IL-MALTI TA’ ŻMIEN TEMI ZAMMIT
1901 – 1935
Fil-proġett ta’ tiftix għal kliem Malti antik jew minsi li jiena bdejt snin ilu, kelli ċ-ċans indur il-kitba ta’ Themistokile Zammit (għex 1864 – 1935) diversi drabi. Mill-ħafna stejjer żgħar u essays li hu kiteb bejn l-1901 u l-1935, ħadt kwantità mhux ħażin ta’ kliem, fil-maġġoranza tiegħu, arkajku, fosthom nomi ta’ oġġetti u aġġettivi li Zammit inkluda intenzjonalment fil-kitba tiegħu biex jippreżenta vokabularju Malti li fi żmienu kien ġà beda jintesa. Dawn ġbarthom u qegħdin mifruxa u spjegajti ma’ kliem ieħor fit-tliet kotba li jien ippubblikajt: Kliem u Storja, Ara X’Int Tgħid u Biex il-Kliem Ikun Sew. Wara, dawn ippustjathom fil-paġni tal-’Enċiklopedija’ ta’ din il-website.
Dan l-aħħar, erġajt dort l-istejjer u bosta kitba oħra ta’ Zammit, l-ewwel nett għax nieħu gost kultant nerġa’ naqra dak li kiteb dan l-awtur bil-Malti mirqum u l-istil mexxej u deskrittiv tiegħu, u t-tieni, biex nara jekk ħallejtx xi kliem barra li jistħoqqlu li nippreżentah lill-qarrej. Aktar milli nomi din id-darba ffukajt fuq kwantità mdaqqsa ta’ espressjonijiet, verbi u mod ta’ kliem li Zammit uża biex jesprimi ruħu bil-lingwaġġ ta’ żmienu. U sibt biex nehda.
Hawn qed inniżżel dawn il-kliem u frażijiet li llum, wara mitt sena u fuqhom, ma għadhomx jingħadu fosta għax issostixwejnihom bi kliem u modi oħra ta’ kliem. Kull frażi jew espressjoni li għażilt qed nagħti t-tifsira tagħha. Kull kelma, biex infissirha aħjar infilsajtha wkoll fis-sentenza ta’ kif inkitbet biex wieħed jifhem il-kuntest ta’ kif intqalet. Inkludejt ukoll l-isem tal-istorja u fejn possibbli, id-data ta’ meta nkitbet l-istorja jew l-essay.
—–
Annuna Avverbju li jirriferi għal ‘flimkien,’ ‘bi ħsieb wieħed,’ ‘ħaġa waħda.’ […] Ix-xitan ma ħamilx li dawn l-ixierka sejrin annuna u qalb waħda […]. ‘Deni li Safa Ġid.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987. Fil-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli (M.A.V., 1796), il-kelma hi spjegata bħala ‘qalb u fehma waħda.’ Fil-ktieb tiegħu Motti Aforismi e Proverbii Maltesi (M.A.V., 1828) Mikiel Anton Vassalli jagħti dan il-qawl: Rġiel annuna tgħix bla muna (ħażna tal-ikel – bħall-qamħ eċċ). Etim. Tal. all’una, jiġ. flimkien.
Barr (n.) Art xagħrija u selvaġġa. Art ’il bogħod mill-abitat. Art jew raba’ mitluq, jiġ., mhux maħdum. Art barranija, ġen. rif. għall-artijiet u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, l-aktar fil-Magreb. […] fil-barr imsejjaħ Saħħara […] ‘Is-Saħħara’, Tagħlim fuq id-Dinja. (1901). Eżempju ieħor ta’ kif Zammit juża l-istess aġġettiv bħala nom […] U f’dan il-barr fejn ser issib suret in-nies? […] ‘Il-Għali jkun imsiefer’ Il-Malti, (1933).
Biss Jekk xejn. […] Biss tara dak l-ilma fl-għejjun tiġik l-għira […]. Illum nħobbu ngħidu, ‘biss biss, tara dak l-ilma fl-għejjun tiġik l-għira.’ ‘L-Ilma tax-Xita.’ Tagħrif fuq id-Dinja. 1901.
Bit-twila u l-qasira (espr.) Minn hawn u minn hemm. […] Bit-twila u l-qasira ftiehmu […]. ‘Żewġ ixierka u ħbieb.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Ċempel verb li Zammit jużah biex jirreferi għal azzjoni ta’ ċaqliq jew tbandil tal-id. Zammit jgħid hekk: […] Irġiel imxammra jaraw kif jaqbdu xi ħaġa mill-baħar. Iċemplu għal xi qarnita […]. ‘Lapsi’. Il-Malti. Marzu, 1934.
Daqq (verb) Ħabbat / sammar. […] Kien idoqq fuq l-inkwina sigħat sħaħ […]. ‘Kelb rieqed la tqajmux.’ Il-Malti. Ġunju, 1928. Eżempju ieħor kif tintuża din il-kelma: Id-daqqaq tal-qoton idoqq iċ-ċiek fuq il-watar: Ara DAQQAQ.
Daqs insew Tal-istess daqs, ekwilibrat, wieħed daqs l-ieħor. […] Meta x-xemx tgħaddi minn fuq nofs l-ekwatur il-jum u l-lejl ikunu daqs insew. L-għorrief semmewh l-ekwinozju. Hemm tnejn, dak tax-xitwa u dak tas-sajf. […] ‘L-Eklissi,’ Tagħlim fuq id-Dinja. 1901.
Dawran Tidwir. […] Fis-sienja l-ilma ttelgħu l-bagħla bid-dawran […] ‘Is-Sienja,’ Tagħlim fuq id-dinja 1901.
Din (n.) Reliġjon, twemmin […] Kelmti inżomma kif irid dini […] ‘Lejla Bint Ħasan.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987. Tingħad il-frażi: Jaħraq dinu tfisser, tmur tinħaraq il-fehma tiegħu.
Duttur Mod rispettuż meta wieħed kien jindirizza lit-tabib, […] It-tabib isaqsi: x’ilma tixrob? U l-pazjent iwieġeb: hi Sur Duttur …għandna naqra ilma safja donnha dmugħ il-għajnejn […].’ L-ilma safi Zammit jerġa’ jipparagunah mad-dmugħ ftit paragrafi ’l isfel: […] L-ilma jissaffa minn ġol-blat u joħroġ safi daqs id-dmugħ […]. L-Ilma li Nixorbu.’ Il-Malti. Marzu, 1925. Tagħlim fuq id-dinja (1901).
Fil-qasir […] It-tromba huwa riħ li jdur fil-qasir […] jiġ., fuqu nnifsu. ‘It-Tromba,’ Tagħlim fuq id-Dinja. 1901.
Fieragħ (n. u aġġ.) Vojt li ma fih xejn minn ġewwa, […] Isir bħal lembut fieragħ u jekk titfa’ l-ilma l-frugħa tal-lembut tiġbdu lejh (bl-Ingliż: vortex.) […] ‘It-Tromba,’ Tagħlim fuq id-Dinja. 1901. Illum ngħidu, baħar fieragħ, baħar baxx.
Fl-aħjar Fl-aqwa – fis-sens ta’ f’nofs l-azzjoni. […] Fl-aħjar, il-ħawi (il-vojt) tal-arja jurihom qatta siġar […]. ‘Is-Saħħara’, Tagħlim fuq id-Dinja. 1901). Din il-frażi jużaha wkoll Annibale Preca meta jirrakkonta passaġġ mit-testment il-Ġdid. Preca jgħid hekk: ‘[…] Aġar (is-seftura ta’ Abram) u t-tifel tagħha ħarġu lejn ix-xagħra ta’ Bersabea. Fl-aħjar tat-triq (f’nofs il-vjaġġ) spiċċat il-ftit tal-ilma li kellha fil-kus […]. L-istess insibu fit-tielet ktieb tat-Testment il-Ġdid, meta wara mewtu Kristu jidher lil żewġ dixxipli li kienu fi triqithom lejn Emmaus: ‘[…] Fl-aħjar (tat-triq) jiltaqa’ magħhom wieħed raġel, mix-xeħta tiegħu frustier sejjer għal triq twila, u ssieħeb magħhom […]. Illum ngħidu, ‘miet fl-aħjar / fl-aqwa tiegħu.’
Ġmiegħi (n. pl.) Zammit juża dan il-plural flok jgħid ġimgħat: […] Kulħadd fuq il-ġemel … jgħaddu l-ġranet u l-ġmiegħi bla ma jgħidu kelma […]. ‘Is-Saħħara.’ Tagħlim fuq id-Dinja. 1901.
Għamel in-nar (verb) Spara. […] Il-kuntistabbli qal: jekk ma jħallinix narrestah, nagħmel in-nar fuqu […]. Il-Malti, Marzu, 1935.
Għamnewwel (avverbju) Is-sena ta’ qabel. Riferenza wkoll għall-uċuħ tar-raba’ tas-sena ta’ qabel. Il-kelma hi magħmula minn rabta ta’ żewġ kelmiet ta’ oriġ. Semitika: ‘għam’ – Malt. sena, u ‘l-ewwel’ bil-‘l’ tal-artiklu tinbidel f’ ‘n’. […] saqsietu jekk kellux il-ħila jiksbilha qabda kittien ta’ għamnewwel […]. ‘Id-dnub ma jorqodx’, T. Z. Nies bla Sabar eċċ. 1987.
Għexieren (n. pl.) Għoxrinijiet – […] Kemm il-sena għandek? Żewġ għexieren u tnejn […]. ‘Il-Gideb Għomru Qasir.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Għorba (n. pl.) ta’ għarib, kelma li fl-Għarbi tinħass kważi l-istess. […] U hekk il-presepju jsir mera tal-Fidi Nisranija, imħabba bejn il-ġirien u l-għedewwa, bejn il-qraba u l-għorba […]. ‘Il-Milied.’ Il-Malti. Diċembru, 1931.
Ħabbat idu (verb) Ċapċap […] Ta’ madwaru jidku u jħabbtu jdejhom b’dak li għamel is-saħħar (bużullotist / prestiġjatur / magician) […] ‘Mhux dejjem tiġi żewġ’ Il-Malti, Settembru, 1934.
Ħabel u satal (idjoma) Ħaġa waħda, dejjem flimkien, jinftieħmu. […] Ma’ Fredu kien ħabel u satal, jaqdieh f’kollox […] ‘Il-Għali Jkun Imsiefer,’ Il-Malti, 1933. Illum ngħidu wkoll, ‘ħobża u sikkina,’ jew ‘jagħmlu parilja.’
Ħada Qrib, viċin. […] Mastru Ġakbu reġa’ għas-siġġu ħada l-bieb […] jiġ., reġa’ mar bilqiegħda qrib il-bieb. T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Ħallem (verb) Ġiegħel li j/toħlom […] Il-ħares ħallem lil din il-mara li fil-ġardina kien hemm ħofra mimlija flus […] Il-Malti, Ġunju, (1929).
Ħażż (n.) Tpinġija jew disinn. […] Għandek tistħajjel li d-dinja hija maqsuma nim-nofs b’ħażż jew sing. […] Tagħlim fuq id-Dinja. 1909. Eż., tal-verb: hu ħażż disinn bil-lapes.
Ħdiel (verb) Tilef is-sensi u ġismu tmewwet. […] Ġużè batta u rasu faqqgħet bħal dulliegħa; ħdiel, għoxa u sfar bħal qarsa tax-xama’ u ntelaq għal mejjet […]. ‘Kelb rieqed la tqajmux.’ Il-Malti. Ġunju, 1928.
Hekk Kelma li tintuża flok ‘tant.’ […] Hekk ingħoġbot dit-triq li ’l hinn, wara, twesset it-triq il-qadima […]. Tas-Sliema u San Ġiljan. 1930.
Ħjiena (n.) Ħażen, malizja, ingann. […] Saru ħbieb sew, qalbhom f’idhom, bla ħażen u bla ħjiena. […] ‘Nefqa żgħira u fejda kbira.’ Il-Malti. Ġunju, 1929.
Ħluqija (aġġ.) Ċajtiera […] Id-daħka dejjem f’fommha, fuq tagħha u ħluqija […]. ‘Iż-Żewġ Seksieka.’ T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987. Ħlieqa hi kelma oħra flok ċajta.
Herreż (verb) Farrak, tertaq, taħan. […] Kemm herriżlu ċiċri tal-Lvant! […]. ‘Franswà.’ T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Irqiq (aġġ. Dettaljat. […] Xogħol irqiq li ma satax isir il-maħżen qalb il-għagħa tan-nies dieħla u ħierġa […]. ‘Nies bla Sabar.’ Leħen il-Malti, Nru. 21. 1932.
Iżżaħħajr (verb) Irringrazzjah. […] Feliċ reġa’ ħa b’idejn is-surġent u żżieħajr ta’ kull ma għamel […]. Il-Malti. Marzu, 1935. Illum nużaw din il-kelma aktarx b’dan il-mod: niżżiħajr ’l Alla.
Jiqleq (verb) Ilaqlaq […] Nikol ħabat jiqleq ma qalx le u lanqas iva […].
Kagħka (n.) Dawramejt. […] Iddur kagħka […].
Kifes (verb) Inħeba tgħatta. […] X’ħin wasal il-waqt ix-xemx bdiet tikfes (tinħeba) […]. ‘L-Eklissi’. Tagħlim fuq id-Dinja. 1901.
Kisknijiet (avverb) Bil-kwiet, bil-moħbi u bla ħoss, baxx baxx. […] Telaq kisnijiet (sic) u mar jonfoq dak li kellu fil-but […]. T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987. Illum ngħidu bl-inkiss inkiss.
Kotra Ħafna. […] Għawdex ukoll hemm moġriet (mkejjen fejn hemm l-ilma ġieri) iżda ma jagħtux kotra ta’ ilma […]. ‘L-Ilma tax-Xita,’ Tagħrif fuq id-Dinja. 1901.
Kukrumbus Imħawwad (sors: Toni Cortis 1987.) […] Ħriġt ftit ta’ kukrumbus […]. Kelma li ma sibtha la fid-dizzjunarju ta’ Aquilina u l-anqas f’dak ta’ Serracino Inglott. ‘Żewġ Ixirka u Ħbieb.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Luprament Proprjament […] Jien luprament mhux Lukarda jisimni imma Lutgarda […] Lukarda u l-għadd tan-nies.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Ma f’għajnix (espr.) Ma għoġobnix, ma impressjonanix. […] Dak mhux kittien li għandek? Staqsa Sdejru. Ketrin wieġbet, ‘iva imma ma f’għajnix minnu’ […] ‘Id-dnub ma jorqodx’, Il-Malti. 1926.
Ma nafhielekx (espr.) Mod ieħor ta’ kif tgħid ‘ma nafx li int kellek dik, jew ‘qatt ma rajtha għandek dik.’ […] Dik ix-xaqqa (is-safra – qiegħed jirriferi għall-mogħża ta’ dak il-lewn) ma nafhielekx […]. ‘Il-Gideb Għomru Qasir.’ T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Ma sabx x’jagħmel Ma kienx jaf ser jaqbad jagħmel. […] Meta sema x’ġara, il-gwardjan ma sabx x’jagħmel […] ‘L-Arloġġ tal-Baxa.’ Il-Malti, Marzu, 1931.
Mgħaġġeb Riferenza għal dak il-pastur li llum insejħu l-għaġeb tal-presepju. Temi Zammit jgħid hekk […] U sold wara l-ieħor il-pasturi żdiedu; l-imgħaġġeb għarkubtejh […] ‘Il-Milied’, Il-Malti, Diċembru 1931.
Mrasi (n. pl.) ta’ marsa. […] u n-nies bla qies iltaqgħu fl-imrasi tat-Tork […]. ‘Kelmtejn fuq it-tħejjija tal-Assedju l-Kbir.’ Il-Malti. Settembru, 1930.
Newlet ħartuma (verb u espr.) Tat daqqa ta’ ħarta fuq il-geddum ta’… Ara: ĦARTUMA. […] Dolor l-ewwel ma għamlet newlet ħartuma lil Mari tal-Lewżu […]. ‘Aħlef u Għid is-Sewwa.’ T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Otterija (n.) Flok lotterija. […] Min għandu ħwejjeġ tajba jagħmilhom otterija […]. ‘Ir-Rebħa ta’ Pupull’. Il-Malti, Ġunju. 1931.
Qawqbi (Aġġ.) Qiegħed kokka. Il-Bej lemħu qiegħed qawqbi fil-bieb tal-għorfa […]. ‘Lejla Bint Ħasan’. T. Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987. Qawqbija/iet (avv.)
Qawwi (Bis-)saħħa, b’qawwa. […] Sew bħal meta fl-ilma ddawwar idek qawwi […]. ‘It-Tromba.’ Tagħlim Fuq id-Dinja, 1901.
Samsar … ħotob (verb) Għamilha ta’ semsar / ħuttab. […] Dovik kien isamsar biex jgħix u joħtob xi nagħġa u xi felu […]. ‘Il-Ħalliel Misruq’. Il-Malti. Ġunju 1929. E.S.I. jagħatiha, sensal, u J.A. jagħti kemm bħala sensal kif ukoll bħala sensar.
Sewwa xuxtu (verb) Irranġa / qata’ xagħru. […] Darba Franswà fettillu jmur isewwi xuxtu […] jiġ., fettillu jmur jaqta’ xagħru. ‘Franswà.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Tebaq (verb) Għalaq jew għamel il-bieb sokkjuż; bexxaq iż-żewġ bibien qrib ħafna ma’ xulxin. […] Tebaq il-ħofra mil-ġdid u telaq lejn il-kamra […]. Il-Malti, Ġunju, (1929). F’dan is-sens tebaq tfisser għalaq. Hemm tifsiriet varji relatati ma’ dan il-verb. Ara: TEBQA.
Tferċaħ (verb) Timxi mfettħa. […] telqgħet tferċah lejn il-kerrejja […].
Trab mejjet Ħamrija jew trab tal-wiċċ. […] Sidor beda jiġbed ’il fuq it-trab mejjet […]. ‘Il-Flus tal-Ħares.’ Il-Malti. Marzu, 1928.
Uħudna Waħidna. […] Tridx ma tgħajjatx għax ma aħniex uħudna u issa waqt ix-xogħol! ‘Mhux Dejjem Tiġi Żewġ’. Il-Malti. Settembru, 1934.
Xattab (verb) Illixxa […] għattew u xattbu wiċċ il-għalqa […]. Min-nom xatba. Għodda tal-bdiewa li għandha kemxejn l-istess xeħta ta’ xatba. Din titqiegħed żaqqha mal-art u tinġibed mill-bhima biex titħaxken mal-ħamrija biex twittieha. ‘Il-Flus tal-Ħares.’ T.Z. Nies Bla Sabar eċċ. 1987.
Żġieġ (n.) Ħġieġ. […] F’Ġħawdex hemm l-għar ta’ Ninu li fih għandu kolonni qishom tal-alabastru u safjin bħaż-żġieġ […]. ‘L-Ilma tax-Xita,’ Tagħlim fuq id-dinja. 1901.
Żied (verb) Baqa’, kompla. […] Lit-tifel ma żiedx isejjaħlu għax Indri kien jiftaħ il-kaxxa f’kemm ili ngħidlek. ‘Il-Għali Jkun Imsiefer’. Il-Malti. Marzu, 1933.
Martin Morana©
6.05.2026
Biblijografija
Aquilina Joseph, Dizzjunarju Malti – Ingliż. Midsea Publications. 1987 / 1990.
Cortis Toni, Nies Bla Sabar u stejjer oħra. Merlin Library Ltd. 1987.
Cremona A., Sir Temi Zammit – Ħrejjef, Stejjer u Kitba Oħra. Progress Press Co. Ltd. 1963.
Preca Annibale, Storja Sagra, L-Ewwel u r-Raba’ Ktieb. Gio. Muscat. 1948.
Serracino Inglitt Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.
Vassalli Mikiel Anton, Motti Aforismi e Proverbii Maltesi. 1828.
