KORDIN – aktar minn 5000 sena ta’ storja

 

L-INĦAWI taKORDIN 

b’aktar minn 5000 sena ta’ storja

L-isem ta’ Kordin illum huwa assoċjat l-aktar mal-ħabs ċivili li nbena fl-1850. Dan jindika li l-art magħrufa bħala ‘Kordin’ kienet art wiesgħa sew, għaliex għalkemm il-parti ta’ wara tal-ħabs tagħti lejn it-telgħa ta’ Kordin, il-ħabs tidħol (jew idaħħluk) fih mid-daħla li hemm minn Valletta Road fir-Raħal Ġdid.

Skont Godfrey Wettinger, l-isem Kordin ġej minn Corradin, li għandu mnejn kien isem ta’ xi ħadd li kellu xi biċċa art hemmhekk li ssemmiet għalieh, jew inkella xi bidwi li jaħdem l-art f’dawk l-inħawi. Wettinger jgħid ukoll li din l-art kienet magħrufa wkoll bħala, Tax-Xagħra ta’ Għajn Rabib. Hawn ta’ min wieħed iżomm f’moħħu li l-kelma Maltija, ‘qortin’ li tixbah il-kelma Kordin tfisser għolja li min-naħa taqa’ dritt ’l isfel u min-naħa l-oħra tgerbeb ħelu ħelu. Intant, Louis de Boisgelin, Kavalier Ingliż tal-Ordni li kiteb dwar Malta fl-1805 jagħmel distinzjoni bejn Il-’Kortin’, l-għolja aktar lejn il-Marsa li taħtha instabu xi banjijiet Rumani fl-1729, u Corradin, il-post fejn kien hemm l-istalel tal-Ordni.

Il-Preistorja

L-istorja tal-bniedem fl-inħawi ta’ Kordin tmur lura aktar minn ħamest elef sena. Dan nafuh għax f’dawn l-inħawi nstabu tliet tempji megalitiċi, magħrufa mill-arkeoloġi bħala, it-tempji numru I, II u III, rispettivament. Minn dawn għad fadal biss xi ġebel tat-tempju numru III, li qiegħed sewwa sew qrib il-knisja tal-Kapuċċini. (ara r-ritratt). Dawn it-tempji wieħed għandu jqishom fil-kuntest tat-perijodu Neolitiku u l-bini tat-tempji, fosthom dawk ta’ Ħal Tarxien kif ukoll is-sotterran preistoriku tal-Ipoġew fir-Raħal Ġdid li mhumiex aktar minn kilometru ‘l bogħod.

kordin temple plan

 

kordin quern x - Copy

 

Matul is-sekli

L-akkwati ta’ Kordin setgħu ntużaw ukoll għal kaċċa kif ukoll għall-biedja mill-abitanti tal-Kottonera u ta’ Ħal Tarxien. Taħt Kordin l-Ordni kellha xi imħażen fejn kienu ħbew l-isplussivi u armamenti. L-ambjent ta’ fuq l-għolja ntuża wkoll kemm-il darba bħala pożizzjoni ta’ importanza kbira għal skopijiet ta’ gwerer. Hekk naraw skont ma jidher fuq l-affresk ta’ Mattia Perez d’Aleccio li hemm pinġut fis-sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastri (illum tal-President), xena mill-Assedju l-Kbir, li turi t-Torok ippożizzjonati fuq l-għolja ta’ Kordin lesti biex jattakkaw l-Isla u l-Birgu.

Fresco by Perez d'Aleccio 541 - Copy

Fi żmien meta l-Franċiżi kienu assedjati fil-Belt u fl-ilbiet tal-Kottonera, il-Maltin kien ħaffru trunċieri fuq Kordin biex jimmiraw il-kanuni tagħhom lejn it-Tlett Ibliet u l-Belt Valletta. Ma’ dawn it-trunċieri, grupp ieħor ta’ suldati Maltin kienu ppustjati fuq l-għolja magħrufa bħala Tal-Borġ, f’Raħal Ġdid.

Żmien l-Ingliżi

Fis-seklu dsatax, l-Ingliżi kienu għarfu s-siwi strateġiku ta’ dawn l-inħawi u dlonk bdew jagħmlu użu minnhom. Taħt l-għolja ta’ Kordin, dawn ħadu l-imħażen li kien mibnija fl-1756 mill-Ordni ta’ San Ġwann, u wżawhom biex jżommu l-armamenti u l-isplussivi tant meħtieġa mir-Royal Navy.

obeliskFl-1830, fit-tarf ta’ l-għolja ta’ Kordin ittella’ obelisk bħala tifkira f’ġieħ Robert Cavendish Spencer, il-Kaptan tal-Frejgata Madagascar, li miet f’Lixandra, u li kadavru tiegħu nġieb Malta biex jindifen hawn. (Il-qabar tiegħu qiegħed fuq is-swar qrib il-Ġnien ta’ Hastings li jħarsu lejn Marsamxett). L-obelisk baqa’ fuq l-għolja ta’ Kordin sal-1893, għax f’dik is-sena dan ġie żarmat u minflok twaqqaf il-Blata l-Bajda fejn għadu hemm sal-lum. Dan iċ-ċaqliq sar minħabba li fejn kien, l-obelisk kien qiegħed sewwa sew fuq id-depot prinċipali tal-armamenti u għalhekk, kien hemm il-periklu li l-obelisk seta’ jservi bħala marker li bil-kanuni l-ġodda fuq il-bastimenti tal-għadu wieħed seta’ jimmira lejh anki minn barra l-Port il-Kbir.

Paola Kordin Naval..al Prisons Kordin4Fl-1867, l-Ingliżi bnew ħabs Navali, magħruf bħala Detention Centre. Dan wara ftit snin (1870) kien ħadu f’idejh il-Militar Ingliż għal skop aktar wiesa’ u sar magħruf bħala l-Corradino Military Prisons. Matul is-seklu dsatax l-Ingliżi komplew jiżviluppaw il-moll ta’ taħt Kordin. Dan inqasam fi tliet biċċiet: Parlatorio Wharf, li jħares lejn l-Isla, u Magazine Wharf u Laboratory Wharf, li jħarsu lejn il-Furjana. Fl-1897, qrib dawn il-mollijiet, l-Ingliżi bnew ukoll ir-Royal Navy Canteen fejn il-baħrin u l-uffiċjali setgħu jqattgħu ftit mill-ħin liberu tagħhom, jixorbu u jiddevertu biż-żfin jew inkella jilgħabu xi logħob.

Fl-1901, parti kbira miż-żona ta’ Kordin ittieħdet mill-Ammiraljat biex tintuża kemm għal raġunijiet militari kif ukoll għall-skopijiet oħra. Fost dawn, qabel l-ewwel Gwerra Dinjija, kienu nbnew tankijiet tal-fuel għaliex fl-ewwel deċenji tas-seklu għoxrin, in-Navy Ingliża bdiet taqleb mill-faħam għaż-żejt. Inbnew ukoll faċilitajiet tal-isports għas-servizzi f’Malta. Fuq in-naħa li tagħti lejn l-Isla, sa mill-bidu tas-seklu għoxrin, l-Ingliżi kienu bnew grawnd tal-futbol, u bosta mill-partiti bejn ir-reġimenti kienu jintlagħbu hawn. Kien hawn ukoll fejn beda jintlagħab logħob ieħor popolari mal-Ingliżi, bħal hockey, cricket, rugby u t-tennis. Dawn kollha wara ħajru lill-Maltin jgħaqqdu t-timijiet tagħhom li għadhom sal-lum jilgħabu hemm.

Fl-1939, billi kien hemm il-biża’ ta’ attakki iminenti mit-Taljani jew mill-Ġermaniżi, il-Gvernatur Ingliż ta’ dak iż-żmien, Sir Charles Bonham-Carter kien ordna li jitħaffru mini kbar taħt Kordin biex jinħażen il-fuel. Kienet inbniet ukoll power station taħt l-art u l-fuel maħżun kien jissuplixxi direttament il-power station. It-tnejn li huma servew tajjeb waqt it-Tieni Gwerra Dinjija għax il-blat kien jostorhom u fl-istess ħin jiddenfendihom mill-attakki tal-għadu. L-istess gvernatur jgħid fid-djarju tiegħu li f’Kordin kien għaddej xogħol fuq skola teknika. Jgħid ukoll li kien anki żar skola għall-uffiċjali magħżula tal-A.R.P.’s (Air Raid Precautions) fejn dawn kienu qed jitħarrġu bi preparament għal li jista’ jinqala’ f’każ ta’ gwerra.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Aktar riċenti

Bejn l-1975 u l-1981, il-blat tax-xaqliba tal-Lvant ta’ Kordin il-Gvern Malti qatta’ biex inbena r-Red China Dock. Imbagħad f’Lulju tal-1985 ġie inawgurat il-Grain Terminal, f’Ras Ħanżir. Dan it-terminal jesa’ 86,000 tunellata qamħ u prodotti oħra tal-istess ġeneru. Fuq l-istess moll ta’ Ras Ħanżir jittniżżlu l-art bosta prodotti kummerċjali oħra li jkunu impurtati f’Malta.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Illum, il-parti kbira ta’ Kordin hi meħuda miż-żona industrijali estensiva li fiha jinsabu kull tip ta’ fabriki. Din iż-żona bdiet tintuża għal dan l-iskop mis-snin sebgħin ’il quddiem. Fl-istess ambjent hemm ukoll l-Kulleġġ tal-Arti Xjenza u Teknoloġija (MCAST) fejn darba kien hemm l-Iskola Teknika tas-St Joseph. Aktar lejn il-Lvant, hemm ukoll l-Isports Pavillion fejn isiru diversi tipi ta’ logħob.

sant antnin ta' padovaImbagħad, fuq in-naħa l-oħra tat-triq, li wkoll għadha kkunsidrata li tagħmel parti minn Kordin, hemm il-moskea li nbniet fl-aħħar tas-snin sebgħin mill-Gvern Libjan għall-komunità Libjana f’Malta. Illum il-moskea sservi għal funzjonijiet reliġjużi għal eluf kbar ta’ Musulmani, il-maġġorparti tagħhom barranin, ġejjin kemm minn pajjiżi tal-Afrika kif ukoll mill-Asja. Bosta minn dawn issa ilhom jgħixu f’Malta s-snin. Il-moskea bil-minaret imponenti tagħha tikkuntrasta sew mal-knisja li hemm faċċata miżmuma mill-patrijiet kapuċċini, u ddedikata lil Sant Antnin ta’ Padova. Din inbniet fis-snin sittin.

Ta’ min wieħed jiftakar li dawn mhumiex l-uniċi postijiet sagri li hemm f’Kordin. F’ f’roqgħa ta’ mhux aktar minn mitt metru kwadru wieħed isib tliet postijiet ta’ importanza reliġjuża, għax iħaxken preċiżament mal-knisja tal-Kapuċċini għad hemm il-fdalijiet tat-tempju megalitiku ta’ Kordin.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Martin Morana

10.06.2021

Ħajr lil Michael Cassar għal bosta informazzjoni.

Biblijografija:

Boisgelin Louis de, Ancient and Modern Malta. Richard Phillips, London. 1805. 
Bonnici Joseph & Cassar Michael, A Chronicle of Twentieth Century Malta. 
Book Distributors Ltd. 2004.
Manduca John, The Bonham-Carter Diaries 1936-1940. Publishers Enterprises 
Group. 2004.  
Trump David, Malta - Prehistory and Temples. Midsea Books Ltd. 2002.
Testa Carmelo, Maż-Żewġ Naħat tas-Swar. Klabb Kotba Maltin. 1980.
Vella E.B., Storja ta’ Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Empire Press. 1932.
Wettinger Godfrey, Place-names of the Maltese Islands, c. 1300-1800. 
Publishers Enterprises Group. 2000.

 

2 Comments

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s