SQALLIJA u MALTA
fi żmien l-Għarab
u t-toponomija taż-żewġ gżejjer
Introduzzjoni
L-istorja u l-kultura tal-gżejjer Maltin għal sekli sħaħ imxew ma’ dawk ta’ Sqallija. Dan ix-xebh jidher lingwistikament f’termini Għarab li jeżistu kemm fi Sqallija kif ukoll f’Malta. Fost dawn hemm bosta ismijiet ta’ lokalitajiet (toponomi), simili li jinsabu fiż-żewġ gżejjer.
Il-gżejjer Maltin inħakmu mill-Għarab fis-sena 870, daqs erbgħin sena wara li l-Għarab kienu ħadu f’idejhom lil Palermo. L-Għarab, u magħhom il-Berberi – tribujiet indiġeni tal-Afrika ta’ Fuq), kienu telqu minn Sfaks fit-Tuneżija biex qasmu l-istrett li jissepara l-Afrika minn Sqallija, u żbarkaw fil-port ta’ Mazara, għax hawn flimkien ma’ Marsala, hu l-eqreb port Sqalli faċċata tat-Tuneżija. Minn hemm l-Għarab invadew in-naħa tal-Lvant u l-ġewwieni ta’ Sqallija biex ħakmu ħafna reġjuni. Palermo li semmew Balerm, ħaduha fl-831. Sirakuża, li dak iż-żmien kienet taħt l-Imperu Biżantin damet ma ntrebħet, tant li din finalment waqgħet f’idejn l-Għarab fl-878, jiġifieri, tmien snin wara li l-Għarab kienu diġà ħadu lil Malta taħt idejhom. L-aħħar post strateġiku fi Sqallija li waqa’ f’idejn l-Għarab kienet il-belt ta’ Taormina, fl-902 w.K. (Taoromenion bil-Greek), li l-Għarab bdew isejħu Tabarmin.

Xi wħud mit-toponomi Maltin u Sqallin għadhom sal-lum jixxiebhu għax dawn imorru lura sa meta l-ilsien Għarbi kien daħal sew fiż-żewġ gżejjer. Mhux għax fi Sqallija xi darba kien hemm biss xi lsien jew djalett Għarbi wieħed biss. L-Għarab li invadew lil Sqallija għalkemm ġew mit-Tuneżija u l-madwar) fil-verità, mas-snin kienu oriġinaw minn kull naħa tad-dinja Għarbija-Musulmana. Xi wħud mill-Għarab li ħakmu l-Afrika ta’ fuq kif ukoll lil Sqallija u ’l Malta kienu ġejjin minn artijiet imbegħda fil-Golf Għarbi, saħansitra anki mill-Persja. Kien hemm ukoll dawk li ġew mill-Eġittu kif ukoll mill-Marokk u Spanja (L. C. Chiarelli, 2011). Meta Sqallija kienet attakkata mill-Għarab dawn ġabu magħhom eluf ta’ suldati mit-tribujiet Berberi-Musulmani, kull wieħed minnhom bid-djalett jew bl-ilsien tiegħu. Anzi, il-Berberi fi Sqallija kienu aktar numerużi mill-popli Għarab (L. C. Chiarelli). Ma’ dawn in-nies armati li invadew lil Sqallija imigraw ukoll bosta eluf ta’ nies biex jgħammru b’mod permanenti f’art li kienet aktar għammila minn dik tal-Afrika ta’ Fuq. Dan għaliex kien hemm żmien meta l-popolazzjoni fl-ibliet tal-Afrika ta’ Fuq kienet tlaħħaq mal-150,000 (L. C. Chiarelli) u għalhekk in-nies kienet iffullata u qed tbati l-ġuħ. Dawn il-manuvri seħħew fil-fatt, minn żmien għall-ieħor, kemm minħabba karestiji kif ukoll minħabba ambizzjonijiet militari u ta’ konflitt bejn il-kapijiet fl-ibliet tal-Afrika ta’ Fuq. Sqallija kienet toffri aktar spazju u parti kbira minnha kienet għadha art verġni li fiha wieħed seta’ jaħdem ir-raba’.

Id-dinastija Aglabida ta’ twemmin Musulman Sunni, li ħakmet lil Sqallija u lil Malta, wara ċertu żmien ġiet megħluba mid-dinastija tal-Fatimid li kienet ta’ fidi Musulmana Xi’ita. It-tnejn li huma, għal mitejn sena integraw ruħhom mal-abitanti tal-irħula u l-ibliet fejn stabbilew ruħhom. Kien hemm minnhom li tħalltu mal-Insara u l-Lhud anki bi żwiġijiet, u ma’ nies oħra li kienu ilhom jgħixu hemm sa minn mijiet ta’ snin qabel. Fosthom tħalltu ma’ bosta komunitajiet fil-Lvant ta’ Sqallija fejn il-lingwa bażika baqgħet Griega-Biżantina. B’hekk, bil-mod il-mod l-ilsien, u miegħu l-kultura Għarbija, rabbew l-għeruq tista’ tgħid ma’ Sqallija kollha.
Meta n-Normanni invadew lil Sqallija (1062 -1090 w.K.) il-kultura u l-ilsien Għarbi baqgħu għal ħafna snin diffużi tista’ tgħid mal-gżira kollha. In-Normanni wara Messina rebħu l-belt ta’ Palermo (1072) – u wara, bosta bliet u rħula oħra, sakemm fl-1090 spiċċaw biex ħadu lil Noto fin-Nofsinhar il-Lvant ta’ Sqallija. Fis-sena ta’ wara dawn qasmu lejn Malta (1091) biex jikkonfrontaw lill-Għarab tal-Imdina bil-ħsieb li dawn jirrikonoxxu lil Konti Ruġġieru bħala l-kap fuq l-Għarab ta’ Malta. Minkejja dan, għal ħafna snin wara, il-popli Sqallin u dawk Maltin bir-reliġjon Musulmana u l-ilsien Għarbi tagħhom żammew mat-tradizzjonijiet tagħhom għax in-Normanni ma ġegħeluhomx jabbandunaw il-kultura u t-twemmin li kienu mdorrija bihom.
Ta’ min wieħed jinnota li fi Sqallija, il-kitba u l-ilsien Għarbi baqgħu sa żmien meta d-dinastija Normanna għaddiet f’idejn id-dinastija Żveva (1194-1266). ) u anki aktar tard. Nafu li bejn l-1130 u l-1153 kien jeżisti fi Sqallija salterju (il-ktieb tas-Salmi) fi tliet lingwi, bil-Grieg, bil-Latin u bl-Għarbi (H. Bresc & G. Wettinger, 1986). Dan juri li anki l-Insara tar-rit Biżantin kienu baqgħu sa dak iż-żmien jalternaw bejn it-tliet ilsna.
It-toponomija ta’ Sqallija u dik ta’ Malta
Matul is-snin u s-sekli li damu fi Sqallija, l-Għarab ħolqu, kif ukoll biddlu ħafna ismijiet ta’ lokalitajiet li kkolonjalizzaw. Kultant, l-ismijiet ta’ dawn il-lokalitajiet juru toponomija identika għal dik li bdew jinħolqu fil-gżejjer Maltin. Xi ismijiet ta’ bliet u rħula eżistenti, l-Għarab għawġuhom għal-lingwaġġ tagħhom. Palermo li bil-Latin kienet magħrufa bħala Panormus, bdew isejħulha Balerm – l-Għarab il-ħoss ‘p’ ma jippronunċjawh. Eżempju ieħor hu l-isem Agrigento li l-Għarab bdew isejħu Ġirġint, mil-Latin Agrigentum, u li wara sar Kirkint. L-isem Kirkint jew Girgent iġiegħel wieħed jaħseb li din il-belt ingħatat dan l-isem mill-Għarab tal-Lvant għaliex dawn il-ħoss ‘ġ’/ج/ġim jaqilbuh għal ‘g’/gim. Fid-djalett Levantin, flok ġeżira dawn jgħidu geżira (li fil-Malti tfisser ‘gżira’). Aktar tard l-isem Ġirġent / Girgent ġie trasferit, x’aktarx bħala kunjom ta’ xi ħadd, lejn Malta, u dan illum insibuh fl-inħawi barra s-Siġġiewi bħala Girgenti (G. Wettinger, 2000).

Minn studji li saru jidher li fi Sqallija kien hemm aktar minn elf raħal li l-Għarab ħolqu u/jew għexu fihom għal ġenerazzjonijiet u sekli sħaħ (L. C. Chiarelli). Ma’ kullimkien fi Sqallija kien hemm – u għad hemm, ismijiet li fihom il-kelma Racal / Raħl – kienet ekwivalenti għar-raħal Malti, li għal dak iż-żmien kien ifisser imkien fejn kont issib ftit irziezet miġmugħa qrib xulxin. L-istudjuż A. Vararo ġabar mal-erbgħin isem fi Sqallija li fihom hemm il-kelma raħl / racal (J.M. Brincat, 2006). Eżempju ta’ dawn l-irħula fi Sqallija insibu, Raħl Bu Kinnanah, Raħl Magħagħi, qrib Monreale; Raħl al Majah, qrib Corleone; Raħl al Xar’ani, qrib Misilmeri; Raħal Kalaj, qrib Gibellina; Raħalmuto; Raħl al Xarani u Raħl al Mu’izz, qrib Iato. Xi wħud minn dawn l-ismijiet jiddefinixxu l-identità tagħhom skont l-isem tal-kap tat-tribù jew il-kap tal-armata li stabbilixxa ruħu hemm (L. C. Chiarelli.) F’Malta wkoll insibu rħula li isimhom jaqbel mal-isem ta’ xi bniedem partikolari jew xi kunjom ta’ xi familja. Hekk insibu, Benwarrad (Burmarrad), Bengħajsa (Bin Għisa), Ħal Lija, Had-Dingli u oħrajn. Fi Sqallija, xi rħula oħra jġibu isem deskrittiv, jiġifieri isem li juri l-pożizzjoni jew l-ambjent ġeografiku tar-raħal. Eżempji ta’ dawn hemm Raħal Ġidid; Raħal Tawil u Raħal Manżil (manżil tfisser dar).
Fil-Malti, il-kelma raħal tqassret u saret speċi ta’ prefiss: ‘ħal’. F’Malta nsibu aktar minn disgħin imkien, li kienu bdew bħala raħal żgħir, jiġifieri, ftit irziezet miġbura u l-ambjent tal-madwar (G. Wettinger, 2000.) Minnhom illum nirrikonoxxu biss daqs tużżana li għandhom il-prefiss ħal: bħal Ħal Tarxien u Ħal Kirkop eċċ., biss, kien hemm oħrajn, bħal Ħas-Saptan, Ħal Saflieni u Ħal Muxi li fuq il-mappa kienu rikonoxxuti bħala abitazzjonijiet rurali ċkejknin. Ħaġa interessanti li f’Għawdex ma hemm l-ebda lokalità li tieħu dan il-prefiss. Biex nagħti eżempju, waqt li f’Malta insibu Ħaż-Żebbug, f’Għawdex ir-raħal tal-istess isem hu magħruf biss bħala Żebbuġ, mingħajr il-Ħal.
Hemm toponomi oħra fiż-żewġ gżejjer li jixbhu ’l xulxin. Fis-sena 1187, inkiteb dokument, li fost affarijiet oħra għandu lista twila ta’ toponomi Sqallin b’isem Għarbi. Dawn l-ismijiet ġabarhom u ttraduċihom l-Għarabista Sqalli Salvatore Cusa u ppubblikahom fl-1862 / 1868. Dawn jgħinu ħafna biex nindunaw kif it-toponomi Għarbin ta’ Sqallija u dawk ta’ Malta jixxiebhu.
Hawn taħt qiegħed nelenka lista ta’ toponomi li ltqajt magħhom fit-tiftix tiegħi, ta’ imkejjen fi Sqallija li isimhom jixbah lil dawk Maltin. Dawn ġbarthom l-aktar mill-kitba ta’ L. C. Chiarelli, M. Brincat, G. Wettinger, S. Cusa u studjużi oħrajn, kif ukoll minn diversi siti fuq l-internet li jitrattaw dan is-suġġett.

—-
Ismijiet Sqallin (u l-ismijiet bil- Maltin)
Bagheria (Baħrija)
Fadeni (Fiddieni)
Favara (Fawwara)
Ġebel – tirriferi għal għolja jew muntanja. Fi Sqallija insibu Ġebel Manna, Ġebel Rosso (qrib Palermo). Ġebel Naru (l-Etna) magħruf ukoll bħala Monġibello (Monte Gibello); Gibellina, għolja qrib Trapani. Bil-Malti għandna Ġebel Ċiantar, Ġebel San Martin u oħrajn. Skont il-lista’ ta’ lokalitajiet li ġabar Wettinger fil-gżejjer Maltin insibu aktar minn sittin post li fihom hi inkluż l-isem Ġebel.
Għajn – Sqallija: Għajn Issejtun, Għajn għax-Xmar, Għajn għal Kabir, Għajn aż-Żabbar; Għajn għat-Tuffaħa; (Malta: Wied il-Għajn, Għajn Dwieli, Għajn Tuffieħa, Għajn Żejtuna, u oħrajn.
Marsala Nom li l-Għarab ħadu mill-Grieg li jfisser port / post fejn tankra. (Għandna ħames portijiet f’Malta bl-isem ta’ Marsa).
Musta (Mosta (mkien fin-nofs).
Misida Dwar dan l-isem, Caracausi jgħid li dan hu nom antik għal mis’iqita / miskita li tista’ tkun kemm moskea tal-Għarab jew inkella sinagoga tal-Lhud. B’Imsida aħna nifhmu post tas-sajd, għalkemm mhux neċessarjament sajd tal-ħut għax jista’ jkun sajd għall-għasafar / kaċċa.
Qala Dan l-isem suppost ifisser port … biss, fil-Malti antik dan jista’ jkun interpretat bħala qalgħa, jiġifieri, fortizza jew post fil-għoli bħal ma nsibu il-Qala, Għawdex. Fi Sqallija insibu: Qalat al Ballut – Caltabellota Qal’at al Armanin, Qal’at al Muxarija, Qal’at an-nisa – Caltanisetta. Qal’at al Sirat – Colisano; Qal’at al Abi thur – Caltavuturo u Qal.at al Ġarar (Caltagirone). Għall-postijiet fortifikati fi Sqallija insibu wkoll Kisr, Borġ, Ħaġar jew Ġibel.
Rabit Fil-kuntest ta’ Sqallija dan l-isem ukoll jista’ jfisser fortizza jew xi tip ta’ protezzjoni. Biss xi żmien wara dan it-terminu kien beda jirriferi għal xi kunventi fejn kienu jabitaw xi komunitajiet reliġjużi Musulmani. Illum, Rabat ifisser is-subborg, jew il-parti ta’ madwar l-imdina.
Sciacca Lokalità fil-Lbiċ ta’ Sqallija. (F’Malta insibu, Ta’ Xaqqa – Qrib il-Ħandaq; u Xaqqa tal-Qadi, Ġ. Wettinger, 2000).
Insibu wkoll termini li jindikaw ambjenti partikolari, kemm fl-ibliet u rħula kif ukoll fil-kampanja. Pereżempju, Ħara (konna niktbuha ħâra bl-ewwel ‘a’ mtawla) – li tfisser inħawi jew triq. Il-vjaġġatur Ibn Ħawqal li żar Palermo fis-sena 970 W.K. jgħid li f’Palermo kien hemm bosta nħawi b’ismijiet differenti, bħal Ħara al Masġid (moskea) – triq jew l-ambjent tal-madwar tal-moskea; Ħara al Ġadida u Ħara as Saqaliba – tas-Slavi. (L .C. Chiarelli, 2011.) Intant l-isem / kelma masġid tidher f’Malta, f’imkien qrib Ħaż-Żebbuġ (ara: G. Wettinger, Ta’ Misġed, 2006., p. 386). Natur (nadur – post fl-għoli), ħabel (miżura ta’ art – Wettinger jagħtiha bħala field strip), wadi (wied) ħandaq (ħofra, trunċiera jew wied); kudja (gudja – għolja). Fi Sqallija insibu, al ruqa. Qrib l-Imdina hemm lok jismu Ġewwa r-Roqgħa. F’Malta bosta artijiet rurali, huma magħrufa bħala roqgħa jew irqajja’ (G. Wettinger, 2000).

Wara li l-Għarab-Musulmani tkeċċew miż-żewġ gżejjer jew ikkonvertew u saru Insara (1249), l-ilsien Għarbi baqa’ jintuża għal snin twal, u ħafna minn dawn it-toponomi u kliem ieħor għadu jeżisti sal-lum. Fi Sqallija, l-ilsien Għarbi baqa’ jintuża anki fil-kitba notarili sal-1280 – 1300 (H. Bresc, 1994). F’Malta dawn l-ismijiet Għarbin baqgħu ħajjin u magħhom inħolqu oħrajn sa mijiet ta’ snin wara, għax l-Għarbi ma twarrabx mill-ilsien Malti kif ġieb u laħaq. Sal-lum fil-Malti insibu aktar minn 40% tal vokabularju li ġej mill-Għarbi. Fost toponomi oħra ġenereċi Għarbin għandna nsibu dukkiena, tarġa, sies, bur, wied u kliem ieħor li għadu jagħmel parti mit-toponomija Maltija u dik Sqallija.
Martin Morana©
2 ta’ Lulju 2026
Biblijografija
Bresc Henri, ‘Arab Christians in the Western Mediterranean (11th – 13th centuries.) Libriary of Mediterranean History – Volume 1. Ed. Victor Mallia Milanes. 1994.
Brincat Joseph M., Il-Malti – Elf Sena ta’ Storja. Pubblikazzjonijiet Indipendenza. 2006.
Caracausi Girolamo, ‘I documenti medievali Siciliani in lingua Araba’.
Cusa Salvatore, I diplomi Greci ed Arabi di Sicilia. Stabilimento Tipografico. Palermo. 1868.
Chiarelli, Leonard C.A History of Muslim Sicily. Midsea Books Ltd. 2011.
Salafia Simon, The Place-names of Gozo, Volume 1 – Part1. Ministry for Gozo. 2020.
Wettinger Godfrey, Place-names of the Maltese Islands – 1300 – 1800). Publishers Enterprises Group (PEG). 2000.
Wettinger Godfrey, Kliem Malti Qadim. L-Istitut tal-Lingwistika u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. 2006.
