-prodotti agrikoli, biss jagħti wkoll ħafna pariri siewja dwar kif il-bidwi seta’ jġib riżultati aħjar.

Wieħed irid jifhem li meta dawn iż-żewġ studjużi li semmejna esprimew ruħhom dwar dan is-suġġett, kienu għaddew biss ftit snin minn meta spiċċat il-ħakma u l-imblokk tal-Franċiżi (1798 – 1800). Giacinto jgħid li fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi, ħafna ġonna kienu nqerdu u bosta bjar sfaw ivvandalizzati biex ma jintużawx mill-għadu. Giacinto jgħid ukoll li sa disa’ jew għaxar snin wara li l-Ingliżi ħadu l-Malta taħt idejhom, l-agrikoltura kienet reġgħet bdiet tirpilja. Biss, issa kien hemm bżonn li l-bdiewa jkunu mgħallma dwar il-metodi ġodda tal-agrikoltura skont it-tagħlim xjentifiku modern.

Giacinto jgħid li kemm dam Malta kien ivvjaġġa lejn Palermo biex jimporta mas-600 pjanta u 3,000 żerriegħa minn hemm, biex jibda jesperimenta bihom għat-tkabbir lokali. Fost il-pjanti li jsemmi hemm dak li hu jsejjaħ bit-Taljan il radicchio selvatico u ċ-ċikwejra [bl-Ingliż, chicory]. Giacinto jgħid li din il-ħaxixa morra, tmur tajjeb mall-insalata. Isemmi wkoll l’agretta [Ing. garden sorrel] u l-karfus [sedano jew celleri] li kien jimmatura f’Jannar.

L-istess awtur isemmi l-ġunġlien / ġulġiel u kien jiskanta kif il-Maltin dan ma kinux jipproduċu ż-żejt minnu, kif jagħmlu fl-Eġittu, iżda minflok kienu jużawh biss billi ixerduh fuq il-ħobż għat-togħma tiegħu. Isemmi wkoll il-qaqoċċ [Tal. carciofi] u l-qaqoċċ abjad [?]. Isemmi wkoll il-pastard, ‘i fiori pavinozzi’ u l-’broccoli di Palermo e Romani’. Jissemmew ukoll il-ġdur, [Tal. cavoli rape – Ing. kohlrabi], il-ħass, l-indivja u t-tewm.
Giacinto jgħid li fil-gżejjer Maltin kienu jitkabbru żewġ tipi ta’ tadam u żewġ tipi ta’ bżar, dak li llum ngħidulu bżar aħdar [Isem xjentifiku: Capsum grassum]. Isemmi wkoll li f’Malta kont issib għaxar kwalitajiet ta’ tin, fosthom dawk imsejħa, ‘brogiotti’, ‘zanzadari’ – skont Giacinto, dan l-isem ġej mill-isem tal-Gran Mastru Zondandari, ‘farkizzani’, ‘paradisi’, ‘bsemgul’ [żenguli?] u tin ‘Gozitani’.

Jgħid ukoll li kien jitkabbar ukoll il-bajtar tax-xewk, għalkemm dan ma kienx jitkabbar fi kwantità f’għelieqi apposta għalih, kif kienu jagħmlu l-Isqallin, l-aktar lejn Palermo. Skont hu, dan kien frott nutrienti ħafna, kemm għall-bniedem kif ukoll għall-bhejjem, l-aktar għall-ħnieżer biex jismienu.
Giacinto jsemmi li kien hawn f’Malta sitt kwalitajiet ta’ lumi u dan kien ikun ikkunsmat l-aktar fis-sajf magħsur bħala xarba rifreskanti. Kien hawn ukoll sitt tipi ta’ larinġ, fosthom il-larinġ tad-demm. Jgħid ukoll li ħafna kienu jħawlu xi siġra jew tnejn tal-larinġ, lumi jew rummien fil-bitħa tad-dar tagħhom.

Kien hawn fis-suq il-lanġas, fosthom il-lanġas ‘butirro’[?]. Giacinto jirrimarka li kemm il-lanġas kif ukoll it-tuffieħ kienu pjuttost rari u kienu jinbiegħu bi prezz għoli immens. Kien hawn tliet kwalitajiet ta’ tuffieħ; dak magħruf bħala ‘mele bianche’, ‘mele di Gianmatteo’ u mele di Biludia’. Belludia hu l-isem ta’ art fertili li tinsab bejn Noto u Ragusa, (J. Aquilina, 1972). Dan tal-aħħar kien kemxejn żgħir u aċiduż. Frotta li kienet titkabbar u popolari sew kienet ir-rummiena li kienet tinbiegħ taro wieħed (flus) ir-ratal. Kont issib ukoll, il-ħawħ, il-prun, in-naspli, il-lewż u tamal. Dan tal-aħħar, aktar milli jitkabbar hawn Malta, kien ikun impurtat kemm mill-Eġittu kif ukoll mill-’Barbarija’. Ma’ dawn kien hawn in-nuċipresk, [Tal. pescanoce; Ing. nectarine] u l-għanbaqar [Ing. plums], iż-żebbuġ, il-frawli, u l-berquq [Tal. albicocche – Ing. apricots.] Ma’ dawn jissemmew ukoll il-lewż, iċ-ċirasa kif ukoll it-tut u ċ-ċawsli.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kitba ta’ Carlo Giacinto titratta t-tkabbir taż-żebbuġ u l-għeneb. Giacinto jgħidilna li dawn it-tnejn ma kinux jitkabbru għall-iskopijiet proprju tagħhom. Jiġifieri, iż-żebbuġ ma kienx jitkabbar biex minnu jkun magħsur iż-żejt. Kien jitkabbar biss għall-ikel. F’Malta kont issib żewġ tipi ta’ siġar: dawk li jagħmlu frott żgħir – magħrufin bħala żebbuġ ta’ Malta. Imbagħad kien hemm is-siġar magħrufin bħala ż-żebbuġ ta’ Sqallija. Din il-frotta kienet ferm ikbar minn dik indiġena.
Dwar l-għeneb, dan ukoll kien jitkabbar biss biex jittiekel, kemm bħala frott mal-ikel jew inkella bħala passolina (l-awtur jgħidlu passa). L-inbid li l-Maltin kienu jikkunsmaw kien ikun impurtat minn Sqallija, l-Italja jew minn pajjiżi oħra.
L-osservazzjonijiet tat-tabib John Hennen (1823)

John Hennen, tabib li kien ġie Malta biex jistudja l-kwalità tas-saħħa tas-suldat Ingliżi f’Malta kif ukoll dik tal-Maltin, jgħid li l-prodotti agrikoli ewlenin kienu il-qamħ, il-kumin u l-laring. Isemmi il-patata, li kienet titkabbar lokalment, allavolja, din kienet ikkunsmata biss mir-residenti u s-suldati Ingliżi. Bħal Domeier, hu jgħid li t-togħma tagħha ma kellha x’taqsam xejn ma’ dik tal-Ingilterra. Biss, Hennen ifaħħar il-kwalità tal-ħjar, tal-piżelli u tal-pastard. Dwar il-frott, hu jgħid li t-tuffieħ, il-berquq u frott ieħor kien jiġi impurtat minn Sqallija. Il-qamħ kien impurtat jew mill-Baħar l-Iswed [Odessa?] jew mill-Eġittu (J. Hennen, 1830).

Xi notamenti ta’ George Percy Badger (1838)
Dan l-awtur kien għex f’Malta għal bosta snin minn ħajtu. Dan isemmi x-xgħir li kien jinġabar mill-għelieqi f’Mejju, kif ukoll il-frott, bħat-tin, ir-rummien, l-għeneb, it-tuffieħ, il-berquq, in-nuċipresk, l-għanbaqar, il-bettieħ u l-bajtar tax-xewk. Jgħid ukoll li fi żmienu, xi larinġ kien jiġi esportat lejn l-Ingilterra.
Il-lista ta’ Dominique Miége (1841)

Miége li kien konslu Franċiż f’Malta għal bosta snin fit-tletinijiet tas-seklu dsatax, jgħid it-tkabbir ta’ ħafna ħxejjex isir fil-ġonna u mhux fl-għelieqi. Il-ħxexxex li jitkabbru f’Malta jinkludu: il-ħass, l-indivja, diversi tipi ta’ kaboċċi, il-fiġel, il-ġdur, l-artiċokks abjad jew aħmar, il-pastard, il-brunġiel, u l-qara’ aħmar. Bħal Padre Giacinto, hu jsemmi żewġ tipi ta’ tadam, dak tas-sajf u dak tax-xitwa (Fr. pomme d’amour). Miége jsemmi wkoll il-basal, it-tewm, il-kurrat, l-ispinaċi, u l-piżelli (Fr. petits pois), il-fażola ħadra, u l-ħaxixa morra (Tal. agretta). Din kienet titħallat mal-insalata. L-istess awtur isemmi wkoll il-pitravi, il-ħjar (Fr. concombre) u varjetà ta’ bżar (Fr. piment).
Miége żgur li kien qed jikkwota lil Padre Giaċinto meta jgħid li fil-bidu tas-seklu dsatax, it-tuffieħ u l-lanġas kienu rari. Biss, jgħid ukoll li wara bdew jiġu kkultivati diversi tipi ta’ lanġas u dawn kienu itjeb. Lanġas ieħor kien beda wkoll ikun impurtat mill-Ingilterra, Sqallija u l-Kalabrija. Jgħid ukoll li kien hawn seba’ varjetajiet ta’ rummien li kien popolari ħafna aktar mit-tuffieħ.

L-istess awtur jgħid li fi żmienu kont issib kemm bettieħ kif ukoll dulliegħ. Kien hawn tmien varjetajiet ta’ ħawħ u ħames varjetajiet ta’ prun. L-għeneb kien jitkabbar biex jittiekel kif inhu waqt li l-inbid kien ikun impurtat ħafna drabi minn Sqallija jew minn Spanja.
‘Il-Kalendarju tal-Bidwi’

Fl-1849 u l-1850, is-Soċietà Economico- Agraria ta’ Malta ppubblikat Il-Kalendarju Tal-Bidwi li fih, diversi studjużi infurmati sew dwar il-biedja taw ħafna pariri dwar l-aħjar mod ta’ kif jitkabbru il-ħxejjex u l-frott. Mill-kitba tagħhom nistgħu nkunu nafu aktar dwar x’tip ta’ ħxejjex u frott kienu jitkabbru f’Malta lejn nofs is-seklu dsatax. Fost il-ħxejjex li jissemmew insibu dawn:

Il-qamħ, il-kemmun [Ing. cumin], il-’ħlewwa tar-Romagna’ [tip ta’ aniseed], l-għads, il-ful, it-tewm, il-patata tas-sajf u dik tax-xitwa. Il-patata issa jidher li kienet qed tkun ikkunsmata sew mill-Maltin. Il-Kalendarju jagħtiha ħafna prominenza. Jissemma wkoll il-fiġel [illum ngħidulu ravanell], il-bqajla [illum ngħidulha spinaċi] u l-bamja [illum ngħidulha okra.] Jissemma t-tuffieħ ta’ Adam jew kif nafuh aħjar it-tadam, u l-patata ta’ Ġerusalem [artiċokks.] Fl-aħħar nett jisemma wkoll il-pastard [Ing. cauliflower] ‘’li jitħawwel qalb il-qoton’’ u l-bħajra [jiġifieri, id-dulliegħ u l-bettieħ], il-ġdur [Ing. kohlarabi / Hungarian turnip] u l-karawett li l-Kalendarju jsejjaħlu ‘‘pistaccio.’’
Dwar il-frott jissemmew fost oħrajn:

Il-larinġ, il-bajtar – [jiġifieri kull tip ta’ tin fosthom, il-bajtar ta’ San Ġwann], erba’ kwalitajiet ta’ tuffieħ, fosthom dak ta’ Belludja. Jissemma wkoll it-tut, il-frawli, in-naspli, iċ-ċipresk (jew anċipresk), l-ananas jew kif isejħulu fil-kitba, il-pananas [Ing: pineapple], iż-żinżel [Ing. jujube], iċ-ċirasa u l-bajtar tal-Indja [jew kif nafuh illum, il-bajtar tax-xewk] u ċ-ċawsli li fil-kitba jissejjaħ ċewsi. Jissemma wkoll il-berquq [Ing. apricots,] iż-żorba [Ing. sorb tree / main ash / rowan tree; Is. xj. Sorbus domesticus], u l-fomm il-lipp [Ing. common medlar].
Bħala ħwawar u ħxejjex aromatiċi jissemmew: il-ġunġlien / ġunġliel, l-anżalor, ir-rand, il-bużbież, u r-rignu (origanu.)
Din l-informazzjoni tinsab kollha kemm hi fil-ktieb ta’ Ġużi Gatt, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni – It-Tielet Ktieb. Fl-istess ktieb, Ġużi Gatt jikkwota lil Pietro Paolo Castagna (1827 – 1907) fejn dan fil-ktieb tiegħu, Lis Storja ta’ Malta bil Gżejjer Tagħha, li hu ppubblika fl-1866, jgħid hekk:

‘’L-art tagħna trabbi kull xorta ta’ siġar, imma l-aktar li nikkultivaw huma: il-larinġ, il-lumi, il-berquq, iċ-ċirasa, it-tin, il-bajtar, iċ-ċawsli, il-lewż, ir-rummien, it-tut, in-naspli, l-anċipresk, il-lanġas, il-ħawħ, il-prun, l-għeneb, l-anżalori [Ing. hawthorne] u ż-żebbuġ.’’ Jgħid ukoll li ‘’l-banana darba fill insibuha għal bejgħ.’’
Imbagħad, Castagna jżid jgħid ukoll li fi żmienu, ma kontx għadek issib ċertu frott bħal qabel, fosthom, ‘’il-ġellewż [Ing. common hazel-nuts], il-bergamott [Is. xj. Citrus Bergamia – Ing. Bergamot orange], iċ-ċitrat [Is. xj. Citrus medica], il-pumankella [Ing. sweet sorb, Is. xj. Pyrus domestica], il-qastan u t-tamar.’’
Tard fis-seklu dsatax

Għandna nassumu li xi ftit jew wisq, bosta minn dan il-frott u l-ħxejjex baqgħu jitkabbru u jiġu kkunsmati sal-aħħar tas-seklu dsatax u anki fil-bidu tas-seklu għoxrin. Naturalment matul kull tip ta’ ħxejjex u frott li semmejna kienu kkunsmati fl-istat naturali tagħhom skont l-istaġun. Ħafna mill-ħxejjex kienu jintefgħu fil-borma biex jissajru bħala minestra, soppa jew brodu. Oħrajn kienu jittieklu nejjin. Il-kwantità ta’ kull prodott u l-flus fl-idejn kienu jiddettaw x’tip ta’ ħxejjex u frott wieħed kien jista’ jiekol. Mhux ta’ b’xejn, illum għadna nsemmu s-soppa tal-armla li tindika li l-kontenut tal-borma kien ikun magħmul minn ħxejjex irħas li kienet kapaċi tixtri mara li ma għandiex flus bosta. Hemm ukoll l-espressjoni, ‘ta’ żmien il-brodu’ li tindika l-faqar li kien hawn f’dan iż-żmien li qed nitkellmu fuqu. F’bosta kitba storika hemm iddokumentat kemm is-serq tal-frott u l-ħxejjex mill-għelieqi kienu xi ħaġa komuni; dan ukoll jindika l-faqar li kien hawn fis-seklu dsatax.
Martin Morana ©
14 ta’ Ottubru 2025
Bibliografija
Domeier William, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta, etc. J. Callow, Medical Bookseller. 1810.
Gambin Kenneth & Buttigieg Noel, L-Istorja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta. PIN 2003.
Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni – It-Tielet Ktieb. Klabb Kotba Maltin. 2022.
Giacinto Carlo, Saggio di Agricoltura per le isole di Malta e Gozo. Giovanni del Nobolo, Messina. 1811.
Gulia Gavino, Repertorio Botanico Maltese. Tipografia Laferla. 1856.
Hennen John, Sketches of the Topography of the Mediterranean. Thomas & George Underwood, Fleet Street, London. 1830.
Vassalli Mikiel Anton, Ktyb il Klym Malti Mfysser bil-Latyn u bit-Taljan (Lexicon). Roma, 1796.

Artikli u kotba oħra : Ikklikkja hawn:
