A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Il-Birgu tal-lum għadu l-istess fil-maġġorparti tiegħu bħall-Birgu ta’ tfuliti, dak tas-snin sittin. Dan għaliex bil-konfini tiegħu, magħmul l-aktar mis-swar u l-baħar, ftit hemm fejn tiżviluppa aktar. Kull meta nżur il-Birgu ninnota kemm sar kwiet. Fit-toroq tal-Birgu llum hemm xi ħaga nieqsa. Din hi xi ħaġa vitali Ii fl-antik kienet tagħti l-ħajja lil din il-komunità … iva llum hemm nieqes l-għajjat tat-tfal li dari kienu dejjem jilgħabu fit-toroq. B’kommunità li qiegħda dejjem tikber fl-età, u bil-familji żghażagħ dejjem ħerġin ‘il barra mill-Birgu, il-klikek ta’ tfal sparixew u l-ħemda tirrenja għal bosta ħin.
Minn għaxar snin ‘l hinn, it-tfal tal-età tiegħi ma kellhomx bżonn ġugarelli biex jilagħbu bihom. L-aqwa ġugarell għat-tfal kienet il-fantasija ta’ moħħhom għax il-logħob kienu jivvintawħ mix-xejn. L-ambjent tal-Birgu kien jistimulahom biex jivvintaw il-logħob. Kien hemm dawk il-postijiet fejn il-logħob kien dak tal-galbu u kien hemm fejn il-logħob kien ikun aktar avventuruż u ta’ ċertu riskju. L-ambjent tal-logħob kien ivarja mill-grawnd tal-futbol tal-Fortini sal-Wied li jagħti għal taħt il-Ħawli.
It-tfal l-aktar imqarbin kienu jużaw is-swar ta’ madwar il-Birgu bħala l-post l-aktar imfittex minnhom. Wara kollox kien fuq dawn is-swar li l-antenati tagħhom urew qlubithom kontra t-Torok u kien hemm li aħna t-tfal konna nisfidaw lil xulxin biex nagħmlu l-istess. Min kien irid jagħmilha tal-eroj u kien jazzarda l-aktar kien jitla’ fuq it-Torri ta’ San Ġwann u jixref fuq il-lambreżuni biex jinħeba sewwa minn sħabu jew inkella jisfida lill-sħabu jagħmlu l-istess u jimxu fuq il-kurdun tal-ġebel, li jagħti fuq il-Foss.
Kien hemm minn ifittex l-inkwit mod ieħor, billi jidħol jesplora jew jilagħab f’xi wħud mill-binjiet nofshom imġarrfa, fdalijiet ta’ daqs għoxrin sena qabel, bl-attakki tal-ajruplani fil- Gwerra. Dawn il-binjiet kienu jsaħħruna u fl-istess ħin ibbeżżgħuna, l’aktar dak il-bini mwaqqa’ fi Triq il-Kwartier, fejn wara nbnew appartamenti moderni.
Postijiet fejn it-tfal kienu jilgħabu kienu, is-’Simenta’ fuq San Flippu, ix-Xatt, fejn illum floku hemm il-Monument tal-Ħelsien u irkejjen oħra. Kien hemm ukoll in-naħa tas-Suq tal-Ħut, jew inkella fuq il-Posta ta’ Kastilja. Hawn ġieli anki reċtar kien isir. Imbagħad xi ngħidu għat-Triq tat-Torri ta’ San Gwann, magħrufa l-aktar bħala s-Sur Tal-Kurdara. Hawn, waqt li n-nisa kienu joqgħodu bilqiegħda jpaċpċu, it-tfal tagħhom kienu jkunu jiġru wara xulxin f’xi logħba ‘Cat‘ Ħarba’ jew Noli.
Kollox kien jaghmel sens għalina. Il-bini u l-ambjent ta’ madwarna bit-toroq iserpu, kollha kienu hemm biex iservuna ta’ pjaċir. L-aktar in-niżliet li kienu jagħtu lok biex niġru bil-karrettuni tal-borejż.
Is-siġar il-kbar iħaddru fit-truf tal-grawnd tal-Fortini kienu hemm biex joffru dell u post fejn wieħed jitla’ magħhom bħax-xadini, biex jaqta’ l-għenieqed ħodor (għeneb tad-dib), u bihom jissotta lil min ikun għaddej minn taħthom. In-naħa l-oħra tal-grawnd, magħrufa bħala tal-Inġinier, hemm kien hemm roqgħa siġar tal-oleander li għalina t-tfal kienet tirrapreżenta masġar żgħir. Iċ-ċimiterju mkisser ta’ Santu r-Rokku fejn illum hemm skola, kien post aktar imwarrab fejn konna noqgħodu bilqiegħeda fuq xi lapida mfarrka ta’ xi qabar.
Ma kienx permess li ninżlu fil-Foss kollu siġar, għax il-ġenituri kienu jwiddbuna li hemm nistgħu nintilfu jekk nidħlu nilgħabu fix-xelters. Fil-fatt, l-aktar li kien jinkwetaħhom kien li xi ħadd jagħtina xi fastidju. Xorta kienet tgħaddi ta’ rasna u konna ninżlu hemm u mbagħad ħallina nivvintawlhom xi gidba li konna ximkien ieħor.
Fis-sajf imbagħad, wieħed mill-isbaħ ambjenti tagħna kien bla dubju ta’ xejn it-Toqba Tal-Birgu, fejn konna nqattgħu nofs ta’ nhari sħaħ ngħumu, mill-bidu sal-aħħar tal-vakanzi tas-sajf. Fost l-akbar pjaċir tat-tfal, x’aktarx aktar tfal adulti, kien li jgħumu lejn Bighi, jew almenu sa xi baga, li magħha kien ikun marbut xi bastiment Amerikan. Imbagħad min kien ta’ kuraġġ kbir u ried jiffanfra, kien jitla’ fuq is-sur tat-Toqba u jaqbeż għal isfel fil-baħar biex juri kemm jaf.
Illum, in-nuqqas tat-tfal fil-familji, il-biża’ tal-karozzi jsuqu mħaxxkna fit-toroq dojoq u l-logħob bil-kompjuter ġabu it-toroq tal-Birgu vojta minn dawk il-gzuz tat-tfal ta’ dari.
Martin Morana
aqra aktar: https://kliemustorja.com/a
Artiklu oriġinarjament miktub minni għall-ktieb tal-festa ta’ San Lawrenz, 2017. grazzi lil Mario Casha tal-cartoon
Proset sir Montana il veru artiklu sabih u Mimi nostalgia li jghamlek
kburi li tkun mil birgu
LikeLike