Żmien l-Ordni
Matul is-snin kollha li l-Ordni ta’ San Ġwann dam f’Malta, waħda mill-akbar preokupazzjonijiet tal-Gran Mastri kienet id-difiża tal-gżejjer. Wara l-Assedju l-Kbir, mhux biss inbniet il-Belt Valletta bħala belt-fortizza, iżda nbnew ukoll bosta swar lil hinn mill-Belt, kif ukoll kwantitajiet ta’ torrijiet mal-kosta. L-aktar li kien isir dan ix-xogħol kien meta kien ikun hemm xi ħjiel illi s-Sultan Ottoman kien ser jibgħat xi spedizzjoni lejn Malta, l-aktar biex ipattiha lill-Ordni li ta’ spiss kien jagħmel attakki fuq ix-xwieni u artijiet tal-Imperu Ottoman. Donnu kull Gran Mastru kien jippreferi jibda’ proġett ġdid minflok ikompli fejn ħalla l-Gran Mastru ta’ qablu.
Wieħed mill-Gran Mastri li hu assoċjat ma’ bosta fortifikazzjonijiet, kemm dawk tal-kosta kif ukoll fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, hu Lascaris de Castellar (1638 – 1557). Appena elett, dan mill-ewwel iddeċida li jikkrea sistema ta’ difiża madwar l-ibliet fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Port il-Kbir, biex dawn ikunu ddiffenduti sew jekk l-għadu jfettilu jippostja l-kanuni fuq l-għoljiet tal-madwar.
Fis-sena 1638, issejjaħ l-inġinier militari magħruf, Vincenzo Maculano da Fiorenzuola, Dumnikan ta’ bosta karigi, fosthom, inkwiżitur f’Ruma, u kardinal, biex dan jagħti l-pariri tiegħu u jfassal disinn għas-swar li setgħu jipproteġu t-tlett ibliet, tal-Birgu, Bormla u l-Isla. Dawn kellhom jibdew min-naħa ta’ Santa Margerita, qrib sew tal-Birgu, u jispiċċaw in-naħa tal-Isla u Bormla fuq il-bastjun ta’ San Pawl (J.M. Wismayer jg]idu ta’ San Frangisk ta’ Pawla), tul ta’ żewġ kilometri. Is-swar kellhom ikunu mhux biss ta’ ċertu ħxuna, iżda kienu wkoll mgħejjuna minn bastjuni ppuntati u ħerġin ’il barra kull ċerta distanza, bl-iskop li dawn jintużaw jekk l-għadu jersaq viċin is-swar, għax minn fuqhom is-suldati tal-Ordni setgħu jisparaw fuq l-għadu mis-sur tal-ġenb.
Inħolqu fondi biex isostnu l-ispejjeż kbar. Biss dawn mhux dejjem kienu disponibbli, u x-xogħol kien jieqaf kemm-il darba minħabba f’hekk. Biex ipatti għal dan, il-Gran Mastru Lascaris stampa kwantità kbira ta’ muniti tar-ram – daqs 250,000 skud. Meta dawn daħlu fiċ-ċirkolazzjoni, ġabu magħhom inflazzjoni kbira u ġiegħlu li l-muniti tad-deheb u tal-fidda jisparrixxu mill-attività kummerċjali.
Jekk trid taqra aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura ta’ Maltin ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
Meta miet Lascaris, ix-xogħol fuq is-swar ta’ Santa Margarita (magħrufa wkoll bħala ta’ Firenzuola) waqaf għal kollox u x-xogħol baqa’ ma spiċċa qatt. Tlieta biss mis-sitt bastjuni ppjanati kienu tlestew. Wara Lascaris, leħqu tliet Gran Mastri oħra, li mietu wieħed wara l-ieħor fi ftit żmien, u l-proġett baqa’ staġnat. Imbagħad, fl-1663, leħaq il-Gran Mastru Nicolas Cottoner li kellu f’moħħu proġett kbir u ambizzjuż.
Dan ried jiddefendi t-Tlett Ibliet, biss mhux fuq il-proġett li beda Lascaris, jiġifieri l-Linja Firenzuola / Santa Margarita. Ried li jibda sistema ġdida ta’ difiża li tmur aktar ’il barra mill-ibliet, fejn l-art kienet aktar għolja biex b’hekk l-għadu jinżamm aktar ’il bogħod u ma jkunx jista’ jippostja l-kanuni fuq għoljiet ta’ madwar il-Port il-Kbir. Fl-1670, dan il-proġett sar urġenti, wara li l-Venezjani tilfu l-gżira ta’ Kandja (illum magħrufa bħala Kreta), u l-Gran Mastru Cottoner beża’ li t-Torok issa kienu ser jattakkaw lil Malta għax l-Ordni kien għen lill-Venezjani waqt din il-gwerra. B’hekk Cottoner sejjaħ lil-Konti Maurizio Valperga, l-inġinier militari ewlieni tad-Duka ta’ Savojja, biex jiddisinjalu dan il-proġett. Dan hekk għamel u l-proġett beda minnufih min-naħa tal-bastjun ta’ San Nikola, imsemmi hekk għal isem tal-Gran Mastru Cottoner. Biex jissorvelja dan ix-xogħol u biex jiddekora d-daħliet tas-swar, ix-xogħol tħalla f’idejn l-inġinier residenti tal-Ordni, Mederico Blondel, anki jekk dan ma kien jaqbel xejn mal-proġett ta’ Valperga. Dawn is-swar il-ġodda issa kienu jtawlu b’kollox daqs kważi ħames kilometri u xi wħud minnhom kienu daqs 300 metru distanti u ’l barra minn dawk ta’ Firenzuola. Is-swar iduru prattikament 180 grad madwar it-Tliet Ibliet.
Min-naħa tal-Kalkara, is-swar tal-Kottonera jibdew bid-demi-bastjun ta’ San Lawrenz, mwaħħal mas-swar tal-Birgu. Imbagħad hemm:
Is-sur, il-bieb u l-bastjun ta’ San Salvatur (tal-aħħar inbidel f’fortizza), Is-sur, il-bieb u l-bastjun San Alwiġi, Is-sur, il-bieb u l-bastjun San Ġakbu, Is-sur, il-bieb Notre Dame, (magħruf ukoll Bieb is-Sultan) u l-bastjun, Il-bastjun San Nikola, Is-sur tal-Polverista, Il-bastjun, is-sur u l-bieb San Ġwann Tgħuxa, Il-bastjun, is-sur u l-bieb San Pawl, li jagħti lejn Għajn Dwieli (dawn twaqqgħu mill-Ingliżi). Id-demi-bastjun Valperga qiegħed fuq barra ta’ Bormla iħares lejn il-Marsa.
B’hekk issa kien hemm idefenduti mhux biss, it-Tlett Ibliet, iżda wkoll ħafna art tajba għal-biedja biex f’każ ta’ assedju li jieħu fit-tul, ikun hemm spazju biżżejjed fejn il-bhejjem jitħallew jirgħu. Dawn is-swar kienu wkoll jiddefendu dawk l-inħawi ’l fuq mill-Bieb ta’ Santa Liena fejn kien jinżel kwantità ta’ ilma. Dan kollu kien importanti biex l-abitanti tat-Tlett Ibliet, daqs 40,000 ruħ, setgħu jsostnu lilhom infushom sew għal ċertu tul ta’ żmien.

Is-sistema l-ġdida issa kienet infilsata bi tmien bastjuni, u bosta bibien, kollha ddekorati b’tinqix fil-ġebla tal-franka fuq stil Barokk. Fost dawn insibu Bieb is-Sultan li nbena fis-sena 1675. Dan kien isservi bħala daħla prinċipali min-naħa ta’ Ħaż-Żabbar. Din id-daħla ġiet iddisinjata minn Romano Carapecchia qabel ma ġie Malta. Fuq dan il-bieb hemm il-bust tal-Gran Mastru Nicholas Cottoner, imdawwar bi kwantità kbira ta’ armi tat-Torok bħallikieku dawn kienu l-priża maqbuda mingħand l-għadu, u għalhekk kienu jigglorifikaw l-Ordni bħala qawwa superjuri.
Il-Kunsill tal-Ordni vvota mat-8,000 skud biex jibda x-xogħol fuq il-Linji tal-Cottoner, magħrufa wkoll bħala l-Valperga Lines. Biss, mas-snin naqsu l-flus Fl-1672, il-Gran Mastru Cottoner ittatanta jimponi taxxa diretta fuq il-proprjetà biex jifdi l-proġett. Din il-proprjetà, bosta minnha kienet tal-Knisja kif ukoll ta’ bosta membri individwali tal-kleru, u dawn ipprotestaw bl-ikrah. Mument minnhom, daqs 150 qassis marru jipprotestaw mal-Inkwiżitur, għax billi dan kien ir-rapreżentant tal-Papa f’Malta, talbuh jintervjeni fuq din il-kwistjoni. Finalment, il-Gran Mastru kellu jirtira l-impożizzjoni u minflokk dar għat-taxxa indiretta billi impona s-sisa fuq ċertu ikel u nbid li kien impurtat. Mill-banda l-oħra, dan il-proġett enormi offra mhux biss kenn mill-għadu iżda anki xogħol kontinwu għal għexieren ta’ snin lil mijiet ta’ Maltin li meta ma kienux jaħdmu fl-għelieqi jew fuq ix-xwieni tal-Ordni kien ikollhom ħafna drabi jittalbu għal-ikel ta’ kuljum. Bħal ma kien ġara fil-każ tas-Swar Firenzuola / Santa Margarita, is-Swar ta’ Cottoner / ta’ Valperga waqfu meta l-Gran Mastru Cottoner miet (1680). Il-fondi issa bdew jintefqu fuq proġetti ġodda, fosthom dak tal-fortizza tar-Ricasoli. Is-swar tal-Cottonera u dawk ta’ Firenzuola kienu kultant jerġgħu jibdew u wara ftit jieqfu sakemm fl-aħħar fl-1736, inbniet id-daħla tant sabiħa ta’ Santa Liena, magħrufa wkoll bħala La Porta dei due Mortari.
Bieb Santa Liena (1736)
B’hekk naraw li l-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera, jiġifieri dawk ta’ Firenzuola u dawk ta’ Valperga damu kważi mitt sena biex inbnew. Xorta waħda, baqgħu ma tlestewx sal-aħħar u wisq anqas, qatt ma ntużaw kontra l-għadu, għax dan qatt ma sbarka u attakka it-Tlett Ibliet minn dawk in-naħat.
Jekk trid taqra aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura tal-Maltin, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
Żmien L-Ingliżi

Meta ġew l-Ingliżi f’Malta, l-artillerija tal-gwerra ma tantx kienet tbiddlet wisq minn meta nbew is-swar, u għaldaqstant l-Ingliżi raw li setgħu jużaw is-swar għall-istess skopijiet li bnewhom fi żmien l-Ordni. L-għadu biss kien inbidel. Xorta waħda, is-swar kellhom bosta nuqqasijiet, l-aktar għax ma kinux kompluti minn ċerti naħat. Pereżempju, is-swar ta’ Firenzuola, kienu baqgħu ma tlestewx. Intant, uħud mid-daħliet tal-swar ta’ Valperga ġew magħluqa u mblukati kemm għax ma kienux jintużaw kif ukoll biex jagħtu aktar sigurtà. Eżempju ta’ dan huma l-bibien ta’ San Ġakbu fuq il-Lvant tal-Bieb Notre Dame, u dak ta’ San Ġwann fuq San Ġwann Tgħuxa, bejn Bormla u l-Fgura (ara r-ritratti).


L-Ingliżi żiedu aktar mas-swar, biss din id-darba, fejn kien hemm ħitan dojoq dawn ħaffru fihom twieqi, (M. kassamatti, Ing. casements) biex minnhom is-suldati jisparaw l-azzarini tagħhom mingħajr ma jkunu esposti għall-isparar tal-għadu. Ingliżi ħasbu għal meta l-għadu jkun ġewwa s-swar. teressanti li xi wħud minn dawn it-twieqi ma jħarsux ‘il barra mis-swar iżda lejn Bormla, bħalikieku l-Ingliżi beL-art ta’ bejn Bieb is-Sultan u s-swar ta’ Verdala, magħrufa bħala , Ta’ San Klement, kienet rinforzata (1844 -1866) u bdiet isservi wkoll biex fiha jkunu stazzjonati mijiet ta’ s-suldati. Fis-sena 1853, inbnew ukoll il-Verdala Barracks għall-istess suldati.

Apparti minn hekk, fl-1824, waqt il-Gwerra għall-Indipendenza Tal-Griegi mit-Turkija, il-Fortizza tas-San Salvatur, kienet inbidlet f’kamp għal madwar 250 priġunier Tork. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija l-ambjent ta’ San Klement beda jintuża wkoll bħala kamp tal-priġunieri tal-gwerra. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Fortizza San Salvatur serviet għal ftit żmien biex ikunu internati fiha l-Maltin ta’ simpatija mat-Taljani. Hawn kien ukoll użat bħala fuel depot, imma dan kien intlaqat mill-bombi u l-fortizza tfarket.
Xi wħud mis-swar l-oħra, l-Ingliżi waqqgħuhom biex isiru proġġetti kbar. Hekk, pereżempju fis-sena 1871, l-Ingliżi riedu jibnu baċir nru. 3 (Somerset Dock) fuq in-naħa tal-Isla li tħares lejn Kordin. Hawn waqqgħu id-demi-bastjun San Rafel. Fis-sena 1892, biex bnew il-baċir numru 2 (Hamilton Dock ) waqqgħu s-Senglea Bastion u Corradino Bastion. Fl-1903 biex inbnew il-baċiri nru 4 u 5 ta’ Ghajn Dwieli u sar aċċess bil-mina ghall-Bormla twaqqgħu aktar swar fosthom il-Kavalier ta San Franġisk ta’ Pawla, id-demi bastjun Valperga u l-Bieb ta San Pawl.
Minkejja dan ix-xogħol kollu, is-swar tal-Kottonera qatt ma ntużaw kontra l-għadu, la mill-Ordni ta’ San Ġwann u lanqas mill-Ingliżi. Ironikament, dawn intużaw mill-għadu kontra l-Maltin stess li bnewhom, għax meta l-Franċiżi kienu assedjati fil-Belt u l-Kottonera (1798-1800) dawn idefendew ruħhom b’dawn is-swar. Il-Franċiżi kienu jisparaw minn fuq dawn is-swar biex jirribattu għal-attakki tal-milizja Maltija li kienet qed tassedjahom mill-kampanja. Mhux talli hekk, talli fi sbieħ il-jum tal-5 ta’ Ottubru tall-1798, stakkament qawwi tal-Franċiżi ħareġ minn Bieb Notre Dame biex jidħol u jattakka lil Ħaż-Żabbar. Dakinhar il-Franċiżi qalgħu taptipa kbira.
Martin Morana
14 ta’ Mejju, 2021.
Ħajr: Michael Cassar.
Biex tkun taf aktar dwar pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur, ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Bibliografija
Hoppen Alison, ‘Military Priorities and Social Realities in the Early Modern Mediterranean: Malta and its Fortifications’, Hospitaller Malta, Ed. Victor Mallia Milanes. Minerva Publications. 1993.
Hughes Quentin, Fortress – Architecture and Military History in Malta. Lump Humphries, London. 1969.
Mahoney Leonard, 5000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 1996.
Spiteri Stephen C., Fortresses of the Knights. Book Distributors Ltd. 2001.
Wismayer, J.M. Captain, ‘Cottonera and its Magnificent Fortifications’, A Miscellanea of Historical Records, Printwell. 2003.
Zahra Lorenzo, ‘Cottonera Fortifications’, Heritage Encyclopedia, Vol 3. Midsea Books Ltd. 1979.