KEMM KONNA SBIEĦ (?)

Ħarsa lejn l-apparenza tal-Maltin

ta’ snin ilu

Introduzzjoni

Is-sbuħija tal-figura umana hi xi ħaġa li wieħed dejjem japprezza, biss hi kwalità suġġettiva għall-aħħar. Is-sbuħija mhix biss dik kif jaħsel jaraha l-individwu, iżda hi xi ħaġa li tvarja skont il-gosti tas-soċjetà matul iż-żminijiet. L-attrazzjoni lejn kull tip ta’ sbuħija hi kkondizzjonata mill-idealiżmu li fuqu taqbel il-maġġoranza tan-nies. Meta l-Griegi riedu jipperfezzjonaw il-figura umana dawn għamluha skont kif kienu jimmaġinaw l-allat tagħhom. L-irġiel irraffigurawhom immuskolati bħallikieku dawn kienu atleti li qed juru l-qawwa fiżika li jipposedu. L-immaġini tal-allat nisa mbagħad skulturawhom bi grazzja u ħlewwa liema bħalha u b’hekk ħolqu l-ideal tas-sbuħija femminili wkoll. Meta mbagħad qlibna għal Kristjaneżmu, is-sbuħija, bil-mod il-mod bdiet tkun ispirata mill-immaġini tal-qaddisin fil-knejjes. Il-ġilda bajda ta’ xi qaddis/a kienet tindika l-purità tar-ruħ u għalhekk kull persuna b’ġilda bajda kienet tqarreb lejn l-idealiżmu ta’ dak li hu sabiħ u pur.

  

Skont xi esperti fuq is-suġġett tas-sbuħija, huwa ppruvat li l-attrazzjoni ta’ bniedem lejn ieħor tiżviluppa skont il-meritu ta’ kemm il-persuna għandha attributi ta’ saħħa – hawn, qed nifhmu dik is-saħħa li tikkorrispondi mal-kelma Ingliża health u mhux strength/power.  Is-saħħa fil-ġisem tispikka fil-perċezzjoni tagħna; pereżempju, fil-wiċċ mislut u mingħajr tikmix, fl-għajnejn ħajjin u daħkana; fis-snien kompluti u mhux imħassra. Din it-tip ta’ sbuħija napprezzawha aħna u nikbru. Kulħadd fis-subkonxju tiegħu jixtieq jakkwista dawn il-kwalitajiet sbieħ ta’ saħħa. Ix-xagħar, l-aktar fil-każ tal-mara, u s-sider mimli jgħinu biex juru li l-mara hi f’saħħitha u attraenti. Qawl Malti jgħid, ‘Xebba bla xagħar u bla ħobb la fiha x’jiġbed u lanqas xi tħobb’. Qawl ieħor jgħid, ‘Meta s-sider ma jinferrix, il-ħannieqa ma tissensilx.’ Jiġifieri, ġmiel il-mara jidher meta l-kullana jkollha fejn tistrieħ (J. Manduca u Ġ. Mifsud (1989).  Mas-sbuħija tal-figura umana jidħol ukoll il-komportament tal-bniedem. Fejn is-saħħa u s-sbuħija huma neqsin bosta jduru għall-kosmetiċi, imorru fil-beauty salons u jittrenjaw fil-gyms.   

Fil-kultura tradizzjonali Maltija, in-nies ta’ ġenerazzjonijiet ilu, kienu jaħsbuha mod ieħor dwar x’hini s-sbuħija. Li tkun qawwi, anki oħxon, kien ifisser li l-persuna hi f’saħħitha u attraenti. Araw daqsxejn il-pitturi tan-nudi li pinġew l-artisti, sekli ilu. Din il-ħxuna kienet tfisser saħħa u rikkezzi għax bi flusu dak li jkun seta’ jixtri l-aqwa ikel. Sa ftit snin ilu, f’Malta, tfajjel robust u mimli sew kien ikkunsidrat bħala tifel b’saħħtu u sabiħ, aktar minn dawk li kellhom statura xipli. Raġel twil u qawwi, kienu jgħidu li jarmi s-saħħa, u jekk qasir, imbaċċaċ u mmuskultat kienu jgħidu li hu magħqud. Mara b’ħaddejha ħomor tagħti x-xeħta ta’ mara b’saħħitha, u jekk din ikollha ġenbejha fil-wisgħa kienet ikkunsidrata wkoll kapaċi telled it-trabi b’aktar faċilità, altru milli kieku rqieqa u ‘delikata’.

Is-sbuħija fir-rumanzi

Fir-rumanzi, is-sbuħija tar-raġel u tal-mara, jirriflettu mhux biss il-gosti, il-fantasija u s-sens poetiku tal-awtur iżda anki l-fantasija tal-qarrej. Ej naraw kif Ġużè Aquilina jiddeskrivi l-karattri prinċipali, ta’ żewġ żgħażagħ maħbubin, fir-rumanz Taħt Tliet Saltniet, ippubblikat fl-1938. Skont l-awtur, Alessandru, il-karattru eroj tal-istorja, kien ‘[…] nobbli, mislut, x’aktarx twil, xagħru mqanfed, għajnejh suwed li jixhdu l-għaqal, miksurin b’dik il-ħarsa ta’ wieħed li jaħseb wisq. Xofftejh żgħar u mitbuqa sewwa  li juru li kien ta’ karattru qawwi […]’ Dwar Pawlina, it-tfajla maħbuba ta’ Alessandru, l-awtur jiddiskreviha hekk: ‘[…] bint il-bdiewa, ta’ tmintax-il sena, twila, b’saffejn, u b’dirgħajha mibruma, b’ħaddejn il-qronfol, għajnejha żoroq, xuftejn mimlija ħomor fuq wiċċ qamħi mfaqqa’ […]’ Intant, il-missier ta’ din it-tfajla, għalkemm, naturalment ixjeħ fiż-żmien, hu wkoll iddotat b’figura li tirrifletti s-saħħa ‘[…] ġolf, tul ta’ sebat ixbar, mibni b’saffejn, sidru ħadida […]’. Dawk kienu l-idealiżmu ta’ l-awtur u x’aktarx tal-qarrejja li għexu fiż-żmien bikri tas-seklu għoxrin. Dawn l-attributi fiżiċi jaqblu mat-teorija li ssemmiet aktar ‘l fuq, li s-sbuħija għandha x’taqsam mas-saħħa fil-bniedem.

Dwar l-apparenza tal-Maltin fi żminijiet antiki, ikun interessanti li nfittxu dak li kienu jgħidu l-barranin dwar il-fiżjonomija u l-figura tal-Maltin. L-għajnejn ta’ bniedem barrani dejjem ikun aktar kritikiċi u oġġettiva, għaliex dawn jistgħu jipparagunaw ma’ dak li nnotaw bnadi oħra.  Kien hemm minnhom li rrimarkaw li l-Maltin kienu nies sbieħ u oħrajn li qalu li kienu inqas sbieħ. Dan ma jfissirx li l-ġudizzju tagħhom dejjem kien preċiż għax dak li hu attraenti għal bniedem jista’ jimbotta ’l hinn l-għajnejn ta’ ħaddieħor.  

Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

Quintinus li kien mibgħut mill-Ordni ta’ San Ġwann biex jinvestiga u jirraporta fuq Malta qabel ma l-Ordni ddeċieda li jieħu l-gżejjer Maltin f’idejh, fost affarijiet oħra rrimarka li inkwantu għan-nisa, dawn ma għandhomx figura nobbli, ‘iżda jidhru ordinarji (T. Freller, Encounters, 2000.) Nagħmluha ċara, żgur li l-Ordni ma ddeċidiex li jiġi Malta minħabba dan il-kumment.

Għall-kuntrarju, Balbi de Correggio, skular u suldat Taljan li serva fl-assedju tal-1565, li mbagħad kiteb dwaru, jgħid li n-nisa Maltin kellhom, ‘una assai bella forma,’ (R. Attard, 2001). Hawn insaqsi, x’seta’ ra mikxuf De Correggio mill-figura tan-nisa Maltin biex qal hekk? Biss, dan ifakkarni fi ktieb li qrajt ta’ ġurnalist Ingliż li kien f’Berlin ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan ikkumenta li kemm dam hemm ma ra l-ebda mara li kellha l-għekiesi sbieħ. Naturalment, dan qalu skont il-gosti tiegħu u x’aktarx skont il-gosti ta’ żmienu!

Fi żmien li l-Ordni ta’ San Ġwann dam Malta, ma jidhirx li l-Maltin kienu daqshekk koroh. Mijiet jekk mhux eluf ta’ barranin iżżewġu Maltin. Bejn l-1587 u l-1635,  f’Bormla, daqs 300 miż-żwiġijiet kienu ma’ barranin. Dan kien terz miż-żwiġijiet irreġistrati f’dik il-parroċċa (C. Cassar, 2000). Fil-parroċċa tal-Porto Salvu, il-Belt Valletta, bejn l-1603 u l-1620, ġew irreġistrati 55 żwieġ bejn Maltin u barranin. Sors ieħor jgħid li fl-1658, fil-parroċċa tal-Isla saru 15-il żwieġ fejn wieħed mill-koppja kien Franċiż (J. Abdilla, 1972). Il-barranin li kienu jiżżewġu ’l-Maltin x’aktarx kienu jkunu irġiel, negozjanti jew artiġjana li ġew Malta u baqgħu hawn b’mod permanenti minħabba xogħolhom. Dawn biż-żmien stabbilew relazzjoni mal-Maltin li wasslet għaż-żwieġ. Wieħed isaqsi, tgħid dawn iż-żwiġijiet kollha saru sforz tal-attrazzjoni u l-imħabba ta’ bejn il-barranin u l-Maltin, jew kienu biss żwiġijiet ta’ konvenjenza?

Louis de Boisgelin, Kavallier Franċiż li kien għal xi żmien f’Malta lejn l-aħħar tas-seklu tmintax, josserva li l-Maltin kellhom bixra li tindika oriġini mill-Afrika ta’ Fuq. Ikompli jgħid li l-Maltin kienu:  ‘[…] short, strong, plump, with curled hair, flat noses, turned-up lips, and the colour of their skin like that of the inhabitants of Barbary […]’.  Minn kif inkitbet din l-osservazjoni nassumi li hawn kien qiegħed jirreferi għall-irġiel, għax imbagħad ikompli: ‘[…] The women are little and have beautiful hands and feet. They have fine black eyes, though they sometimes appear to squint, owing to their looking out of the same eye, half of the face being covered by a veil made of black silk, called faldetta, which they twist about very gracefully and arrange with much elegance […]’. Jgħid ukoll li n-nisa, kemm dawk tal-ibliet kif ukoll dawk tal-irħula, iħobbu jilbsu d-dehebijiet u l-fidda. Dwar in-nisa tas-soċjetà għolja, Boisgelin ikompli jgħid li dawn jilbsu l-ilbies tradizzjonali, mhux bħal żwieġhom li jimitaw il-moda Franċiża. Dawn kienu jżommu xagħarhom lixx, u ‘well powdered and pomatumed.’

Dominique Vivant Denon, artist Franċiż li żar Malta fl-1778, jgħid hekk dwar il-Maltin:  ‘[…] L-irġiel għandhom karnaġġjon skur bħal tal-Għarab. Jaħdmu fl-għelieqi libsin biss qmis ta’ drapp ikħal waqt li dirgħajhom mikxufin, u l-qalziet miżmum mit-terħa wiesgħa ma’ qaddhom, waqt li kienu jkunu b’saqajhom ħafjin … dawn huma mdorrijin jagħmlu dak kollu li hemm bżonn, waqt li n-nisa huma esklużi minn kwalunkwe xogħol […].’ Jidher li hawn Denon ma ndunax kemm in-nisa kienu jaħdmu fl-għelieqi ma’ żwieġhom u aktar u aktar fid-dar biex il-qoton li jitkabbar jaħsduh u jaħdmuh fi drapp. Denon ikompli, ‘[…] In-nisa għandhom karnaġġjon sabiħ u miżmum sew, u jixhbu n-nisa tat-Tramuntana. Kważi kollha għandhom għajnejhom kbar, li jittradixxu ċerti emozzjoni moħbija taħt tebqet għajnejhom u b’hekk għandhom xeħta senswali, biss modesta. In-nisa tal-ibliet huma eleganti bl-ilbies sinjorili tagħhom. Huma mdorrijin iqaxxru il-pil tal-wiċċ, bħall-irġiel; biss dan jagħmluh b’tant artistrija li wieħed irid iħares mill-qrib biex jinduna b’din il-prattika. Dan jagħmluh billi jużaw biċċa ħġieġa mkissra […]’ (D. Vivant Denon, 1788). Dwar din l-aħħar rimarka, fid-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis (ċ. 1769) niskopru li kien hawn dawk li jissejħu għaddiela, nisa li xogħolhom kien li jqaxxru il-pil tal-wiċċ.

Wara dan it-tifħir dwar in-nisa Maltin, naraw kummenti negattivi minn Carlo Castone Torre di Rezzonico, poeta u editur Taljan li ġie f’Malta fl-1793. Dan b’mod inqas poetiku u ta’ tifħir imeri lil Denon, għax kien tal-fehma li n-nisa li ltaqa’ magħhom f’Malta kienu ‘vulgari’  (Th. Freller, Encounters, 2000).  

Ovid Doublet, Franċiż  li serva f’Malta bħala s-segretarju ta’ Chevalier de Varrax, u wara, kien anki sar segretarju tal-Granmastru de Rohan u tal-Granmastru Hompesch, iżżewweġ tfajla Maltija attraenti. Dan minkejja li kellu pressjoni kbira mingħand is-superjur tiegħu, il-Kavallier De Varrax biex jiżżewweġ tfajla oħra li kienet ġejja minn familja nobbli u sinjura. Dak iż-żmien, bniedem barrani li kien b’xi mod u manjiera konness mal-Ordni, biex jiżżewweġ mara Maltija ried il-permess tal-Gran Mastru; dan skont dak li kiteb l-istess Doublet fil-memoir tiegħu. L-awtur jgħid li xorta waħda kien jippreferi jitlef id-dota ta’ xi 3,000 ecu li l-ġenituri tat-tfajla sinjura kienu lesti li jagħtuh, u minflok jiżżewweġ lit-tfajla sempliċi li kien iħobb bħala martu, għax din kienet timida u ġejja minn familja onesta. Fi kliem Doublet, it-tfajla li kellha tkun martu, kellha għajnejha sbieħ; xi ħbieb ikkummetawlu dwar is-sbuħija tagħha u qalulu li hi ‘Perla Maltija’ (J. Scicluna, 2011).

Is-seklu dstax 

It-tabib John Hennen li qatta madwar tliet snin f’Malta (1822 – 25) biex ikun jista’ jistudja s-saħħa tas-suldati Ingliżi stazzjonati hawn u dik tal-popolazzjoni Maltija, jgħid li l-irġiel Maltin ‘[…] are of middle height, erect in stature and active – the women are lower than middle standard, but in general handsome and well formed. There is much of the Spanish appearance … There is an intermixture of the French with a dash of the African blood […]’. Hennen jgħid ukoll, li, ‘[…] There is a robust class of men known as calessieros or drivers of the single horse carriage […]’ Biss, jgħid li dawn żgur li ma kinux igawdu ħajja twila minħabba x-xogħol ta’ strapazz li kellhom. Dawn meta kienu jittrasportaw lin-nies fil-kaless tagħhom, ma kinux ikunu rikbin iżda kienu jiġru t-triq kollha ħafja, iżommu liż-żiemel minn ilġiemu.

René Bazin  (1853 – 1932) , Professor fl-Università ta’ Angers fi Franza, jgħid li kien jitgħaxxaq jara n-nisa Maltin mixjin fit-toroq tal-Belt Valletta, waqt li jkunu libsin il-faldetta. Jgħid li din kienet ‘a charming trait.’ (E. S. Inglott, Encounters, 2000.)

L-ammiral Adolphus Slade, li żar Malta waqt il-vjaġġi tiegħu fil-Mediterran għamel osservazzjonijiet intensivi dwar Malta u l-aspirazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-Maltin (1837). Minkejja li fil-kitba tiegħu maqdar lill-Maltin dwar bosta affarijiet, jgħid li l-Maltin ‘[…] have the countenance of an Egyptian, the same restless eyes, the low forehead and the spare form. Yet there is beauty, the attribute of southern blood; the soft clear skin – the delicate turned limb; the eloquent looks; the graceful demeanour […]’. Hawn nassumi li kien qiegħed jirreferi għan-nisa, għax imbagħad ikompli:  ‘there are women in Valletta on whom the eye may rest untired’ May they never leave the bewitched faldetta, may they never be seduced by fashion to adopt the unbecoming bonnet.’ Dan hu t-tielet darba li l-barranin qed jindikaw kemm il-faldetta kienet tikkumplimenta u ssebbaħ lin-nisa Maltin li jilbsuha.

Konklużjoni

Illum, il-perċezzjoni tas-sbuħija hi mfilsata f’moħħna l-aktar skont kif iddettata mill-midja barranija. Qabel ma daħlet fostna l-midja viżwali l-idealiżmu tas-sbuħija kien dak maħluq skont il-fantasija tal-qarrejja tar-rumanzi. L-ilbies li wieħed jilbes u l-mod kif wieħed jgħix u jġib ruħu fis-soċjetà jagħmlu differenza kbira fid-dehra tal-persuna. Il-kwalità tal-ikel li nieklu illum, hu differenti minn dak ta’ dari, u għalhekk dan ibiddel ukoll il-figura u s-saħħa ta’ dak li jkun.

Il-poplu Malti kien u għadu jitħallat mal-barranin u għalhekk il-fiżjonomija tal-’Maltin’ tibqa’ tinbidel. Jekk wieħed jara l-kunjomijiet Maltin wieħed jinduna kemm dan il-poplu tħallat ma’ barranin matul is-sekli u għalhekk illum, inqas minn dari ma tantx tista’ titkellem dwar sbuħija tipika Maltija. Jew forsi tista’. Sa ftit żmien ilu, in-nies malajr kienu jittimbrawk, jekk int ismar allura qiesek Tork, jekk inti ta’ ġilda bajdanija u jekk bjond, allura qisek Ingliż.

Xi qwiel oħra antiki dwar l-apparenza u s-sbuħija

Xebba fit-tieqa ma turikx għammieqha (tulha).  

Mara b’għajnejha żoroq issaħħar it-toroq.

Mara mżerrqa (b’għajnejha żoroq) u bajdanija, dirgħajha dejjem kennija.

Mara sabiħa, id-dota ġewwa.

Qatta żara’ araha filgħodu u xebba araha filgħaxija.

Kera fin-nieqa, sabiħa fit-tieqa.

Martin Morana

18 ta’ Frar 2026

http://www.kliemustorja.com

Biblijografija 

Abdilla Joseph,   Aspects In Relations between Malta and France during the Grandmastership of Manoel de Vilhena 1722 – 1736. (unpublished thesis).

Aquilina Ġużė, Taħt Tliet Saltniet. Klabb Kotba Maltin. 1997.

Attard Robert, Malta – A Collection of Tales and Narratives. The Edwtrd De Bono Foundation (Malta). 2001.

Bianchi Petra & Serracino Inglott Peter, (editors), Encounters with Malta. Vodaphone / Encounters Books. 2000.

Boisgelin de Louis, Ancient and Modern Malta. Richard Philips, London. 1804.

Brydone Patrick, Travels to Sicily and Malta.

Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva Publications. 2000.

Denon Dominique Vivant, Voyage en Sicile. 1788.

Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean…..  1830

Manduca J.S. & Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group.  1989.

Miege Dominique, Histoire de Malte. 1840. Gregoir Wouters, Brussels.

Scicluna Joe, Malta Surrendered – The Doublet Memoires and the Poussielgue Report. Allied Publications. 2011.

Slade Adolphus, Turkey, Greece and Malta. Saunders and Otley, London. 1837.

Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur …ikklikkja hawn … https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Categories:

Leave a comment