Wara li l-ġimgħa l-oħra qbadt mal-mard u termini relatati, ta’ min din id-darba nkompli fuq l-istess suġġett, biss b’angolu ieħor: dwar il-kura tradizzjonali ta’ ċertu l-mard. Kif diġà kont ktibt aktar qabel f’artiklu ieħor, ir-rimedji għal bosta mard kien jinstab fil-ħxejjex u l-ħwawar. Ara: ‘Mard u Kliem Relatat’ billi tikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2021/03/26/mard-u-kliem-relatat/.
Għaldaqstant dak li ġa semmejt mhux ser nirrepetieh hawn. Minflok ser niffoka dwar dawk ir-rimedji li s-sors tagħhom fil-maġġorparti mhux ġej mill-pjanti. Is-sors ta’ dawn ir-rimedji jvarja ħafna, minn melħ, ħall, trab mill-ġebla tal-franka, għasel sa anki nbid! Naturalment, dawn ir-rimedji mhux dejjem huma xjentifikament ippruvati li huma ta’ ġid, biss kienu kultant jaħdmu għax il-pazjent kien jemmen fihom. Dan il-fenomenu, magħruf bħala placibo effect li bil-Malti nistgħu ngħidulu, il-qawwa tat-twemmin jew tal-konvinzjoni. Meta bniedem idaħħalha f’moħħu li l-kura mogħtija ser tfejqu dan kellu ċans akbar li jfiq, għax kif jgħidu, il-moħħ jikkmanda l-ġisem.
Ma’ din il-konvinzjoni wieħed irid iżid ukoll it-twemmin fis-sopranatural. Apparti r-rimedji li l-bniedem juża biex ifieq mill-mard, kien ukoll iżid it-talb. L-Insara ħafna drabi jirrikorru għal interċessjoni ta’ bosta qaddisin, kull wieħed minnhom protettur kontra xi marda partikulari. Bħal ngħidu aħna, jekk bniedem isofri minn xi marda fl-għajnejn dan kien jitlob lil Santa Luċija; jekk xi ħadd ibagħti mill-griżmejn kien jitlob lil San Blas, u għal kontra l-mard tal-pesta kien hemm Santu Rokku u San Bastjan. U mat-talb tiġi xi taqbila, jew ġokulatorja, kif ukoll tiddendel xi domna (taliżman) ma’ għonq il-marid. Dan apparti l-pellegrinaġġi li jsiru lejn is-santwarji tal-Madonna mferrxa ma’ Malta u Għawdex fejn għadek tara mijiet ta’ ex votos imendla fil-vetrini tas-santwarju; xhieda li l-fejqan sar bis-saħħa tat-talb. Dan kollu għandu wkoll jinkludi r-riti superstizzjużi li kienu jsiru min-nies li kienu qishom sħaħar li bi ftit ħlas kienu jkewsu taħwir u jinvokaw bi kliem maġiku lil xi esseru sopranaturali kif riedu huma.
Mela dawn li ġejjin huma xi rimedji tradizzjonali li sibt informazzjoni dwarhom. Ħafna minnhom huma mniżżlin b’aktar dettalji fil-paġni tal-Enċiklopedija ta’ din il-website.
Jekk tixtieq taqra artikli oħra dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
—–
ALGA (Isem xjentifiku: Corallina officianlis) Tip ta’ alga li kienet tintuża kontra l-ħniex fl-imsaren. John Hennen, tabib Ingliż li kien Malta bejn l-1820 – 1823, jgħid li din kienet mezz infittex ħafna mill-Maltin biex tneħħi l-ħniex mill-imsaren. L-alga kienu jagħqluha mħallta b’ħafna tewm.
ARĠENTUVIVU De Soldanis (ċ.1750) jgħidlu, mercurio u Lat. Argentis spuma. Terminu li jirriferi għall-merkurju jew l-idraġirju (Hydragyrium – Gr. ilma + fidda, Ing. quicksilver). Dan il-metal li jinħal kien impurtat mill-Ewropa. L-arġentuvivu kien jintuża għal bosta skopijiet, fosthom biex jiddiżinfetta l-imsaren kif ukoll bħala djuretiku. J. Hennen (1830) jgħid li fl-isptarijiet kienu jużaw taħlita ta’ Kalomel (Ing. Calomel jew Mercurious chloride), imħallat mall-loppju u trab tal-antimonju. Ġieli kienu jżidu l-ġalapp, pjanta Messikana, (Is. xj. Exogonium purga). Kien jingħata l-arġentuvivu wkoll biex jitrattata l-marda venereali tas-sifilide, magħrufa bħala, il-morbido Gallo / il-marda Franċiża / il-marda tan-nisa. Il-kodiċi, kemm tal-Gran Mastru Vilhena (1722-1736) kif ukoll tal-Gran Mastru De Rohan (1784), kienu jipprojbixxu li dan l-element jintuża biex isir l-abort min-nisa. Din tal-aħħar sibtha fil-ktieb ta’ Savona Ventura, Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530 – 1798), (2004) p. 35.
BAĦBUHA (Ing. Cowrie shell) Din kienet tintuża biex titratta l-ħżież, infezzjoni fil-ġilda kkważata mill-fungu. (Is. Xj. Dermatophytosis, Ing. ringworm). Il-baħbuħa kienu jċappsuha biż-żejt u jdellkuha mal-parti tal-ġilda infettata. Waqt li dan kien isir kienet tingħad talba li bejn wieħed u ieħor kienet tgħid hekk: Ħżież, ħżież, mur għand ommok dik il-maħmuġa – Nibqa’ niskunġrak sakemm naqtgħalek għeruqek. (J. Cassar Pullicino (1999).
BALZMU Kien hemm bosta tipi ta’ balzmu, jew ingwent mediċinali, ħafna drabi magħmul mill-pjanti. Dan kien ikun maħdum bħal krema jew żejt ifuħ li jagħmel ġid lill-bniedem meta jidilku fuq dik il-parti tal-ġisem fejn hemm bżonn skont ir-rimedju meħtieġ.
BALZMU TAL-LUNZJATA Dari kien hawn twemmin superstizzjuż li jekk tiġieġa tbid bajda fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Madonna tal-Lunzjata, din il-bajda ma tittikilx. Minflok il-bajda kienet tinżamm merfugħa għax kienu jemmnu li biż-żmien din issir tfuħ u tarmi riħa tal-balzmu. Wara xi żmien, din il-bajda kienu jofqsuha u l-kontenut tagħha jħalltuh bix-xaħam biex isir ingwent li jfejjaq. L-użu tal-bajd fil-mediċina kien komuni. (Ara: Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, ta’ Guido Lanfranco, p. 70).
Għal-aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
BUTIR Min kien jaħbat rasu u titlgħalu xi gundalla kienu jqiegħdulu munita mdellka bil-butir ruqha biex in-nefħa tinżel.
FINTUSA / VINTUŻA Tip ta’ kura tradizzjonali li kienet u għadha tintuża minn diversi kulturi kontra l-irjiħat u mard ieħor. Il-pazjent titpoġġielu tazza tal-ħġieġ jew tal-injam fuq dik il-parti ta’ ġismu fejn hemm bżonn, pereżempju, fuq dahru, spalltu, żaqqu, eċċ. It-tazza li tkun rasha ’l isfel fuq il-ġilda jkollha ftila ddaħħan ġewwa biex din tassorbixxi l-arja. Naturalment hi tintefa hekk kif l-arja tinxtorob mill-fjamma stess. Meta jiġri hekk, it-tazza teħel mal-ġisem u jinħoloq vakum u l-ġilda tinġibed ’l fuq. Dan isir bil-ħsieb li l-infezzjoni jew il-mard ‘jinġibed’ ukoll u joħroġ ‘l barra mill-ġisem; fl-istess ħin iċ-ċirkolazzjoni tad-demm taħt it-tazza tistimula ruħha. Illum għad hawn diversi nies li jużaw din il-kura ‘alternattiva’ bħala rimedju, għall-uġigħ fil-muskoli jew kontra xi riħ. Sqal. vintusa. Ing. cupping glass jew ventose.
FSADA Ħruġ tad-demm mill-ġisem billi jitqiegħed sangisug (tip ta’ dudu) biex jerda d-demm mill-ġilda. Fl-antik is-sangisug kienu isibuh l-aktar taħt l-ilsien tal-baqar għax jgħix hemm – dawn il-baqar kienu dawk impurtawhom mill-Afrika ta’ Fuq. Fl-antik, il-fsada kienet issir biex tinżel il-pressjoni u jgħin iċ-ċirkolazzjoni tad-demm. Normalment, is-sangisug jerda bejn kuċarina jew tnejn demm kull darba u jintnefah bih. Hennen (1830) jgħid li kienu aktar l-Ingliżi f’Malta li jirrikorru għal dan il-metodu milli l-Maltin, biss xorta kien hawn Maltin li jirrikorru għal din il-kura anki sa żmienna. Fid-dinja tal-mediċina xjentifika għad hawn ċertezza li il-metodu (Hirudo medicinalis) jaħdem. Sors prinċipali: Lanfranco, 2004.
FSADA ĦAMIJA Banju bil-misħun li fih wieħed ikun jista’ jqiegħed saqajh biex jisħnulu. Din isemmieha Mikiel Anton Vassalli (M.A.V., 1796).
FUMENTA Trattament u rimedju tradizzjonali jekk dak li jkun ikollu dieħes. Il-fumenta hi l-garża jew flanella mxarrba bl-ilma sħun. L-ilma użat ikun fih il-kamumilla msajra jew pjanti mediċinali oħra. Dawn jitqiegħdu fuq dik il-parti tal-ġisem fejn hu infettat biex tinżel in-nefħa u jonqos l-uġigħ. Tal. Fomenta.
ĠBARA Tip ta’ kura għal xi ġerħa; din tkun magħmula miIl-ġewwieni ta’ ħobża mxarrba bil-ħalib, li titqiegħed fuq dik il-parti tal-ġisem li tkun misluħa jew infettata. Din kienet titħalla hemm għal xi erbgħa u għoxrin siegħa biex tneħħi l-infezzjoni, billi l-ġbara tiġbed fuq in-nefħa jew l-ferita (bl-Ing. dan il-proċess jgħidulu, cappillary action). Illum, il-ġbara tintuża l-aktar fuq iż-żwiemel li jkollhom xi ġerħa ma’ saqajhom, billi tintrabat garża bil-ġbara mal-parti infettata. Ing. poultice jew cataplasm.
GĦASEL Bosta jagħrfu l-ġid tal-għasel bħala rimedju għal bosta tipi ta’ mard. Forsi l-aktar li jintuża hu meta wieħed ikollu riħ jew inkella xi uġigħ fl-intestini, billi jħalltuh mat-te jekk mhux ukoll mal-whiskey. Biss fl-antik kien anki jintuża biex jiksu il-feriti, għax l-għasel u antisettiku u antibatteriku.
ĦALIB TAL-OMM Fl-antik, kien hawn min, jekk ikollu dieħes kien ifittex xi mara li qed tredda u jitlobha ftit ħalib tas-sider. Dan il-ħalib kienu jħalltuh mal-frak (tal-ħobż? – Cassar Pulliċino jgħid biss crumbs, Ara: Studies in Maltese Folklore p. 237), biex isir speċi ta’ taħlita biex din tindilek fuq id-dieħes.
ĦALL L-użu tiegħu bħala mediċina jmur lura sa mill-inqas it-tielet seklu Q.K. Kien jintuża biex ifejjaq il-feriti, għax antisettiku u antibatteriku. Il-ħall hu taħlita ta’ ilma ma’ 4% aċidu aċetiku. L-aċidu aċetiku jiġi prodott minn pereżempju, l-inbid, xi frott, jew affarijiet organiċi oħra li jkunu espost għall-arja għal ċertu żmien b’mod li jattira l-batterja miegħu. Apparti l-applikazzjoni fuq il-ġisem, fi żmien il-pesta kienu jużawh ħafna l-ħall biex ixappu fuq oġġetti ta’ kull tip li jkun impurtat, bħal karti u drapp, oġġetti tas-suf, eċċ., biex jelliminaw iċ-ċans li dawn jittrasferixxu xi infezzjoni tal-marda fuq il-bniedem. Wara, dawn l-istess oġġetti anki kienu jkunu ffumigati.
Biex tkun taf aktar dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
ĦALL IL-WARD Din kienet taħwira ta’ essenza tal-ward imħallta bil-ħall. Fl-antik din it-taħlita kienet tintuża bħala rimedju biex ittaffi l-uġigħ ta’ ras. Daqs mitt sena ilu wieħed kien jista’ jixtri b’żewġt iswaba ħall il-ward mingħand l-ispiżjar.
ILMA DDISTILLAT Din il-psewdomediċina J. Hennen (1830) ra ssir f’Malta u sejħilha, Aqua Distillata Catellorum. L-intestin ta’ xi annimal żgħir kien jgħaddi minn proċess ta’ distillar u xi ftit qtar minnu kien jitħallat mal-ilma. Din it-taħlita kienet tingħata lit-tfal li jkunu ħadu xi qatgħa kbira.
IMPJASTRU Tip ta’ ġbara li titqiegħed fuq il-ferita eċċ., biex tfejjaq l-infezzjoni. Din tkun magħmula mid-dqiq tal-kittien u ingredjenti oħra.
INBID Ħafna kienu jemmnu li l-inbid kien jgħin biex il-marid iġib saħħtu lura. Ovide Doublet, (ċ. 1785) is-segretarju ta’ De Rohan u wara tal-Gran Mastru Hompesch, jgħid illi meta kien għal xi żmien mitfuħ f’sodda, kien hemm min meta mar jarah, ġablu l-inbid ‘vintage’ bħala rigal addatat, flimkien ma’ frott imqadded u mediċina. (J. Scicluna, 2011, p. 57). L-inbid bħala rimedju medicinali ltqajt miegħu f’diversi qari. Forsi għalhekk mela l-qawl Malti jgħid, ‘l-inbid hu l-ħalib tax-xjuħ’. Dan x’aktarx anki għaliex l-inbid għandu ċertu kwalitajiet antisettiċi bħall-ħall.
LOPPJU / OPPJU Sustanza li tintuża biex tmewwet is-sistema tan-nervituri waqt xi operazzjoni biex l-uġigħ ma jinħasx. L-effett tal-opjum kien diġà magħruf f’Malta, fis-seklu sittax, għax dan kien anki jintuża mill-Ġannissari Torok, biex meta jassaltaw is-swar kienu jkunu b’aktar kuraġġ. Il-kelma ‘loppju’ ġejja mill-kelma opium, (is. xj. Papavera soniferum) li hi pjanta li tikber b’mod naturali, l-aktar fl-Asja. Din il-pjanta hi magħrufa bħala s-sors tal-morfina (12% minn din il-pjanta hi morfina) li tittieħed minn ġol-boċċa tal-fjura. Ara aktar dwar dan is-suġġett: LOPPJU.
MELĦ F’Malta dan faċli li jsir użu minnu għax imdawrin bl-aqwa sors tiegħu: il-baħar. Fl-ewropa dan jinġabar minn taħt l-art fil-minjieri magħmula apposta għalih. Min dejjem kien magħruf għall-kwalitajiet tiegħu bħala antisettiku, l-aktar biex inaddaf il-ġilda. Ferita jew ponta tfiqqlek f’nofs iż-żmien milli kieku tkun ħsiltha bl-ilma biss. Il-melħ kien jintuża anki biex jittrattaw l-ekzema u l-Akne. Kien hawn żmien meta xi ħadd kien ibati mit-tunsilli kienu jagħmlulu kalzetta mimlija melħ ma’ griżmu. Min titlgħalu xi ħrara f’xufftejh jew f’ilsienu kien juża l-melħ. Biss anki fi problemi tal-intern il-melħ kien jintuża f’taħwiriet ma’ oġġetti oħra. (G. Lanfranco, 2004)
MERKURJU Ara: ARĠENTUVIVU.
RAMEL, BANJU TAR– Bosta kienu jemmnu f’mard misterjuż (Hennen jgħid li kien hemm żewġ mardiet li kienu ttrattati b’dan il-mod: is-sogħla konvurżiva u rakutiżmu, li kien jattakka t-tfal żgħar minħabba n-nuqqas tal-vitamina D. L-ommijiet kienu jinkwetaw immens meta xi tifel / tifla tagħhom jibdew imorru lura minn saħħithom mingħajr ma jafu għaliex. Kien hawn superstizzjonijiet li dan seta kien f’xi mument ‘MIBDUL’ minn xi spirti ħżiena. Bosta kienu jieħdu lit-tfal li jsofru min dan it-tip ta’ mard f’xi bajja fir-ramel, bħal dik ta’ San Tumas, Wied il-Għajn; imma l-aktar magħrufa kienet ir-ramla li kien hemm fil-bajja ta’ San Ġiljan. Hawn kienu jgħaddsu t-tifel sa għonqu fir-ramel u dan jibqa hemm għal ħafna siegħat biex ifieq. Hennen (1830) isemmieh dan ir-ritwal. Xi tobba kienu jemmnu f’dan il-metodu sa ċertu punt għax l-ilma u r-ramel bil-kwalitajiet tal-ġebla kalkarja kien jaħdem. Ara: MARDA TAL-BIĊĊA.
REQI / RIQI TIRQIJA Mediċina li biha kienu jittrattaw is-suffejra. RAQA v. eżorċizza; fejjaq mis-suffejra. Etim. Għ. raqa – verb: meta bniedem jitfa’ s-seħer fuq xi ħadd. Fis-Sirja, rejqan tfisser ‘suffejra’. RIEQI Bniedem li jfejjaq lil dawk morda mis-suffejra. F’Malta kienet id-drawwa li meta xi tifel jieħu qatgħa dan jieħduh għand il-Papas tal-Griegi biex dan jgħid xi talb fuq rasu. Sors: E.S.I. Eżorċista. Sors: M.A.V (1796).
SANGISUG Ara: FSADA.
SERVIZZJAL Pompa li tintuża biex isir tindif tal-imsaren billi tiddeffes minn wara. Tintuża l-aktar meta jkun hemm diffikultà serja ta’ xedda.
SEWWA FLIXKUN Terminu li jirriferi għall-preparament u t-taħlit tal-mediċina, magħmula mill-ħxejjex jew ħwawar f’mod likwidu. Dan il-preparament kien isir mill-ispiżjar jew xi individwi li seta ma kienx ikwalifikat fil-professjoni medika, biss li kien jikkuraw lin-nies bid-duwa speċjali li jħejji hu jew hi stess. Pereżempju, jekk dak li jkun isofri minn xi qatgħa kbira, kien imur għand l-erbalista jew l-ispiżjar u dan kien ‘isewwilu flixkun’ b’taħlita bil-ġulepp, magħmul mir-rabrabru u ftit zokkor’.
SUFA Kienet tintuża meta xi ħadd ikollu xu riħ. Kienu jagħmlu biċċa drapp tas-suf mal-lampa u jsaħħnuha biex imbagħad titqieghed fuq is-sider.
TERPENTINA Materjal magħmul mill-għelk tas-siġra taż-żnuber, siġra li tinsab f’Malta u mall-Mediterran kollu. Dan għandu kwalitajiet antisettiċi. Dan kien jitħallat f’impast mall-bajd, żabbara (aloe), ħabaq u ingwent biex jgħatti l-ferita biex din ma tibqax tnixxi l-materja. It-terpentina kienet tintuża anki biex jeħilsu mill-ħniex mill-intestini. Biss meta kienu jieħdu ċerta kwantità minnha din kienet ukoll tivvalena l-pazjent fil-fwied u fil-pulmun. Illum it-terpentina għada tintuża fil-Vicks Rub.
TERRA MELITENSIS / TERRA SIGILLATA Fi żmien il-Medjuevu u fi żmien l-Ordni, il-Grotta ta’ San Pawl kienet magħrufa sew, kemm mill-Maltin kif ukoll mall-barranin, bħala santwarju ta’ devozzjoni lejn San Pawl. Il-blat, ossija, il-ġebla u t-trab ta’ dan l-għar kien meqjus bħala mirakoluż. Bosta kienu jmorru hemm biex jakkwistaw ftit frak tal-ġebel biex dan jżommuh miġbur f’kontenitur żgħir bħala talisman u antidotu mediċinali kontra l-avvelenament u biex jinżel id-deni. Dan it-trab kien magħruf mal-Ewropa kollha bħala terra sigillata melitensis. Bosta kienu jemmnu li minkejja li l-blat kien jitqatta’ u jittieħed kontinwament għal dan l-iskop, dan kien jerġa’ jiġġenera ruħu waħdu. Skont l-istudjuż tal-ġeoloġija George Zammit Maempel, dan it-trab, li kien magħruf ukoll bħala terra di San Paolo, seta’ tassew kien effettiv kontra l-avvelenament minħabba r-reazzjoni kimika li l-ġebla kalkarja tagħmel meta tmiss ċertu tip ta’ arseniku. It-trab kien jitħallat mal-ilma jew mal-inbid biex jinxtorob u dan kien jagħmel speċi ta’ kisja fl-imsaren sakemm l-avvelenament jgħaddi mis-sistema tal-ġisem. L-istess rimedju kien jintuża anki kontra l-ġidri. Ara: St Paul’s Grotto and its Visitors, Thomas Freller; ‘Handbills extolling the virtues of shark’s teeth’ ta’ G. Zammit Maempel, Melita Historica, Vol. VII n. 3, 1978, pp. 211-224. ‘Medical practices and elated rituals in early eighteenth century Malta’ ta’ Sandro Sciberras. Sacra Militia, Issue 4 – 2005.
TIRJAKA / TRIJAKA Tip ta’ ingwent li kien jintuża għal kontra il-gdim tas-sriep. B’mod ġenerali, din il-kelma tirriferi għal kull tip ta’ ingwent li jista’ jfejjaq. Gr. otriaca / utriaca.
ŻEJT TAŻ-ŻAGĦRUNA Iż-żagħruna hi ħuta mdaqqsa ta’ madwar wiżintejn. Hi magħrufa wkoll bħala, mazzola bla xewk. (Is. xj. Centrophorus granulosus / Squalus uyatus; Ing. granulose shark). Din kien jittiħdilha l-fwied tagħha u jitħalla mdendel biex iż-żjut ta’ din il-ħuta jqattar ġo flixkun. Imbagħad il-flixkun jintrefa għal meta jkun hemm bżonn. Miegħu kienu jżommu rixa, biex meta xi ħadd kien ikollu xi ferita kienu jidilku ż-żejt bir-rixa fuq il-ferita. Ara: ‘Maż-żmien tiegħi ta’ tabib’, p. 55 – 57, ta’ Dr. Charles Cassar (1983). Folklor, ed. Guido Lanfranco. Klabb Kotba Maltin. 2004.
Martin Morana
3.04.2021
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Biblijografija:
Carabott Rosabelle, Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u l Ghaucin Gianfrangesku Agius Sultana - Ghauci. L-Akkademja tal-Malti et al. 2016. Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992. Cassar Pullicino Joseph, ‘Traditional popular remedies’ Malta This Month, March 1999. Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas & George Underwood. (London)1830. Charles Cassar, ‘Maż-żmien tiegħi ta’ tabib’, Folklor, ed. Guido Lanfranco. Klabb Kotba Maltin. 2004. Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin, Pubblikazzjoni Indipendenza, 2004. Lanfranco Guido, Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta, Wise Owl Publication. 2005. Savona-Ventura C., Ancient and Medieval Medicine in Malta (before 1600 AD). P.E.G. 2004. Savona-Ventura C., Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530 - 1798). P.E.G. 2004. Scerri Louis J. Common man, cure thyself’, The Sunday Times of Malta, December 16, 2001. Sciberras Sandro, ‘Medical practices and elated rituals in early eighteenth century Malta’, Sacra Militia Issue 4 - 2005. Scicluna Joe, Malta Surrendered - The Doublet Memoirs and the Poussielge Reports. Allied Publications, 2011.