KLIEM  DOPPJU  SENS

 

KLIEM  DOPPJU  SENS

(L-ewwel parti)

F’dan l-artiklu qiegħed nelenka għażla ta’ kliem u t-tifsira tagħhom, meħuda l-aktar mit-tliet kotba tiegħi, Kliem u Storja, Ara X’Int tgħid, u Biex il-Kliem ikun Sew, kif ukoll mis-sezzjoni tal-ENĊIKLOPEDIJA ta’ din l-istess website. Din il-lista fiha kliem li għandhom aktar minn tifsira waħda. Minkejja t-titlu ta’ dan l-artiklu, hawn kliem li għandhom aktar minn żewġ tifsiriet.

Xi wħud mit-tifsiriet huma assoċjati waħda mal-oħra, għax biż-żmien l-istess kelma bdiet tintuża f’kuntest ieħor. Hemm imbagħad kliem li minkejja li għandhom l-istess ħoss u kitba, l-oriġini tagħhom ma għandha x’taqsam xejn.

It-tifsiriet li qed jidhru hawn huma magħmula fil-qosor. Jekk trid tara t-tifsira aktar fid-dettal tista’ tfittex fis-sezzjoni ENĊIKLOPEDEJA ta’ din il-website billi tikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/

—–

Alfier gonfalonierALFIER     1. Dan kien is-suldat jew uffiċjal militari li jġorr l-istandard tar-reġiment. Fil-każ tal-Ordni ta’ San Ġwann, dan kien il-kmandant tal-korp tal-milizja, skwadra li tagħmel ir-ronda fil-Belt Valletta. 2. L-isem taż-żewġ figurini li fil-logħba tal-iskakki jimxu b’mod dijagonali, ((Tal. alfiere, Ing. bishop). Il-kelma alfier ġejja mill-Għarbi / Persjan al fir li tfisser, Iljunfant, jew minn al faris, li bl-Għarbi tfisser rikkieb iż-żwiemel.  

ANTINJOLA      1. Arblu li miegħu jiddendlu l-bnadar jew bandalori tal-festa. 2. Il-qala’ ż-żgħir tal-mitħna tal-qamħ li taħdem bir-riħ.  Sqal.antinnola.

antinjoli

ARBULA    Verb li jfisser, qam bil-wieqfa, għolla rasu, iddritta. Biss, illum hawn min din il-kelma jużaha b’sens oppost, għaliex ngħidu: ‘arbula ’l isfel’ – jiġ., għeleb għal isfel – jew, ‘arbulatlu rasu’ bħal meta wieħed jittawwal iżżejjed minn fuq xi rdum u jispiċċa biex jaqa’ għal isfel. Oriġ. Tal. albero; Sqal. arribulare – stare in piedi. Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) jiddeskrivi l-kelma hekk: inalzarsi su due piedi il cavallo, inalburare.

ARĊIPIELGU / ARĊIPIERGU, L-    L-inħawi ta’ abitazzjoni fil-Belt Valletta, qrib il-Barrakka t’Isfel. Il-kelma ġejja mill-Grieg, Aigaion Pelagos, li bil-Malti tfisser ‘Il-Baħar Eġew’. Bit-Taljan tfisser,  unione (isole) di gruppi o comunità isolate una dall’altra affini di condizione socio-politiche. Niftakru wkoll fit-titlu tal-ktieb ta’ A. I. Solženicyn, ‘The Gulag Archipelago’ (1974), fejn il-kelma tintuża f’dan is-sens ukoll.

BALENA / BALIENA     1.  Tip ta’ ħuta kbira. Hemm idjoma li tgħid: ‘Jew makku jew baliena’ – rif. lejn xi ħadd li meta jagħmel xi ħaġa, din jew toħroġ ċkejkna żżejjed jew inkella issir b’mod goff u esaġerat. 2.  L-għadma li ddur mat-tarf tal-għonnella biex iżżommha soda meta din tintlibes fuq ir-ras, biex id-drapp ma jperpirx.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERABANKUN   1. Il-bażi tal-injam, li fuqu titqiegħed il-bradella u l-istatwa tal-qaddis. 2. Bank tal-injam twil li kien jintuża biex iżomm l-għodda tal-mastrudaxxa. 3. Il-bank fil-ħanut tat-te li jintuża mis-sid biex jaqdi n-nies. 4. Il-mejda kbira u għolja fis-sagristija fejn fuqha jinfirxu l-paramenti tal-qassisin. 5. Għamara tal-kawba li titqiegħed fil-ġenb fuq il-presbiterju forma ta’ tliet siġġijiet imwaħħlin flimkien biex fuqhom joqgħodu ċ-ċelebrant u ż-żewġ konċelebranti l-oħra.

BAQBAQUN   1. Ħamiem li jbarqam bla heda. Ħamiem li jagħmel ħafna ħsejjes bħallikieku qed igedwed fil-vojt. Espr. fig. ‘Dak bniedem baqbaqi’ – jiġ., dak wieħed li jgħid u jredden ħafna.  2. Logħba antika tat-tfal imsejħa hekk.

BARABBA / BARABASS   1. Kandelabru bi ħmistax-il xemgħa wżat fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-kandelabru kien jinxtegħel nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, il-Ħamis ix-Xirka u fil-Ġimgħa l-Kbira. Waqt l-Uffizzju tal-Matutin, imsejħa, il-Lamentazzjonijiet ta’ Ġeremija, ix-xemgħat fuq il-barabba jintfew, waħda wara ‘l oħra sakemm tasal l-aħħar xemgħa tan-nofs li tissimbolizza lil Kristu. 2. L-isem komuni ta’ pjanta (Is. xj. Verbascum thapsus). Ing. great mullein. Jista’jkun li l-kandilabru ċeremonjali msemmi aktar ’l fuq, ħa l-isem minn din il-pjanta għax jixbahha bil-forma piramidali tiegħu. Bit-Tal., il-pjanta hija magħrufa bħala barabasso.

        OLYMPUS DIGITAL CAMERA                                     barabbas Verbascum_thapsus_plant

BARBETTA     1. Ċima li tintefa’ mill-barklor biex jorbot id-dgħajsa tiegħu mal-moll. Ing. a painter, a rope used on a boat for tying up. 2. Fil-fortifikazzjonijiet dan in-nom jirriferi għal biċċa blata, ġebla wiesgħa’, wara l-AMBREŻUNA li tintuża biex minn fuqha jkun sparat il-kanun. 3. Waħda minn par barbetti, jiġ., dak ix-xagħar mal-ġenb tal-wiċċ li jinżel ħdejn jew aktar ‘l isfel mill-widna.

BELLIEGĦA    1.  Isem ta’ mostru li kienu jbeżżgħu lit-tfal bih. Il-belliegħa kienet suppost tgħix fil-bir, u lit-tfal kienu jwissuhom li jekk jixirfu rashom fuq il-ħerża tal-bir, il-belliegħa kienet tiblagħhom.  2. It-terminu jiswa wkoll għal meta l-baħar jitla’ l-art.  3. Rif. għal kosta in ġenerali. ‘the common shore, ( F.V. 1831). 4. Mejjilla (F.V. 1831).  5.  Sotterran, fond bla tarf. 6. Skont ħrafa orali Maltija, il-belliegħa kien dak l-għar li fih nbelgħu s-seba’ tfajliet sbieħ ta’ Selika. Il-belliegħa hi wkoll l-isem ta’ post li jinsab fil-limiti tar-Rabat, Għawdex.

Berga berge d Italie G_6368BERĠA   1. Waħda minn bosta bereġ li l-Ordni ta’ San Ġwann kellu, fil-Birgu, u wara fil-Belt, biex fihom  joqgħodu l-Kavallieri tad-diversi Lingwi tal-Ordni. 2. Klinika tal-kura tas-saħħa. Dawn iż-żewġ tifsiriet għandhom x’jaqsmu waħda mal-oħra. Dan għaliex, l-ewwel berġa / klinika tas-saħħa li kienet infetħet mill-Ingliżi fl-1832, kienet fil-Berġa tal-Italja, fi Triq il-Merkanti, il-Belt. Imbagħad meta nfetħu l-kliniċi oħra, waħda f’kull distrett ta’ Malta u Għawdex, dawn bdew jissejħu bereġ ukoll, u l-isem baqa’ ġej sa żmienna.

 

BEZZUN / BUZZUN     1. Il-bezzun tal-ġelati kien jintuża biex jinħadem il-ġelat fih. Wara li jinħadem, il-ġelat kien jinżamm fil-bezzun f’temperatura baxxa biex ma jinħallx, billi l-ġelat kien jitqiegħed ġol-frak tas-silġ miżjud bil-melħ. Il-melħ iniżżel it-temperatura minn 0 ċentigradi għal -4 gradi, u b’hekk jgħaqqad is-silġ.  2. Nefħa fil-ġisem, li norm. titla’ meta wieħed jaqla’ xi daqqa. 3. Għamla ta’ ħobż (fancy bread) li norm. jittiekel bħala ikla ħafifa. Etim. Sqal. pizzuoni; Tal. pezzo.

Boma 02BOMA    1. Fuq il-jott, dan hu l-arblu l-mimdud li jżomm il-qala’ stirat ’l isfel u fil-wisa’. Il-boma tiċċaqlaq skont kif jiddireġih l-qala’ t-tmunir. Ing. boom.  2. Fil-Birgu, il-boma tirriferi wkoll għall-arblu li miegħu jittellgħu fuq kolonna, l-istatwi taż-żewġ qaddisin ta’ din il-belt, jiġ., San Lawrenz u San Duminku. Il-boma titwaħħal mat-Torri (Kavalier) ta’ San Ġwann, b’mod li toħroħ ‘il barra mit-torri biex tintuża bħala grabja. Din il-grabja tinżam stirata bi ħbula minn kull ġenb u minn fuq, biex meta tittella’ l-istatwa din tkun manuvrata ’l hawn u ’l hinn kif ikun hemm bżonn. 3. Bastun tal-KULTELLAZZI.

boma_01 (2)

BOQXIEX    1. Flus; muniti ta’ flus ta’ ftit siwi. Espr. ‘Mhux sejjer naħdem għal boqxix’. Kelma li kienet tintuża fl-antik biex tirriferi għat-tips tal-wejter, (mill-Għ. baqxix). 2. It-tubu muskolari li għandu l-bniedem, bejn il-gerżuma u l-istonku, twil daqs 30 ċm, li jservi ta’ passaġġ li minnu jinżel l-ikel, (is. xj. Oesophagus). Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM. 3. Għodda tal-mastrudaxxa, magħmula apposta biex tinċana x-xifer tal-injam fit-tond. Ing. spoke shave.

 

boqxiex 2        Schweifhobel

BORQOM      1. Ir-rita li fiha tkun miġbura t-tarbija fil-ġuf, u li kultant titwieled biha. Ing. caul. 2. Xagħar ħafif ħafna fuq il-wiċċ li ġieli jitwieldu bih it-trabi. Skont l-għajdut folkloristiku, il-borqom iħares lit-tarbija mill-għajn ħażina. 4. Drapp oħxon u b’saħħtu li fl-antik kien jintlibes biex jipproteġi s-suldati mid-daqqiet tas-sejf. Idj. ‘Kellu l-borqom, xejn ma jinfdu’.

bozzaBOZZA    1. Bozza tal-elettriku; lampa. 2. Buqar kbir ta’ fuq il-mejda li kapaċi jżomm fih ħafna likwidu, (Ing. flagon). 3. Nefħa fil-ġisem. 4. BOZZA TAS-SILĠ  Qarraba (ara: KARRABA) jew KANTIMPLORA. Ing. Ice pail. 5. BOZZA TAL-ISTATWA  Għata/u tal-ħġieġ x’aktarx ġej għat-għoli, u anki ovali (imbuzzat), li jintuża biex fih jitqiegħed xi oġġett dekorattiv, bħal xi statwa, arloġġ jew xi bukkett tal-ganutell, bħala protetezzjoni mit-tbabis u mit-trab. Ngħidu, ‘għax ma tagħmlux f’bozza!’ lil xi ħadd li jkun irid jipproteġi żżejjed lil xi ħadd, jew xi oġġett. BOZZA TAL-ANKRA  Il-boċċa ta’ fuq tal-ankra li magħha tintrabat il-katina jew ħabel.

brankutluBRANKUTLU / BRENKUTLU    1. Tip ta’ bebbuxu tal-baħar, komuni ħafna fil-Mediterran u ibħra oħra (is. xj. Cerithium vulgatum, Ing. horn-shell). Dan il-bebbuxu għandu l-forma ta’ garigor waqt li jidjieq minn isfel. L-istess bebbuxu hu magħruf ukoll bħala, ‘żugromblu’ jew ‘trajbu’. 2. Tip ta’ nokklu fix-xagħar li jieħu forma ta’ spiral ‘l fuq mill-ġbin. 3. Fig. tifel imqareb.

cippĊIPP   1. Il-parti tal-injam tal-azzarin jew xkubetta li tintuża biex isserraħ fuq l-ispalla. 2. Ċella tal-ħabs. Idj: Spiċċa qatta’ jumejn fiċ-ċipp. Oriġ. etim. Tal. ceppi. 3. Blokka tal-injam b’żewġ toqob li jinfetħu u jingħalqu, biex fihom jitpoġġew is-saqajn u l-idejn tal-ikkundanat b’mod li ma jkunx jista’ joħroġhom. (Ing. stocks).  Kelma oħra għal ċipp f’dan is-sens hi FELQA.

ĊUPLAJS / ĊOPLAJS  1. Tewm iswed. 2. Għodda magħmula biex tiddritta s-snien tas-serrieq. 3. Tip ta’ sħab. 4. Baħar daqsxejn imċaqlaq. 5. Weraq tal-bajtar tax-xewk. 6. Il-parti ta’ fuq nett tal-barjol tal-mitħna li sservi ta’ lqugħ kontra x-xita u jgħin biex l-ilma jinżel ’l isfel mill-istruttura tal-BARJOL. 7. (Fig.) Appel. għal xi ħadd li joqgħod għal kollox. Bniedem li ma jiswa għal xejn. F’xi każi tintuża l-kelma ċuples. Etim. dubjuża, forsi mit-Tal. cipolla – M. basla.

DIKKIENA / DUKKIENA / DOKKIENA    1. Bank ta’ ħanut tax-xorb. 2. Bank tal-ġebel li jinstab l-aktar f’xi kappelli, bħal dik ta’ Ħal Millieri, li kienu joqgħod bilqiegħda fuqu, dahrom mal-ħajt. 3. Blata jew blat fil-kampanja li jkun fl-għoli u maqtugħ mill-bqija tal-madwar bħal xkaffa. Blataforma. Ħanut. Fid-dinja Għarbija, id-dikkiena hi speċi ta’ mejda mqiegħda apposta barra l-ħanut biex isir il-bejgħ minn fuqha.

EĦTRIEQ  / ĦTRIEQ     1. Qsim fix-xofftejn li ħafna drabi jkun ikkawżat mill-kesħa.  2. Temp ċlampu u sħun u li jaqtagħlek nifsek. Għomma qawwija tas-sajf meta s-sħana tkun intensa.  Qawl agrikolu jgħid: Tidris fl-eħtrieq biex it-tiben ma jinħeliex.

FERGĦUN     1. Bniedem li hu ta’ karattru qalil u midgħi. 2. Xitan żgħir, mingħul. 3. Appel. lil xi tifel imqareb. Oriġ. Għ. Farawun – biż-żmien il-kelma bdiet tirriferi wkoll għal prinċep tirann. M.A.V. (1796) jittraduċi din il-kelma bħala, diavoluccio.

FETTUL     Rif. għal kull oġġett magħmul imrembel u fit-tul. 1. Għaġina twila li tkun irrumblata u mġebbda biex tieħu l-forma tagħha, eż., spagetta, imqarruna jew biskuttell twil; bermuċ jew grissin. 2. M.A.V. (1796) jagħti din id-deskrizzjoni: ‘pastello bislungo da cuocere accanto al fuoco3. Sigarru pjuttost twil: ‘fettul daħħani’. 4. (Pl. ftietel) Frak imtawwal li jinqala’ mill-ġilda tal-ġisem bil-ħakk. 5. Rombli tat-tafal maħduma fuq xulxin fuq ir-rota biex jinħadmu oġġetti bħal xi vażun. Fid-Damma (ċ. 1769), Agius de Soldanis (A. de S.) jagħti dan il-qawl: Kulħadd jiġbed in-nar ħada [lejn] fettulu.

            OLYMPUS DIGITAL CAMERA              fettul

FIDDIEN     1. Art fertili, jew għalqa. 2. It-tul tal-art li tista’ tingħażaq minn żewġ barrin f’jum wieħed. 3. Raba’ fin-naħa tar-Rabat li għandu dan l-isem. Għ. Faddaan – art miżrugħa. 4. Wieħed li jaħdem il-fidda.

FIRILLA / FERILLA    1. Dgħajsa, qisha luzzu żgħir jew kajjikk bil-qala’, li fl-antik kienet tintuża ħafna għas-sajd. M.A.V. (1796) jgħidilha wkoll QIĊĊ2. L-istess M.A.V., jiddeskriviha wkoll bħala bhima ċkejkna. Idj: ‘Dik it-tfajla qisha firilla’ – rif. għal xi tfajla fuq ruħha, ħafifa u anki b’figura grazzjuża. Sqal. verililla.

firilla72

fjokki xxFJOKK/I    1. Ornament tal-fidda li jitqiegħed fuq il-lampier ta’ quddiem is-Sagrament.  2. Il-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem ta’ bastiment jew dgħajsa; ġibb. 3. Idj: ‘Ippreparalu ikla bil-fjokki’ – ikla ta’ kwalità mill-aqwa; xi ħaġa magħmula biex issebbaħ oġġett; servizz ta’ kwalità. L-enfasi superlattiv jingħad ukoll b’mod ironiku, fin-negattiv, eż., ‘laqqat riħ bil-fjokki’. Tal. fiocchi – M. ċoff jew tajjara żgħira li tintuża biex timsaħ l-għaraq. Tal. coi fiocchi – M. xi ħaġa mill-aqwa, bil-ġmiemen.

FRONTISPIZJU    1. Il-qoxra ta’ quddiem tal-ktieb. 2. Biċċa xogħol dekorattiva fil-ġebel, ġen. fuq il-faċċata tad-dar jew xi bini ieħor. 3. Dan it-terminu jintuża wkoll biex jirriferi għas-sura triajangolari tal-ġebel fuq il-faċċata tal-knisja. Tal. frontespizio.

ĠEBBIEDA   1. Rif. għar-razza jew il-familja bil-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha. Temi Zammit juża din il-kelma b’dan il-mod: ‘[…] Nikol kien twieled is-Siġġiewi mill-ġebbieda ta’ Perċjus, iżda meta żżewweġ laqmu nbidel u sar Ta’ Qinċla […]’  Sors: ‘Mhux kulma jleqq hu deheb’, Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 76. Ara: QABIL2. Pala b’lasta twila li l-furnar juża biex joħroġ il-ħobż mill-forn; tiranta. 3. Għodda li l-bajjad jew il-kaħħal juża biex  jaqla’ t-tikħil żejjed li jibqa’ fil-katusi.

gogi kristu 36 - CopyĠOG/I    1. Dawk il-partijiet tal-ġisem fejn l-għadam imiss mal-ieħor. Ngħidu, ‘Qisu bla ġogi!’ – għal xi ħadd li hu aġili u kapaċi jitgħawweġ b’mod konsiderevoli. Etim. Sqal. Jucaloru – M. dik li tgħaqqad għadma mal-oħra. 2. Boċċa tal-ħadid li biha tinżel u titla’ l-keffa tal-miżien. 3. Parti mill-irbit fuq bastiment. 4. Il-passiġġiera li n-nassab jorbot l-għasfur magħha b’lenza biex dan jattira għasafar oħra. 5. Karta jew kartella tat-tombla li jkollha sitt biljetti. Qabbel ma’ ġugatur, wieħed li jilgħab fil-logħob tal-ażżard.

ĠURAT/I     1.  Il-membri tal-kunsilli tal-Università tal-Imdina, tar-Rabat Għawdex, tal-Birgu u tal-Belt. Fi żmien l-Ordni, norm. kull wieħed minn dawn il-kunsilli kien ikun magħmul minn tliet jew erba’ ġurati. Il-ġurati tal-Imdina kienu bosta drabi jkunu magħżula mill-familji nobbli tal-lokal. 2.  Fiż-żmien bikri tal-Ingliżi f’Malta, fil-proċess kriminali tal-qrati tħadmet is-sistema tal-ġurija għall-ewwel darba b’mod iżolat fis-16 ta’ Novembru 1815, meta kienu akkużati bosta barranin bis-SIBI (piraterija). Dan il-proċess kien seħħ fis-Sala tat-Tron tal-Palazz tal-Gvernatur, u kien ippresedut mill-Gvernatur Thomas Maitland innifsu. F’dan il-każ, Maitland kien assistit minn erba’ kummissarji. Fis-sena 1829, fi żmien il-Gvernatur Cavendish Ponsonby, is-sistema tal-ġuri fil-qrati kienet stabbilita b’mod permanenti għal każijiet fejn kien hemm pieni ta’ mewt jew pieni ħorox.

OLYMPUS DIGITAL CAMERAGALLETTA    1. Biskuttell tond, kbir daqs pala tal-id li jittiekel ħafna drabi mat-te’. 2. Injama ċatta u maqtugħa fit-tond li titwaħħal fuq il-quċċata tal-antinjola (l-arblu tal-bandiera). 3. L-għadma tonda ta’ fuq l-irkoppa. 4. Daqqa biż-żewġ pali tal-idejn fuq ir-ras. Ġieli ngħidulha, tumakka. 5. Tip ta’ pjanta tad-dell li tiftaħ weraq kbar u fit-tond. (Is. xj. Farfugium. Ing. Leopard Plant). 6. Fil-logħba noli, il-galletta hi l-post OLYMPUS DIGITAL CAMERApreċiż fejn it-tifel li jkun ser iffittex lill-sħabu jkun imġiegħel joqgħod wiċċu mal-ħajt sakemm sħabu jistaħbew. Imbagħad meta jsibhom imur jiġri u jagħti tliet daqqiet fuq il-galletta fl-istess post. 7. Strument tat-tortura magħmul mill-injam, b’ħofra tonda fejn il-priġunier kienet tingħafaslu fuq il-kozz ta’ għonqu sakemm l-għadam jinkiser. Kienu jgħidu, ‘tawħ il-galletta’, meta xi ħadd ikun ittorturat sal-mewt, jew b’mod aktar fig., meta xi ħadd ikun ikundannat għall-mewt. F’dan il-każ, it-tifsira ġejja mit-Taljan, u possibbilment tirreferi għal, garrotta, li hi għodda tat-tortura differenti.

gallettaDSCF0037

GALLUN   1. Miżura ta’ kważi ħames litri (preċiżament, 5 litri u .79 ta’ pinta). Din il-miżura kienet introdotta f’Malta mill-Ingliżi biex jitkejlu l-likwidi, eż. l-ilma, l-ħalib, il-pitrolju, eċċ. Il-gallun baqa’ miżura ta’ kejl f’Malta sas-sebgħinijiet. Ing. Gallon. Ara: KEJL ANTIK. 2. Penzijiet forma ta’ strippi żgħar imwaħħlin fuq is-sider jew mal-komma tal-uniformi biex jindikaw ir-rank tal-uffiċjal. Fil-militar dan hu l-lazz li jitwaħħal mal-uniformi tal-uffiċjali biex jindika r-rank tagħhom. Ing. galloon.

         gallun        031210-N-2383B-012

GUVA      1.  Kabina żgħira, speċi ta’ armarju kbir, li kien ikun fin-naħa tal-pruwa jew fil-poppa tal-bastiment, u li fih kienu jinżammu kull tip ta’ oġġetti. Din il-kabina kienet tintuża wkoll biex jinqafel bħala kastig kull min jikser id-dixxiplina ta’ abbord. 2. Fi żmien l-Ordni dawk il-kavallieri misjuba ħatja ta’ xi reat kienu jintbagħtu fil-guva, in turris, (il-ħabs) ta’ Sant’Anġlu, il-Birgu. 3. Kamra żgħira, jew ġieli gaġġa kbira fuq ir-raff li fiha jinżammu l-għasafar.

GĦAĠUŻ/A     1. Raġel jew mara xiħ/a ħafna. 2. Tip ta’ granċ tal-baħar li jikber mal-20 ċm u li jgħix fil-Mediterran, sa fond ta’ 70 metru. Is. xj. Maja squinado. Ing. spider crab / sea shore crab.

għagużaf80

GĦARAJJEX    1. Kmamar żgħar. (Pl. ta’ GĦARIX) li ġen. jinsabu fil-kampanja. 2. Sħab irqiq fl-ajru li norm. jidher min-nofs Awwissu ’l quddiem. Magħrufa wkoll bħala l-‘Għarajjex ta’ Santa Marija’, għax dan is-sħab jibda jidher għall-ħabta tal-festa ta’ Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu u jgħati l-ewwel sinjali li t-temp issa ser jibda jiffriska xi ftit.

għarghar annalFalzonGĦARGĦAR    1. Siġra indiġena li tikber sa għoli ta’ għaxar metri. Is. xj. Tetraclinis articulata.  Is-siġra tarmi minnha għelk safrani li sa żmien ilu kien jinġabar u jintuża bħala verniċ. (Ing. Sandarac gum tree)2. Ilma tax-xita li jimla l-widien u jgħarraq l-għelieqi u l-inħawi li jinsabu fil-baxx.

GĦASAR   (Pl. għosrien)  1. Wara nofsinnhar.  2. Talb ta’ tard wara nofsinhar li jingħad kemm fil-liturġija Nisranija kif ukoll fir-rit Musulman. Dan it-talb jissejjaħ ukoll VESPRI.

GĦAŻWA     1. Żjara ta’ kondoljanzi li kienet issir għand min ikun għadu kemm mietlu xi ħadd tal-familja. 2. Skont A. de S., l-għażwa kien l-ikla li tradizzjonalment wieħed kien joffri lill-qarib jew qraba tal-mejjet waqt iż-żmien ta’ luttu. Norm., din l-ikla kienet tikkonsisti f’ross mgħolli. Skont Cassar Pullicino, il-kelma suppost hi GĦAŻA, u jgħid li din kienet l-ikel li jittiekel mill-familja tal-mejjet fl-ewwel tlitt ijiem, ta’ luttu.

GHAŻŻIELA     1. Werżieq ta’ binhar. Cicada. Ara: SARSUR. 2. Gazzella. Idj: ‘jiġri daqs għażżiela’. 3. Għaġina ċatta u ddisinjata b’mod elaborat, b’forma maqtugħa qisha maħduma bl-arkett. L-għaġina kienet tkun imħallta b’diversi ħwawar. Fis-seklu sbatax, din kienet tissajjar u tingħata lill-foqra. Kien hemm legati li kienu jinkludu l-għażżiela bħala parti mill-ikliet fil-festi biex jitqassmu ’l-foqra. Din l-għaġina kienet tingħata forma (ara t-tieni ritratt) u jdendluha fid-dar biex tipproteġi kontra s-sajjetti. 4. (Pl. ta’ GĦAŻŻIEL) dak li jagħżel (dak li xogħlu hu li jislet il-qoton fuq ir-raddiena biex dan isir ħajt.)

ghazziela u moxt G

 

għazżiela

habba jew grano39ĦABBA   (Pl. ħbub). 1. Munita tar-ram, imsejħa wkoll grano, li kienet introdotta bħala valuta legali f’Malta fi żmien il-Gran Mastru Hughe Loubens de Verdalle (1582-94), u li baqgħet tiċċirkola anki fi żmien l-Ingliżi. Għoxrin ħabba kienu jiswew tari wieħed. 2. Ħabba tal-għajnejn. Iċ-ċirku iswed jew kulur ieħor tal-għajn. Idj: i. ‘Dak qisu ħabba ħażina’, tingħad għal xi ħadd li ssibu kull fejn tmur. Idj: ii. ‘Tal-ħabba gods’, tingħad għal xi oġġett ta’ kwalità ordinarja. Idj. iii: ‘Għal ħabba bżar titlef il-borma’; iv: ‘Għal ħabba jqaxxar qamla’. v. Dawl ta’ qamar tara ħabba. Etim. Għ. ċereali (Ing. grain – fil-fatt bit-Tal. kienu jgħidulha grano).

Hares 2-17ĦARES     1. Aparti li din il-kelma sservi bħala verb sempliċi, ‘hu ħares [eż., lejn xi ħadd]’, din għandha tifsiriet oħra. 2. Ruħ, fatat, immaġini ta’ spirtu li jidher, li jinħass jew jinstema’ minn nies. 2. Għassies. 3.  Rif. għal figura dekorattiva fis-saljaturi ta’ xi gallariji, norm. skolpita bħala wiċċ ikrah li jgerrex lil-għadu jew lill-ħażen milli jidħol ġewwa d-dar. Interessanti li fil-kultura antika Eġizzjana nafu li kien hemm l-alla Ħorus li fost affarijiet oħra kellu rwol li jħares lil dak li jkun kontra l-ħażen. Ara: MAĦRAS.

ĦESREM      1. Aġġ. B’rif. għal xi xtieli u frott, bħall-għeneb li jibqa’ aħdar, jew xi frotta jew ħaxixa li tkun għadha ma saritx u għalhekk tkun anki qarsa. 2. Ngħidu, ‘miet ħesrem’ – jiġ., miet ta’ malajr; biss jekk nieħdu inkonsiderazzjoni t-tifsira ta’ qabel, l-espr. tista’ tfisser ukoll: miet qabel il-waqt.

indana xxINDANA     1. Filliera, ringiela, pereż., ta’ siġar jew dwieli li jkunu mħawla apposta b’dak il-mod. Tal. andana – M. passaġġ bejn is-siġar. 2. Taraġ jew numru ta’ turġien. 3. Ringiela ta’ bastimenti ankrati ħdejn xulxin.  4. Pjattaforma fi stazzjon tal-ferroviji. 5. Fetħa fit-taraġ li ħafna drabi tkun angolata mal-ħitan, bejn jew fuq livell jew ieħor. 6.Term. li jintuża’ għall-kobor tal-bini, eż., ngħidu, ‘dar b’erba’ indani’. 7. Xorok tal-bejt imserrħa fuq travi tal-injam.

kawwara - CopyKAGĦWARA / QAWWARA     1. Vincenzo Busuttil (1900), jispjega din il-kelma bħala ċirku, kumpass, ċirkumferenza, dawra, bħal, il-qawwara tax-xemx jew ta’ xi kewba, Ing. halo. 2. Fl-antik il-bejjiegħa tal-ħut, norm. nisa, kienu jilbsu l-kagħwara fuq rashom biex dawn iġorru l-kavetta jew il-kannestru. Din kienet tkun magħmula minn biċċa drapp irrumblat fit-tond b’ċerta ħxuna. Il-kagħwara kienet titqiegħed fuq il-qurriegħa tar-ras biex l-oġġett li qed jinġarr iżomm stabbli u fl-istess ħin ma jmissx mar-ras jew max-xagħar.

KANNAPÉ  / KANAPÉ   1. Oriġ. sufan magħmul mill-injam u li fuqu kienu jitqiegħdu biss xi mħaded biex jagħmluh aktar komdu. 2. Tip ta’ ikel ħafif li jkun offrut max-xorb. L-oriġini tal-kannapé jmur lura għall-ikliet kbar li kienu jsiru mir-rejjiet ta’ Franza fis-seklu tmintax. Dawn l-ikliet kienu jikkonsistu minn ħafna affarijiet, pereż., ħobż imqatta’ żgħir u mixwi. Tal. canapé.

         kannape 17th cent fre            kanape xxx

 

KASTVALL / KASTVAL / KAWŻALLA    1. Ġebla, norm. tal-qawwi maqtugħa minn Għawdex li tkun twila madwar 60 ċm u wiesgħa daqs 15-il ċm. Fiha kien jitħaffer speċi ta’ kanal mat-tul kollu tagħha, biex fiha jintefa’ l-metall imdewweb, biex jieħu l-forma u jibbies. 2. Il-forma li tingħata lid-deheb jew lill-fidda meta dawn jiddewbu biex isiru ingotti – ngħidu, deheb kastvall. 3. Kull tip ta’ metall ieħor li jingħata din il-forma biex jintuża bħala saborra fuq il-bastimenti. 4. Ħadida twila, bħal virga, li tintuża bħala fus biex magħha jinżammu r-roti tal-karru jew karozzin.

       kastvaldeheb2             kastvall gobon

KAVALL     1. Il-figura ta’ kavallier impinġi bħala simbolu ta’ kemm tiswa dik il-karta partikulari fil-logħob tal-karti. 2. Xebgħa frosta li tingħata mis-surmast lit-tfal tal-klassi, bħala kastig, fejn it-tifel ikun imġiegħel jinżel fuq erbgħa fl-art biex jissawwat.  3. Tip ta’ ħuta li tgħix fil-wiċċ u tajba għall-ikel. (Ing. mackarel).  

KLAMAR    1. Mollusk li jixbah lill-qarnita għax għandu tmien saqajn, biss hu aktar mislut fill-forma tiegħu. Ing. squid. 2. Reċipjent żgħir li jkun mimli bil-linka biex meta dak li jkun tixxuttalu l-pinna jkun jista ibilla fiha kif ikun hemm bżonn.  Tal. calamaro.

               klamar xxx                   klamar

KOĊĊ    Norm. Il-Maltin jużaw din il-kelma meta jirriferu għal kwantità żgħira ta’ oġġetti, kemm tesa’ ħafna [n. mill-verb hu ħafen] ta’ ponn. L-Għawdxin jużaw l-istess terminu meta jirriferu għal ammont ikbar. F’Għawdex din il-kelma kienet tintuża wkoll biex tiddeskrivi mod ta’ kif jinżergħu ċerti pjanti, billi ż-żerriegħa tintefa’ fil-ħamrija b’ħafna ta’ ponn. Il-kelma koċċ kienet tintuża wkoll meta kienu jiżnu d-deheb, qabel ma daħlet is-sistema l-ġdida tal-grammi. Sqal. cocciu – qualsiasi minima cosa.

konkaKONKA    1.  Ħofra fil-ħamrija magħmula madwar is-siġar jew pjanti biex it-tisqija bl-ilma żżomm sew. 2. Ħofra fil-qiegħ tal-bir li ssir apposta biex jaqgħu fiha l-impuritajiet, bħal trab, eċċ. Din il-ħofra tagħti lok ukoll biex meta jittella’ l-aħħar ftit ilma tal-bir dan ikun jista’ jinġabar sew fil-barmil. 3. Qasrija kbira tal-fuħħar. Tal. Conca.

KORSIJA     1. Il-passaġġ ta’ bejn il-bankijiet fil-knisja. 2. Passaġġ tal-injam fuq bastiment antik bil-bankijiet tal-qaddiefa kull naħa.

kubrit blataKUBRIT/A   1. Tip ta’ ħaġar safrani li jinsab fi kwantitajiet kbar fil-blat madwar id-dinja. Ing. sulphur. Il-kubrit jinsab fuq vulkani fejn il-gassijiet tas-sulfat jitħalltu ma’ oħrajn fl-arja u jiffurmaw blat magħruf bit-Taljan bħala sulfatterra.  2. Pjanta li tikber bħala arbuxxell u li z-zokk prinċipali tagħha jista’ jilħaq it-tliet metri (is. xj. Senecio vulgaris; Ing. Common groundsel). 3. Ħuta magħrufa wkoll bħala ‘tunnina’ (is. xj. Euthynnus alletteratus, Ing. little tunny).

         kubrit huta a            kubritCoel

KUMPARSA   1. Fit-teatru, dan hu dak l-attur li jkollu rwol fid-dramm, mingħajr ma jitkellem.  2. L-ewwel seduta fil-qorti fejn issir il-kumpilazzjoni lill-akkużat. 3. Espr. ‘nitla’ biss għall-kumparsa’ – tingħad minn dak li jaċċetta l-istedina, sempliċiment biex ikun preżenti mingħajr ma jipparteċipa.

—-

Martin Morana

8.05.2021

 

A bejn kliem u storja        Aa ARA X'INT TGHID        A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)

Biex tkun taf aktar dwar dawn il-kotba, ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s