ĦOBŻA u SIKKINA

Espressjonijiet – Frażijiet – Idjomi

qosra fil-Malti

Meta nkunu qed nitkellmu bejietna, kultant inħobbu nfilsu fil-kummenti tagħna, kemm jekk biċ-ċajt kif ukoll bis-serjetà espressjonijiet qosra. Hekk pereżempju, ngħidu, ‘ħabel u satal,’ biex niddeskrivu tnejn min-nies li jagħmluha u jinġiebu ma’ xulxin. Ngħidu wkoll, ‘għadma u ġilda,’ biex nuru b’mod l-aktar ċar kemm dak li jkun tilef mill-piż normali tiegħu. Mod ieħor biex nenfasizzaw il-punt hu billi ntennu l-istess kelma, bħal meta ngħidu, ‘fejn laqat laqat,’ jew ‘kif ġie ġie.’ Kliem u frażijiet bħal dawn kultant jinkludu idjomi għax dawn joħolqu analoġiji. Dawn it-tipi ta’ frażijiet imqassra li normalment ma jiħdux aktar minn tliet kelmiet iġiegħeluna naċċettaw dak li jkun intqal bħala bon fatt.

Hawn qiegħed nippreżenta xi eżempji akkumpanjati minn tifsira. Fost l-espressjonijiet hemm xi wħud li illum ma għadhomx jingħadu.

 —–

ALLA u x-XITAN     Frażi li  tingħad ‘trid tlaħħaq ma’ Alla u max-xitan!’ jiġ., trid tagħmel ħafna ħwejjeġ f’daqqa li biex tagħmilhom ikunu qed ixekkluk millio tagħmel ħaġa waħda sewwa.

ALZA-POĠĠA  Appellativ għal xi ħadd li ħajtu jqattagħha fl-għażż. Bniedem li ngħidulu wkoll ‘manġapassiġġa’. Bniedem li ma għandux x’jagħmel. Sors: J.A.

BAJD u BEĊĊUN     Tingħad meta mara telled tarbija wara l-oħra.

BAJD u  ĠOBON      Ngħidu, ‘kemm trid tiekol bajd u ġobon biex tegħlibni!’ Tingħad ukoll ewfemistikament biex tfisser li wieħed irid ikun kapaċi u ta’ esperjenza biex jilħaq fejn irid.  

BIEB BIEB     Ngħidu, ‘il-pulizija beda jħabbat bieb bieb biex iqassam il-voti.’

ĊIKKU BRIKU     Risposta għall-problema li ma twassal għal ebda soluzzjoni ġdida. Eżempju: ‘Ix-xogħol li se nagħmlu kollu ċikku briku.’ Jiġ. dak li se / qed isir kollu għal xejn; fejn konna ser nibqgħu. Mill-Isqalli: sceccu, jiġ., asino, ħmar, u bricco: tfisser ukoll ħmar. Sors etim. Il-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott.   

ĊLIKKI ĊLIKKI     Riferenza għal pass ta’ żiemel jew bagħal eċċ., li jkun miexi bil-mod. Kelma onomatopea.

DALI DALI     Espr. li Agius Sultana (de Soldanis) jiddiskrivi fid-Damma (ċ 1750 – 1767), hekk: continuamente, spessamente; eż., waqà dali dali, cadere spesso. V. Busuttil (1900) jittraduċieha bl-Ing. bħala, incessantly.

Id-DI u d-DO     Idjoma li tirreferi għal tnejn min-nies li ssibhom flimkien ta’ spiss. Ngħidu, ‘Dawk it-tnejn dejjem flimkien, qishom id-di u d-do’. Din l-idjoma kienet ispirata mill-fatt li għal bosta żmien, f’Marsamxett kien hemm żewġ vapuretti tan-Navy Ingliża sorġuti ħdejn xulxin. Dawn kienu ż-żewġ gunboats, HMS Dee u HMS Don. Dawn iż-żewġ bastimenti kienu msemmija għal żewġ xmajjar fl-Iskozja li jġibu l-istess isem, Dee u DonFittex aktar dwar din l-espressjoni.

FULA MAQSUMA     Idjoma li tirriferi għal tnejn min-nies li jixbhu lil xulxin. 

GĦADMA u ĠILDA     Imsejjaħ hekk bniedem ta’ statura rqajqa żżejjed. Bniedem nieqes sew mill-piż.

Tal-ĦABBA GOZZ     Il-frażi tindika li l-oġġett li wieħed qed jitkellem dwaru ma jiswa xejn. B’ħabba (munita ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann), fi żmien l-Ingliżi saret tiswa’ ftit u finalment twarrbet miċ-ċirkolazzjoni. Ngħidu, ‘dak li bgħetli hu tal-ħabba gozz.’ Xi ħaġa li bi ftit flus tixtri kemm trid minnha għax ħadd ma jridha.

ĦABEL u SATAL     L-istess bħal ‘id-di u d-do’, jew ħobża u sikkina. Ħbieb ta’ ġewwa. Riferenza għal tnejn min-nies li dejjem flimkien u li jingwalaw.

ĦABTA u SABTA     Riferenza għal avveniment li seħħ mingħajr qatt ma kien mistenni, bħal meta ngħidu, ‘Toni miet ħabta u sabta.’ Ngħidu wkoll, ‘miet ħesrem’.

Mal-ĦAĠRA  t-TAJN     Jiġ., il-ħidma li tkun qed tagħmel trid titwettaq malajr u magħha kull ħaġa oħra li jkun hemm bżonn biex tirnexxi.

ĦALLATA BALLATA     Taħlita ta’ bosta oġġetti jew taħlita ta’ bosta nies. Geġwiġija sħiħa.  

ĦMAR  jew FELU     Rif. għat-tieni soluzzjoni wara li l-ewwel waħda ma tirnexxiex u ma hemmx għażla oħra minn fejn tagħżel.   

ĦORROX BORROX     Espr. li tirriferi għal xi pjan jew xogħol li jsir kif ġie ġie u ta’ malajr. Qawl: F’xogħol ta’ ħorrox borrox l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox.  

b’IDU f’IDU   Ngħidu, spiċċa b’idu f’idu,’ għal meta bniedem ikun tilef il-ġid kollu li kellu. Pereżempju, ngħidu, ‘wara l-għaxar logħba tal-karti Toni tilef kollox u ħareġ mill-każin b’idu f’idu.’

INGIRR INGIRR     Frażi li tingħad meta dak li jkun ikollu xi jgħid ma’ xi ħadd. Meta dak li jkun ikun bin-nervi kienu jgħidu, ‘kien bl-ingirr ingirr.’ (Sors: Karm Fenech, 2006.)

INKISS INKISS     Espr. li turi li dak li jkun qiegħed jersaq / jaħrab bil-moħbi u bil-kwiet mill-post biex ma jinqabadx.

KAP DEHEB u ieħor ĦARIR     Esp., li kienet tingħad meta waqt xi proġett jew xogħol kollox ikun sejjer sew.

KELB u QATTUS     Tingħad għal tnejn min-nies li ma jitħamlux. Ngħidu, ‘dawk iż-żewġt aħwa qishom kelb u qattus, dejjem jiġġieldu.’ 

KIESAĦ U BIERED     Sitwazzjoni li fiha ma tidħol l-ebda emozzjoni. Pereżempju, ngħidu, ‘Toni inqatel kiesaħ u biered,’ meta d-delitt ma jkunx sar f’saħna tal-waqt iżda ikun ippjanat minn qabel.

KIF ĠIE ĠIE    Ara: LAQAT LAQAT.

KUTU KUTU     Tingħad fil-frażi, ‘kutu kutu, qrunu f’butu’ – għal xi ħadd ta’ karattru kwiet, iżda li jbexkel minn taħt. Sqal. cotu cotu, kwiet kwiet.

LAMPA STAMPA     Bħal meta ngħidu waqaf f’daqqa waħda. Inkella riferenza għal meta wieħed jitlaq dak li kien qed jagħmel ħesrem bla kliem u bla sliem. Eż. ‘Toni telaq lil martu lampa stampa.’

fejn LAQAT LAQAT     Mingħajr l-ebda attenzjoni. Sitwazzjoni ta’ kif ġie ġie u magħmula bi traskuraġni.

Jew MAKKU jew BALIENA     Sitwazzjoni jew argument fejn l-għażla tkun bejn ħaġa żgħira u ta’ bla importanza jew inkella ta’ kobor u ħtieġa liema bħalha.

MERQTU u FTITU     Espr. li tfisser ‘kulħadd għal rasu’ jew ‘kulħadd tiegħu f’tiegħu’. Din l-espr. insibuha fl-istorja Viku Mason (1881) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, fejn naqraw hekk: ‘[…] It-tabib mar għal xogħlu, jaħlef ġo qalbu li minn dakinhar ’il quddiem ma’ Viku kulħadd merqtu u ftietu […].’ Il-kelma ‘merqtu’ ġejja minn ‘meraq’, waqt li ‘ftietu’ hi n-nom pl., ‘ftiet’, bil-pronom possessiv ‘u’ mehmuż. L-ewwel kelma tfisser ‘brodu’ u t-tieni ‘ħobż li jixxappap fil-brodu’. Mela din il-frażi sservi ta’ analoġija, bħal meta wieħed jiekol waħdu u ma jaqsam ma’ ħadd.

MEWT u XITA     Espr. li qiegħda fil-qawl ‘Mewt u xita Alla jaf meta.’

NAJXU NAJXU     Espr. li biha nesprimu l-karattru ta’ xi ħadd ġwejjed u kwiet.

NINI NINI     Espr. li tfisser, ‘tgħid mhux hekk’, jew ‘mela le!’ jew ‘ma tarax!’ Espr. Oħra li toħroġ minn din hi: ‘nini nini jgħid ħanini!’

kull PAR għal PARU      Kulħadd ma’ min hu tal-istess karattru jew fehma.

Bejn SEMA u ILMA    Frażi li tfisser li (il-bastiment eċċ.,) qiegħed ’il bogħod immens mill-art; fuq ix-xefaq.

NAQA’ u NQUM     Espr.  li tindika li l-persuna ma jimpurtaha xejn minn dak li qiegħed jiġri madwara. Bħal meta ngħidu, ‘niġi nitnellaħ.’

bil-PINNA u l-KLAMAR     Tingħad meta xi ħadd ikun qed jitratta ma’ bniedem diffiċli. Ngħidu, ‘dak trid toqgħod miegħu bil-pinna u l-klamar għax malajr jitlgħalu.’ Kemxejn simili hi l-frażi, ‘trid toqgħod seba’ għajnejn (kif tkellmu.’)

Il-QAĦBA u r-RUFFJAN     Tingħad għal tnejn li x’aktarx ikunu dejjem flimkien. Ir-ruffjana kienet tkun dik il-mara li tħajjar lill-irġiel imorru mal-qaħba. Tista’ tfisser ukoll li r-ruffjan hi dik il-persuna li jkollha tagħmel kull ma tgħidlilha l-persuna l-oħra. Ngħidu, ‘mela jien ir-ruffjan tiegħek?’

QALBU PERŻUTA     Tingħad għal xi ħadd li jemozzjona ruħu malajr.  

QALU QALLUT     Frażi li tingħad biex turi li dak li qalu (in-nies) ma jiswa xejn. (Sors: Gino u Anna Azzopardi, 1986.)

QIXX u l-MIXX     Rif. għall-agħar nies tas-soċjetà. Ngħidu, ‘fil-folla kien hemm il-qixx u l-mixx.’  Il-qixx hu l-laqx,  it-tilqit, frak jew fdalijiet oħra li jibqa’ fl-art wara li l-qamħ ikun mitħun. Fil-lingwaġġ tas-sajjieda l-qixx hu l-ħut iż-żgħir nett. Il-mixx hu  kull tip ta’ ikel li hu artab u nidi. Din l-espr. niltaqgħu magħha fl-istorja ta’ Ġużè Galea, Żmien l-Ispanjoli: ‘[…] fil-palazz kienu jgħixu l-ħallelin, dawk ta’ qattagħni u l-qixx u l-mixx […].’

ir-RAZZA u r-RADIKA     Rif. għal ġenerazzjonijiet sħaħ tal-istess familja. Ngħidu, ‘biex żgur jagħmel kuraġġ, għal dik il-laqgħa Toni kaxkar miegħu r-razza u r-radika.’

RIĦ imb’RIĦ jew RIĦ b’RIĦ     Rif. għal  tnejn li qed jikkompetu f’tellieqa u jkunu qegħdin javviċinaw it-tmiem tat-tiġrija qrib wisq ta’ xulxin. Espr.‘Riħ imb’riħ jirbaħ il-master.’ rif. għal meta ż-żewġ lagħba jispiċċaw indaqs u ma jirbaħ ħadd minnhom. Tista’ tgħid li riħ imb’riħ hi ekwivalenti għal kelma bl-Ing. draw jew tie. Ara: MASTER.

RUĦU fi SNIENU     Tingħad għal xi oġġett li jkun fi stat ħażin u wasal biex jintrema.’

RIŻQ u BARKA      Tingħad b’mod ta’ awgurju għal xi ħadd li jkun ser jibda xi proġett, xogħol jew karriera ġdida, bħal meta ngħidu, ‘nawguralek risq u barka.’

SAĦĦA SEBA’ SAĦĦIET   Jiġ., fiha u ma fihiex. Annibale Preca fil-kitba tiegħu li fiha jirrakkonta dwar episodji mit-Testment il-Ġdid jgħid hekk: ‘[…] li (Neruni) qatel lill-għedewwa, saħħa seba’ saħħiet : qatel ‘il ħbiebu, qatel ’il niesu, qatel ’l ommu stess! […].’ Intant, din il-frażi kienet mid-dehra tingħad sew għaliex niltaqgħu magħha fil-poeżija ‘Is-Siġra tat-Tabakk ta’ G. A. Vassallo (1864). Vers minnhom jispiċċa hekk:

Li kont nagħmel ħawħ, tuffieħ

Lanġas, naspli, nuċipresk

Saħħa, ngħid seba’ saħħiet!

SALIB jew DOMNA     Ngħidu, ‘min ma għandux salib għandu domna xi jġorr,’ jiġ., fil-ħajja kulħadd għandu xi ħaġa li tinkewtah.

SITTA LA SINISTRA      Idj:  ‘Beda jagħti bil-ponn sitta la sinistra’ – jiġ., beda jfajjar daqqiet bl-addoċċ. L-espr. li ġejja mit-Taljan, sotto la sinistra., li tfisser, daqqa bil-ponn fuq il-geddum minn naħa t’isfel fuq in-naħa tax-xellug. Il-kelma sotto l-Maltin għawġuha għal sitta. Dan it-terminu norm. jintuża fil-lingwaġġ tal-boxing.

SITTA SITTA      Tingħad għal sitwazzjoni fejn bniedem iħoss qalbu tħabbat bil-qawwi u mgħaġġla. Inkella ngħiduha wkoll meta bniedem jitla’ t-taraġ b’ġirja waħda.

SPALLA ma’ SPALLA     Rif. għal tnejn min-nies li jaħdmu flimkien għall-istess skop. Inkella tista’ tintuża hekk: ‘dakinhar, it-tnejn li huma ġġieldu kontra l-għadu spalla ma’ spalla.’

STOLA u SALIB     Espr. li tirriferi għal xi ħadd li jkun bla sold fil-but. Donnha aktar qiegħda tirreferi għal xi qassis li ma jkollux wisq flus.

Is-SUQ ISUQ     Naħseb li din hi waħda mill-espr. li nħolqu dan l-aħħar. Tirreferi għal prezzijiet tal-bejgħ li jistabbilixxu ruħhom skont id-domanda għal xi oġġett partikulari li jkun hemm fis-suq. 

TREDDA u TĦOBBLA     Espr. li tirreferi għal xi ħadd li jkun qiegħed jippretendi xi ħaġa aktar milli diġà għandu u / jew f’ħin aktar kmieni milli suppost.

Jew VI jew VA     Bħal jew ĦMAR jew FELU.

VIGU VIGU     Espr.li għandha diversi tifsiriet għax tintuża b’diversi modi. Eż., ‘dawk sejrin vigu vigu fin-negozju,’ jiġ., sejrin tajjeb u qed jaqilgħuha; ‘dak sejjer vigu vigu fix-xogħol,’ jiġ., dak il-ħin kollu jaħdem mingħajr ma jieqaf; ‘in-namrati sejrin vigu vigu,’ jaqblu f’kollox; ‘dik il-flus għaliha vigu vigu,’ jiġ., ma jimpurtahiex kemm tonfoq. Ommi (mill-Birgu) kienet tuża din l-espressjoni bħala, ‘xorta waħda.’ Skont J.A. il-kelma jista’ jkun ġejja mit-Taljan, vigore.

għal  XAGĦRA u SUFA     Tingħad għal meta xi persuna, oġġett jew sitwazzjoni teħles minn xi deni bi ftit. Pereżempju ngħidu, ‘dak it-tifel ma tajrhietux karozza għal xagħra u sufa. Bħal meta ngħidu, ‘il-karozza għaddiet minn ħdejh bi żbrixx.’

XNIEN u NIFEL     Terminu li ġeneralment jirriferi għal bosta pjanti slavaġ. Ix-xnien huma dawk l-ispeċi ta’ pjanti pilużi magħrufa bħala trifolium. In-nifel (jew nefel) huma pjanti tal-ispeċi Medicago, Ing. medick. kollha għandhom il-fosdqa taż-żerriegħa bi ftit xewk irqiq. Qawl: Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen. Dan ifisser li l-ħrit l-aħjar isir meta jagħmel ħafna minn dan il-ħaxix selvaġġ.  Fittex aktar.

XLENDI u l-QRENDI     Hemm espressjoni li tgħid, ‘waħda x-Xlendi u l-oħra l-Qrendi’ li tintuża meta l-oġġett, il-bniedem jew is-sitwazzjonijiet huma mbegħdin sew minn xulxin.

XOTT XOTT     Tingħad l-aktar biex tiddiskrivi li l-persuna wieġbet bi ftit kliem. Ngħidu, tat risposta xott xott.’

ta’ ŻAQQU f’FOMMU     Bniedem li dak li jħoss jgħidu mill-ewwel; ma qadx jomgħodha u beżaqha mill-ewwel.

ŻEJT fil-BAŻWA     Idj. li tispjega xogħol li ma jagħtix riżultat kif mixtieq.  Il-bażwa hi magħrufa wkoll bħala ernja. Espr. ‘Waqgħhetlu l-bażwa…’. Meta l-imsaren ma jibqgħux fil-borża, iżda jibdew joħorġu u jimbuttaw iż-żaqq ’il barra. Idj: ‘Dak li qed jagħmel kollu żejt fil-bażwa,’ jiġ., dak li qed jagħmel kollu ta’ xejn. 

Martin Morana© 

2 ta’ Ġunju, 2026

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija 

Agius Sultana Gianfrangisku, Damma Tal Kliem Jartaginis mscerred fil fom tal Maltin u Ghaucin. Ed. Rosabelle Carabott. L-Akkademja tal-Malti et al. 2016.

Aquilina Joseph, Dizzjunarju Malti – Ingliż. Midsea Books Ltd. 1987 – 1990.

Fenech Karm, Idjomi Maltin.  Ġiżwiti Malta. Edizzjoni 2006.

Muscat Azzopardi Anna & Gino, Kif Ngħiduha. Klabb Kotba Maltin. 1975.

Manduca J. S. & Ġ. Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprizes Ltd. 1989.Serracino Inglott, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.

Categories:

Leave a comment