A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Ftit ilu, fuq it-televixin, preżentatur intervista n-nies fit-toroq, l-aktar xjuħ (illum nippreferu ngħidulhom anzjani), u saqsihom jekk jafux jgħidulu f’liema partijiet tal-ġisem jinsabu tliet ismijiet partikulari. B’daqshekk xejn gravi – il-mistoqsijiet kienu dawn: i. ‘Fejn jinsabu l-ħuġbejn? ii. Fejn jinsabu l-ħaddejn? iii. Fejn jinsab in-ngħas? Ħaġa tal-iskantament, minkejja l-età avvanzata tagħhom, dawk intervistati tħawdu u kważi ħadd minnhom ma kien jaf fejn jinsabu dawn it-tliet partijiet anatomiċi.
Tweġibiet: i. Il-ħuġbejn huwa dak l-għadam ta’ fuq l-għajnejn ħiereġ kemxejn ’il barra, preċiżament fejn jikber ix-xagħar – bl-Ingliż, l-eyebrows; ii. il-ħaddejn huma dawk il-partijiet l-aktar imlaħħma tal-wiċċ, il-wardiet, bl-Ing. iċ-cheeks, u iii. in-ngħas hi dik il-parti ta’ fuq il-ġbin aktar lejn il-ġenb, bl-Ing. temple. Grazzi tad-dix points li għadni kemm tajt lili nnifsi!
Jidher għalhekk minn din l-intervista li aħna l-Maltin għandna problema serja meta niġu biex nikkomunikaw bil-kliem fuq affarijiiet daqshekk sempliċi, bħalma huma l-partijiet ta’ ġisimna. Jidher li l-għodda tal-komunikazzjoni tagħna, jiġifieri, il-vokabularju tagħna huwa xott minn kliem essenzjali; jekk xejn, biex inkompli fuq dan l-eżempju, meta nkunu għand it-tabib għal xi vista irridu nippuntaw b’subgħajna aktar milli insemmu dik il-parti li qed nirriferu għaliha. Jidher li dan il-kliem Malti, tant importanti qfilnieh u nsejnieh magħluq ġo kexxun jekk mhux ukoll dfinnieh.

Biss, meta niġu biex insemmu il-partijiet ġenitali, dik ħaġa oħra. Hawn ma tantx għandna problema għaliex għandna ruxxmata nomi ewfemistiċi, (jiġifieri, kliem li nużaw biex ipatti għall-kliem proprju u aktar espliċitu). Hawn aktarx għandna nsibu laqmijiet li jvarjaw minn xebh sottili sa dak anqas sottili – li jindika kemm irridu nkunu puliti jew vulgari. Hekk insibu kliem bħal ma ngħidu aħna, il-bejta tal-għasafar, (għoxx), għal-ġenitali femminili. Imbagħad billi aħna l-Maltin iffissati fuq l-ikel, nużaw appellattivi bħal, zalzett, banana, jew xi pastizz; bilħaqq, fuq in-naħa ta’ wara għandna l-patata, prodott agrikolu, tant popolari fl-ikliet tagħna. Intant ta’ min wieħed jinnota li l-Ingliżi, dawn jagħtuhom ewfemiżmu huma wkoll, u jxebbhu dawn il-partijiet ma’ xi annimali, bħal pereżempju, ass, pussy u cock. Stramba li llum sirna nirriferu għal dawn il-partijiet bħala ‘privati’. Bħallikieku mhux ġisimna kollu hu privat!
Kurjuż il-fatt illi, fil-Malti, bosta partijiet tal-ġisem huma mogħtija isem li hu identiku għal xi ħaġa komuni, li faċli nqabbluh miegħu. Hekk insibu, Il-qasba tas-sieq; hemm ukoll il-ħajta tal-ilsien, il-qafas tas-sider, l-iskutella tar-ras, wardiet il-wiċċ, il-qanpiena tal-ħalq u l-ħabba tal-għajn (munita antika li kienet tintuża kemm fi żmien l-Ordni kif ukoll fi żmien l-Ingliżi),
F’din il-kitba qiegħed nagħti lista ta’ bosta ismijiet ta’ partijiet differenti tal-ġisem; l-aktar ismijiet antiki jew li żgur ħafna minna qatt ma smajna bihom. Xi wħud mill-ismijiet, nammetti, skoprejthom dal-aħħar, meta kont qiegħed inqalleb id-dizzjunarji il-qodma. Inkludejt dawn l-ismijiet għax sibthom interessanti kif inhuma msejħa u ma’ xiex huma mxebbha.
Il-lista hi mniżżla b’mod li tibda mir-ras u tispiċċa fil-qiegħ tas-saqajn. Ma’ kull isem hemm tifsira; kultant aktar minn waħda. Żidt ukoll xi espressjonijiet u qwiel marbutin ma’ ċerti partijiet tal-ġisem. Aktar ’l isfel hemm disinn tal-figura umana akkumpanjata b’ittri mill-alfabett (Malti). Taħt imbagħad issib l-ismijiet kif jikkorrispondu mal-ittri. Mela ħa nibda!
* * *
Mir-ras sal-ispallejn
QURRIEGĦA / SKUTELLA TAR-RAS Il-kranju. Ing. skull.
BEZZUN Dan jinsab fil-għonq biss mhux kulħadd għandu. Din hi nefħa fil-ġisem, li normalment titla’ meta x-xogħol ta’ dak li jkun, jirrikjedi l-irfiegħ ta’ oġġetti tqal fuq l-ispalla, bħal ma huma ċnagen. Hekk naraw ħafna bennejja, jew inkella ir-reffiegħa tal-vari li għandhom nefħa kbira u permanenti fuq spallthom. Etim. Sqal. Bozzone. M. nefħa; bozza jew oġġett minfuħ.
ĠBIN L-ogħla parti tal-wiċċ bejn ix-xagħar u n-ngħas, fuq il-ħuġbejn (ara: ĦAĠEB). Ħafna draba sirna ngħidulu il-moħħ, appellativ ħażin għax il-moħħ u l-organu fil-kranju li naħsbu u nirraġunaw bih (għalkemm mhux kulħadd!) Din il-kelma ġieli nużawha hekk: ‘F’daqqa waħda ta daqqa fuq ġbinu għax induna li kien nesa l-kartiera d-dar’. Jew kellu ġbinu kollu għaraq. Ing. forehead.
NGĦAS Il-parti ta’ bejn il-ġbin u l-ħuġbejn. Ing. temple. Ngħidu, ‘waqa’ u ħabat ngħasu’.
KAPPELL TAL-GĦAJN Il-ġilda rqieqa li tgħatti u tipproteġi l-għajn mit-trab, ir-riħ jew liqwidi. Ing, eyelid.
QARĊUĊA TAL-WIDNA Il-parti tal-widna fejn normalment tiddendel il-misluta. Ing. Ear lobe.
ĦABBA TAL-GĦAJN Ing. Pupil of the eye.
ĦADD (pl. mtenni, ħaddejn). Dik il-parti x’aktarx imlaħħma li tinkludi il-ġenb tal-wiċċ sa x-xedaq. Ngħidulha wkoll, warda tal-wiċċ (pl. wardiet il-wiċċ).
ĦAĠEB (pl. ħwieġeb; duwal: ħuġbejn) Dik il-parti fejn ix-xagħar jikber fuq l-għadma ’l fuq mill-għajn. (Ing. eyebrow). Qawl: Alla jħarsek minn min għandu ħuġbejn kbar. Qabel kienu jemmnu li nies b’ħuġbejhom folti kienu jitfgħu l-għajn ħażina.
ĠEWŻA TAL-GĦONQ L-għadma li toħroġ ’il barra mill-ġerżuma. Ing. Adam’s apple. Ir-RAQBA tfisser l-istess ħaġa – biss din il-kelma tirriferi wkoll għall-parti taħt il-kozz tal-għonq.
MINFES (pl. mnifsejn). Ing. nostril.
LEĦJA 1. Il-parti tal-geddum jew xedaq taħt il-ħalq. 2. Ix-xagħar li jikber mal-istess parti tal-wiċċ. Ngħidu, ‘għamel il-leħja’, jiġifieri, qaxxar ix-xagħar ta’ wiċċu. Ngħidu, ‘ħalla lħitu, (jew leħitu) f’idejn ħaddieħor, jiġifieri, fada lil xi ħadd b’biċċa xogħol personali, b’ċertu sogru li dak li jkun ma jgħamilhiex sew.
GANGALA Ġilda u l-laħam ta’ taħtha li tiddendel mill-geddum għal fuq il-griżmejn u l-għonq. Tidher l-aktar meta l-persuna tkun ħoxna b’mod esaġerat, jew tkun f’età avvanzata, jew inkella jkollha glandola taħt il-ġriżem minfuħa. Mit-Taljan, gangola jew ghiandola.
KITEF / KITF Spalla, li tinkludi l-għadam tal-klavikula u l-ispatula. (pl. imtenni: kitfejn). Ngħidu, ‘bniedem liebes imkittef’ – jiġifieri, bniedem li jkun liebes ħwejjeġ li bilkemm jiġuh.
Minn Taħt l-Ispalla sal-Qadd
ABT Il-parti ta’ taħt l-ispalla, bejn id-driegħ u t-torso – (il-parti ta’ fuq tal-ġisem ’l isfel mill-għonq). Jeżisti qawl fejn tissemma din il-parti tal-ġisem: Kull min jerfa’ abtu jsib xi jxomm – riferenza għal xi ħadd li jgħaddi kumment dispreġġjattiv dwar persuna oħra, u din tal-aħħar tirribattilu b’dan l-argument.
ĦOBB Parti tal-ġisem li għalkemm mhux definita sew, tirriferi normalment għal dik in-naħa ta’ bejn l-għonq u l-istonku, jew riferenza għal sider il-mara. Kultant l-istess kelma tintuża wkoll għall-ħwejjeġ li jgħattu s-sider, eż., ngħidu: ‘tefa’ l-ittra f’ħobbu’. Qawl: Mara bla xagħar u bla ħobb la fiha x’tammira u lanqas xi tħobb.
ĦODON Dik il-parti tal-ġisem ukoll mhux daqstant speċifika, bejn s-sider u ż-żaqq, dawn it-tnejn inklużi. Nużaw din il-kelma meta ngħidu, ĦODON FJURI – jiġifieri, bukkett fjuri ta’ ċertu kobor li jista’ jinżamm bejn id-dirgħajn u s-sider jew it-torso in ġenerali. TARBIJA TAL-ĦODON, tarbija li tkun għadha tal-idejn. ĦADDAN v. Għannaq u rass ma’ sidru. Mod figurattiv ngħidu, ‘Wara li tkeċċa reġa’ kien aċċettat fi ħdan il-partit’.
RUKKELL (pl. rkiekel). Wieħed minn bosta rkiekel li jagħmlu parti mis-sinsla tad-dahar.
KUSTAT Aquilina jgħidlu, is-sider. Erin Serracino Inglott jgħidlu, parti mis-sider fejn hemm il-kustilji. Interessanti li l-kelma kustat tista’ tgħid li tissemma biss fil-Vanġelu, almenu safejn naf jien: fir-rakkont tal-Passjoni ta’ Kristu, meta naqraw li Longinus, iċ-ċenturjun, daħħal il-lanza fil-kustat ta’ Kristu meta dan kien fuq is-salib biex jaċċerta ruħu li Kristu miet; u meta Kristu stieden lil Tumas biex ideffes subgħajh fil-kustat biex jaċċerta ruħu li Kristu veru qam mill-mewt. Tal. costato.
QAFAS TAS-SIDER Il-kustilji. Il-partijiet kollha li jiffurmaw qafas sħiħ ta’ kustilji li jikkontjenu u jipproteġu l-organi vitali.
XEWKA TAD-DAHAR Is-sinsla tad-dar magħmula mill-irkiekel.
PALA Il-parti tal-id u l-parti tas-sieq l-aktar qrib lejn is-swaba.
KAPPELL TAS-SABA’ Il-parti ta’ fuq is-saba’ fejn hemm id-difer. Dan jista’ jkun kemm kappell tas-swaba’ tal-idejn kif ukoll tas-swaba tas-saqajn.
SABA’ OĦXON / SABA’ KBIR / SABA’ TAĊ-ĊIKKI ĊIKKI Dawn it-termini li kienu jingħadu b’mod kollokwiju bejn ir-raħħala sibthom fuq id-Damma eċċ., ta’ Agius de Soldanis (ċ. 1750 – 1767). Hawn ser nikkwota lil A. de S.: Behem. Viene detto da ragazzi taċ-ċikki perche egli e quello detto che uccide i pulici e pidocchi. SABA’ TAT-TAĦWIDA Detto dello frammischiamento, così chiamato l’indice perche é quello che accommoda per pascolare i pollami o polli. SABA’ TAS-SORM IT-TIĠIEĠA poiche con questo detto le donne provano se le galline tengono luova. Si dice pur SABA’ TAL-ĦOLQA poiche in questo si pone ditale per lavorarsi.
Mill-Qadd ’l Isfel
PIXULA Fid-Damma, A. De S. jgħid hekk: La parte vergognosa di un’ adulto. Gl’Italiani chiamano biscia. Mela hawn qed nitgħallmu li fi żmien de Soldanis, (1712 – 1770) meta wieħed isemmi il-partijiet sesswali kellu għalfejn jistħi. NEBULA Fid-Damma, Agius de Soldanis jispjegaha hekk bit-Taljan: Membro virile di un uomo vecchio.
ĦASWA 1. Testikolu, (duwal: ĦASWEJN); Waħda minn żewġ glandoli tal-organu sesswali maskil. Skrotu. Fl-antik kienu jgħidu, ‘kienet biċċa xogħol bil-ħaswejn!’ – jiġifieri, li ix-xogħol sar magħmul bil-kbir u bl-aqwa mod. 2. Boċċi li jikbru fl-għeruq tal-berwieq (Isem xjentifiku – asphodylus).
TEBQA (duwal: tebqtejn) Is-sorm . Il-parti mlaħħma tal-warrani. (Ing. buttocks). Din il-kelma proprjament tirriferi għal kull ħaġa li hi magħmula minn żewġ partijiet biex jingħalqu flimkien. Pereż., it-tebqa tal-bieb – bieba waħda minn tnejn li jingħalqu ma’ xulxin. L-istess kelma tintuża bħala verb, tebaq, jew bħala nom verbali għall-moviment nnifsu li bih jingħalaq oġġett. Eż., ngħidu, ‘tebqa t’għajn – l-għeluq flimkien tal-kpiepel tal-għajnejn. Tista tirriferi wkoll għall-ĦADD.
TINA / TINT Dan hu appellattiv ewfemistiku għas-sorm. Din il-kelma kienu jużawha l-aktar it-tfal bejniethom. Hawn is-sorm hu mxebbah b’mod ċajtier ma’ din il-frotta. TINT magħmula minn tin + t (suffiss pronominali) biex tifforma stat kostrutt. Kelma tat-tfal għal sorm. Meta tifel jiffitta jew idejjaq lil sieħbu dan jgħidlu, ‘f’tintek kif dejjaqtni!’ Sibt appellativ ewfemistiku ieħor, mappamundu (Malti, globu). Meta wieħed jara xi waħda b’warrani kbir kien jgħid, ‘X’mappamundu għandha dik ħej!’ Nassumi li din kienu jgħiduha dawk mrawmin fit-Taljan.
WIRK Il-koxxa. Ngħidu: ‘Wirk il-fenek’, il-koxxa bl-għadma b’kollox tal-fenek, jew wirk it-tiġieġa. Rif. li tintuża l-aktar għal-laħam min dik in-naħa tal-annimal.
GALLETTA L-għadma tal-irkoppa li tgħaqqad is-sieq mal-koxxa. Ing. knee cap.
FENKA TAS-SIEQ Il-pexxun. Din il-frażi qalithieli l-mara tiegħi. Forsi tafha għax tħobb tmexmex sieq il-fenek meta ssajru stuffat.
QASBA TAS-SIEQ L-għadma bejn il-galletta tal-irkoppa u l-pala tas-sieq.
GĦAKSA Proprjament din suppost tfisser kull tip ta’ ġogi li jiffunzjonaw bejn għadma u oħra, bħal meta nsemmu l-għekiesi tas-swaba. Illum, bl-għaksa nkunu qed nirriferu normalment għal dik il-parti li tgħaqqad il-pala tas-sieq mal-parti ta’ fuqha. Ing. ankle. L-istess kelma tista’ tfisser, ingropp fl-injam.
GĦARQUB Il-qiegħ tal-pala tas-sieq. Ing. heel.
-
a. QORRIEGĦA /SKUTELLA TAR-RAS - b. ĦABBA - ċ. ĠBIN - d. NGĦAS - e. ĦAĠEB - f. QARMUĊA - ġ. ĠEWŻA Tal-GĦONQ - g. KOZZ u BEZZUN - għ. GANGALA - h. KITEF / KITF - ħ. ABT - i. LĦIT - j. BEHEM / SABA’ TAĊ-ĊIKKI ĊIKKI / TAT-TAĦWIDA / TAS-SORM IT-TIĠIEĠA - k. ĦOBB l. ĦDAN - m. KUSTAT - n. QAFAS TAS-SIDER - o. SILSLA / SINSLA p. PIXULA - q. ĦASWA / ĦASWEJN - r. TEBQA - s. WIRK - t. GALLETTA u. FENKA TAS-SIEQ - v. GĦAKSA - w. GĦARQUB
* * *
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Hajr siehbi Martin
Biex ma jintesiex il-kliem Malti jinhtieg li nuzawh fil-kitba. Fil-ktieb li hrigt dan l-ahhar GHALEX COMMEDIA? GHALIEX MALTA? Hemm xena f’wahda mill-kummiedji fejn Pantalone jghid: Le lil binti ma ntijiex dota l-anqas jekk taqalghuli il-gewza t’ghonqi w il-galletti ta’ rkubbtejja. Arlecchino jwiegeb : Jahasra issemmux ikel quddiemi ili gimgha ma niekol… Dak guuuh.
LikeLiked by 1 person
Tajba din Narcy .. toghgobni … prosit .. tislijiet siehbi …
LikeLike
Prosit ta’ din il-websajt kemm hi interessanti. Ġabra ta’ kliem Malti ta’ veru.
LikeLike