DIN hi t-tieni parti tal-artiklu li kont ippupplikajt fuq l-istess website fit-8 ta’ Mejju dwar kliem li għandu aktar minn tifsira waħda.
It-tifsiriet li qed jidhru hawn huma fil-qosor. Jekk trid tara l-ispjegi aktar iddettaljati dawn tista’ ssibhom fis-sezzjoni ENĊIKLOPEDIJA: http://www.kliemustorja.com.
—–
LABTU 1. Drapp maqtugħ kwadru jew rettangolari li jiddendel mal-għonq u li fuqu jkun hemm xbieha ta’ xi qaddis, eċċ. L-aktar labtu magħruf hu dak tal-Madonna tal-Karmnu. 2. Il-labtu jista’ jkun ukoll speċi ta’ tunika mingħajr kmiem li tintlibes mill-patrijiet. Dan jintlibes minn fuq ir-ras u jiddendel minn quddiem u minn wara qisu fardal twil. Dan il-fardal jissejjaħ ukoll SKAPULAR. Sqal. l’abitu. Tal. l’abito.
LANŻITA 1. Xagħra dritta u wieqfa li tkun tniggeż, bħal tal-ħanżir. 2. Leħja li tkun ilha ma titqaxxar għal bosta jiem u li għaldaqstant issir tniggeż. 3. Xagħar tal-ixkupa. 4. B’mod figurattiv ngħidu, ‘Dak il-bniedem għandu kull lanżita għalija!’ jiġ., jogħbodni immensament. Sqal. la ‘nzita. Lat. lanositas: xagħar jew suf.
LENZA (Pl. lenez) 1. Il-materjal li minnu hu magħmul ix-xlief, eżempju, lenza tal-ħarir. Rif. għal xlief oħxon. 2. Bħal spaga, biss eħxen u aktar soda, li tintuża l-aktar biex torbot, terfa’ jew iġġor oġġetti ta’ toqol moderat. Il-lenza, billi hi resistenti għall-ilma aktar mill-ispag tintuża fis-sajd, eż., biex is-sajjied jorbot magħha ix-xlief mill-qasba. 3. LENZA RABA’ L-istess bħal: ħabel raba’, term. li jintuża fil-kejl tal-uċuh tar-raba’. 4. LENZA QUBBAJT Kwantità ta’ qubbajt, għoli madwar ħmistax-il ċentimetru, ekwivalenti għal nofs TURRUN.
LIBRETT 1. Il-kliem li jinkiteb għal mal-mużika operistika. 2. Ktejjeb żgħir. 3. BIEB LIBRETT – bieb maħdum biex jinfetaħ u jingħalaq qisu minfaħ jew akkordjin. 4. LIBRETT TAS-SIGARETTI – Karti żgħar tul ta’ sigarett, imqegħdin flimkien mill-manifattur u jinbiegħu ġo kaxxa żgħira u rqiqa tal-kartun, biex dak li jkun jislet waħda minnhom u jobromha madwar it-tabakk biex jagħmel sigarett. 5. Tip ta’ ċappetti li flok ma jkunu twal orizzontalment, ikunu vertikali.
LUPA 1. Kundizzjoni fejn wieħed ikollu ġuħ li ma jitrażżanx. Leblieba kbira. Tisma’ lil min jgħid, ‘dak illupat’, jiġ., ‘dak għandu ġuħ fuqu, qisu għandu l-lupa’, jew ‘dak illupat għal xi sigarett’. F’Għawdex, barra llupat, jgħidu wkoll, illampikat, jiġ., irid jaħtaf u jieħu kollox għalih. 2. Riħ sħun li jiġi min-Nofsinhar li jagħmel ħsara lill-uċuħ tar-raba’. M.A.V. (1796) isejjaħ dan ir-riħ ‘sorta di vento libico caldissimo e dannoso’. 3. Marda tal-ħxejjex li biha x-xitla tibjad u tinxef. 4. Eħtrieq. 5. Għodda li taqta’ l-injam u li jkollha forma ta’ serrieq tond. Din norm. titħaddem bl-elettriku. L-istess isem jintuża għal serrieq ieħor twil ħafna, bejn 1.5 u 2.3 m, li jkollu żewġ imqabad, wieħed kull tarf, biex is-serrar isir bejn tnejn min-nies. 6. Tip ta’ marda li tattakka d-dwieli.
MADMAD 1. Injama ingastata fil-minċott tat-tmun li tintuża bħala LAĊĊ. 2. Injama li titpoġġa fuq għonq il-gendus biex dan ikun ikkontrollat hu u jġorr l-għodda tal-ħrit. Fig. Nuqqas ta’ libertà li l-bniedem jew il-poplu jsofri minħabba l-ħakkiem li jinponi fuqu. Ngħidu, ‘il-poplu għadu jgħix taħt il-madmad tat-tiranni’, jiġ., mgħakkes mit-tmexxija severa u krudili ta’ minn jiggverna.
MAGĦŻEL 1. Fus jew rażża tar-rota tar-raddiena tal-insiġ. 2. Wieħed minn ħafna bsaten li jżommu r-rota tal-karettun imwaħħla fil-minċott tal-buttun. 3. Għodda tal-injam li tintuża biex jitkebbeb miegħu s-suf tan-nagħaġ biex dan jinbaram ħalli jsir ħjut. 4. Tip ieħor ta’ magħżel jintuża wkoll biex jinħadem il-ganutell billi miegħu jkunu mmaljati l-ħjut tal-fidda, eċċ., biex dan jinħadem skont id-disinji ppreparati.
MANSAB 1. L-ambjent fejn jitqiegħed ix-xbiek biex fih jinqabdu l-għasafar. Ix-xbiek jitqiegħed fuq art lixxa u fit-truf jitqiegħdu għasafar f’gaġeġ żgħar bl-iskop li bl-għana tagħhom jattiraw għasafar oħra biex jinżlu ħdejhom u hekk jinqabdu fix-xbiek li n-nassab jaqleb fuqhom. 2. Post fejn bniedem ‘jintasab’ biex jistrieħ. 3. Siġġu qisu tron fejn dari l-għarusa kienet tintasab waqt ir-riċeviment tat-tieġ. F. Vella (1843) ukoll jgħid li din il-kelma tfisser siġġu.
MARŻEBB/A (Pl. mrieżeb). 1. Ħanfusa. 2. Injama twila daqs 30 ċm bil-qiegħ tagħha ċatt, li tinqabad mill-manku b’id waħda. Għodda li biha l-ħassiela jħabbtu fuq id-drapp waqt il-ħasil biex il-ħwejjeġ jitnaddfu sew. 3. L-istess tip ta’ għodda kienet tintuża mill-ballata (jiġ., nisa li jballtu) biex iwittu t-torba huma u jqiegħdu d-deffun fuq il-bejt. 4. Żrinġ żgħir. Ara: BALLATA.
MAZZARELL 1. Jeżistu f’Malta mas-sbatax-il tip ta’ dan l-insett li komuniment it-tfal iħobbu jsejħulu helicopter. Insibu fost dawn, il-mazzarell ħamran, il-mazzarell sultan u l-mazzarell skartat. Dan l-insett jgħix l-aktar f’ambjent fejn hemm l-ilma, bħal xi għadira jew ġiebja miftuħa. Fil-fatt il-mazzarell hu magħruf ukoll bħala ‘Ċikku ġwiebi’. Ing. dragonfly. Dan għaliex il-mazzarell ibejjet u jgħix fl-ambjent tal-ilma tal-ġiebja. Tal. mazzarella. 2. Injama żgħira, forma ta’ musmar oħxon li tintuża biex iserraħ il-blakbord fuqu. 3. Għasluġ oħxon użat mir-ragħajja fit-Tramuntana tal-Italja meta jkunu qed jidderieġu l-merħliet tagħhom.
MENQA 1. Għalqa magħluqa għaliha. Art magħluqa u bl-ilma fejn fl-antik il-bdiewa kienu jxarrbu l-kittien. 2. Daħla fejn l-imriekeb isorġu u jkunu protetti mill-maltemp. Post magħluq fejn hemm ilma baxx u salmastru, u fejn tikber veġetazzjoni selvaġġa. Qbl. Għ. Manqai li tfisser post bl-ilma u t-tajn. Eż. Wadi el-Menqa fil-Palestina. 3. Injama b’ħames toqbit fiha, li titwaħħal fuq il-pruwa ta’ kajjik jew luzzu, biex fiha jkun jista’ jiddeffes l-arblu tal-qala’.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
MERŻUQ 1. Dawl irqiq ħiereġ minn xaqq ta’ tieqa jew bieb, bħal pereż., ir-raġġi tax-xemx. Ġużè Galea, fir-rumanz, Żmien l-Ispanjoli, juża l-verb tmerżaq: b’dan il-mod, ‘[…] ix-xemx bakkret tmerżaq f’sema safi [….]’. 2. Geżż li joħrog minn xi vit tal-ilma jew inkella, il-ħalib li joħroġ iriq u b’saħħa mill-beżżul tal-mogħża jew baqra. 3. Forma mtawla ta’ silġ li tkun imdendla, bħal stallaktita. 4. L-isem tal-għolja qrib Marsalforn li fuqha hemm l-istatwa ta’ Kristu Re. Din l-għolja hi magħrufa wkoll bħala, il-MUNĠBELL.
MEZZA (Pl. mezez, bħal, mezez tal-ħaxix.) 1. Tip ta’ qoffa, b’forma ta’ ċilindru oħxon, magħmula mill-qasab li tintuża biex jitqiegħed il-frott fiha. 2. Tip ta’ ċana. 3. Miżura biex jintiżnu l-uċuh tar-raba’. Mezza tesa’ daqs 25 ratal – ħames wiżniet. 4. Bettija kbira tal-inbid. Ara: BIXKILLA.
MIFSUD 1. Aġġ. li jfisser, imkisser jew imħassar. 2. Bniedem meħlus minn demm żejjed; xi ħadd li jitlef sabru. 3. Kunjom Malti. FASAD jew FISED v. ħalla d-demm joħroġ; ħareġ l-għelk miz-zokk tas-siġra. Fig. Ġiegħel lil xi ħadd jitlef it-tempra – jisplodi bir-rabja. BAJDA MIFSUDA Bajda mħassra u tinten. Ara: FASDA.
MILSA 1. Organu li jinsab taħt il-qafas tal-kustilji tax-xellug. Dan l-organu jgħaqqad id-demm fiż-żaqq u jnaddaf id-demm mill-globuli ħomor li jkunu qdiemu. Sq. melsa. 2. Tip ta’ beritta li fl-antik kienet tintlibes mir-raħħala Maltin. Il-parti tawwalija tal-milsa tintelaq la ġenba fuq naħa waħda tar-ras. Tal. milza. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM.
MINTNA 1. Pjant. (Is. xj. Ambrosia maritima), li bil-Malti hi magħrufa bħala ħaxixet il-mintna. Din il-pjanta tarmi riħa li bosta jsibuha tinten. 2. Ambjent impestat bl-irwejjaħ. 3. Għadira fejn l-ilma qiegħed li jinġabar fiha jagħmel riħa tinten. 4. TAL-MINTNA Post fl-inħawi tal-Imqabba fejn jinsabu l-katakombi magħrufa bħala Tal-Mintna.
MOXT 1. Pettne biex jitmaxat ix-xagħar. 2. Fig., bniedem li mhux ta’ ħażen. Espr. ‘Kemm int moxt – ħallejtu jagħmel li jrid bik!’ 3. Ħuta tal-qiegħ li kapaċi tikber mad-90 ċm. Is. xj. Zeus faber. Jeżistu diversi speċi ta’ din il-ħuta. Din tintgħaraf dejjem mit-tebgħa li tixbah l-għajn, li jkollha fin-nofs ta’ ġisimha. Ing. John Dory. 4. MOXT TAN-NEWL Parti mill-makkinarju tan-newl li jintuża biex jgħaddi l-ħajt tax-xoqqa jew l-għażel minnu. Idj: ‘Sab / ġietu x-xoqqa f’moxtha’.
MUSTAĊĊUN 1. Mustaċċ kbir. 2. Fig. Ngħidu, ‘raġel mustaċċun’ – jiġ., bniedem ta’ esperjenza kbira. 3. Il-parti ta’ quddiem tal-luzzu li tinżebagħ b’kulur differenti skont il-gosti (fir-ritratt: il-parti s-safra). Tal. mostacchi. Sqal. mustazzi.
NEWB/A 1. Bidla li ssir f’waqtha skont it-temp tal-istaġun. NEWWEB v. Biddel iż-żargħa tal-għelieqi minn sena għal oħra (bl-Ingliż: crop rotation).2. It-tibdil taż-żahar fis-siġar minn stat ta’ fjuri għall-frotta, eż., il-lewż. Qawl: Kull siġra tagħmel f’newbitha – dan il-qawl jisħaq li s-soluzzjonijiet għal xi problema tista’ tinstab biż-żmien u f’ħinha. 3. Fil-medjuevu, in-newba kienet tirreferi għall-iskeda tax-xogħol ta’ dawk li jsewwu s-swar tal-Imdina. 4. Il-mument li jkun qed jisbaħ. Espr. ‘Quddiesa tan-newba’ – l-istess bħal meta ngħidu, ‘Quddiesa tal-awrora’. 5. Okkażjoni jew opportunità tajba. Espr. ‘Bin-newba’ – jiġ., skont min imissu, wieħed wara l-ieħor. (Pl.) NWIEB Sebat ijiem u sebat iljieli.
OTTU 1. L-ottu hu n-numru tmienja kif jissejjaħ bit-Taljan, l-aktar fil-logħba tal-lottu. 2. Qagħqa tal-ottu – qagħqa li tkun forma tan-numru tmienja. 3. Idj: ‘Ġie / spiċċa ottu / qegħdin ottu’ – sitwazzjoni ħażina ħafna. X’aktarx dan hu paragun mal-forma tal-qagħaq li jingħataw il-forma ta’ żewġ ċrieki tondi magħqudin ma’ xulxin u jiffurmaw in-numru tmienja (8).
PAĠELLA 1. Awtorità li l-Vigarju Ġenerali jagħti bil-miktub, speċi ta’ ċertifikat mogħti lill-qassisin biex ikunu jistgħu jqaddsu, jippritkaw u jamministraw is-sagrament tal-qrar. 2. Ktieb li fih ikun hemm miktuba r-regoli għal dawk li jidħlu membri f’xi għaqda. 3. Rapport dwar il-progress tax-xogħol jew studju. 4. Ħuta li tgħix f’qiegħ il-baħar. (Is. xj. Pagellus; Tal. Pagello. Ing. Common sea bream).
PALJETT 1. Parabord jew fender. Tip ta’ basket twil u żenguli magħmul minn kobba ta’ stoppa u ħbula marbutin u mdendlin mal-ġenb ta’ opra tal-baħar. Dawn huma magħmula biex jipproteġi l-opramorta tal-lanċa jew bastiment żgħir meta jittrakka mal-moll. 2. Tapit tat-tiben. Fig. appel. għal xi ħadd li jkun ordnat minn ħaddieħor biex jagħmel x-xogħol iebes waħdu. Ngħidu, ‘jien ma nħalli l-ħadd jagħmilni l-paljett tiegħu’. Tal. paglietto – M. parabord. Ara: ĦASIRA.
PASTAŻ 1. Fakkin jew ħamallu. Sqal. vastasu, portatore. Qawl: Min jerfa’ qofftu mhux pastaż – jiġ., li min jaħdem fuq xogħol personali u ta’ darba ma jfissirx li dan hu l-mistier ta’ ħajtu. Din l-idjoma tfisser ukoll, li minn jagħmel dmiru, anki jekk hu xogħol manwali, ma għandux għax jistħi. 2. Aġġ. li jingħata għal xi ħadd vulgari u maledukat. Ara: ĦAMALLU. 2. Travu barrani li jitqiegħed taħt travi oħra li jkunu qegħdin iżommu x-xorok minn taħt. Ara: ĠEJŻA.
PATALOTT 1. Landa kbira taż-żebgħa, li tintuża wkoll biex fiha jitpoġġa kull tip ta’ likwidu skont il-bżonn. Landa li wara li tintuża jtaqqbulha l-qiegħ biex fiha jqabbdu n-nar biex isaħħnu xi ħaġa jew oħra fuqha. 2. Dniedel li jiddendlu mat-tużell jew mal-umbrellun bażilikali. 3. Kappun tal-mozzetta. 4. Dekorazzjoni li tintuża mill-artisti f’partijiet tax-xogħol tagħhom. Tal. patalotto jew padellotto li tfisser paddella grande – M. borma jew kontenitur kbir.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
PITTMA 1. Pjanta parassita, (Is. xj. Cuscuta Tourn, Crenilabrus mediterraneus; Ing. Boxbox jew dodder), li tikber fi ħjut ħamrani u li tieħu l-enerġija tagħha minn pjanti oħrajn tax-xagħri, pereż., il-berwieq u s-sagħtar. Għall-bdiewa, din hi pjanta mistmerra għax iddum biex teħles minnha. Ngħidu, ‘x’int pittma!’ għal xi ħadd li jibqa’ jiffittak, jew li jiffitta ruħu żżejjed fix-xogħol tiegħu. Ngħidu, ‘pittma fi ħwejġu’. 2. Taħlita ta’ nbid u mediċina li kienet tingħata biex ittaffi l-uġigħ ta’ żaqq. 3. Tip ta’ ġbara li kienet tintuża għall-istess raġuni. Damma: […] L. fomentum, emplastrum. Per motto, donnok pittma, cioé uomo seccatore, che mai la termini nel parlare […]. Fil-lingwa Tal. din tirreferi għal xi ħadd xħiħ jew antipatiku: Persona troppo attaccato al denaro. Persona noiosa.
POLKA 1. Mużika jew żifna ta’ oriġini Slava. Etim. Kelma mill-ilsien Ċek li tfisser ‘nofs pass’. 2. Ġakketta żgħira li kienet tintlibes min-nisa daqs mitt sena ilu. 3. Katina rqiqa, norm. tad-deheb, li magħha jiddendel l-arloġġ li jkun merfugħ fil-but ta’ ġewwa tal-ġlekk jew tas-sidrija.
PRASPURA 1. Xi ħaġa stramba. Xi ħaġa li ma titwemminx. 2. F’dokument notarili tal-1525, din il-kelma tintuża b’dan il-mod: ‘[…] l-imsemmi bidwi hu marbut li jagħti il-praspura lill-imsemmi sid, (jiġ. tliet tomniet żara’ tax-xgħir f’dik in-naħa ta’ din il-għalqa) […]’ Sors: Kliem Malti Qadim, ta’ Godfrey Wettinger, p. 110. F’nota żgħira, Wettinger jikkwota lil ċertu Traina li jispjega l-oriġ. tal-kelma bit-Tal. ‘Paraspolu’ bħala ‘pezzo di terra quanto può seminare un contadino come dire uno stajoro’. S. G. Vassalli (Piccolo Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (1856), jispjega il-kelma bħala porzione jew portion. 3. Patri Magri kien kiteb artikli żgħar għall-pubblikazzjoni, Qari tal-Mogħdija Taż-Żmien (1903), u dawn kien semmiehom: ‘Praspar Għan-Nies Tas-Sengħa u In-Nisa Tal Ġabra’. F’dawn il-kapitli nsibu bosta informazzjoni kif isiru ċerti affarijiet bħal […] ‘Chif Tagħmel ix-xbieha tan-naccra, jeu tal madriperla’, ‘Chif il ful u il piżelli ħodor jibkghu frischi’, ‘Chif tnaddaf l’alabastru’ […], eċċ. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.
PULLAKKUN 1. Il-qala’ tad-dgħajsa tal-latini li kien ikun bi tliet truf. Il-pollakka kienet tip ta’ bastiment żgħir li kien isalpa fil-Mediterran. Ara: POLLAKKA u TARTANA. 2. Sa tmiem is-seklu dsatax, in-nutara u nies oħra tal-ġurisprudenza kienu jħobbu jilbsu qomos bl-għenuq ippuntati, stirati u mtellgħin ’il fuq. Minħabba x-xebh tal-għonq tal-qmis mal-forma tal-qala’ ta’ dawn il-bastimenti, dawn l-għenuq ukoll kienu jissejħu ‘pullakkuni’. Sors: Ward ta’ Qari Malti, p. 152.
QANNIĊ 1. Tilar magħmul mill-qasab li fih jitqiegħdu l-ġbejniet biex jinxfu. Dawn ġieli kienu jitqiegħdu fuq żewġ livelli ġol-istess kontenitur. 2. Bħal gaġġa tal-qasab li s-sajjieda jużaw biex jaqbdu l-gambli fiha. 3. Armar ta’ lqugħ magħmul mill-qasab li jinbena madwar għalqa biex iservi ta’ kenn kontra r-riħ għall-uċuħ tar-raba’.
QARSA 1. Qabda ta’ xi oġġett bejn żewġt iswaba’, jiġ., bejn is-saba’ l-werrej u l-behem; pereż., qarsa melħ, qarsa tabakk, jiġ., niskata tabakk. 2. QARSA TAL-BARD Għafsa li tinħass fil- u madwar l-organu sesswali, li ġġiegħlek tħoss l-urġenza li għandek tbul. 3. QARSA TA’ FTIRA Għaġina msajra li tingħata forma tonda, bħal pereż., galletta. 4. QARSA TAX-XAMA’ Xama’ ta’ lewn safrani fjakk, li kienet tintgħaġen u ssir bħal impastatura jew ġibs verġni. Ngħidu, ‘wiċċu sar qisu l-qarsa tax-xama’’, pereż., meta bniedem jieħu qatgħa u jsir ‘isfar mewt’. Ġużi Gatt jispjega li l-qarsa tax-xama’ hi, ċappa għasel maqtugħa fit-tond bħal galletta kbira, meta din tinqata’ mill-qolla bis-sikkina. Ara: Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni, p. 152, u E.S.I.
RADDA 1. RADDA TAL-MOĦRIET It-trinka li titħaffer bil-moħriet fil-ħamrija. Radda tal-leħen, jiġ., eku. 2. MANT TAR-RADDA Mant li jkollu miegħu tidwira bil-bizzilla, bħal orlatura. 3. RADDA TAL-LANĊA Ir-rima li tħalli warajha l-lanċa l-aktar meta tkun misjuqa b’ċerta velocità. 4. RADDA TAL-BIZZILLA Il-ħjata tal-bizzilla li tinħiet mat-tarf tal-libsa. (D.) ‘[…] Merletto di seta nera che viene posto in tutta la circonferenza anteriore del manto, che va da capo a piedi. Veste della donne maltesi […]’. RADDI PREHISTORIĊI Linji mħaffrin fil-blat li huma maħsuba li ntużaw fi Żmien il-Bronż biex jgħaddu minn fuqhom karettuni mingħajr roti li kienu jġorru materjal tqil. Ara: MANT TAR-RADDA.
RAMPIL/A 1. Tip ta’ grampun b’bosta truf bil-ponta, norm. tlieta jew erbgħa. Din tintuża mill-barklori bħal ganċ billi l-barklor minn fuq il-moll igarawha marbuta ma’ tarf il-lenza lejn id-dgħajsa biex iqabbadha maċ–ĊAPPA u jiġbed id-dgħajsa lejn l-art. Ir-rampila b’erba’ ġanċijiet tintuża biex jittella xi oġġett li jkun waqa’ fil-bir. 2. Isem ta’ xitla li mill-qalba tagħha joħroġ magħseb twil, u li tieħu l-forma tar-rampil. Is. xj. Chlorophytum Coniosum variegatum. Ing. Spider plant. Sqal. rampinu.
RASPA 1. Għodda tal-ħadid użata mill-mastrudaxxa jew mill-bennej biex tillixxja t-trufijiet tal-injam jew il-ġebel. Għodda bħal-lima, biss, bi snien akbar. 2. Tip ta’ ħuta li tgħix f’qiegħ il-baħar Mediterran (Is. xj. Ruvettus pretiosus) li għandha l-ġilda tagħha ħoxna li tixbah il-wiċċ tal-istess għodda msemmja hawn. Fil-fatt il-ġilda ta’ din il-ħuta fl-antik kienet tintuża bħala raspa biex tillixxa l-injam biha. (Ing. oilfish).
REBUS 1. Kompożizzjoni ta’ disinji magħmula minn oġġetti differenti, li flimkien jirriferu b’mod simboliku għal xi kunjom, eċċ. Din is-sistema ntużat ħafna maż-żminijiet fl-eraldika biex wieħed ikun jista’ jirappreħenta b’mod viżiv il-kunjomijet tal-familji. 2. Enigma, logħba bi tpinġija ta’ diversi oġġetti jew simboli, li ħafna drabi ma għandhomx x’jaqsmu ma xulxin; biss meta tiddeċifra s-sillabi ta’ kull oġġett tista’ tasal għat-tifsira tal-mistoqsija. 3. Taħwid kbir. Idj: ‘kien hemm rebus sħiħ fis-sala’ – kien hemm ġenn sħiħ. Etim: Lat: pl. abblattiv: oġġetti. Eż., Tingħad fil-frażi, de rebus quae geruntur – M. affarijiet li qegħdin jiġru.
RIXTELLU 1. Xatba li ssakkar id-daħla ta’ xi proprjetà. 2. Għodda li tintuża mill-bdiewa biex il-ħamrija fl-għelieqi titnaddaf miż-żrar u l-ħaxix selvaġġ. Ara: MOXT 3. Parti mill-makkinarju tan-newl li jintuża bħala moxt biex jinħelsu l-għoqod fil-ħajt tal-qoton. .
RKAPTU 1. Materjal bażiku u utli biex taħdem bih. Kisba ta’ xi ħaġa. 2. Mod li ssib soluzzjoni. Eż. ngħidu, ‘ħadd ma jista’ jsiblu rkaptu’. 3. Kapaċità li żżomm il-mod ta’ kif għandek tagħmel xi ħaġa. 4. Kull tip ta’ xbiek li s-sajjied jistad bih. Mod ta’ kif wieħed jistad. Tal. ricapitare – materiale da mettere in opera per un lavoro. Sors : J.A.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
ROTA 1. Norm. wieħed juża diversi roti, tnejn jew aktar, biex fuqhom jinġarr oġġett, eż., rota ta’ karettun jew ta’ karozza. Biss, fil-Malti, ir-rota, tirreferi għal bicycle, li paradossalment hi magħmula minn żewġ roti u mhux rota waħda. Fi żmien li nbnew it-Tempji Megalitiċi, kienet tintuża rota tal-ġebel biex fuqha jinħadem il-fuħħar. 2. L-injama l-wieqfa mwaħħla mal-prim fil-poppa u fil-pruwa tad-dgħajjes tal-pass. Ara: DGĦAJSA TAL-PASS. 3. Speċi ta’ ġilandra, jew tieqa tal-injam li tkun f’xi ħajt diviżorju ta’ kunvent, bejn il-parti pubblika li tilqa’ n-nies u l-parti privata. Din tintuża biex l-ikel u oġġetti oħra, jitqiegħdu fiha, tiddawwar u min-naħa l-oħra dawn l-oġġetti jittieħdu mis-sorijiet. Roti bħal dawn jinsabu wkoll mal-ħajt ta’ barra tal-Isptar Santo Spirito fir-Rabat.
RUFFJAN 1. Bniedem ta’ karattru ħażin jew ta’ qattani. 2. Xi ħadd li jagħmilha ta’ medjatur. Fig. wieħed li jkollu jbaxxi rasu għal kollox. Ngħidu, ‘mela jien ir-ruffjan tiegħek!’ – tingħad meta xi ħadd li ma jridx joqgħod għal kull ma jgħidulu. 3. RUFFJANA Mara li tqaħħab li tagħmilha ta‘ medjatur għall-qaħba u imbagħad taqsam fil-qliegħ. Idj: ‘Qishom il-qaħba u r-ruffjan(a)’. 4. Dik il-parti tat-trabokk fejn jitqiegħed l-għasfur biex dan bl-għana tiegħu iħajjar għasafar oħra jersqu lejn it-TRABOKK.
SARSAR 1. v. Ħalla x-xogħol jistenna minn jum għal ieħor. 2. v. Damm iż-żibeġ ma’ xulxin. 3. v. Qal dagħwa faħxija, eż. ‘Sarsar waħda bl-għeruq u x-xniexel.’ 4. SARSUR n. Bniedem ta’ ħafna kliem fieragħ. Bniedem paċpaċi.
SASSLA 1. Barmil li jintuża mill-baħrin biex fih jiġbru l-ilma minn fuq il-gverta. 2. Pala simili li kien juża t-taħħan biex jerfa’ bil-qies l-għalf tat-tjur. 3. Pellikan. Is. xj. Pelecanus onocrotanus. Sqal. Sassula. Ing. Eastern white pelican. Kienu jgħidu,‘għamel idu sassla’ – biex bħallikieku qiegħed jittallab jew jilqa’ l-flus. Sors: J.A.
SEFFUD 1. Tubu jew virga li biha wieħed ikun jista’ jiġbed likwidi u materjal ieħor merħi biex jinġabar jew jintrema xi mkien ieħor. Is-seffud jintuża l-aktar biex jiftaħ xi katusa dejqa jew xi serpentina li tkun instaddet. Meta wieħed jiġbor il-likwidu b’siringa, dan ukoll ikun qiegħed iseffed. 2. Oġġett li jintuża waqt il-preparamenti tat-tisjir biex minnu tgħaddi tintgħafas il-krema jew zlazi ‘l barra biex dawn jitħalltu mal-ingredjenti tal-ikel. 3. Labra jew pajp irqiq tal-metall li jiddeffes ġol-laħam, biex dan jinżamm sew waqt li jissajjar fil-forn jew inkella fuq in-nar (Ing. spit jew skewer). 4. Fig. bniedem li jdeffes imnieħru f’kollox u fejn ma jesgħux. SEFFUD TAR-RIĦ Riħ li jgħaddi minn xi toqba fil-ħajt u li jiġbed miegħu l-arja b’ċerta saħħa. Ġibda ‘l ġewwa b’nifs qawwi mill-ħalq biex pereż., wieħed jiġbed id-demm ‘il barra minn xi ferita. Sorsi: J.A. u E.S.I. Ara: MIFSUD. Ara wkoll: SERVIZZJAL.
SELĦA 1. Dik il-parti tal-ħajt tas-sejjieħ fejn ikun waqa’ l-ġebel, ġen. wara xi maltempata ta’ xita u riħ qawwi. 2. Barxa jew ġerħa fil-ġisem bħal meta titqaxxar il-ġilda. 3. Eskrement likwidu tat-tiġieġ. G.B.F. (1845).
SERRATURA 1. Frak li jaqa’ mill-injam meta dan ikun maqtugħ bis-serrieq. 2. Mekkaniżmu li fih tidħol iċ-ċavetta jew muftieħ biex tiftaħ u tagħlaq il-bieb. Tal. serradura – minn serrato – M. maqtugħ.
SEWWA 1. v. Irranġa oġġett li ma kienx jaħdem sew. 2. SEWWA l-INKWIET, eż., ta’ bejn l-għarajjes. 3. SEWWA XUXTU Mar qata’ xagħru għand il-barbier. 4. SEWWA FLIXKUN Term. li jirriferi għall-preparament u t-taħlit tal-mediċina, norm. magħmula mill-ħxejjex jew ħwawar f’mod likwidu. Ngħidu, ‘sewwa flixkun mgħaqqad bil-ġulepp / mir-rabrabru u ftit zokkor’. SEWWA l-INSALATA Żied il-ħwawar mal-ikel. 5. SEWWA SERDUQ Ikkastra serduq billi neħħielu l-ħaswa. Sors: E.S.I u J.A.
SIES (Pl. sisien) 1. Il-pedament ta’ xi ħajt. 2. Ix-xagħar tad-drapp fejn juri l-qtugħ tal-imqass. 3. Il-forma tal-blat ta’ preċipizzju li jkun nieżel dritt dritt għal ġol-baħar. Ħafna mill-kosta Maltija tan-naħa tan-Nofsinhar hi magħmula minn sisien għoljin, bħal pereż., Ġebel Ciantar, u Ta‘ Ċenċ, Għawdex.
SKAMPLU 1. Rif. għal xi ħadd li ma huwiex ta’ kumpanija tajba; bniedem ta’ waħdu. 2. Oriġ., din il-kelma kienet tirriferi għall biċċa drapp li jkun baqa’ minn pezza u li minnha ma tista’ tużaha għal xejn. 3. Ħabel li jintuża biex jitella’ l-barmil mill-bir. Tal. scampolo.
SKUTELLA 1. Bieqja żgħira li tintuża biex fiha jsir xi taħwir ta’ ingredjenti f’ammonti żgħar jew biex jinxtorob il-kafè u fiha wieħed ikun jista’ jfettet xi biskuttell. 2. Il-qurriegħa tar-ras. Ara: ĠISEM IL-BNIEDEM. Sqal. scutedda /scodella.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
STWIEL 1. Arblu li jagħmel parti mill-makkinarju tal-mitħna tar-riħ billi jkun imqabbad mal-fus tar-rota kif ukoll mal-miġbed. 2. Lasta twila tat-tilar tan-nissieġ. E.S.I. jagħti dawn il-paraguni: ‘jarfa’ daqs stwiel’; ‘donnu stwiel’. Anton Cremona, fi ‘Żjara lil Ħabib f’Raħal’, jiddeskrivi lill-ħabib tiegħu Ġann Karl bħala, ‘[…] biċċa ta’ raġel m’ogħla stwiel […]’ Tal. stollo, li apparti li tfisser ‘injama twila’, tintuża b’mod fig. biex tiddeskrivi wkoll bniedem twil u rqiq. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 153. 3. A pillar (F.V. 1831).
SUFFEJRA 1. Marda li biha jisfar l-abjad tal-għajnejn u tisfar anki l-ġilda minħabba li l-metaboliżmu tal-ġisem ma jkunx qed jaħdem sew. Qabel kienu jemmnu li s-suffejra tiżviluppa b’xi qatgħa. Lat. Icterus. Ing. jaundice, li ġejja mill-Franċiż jaune – M. isfar. 2. Is. xj. Calendula. Ing. marigold. Għ. sfajra.
TABXA 1. Somma flus li wieħed hu obbligat li jħallas. 2. Sitwazzjoni diffiċli. A. de S. jispega din il-kelma fid-Damma bħala conculina di rame. Conculina tista’ tfisser tip ta’ bebbuxu jew arzell tal-baħar, jew għoqda jew ingropp f’zokk ta’ siġra. Għ. dabxa. M.A.V. (1796) iżid, somma grande. F. Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. confusione, u bl-Ing. trouble.
TAĦRIKA 1. Biċċa laħam, eż., taħrika taċ-ċanga – wirk tal-barri maqtugħ għall-ikel. 2. Taħrika tal-qorti / tal-pulizija. Fid-Damma A. de S. jispjegaha hekk: ‘[…] citazione fatta da un Sbirro, chiamato uffiziale, a qualche persona perche ad un giorno destinato comparisca nel Tribunale o sia Giustizia avant’ il Giudice unitamente con chi fece l’istana per far la domanda […]’. 3. Moviment jew ċaqliq. Xi ħaġa li teċita sesswalment. 4. F. Vella (1843) iżid: Mard tat-taħrika bit-Tal. bħala, sciatica u bl-Ing. bħala, hip-gout.
TAQTIGĦA 1. Qatgħa ta’ affarijiet, laħam jew ħut. Eż., ngħidu, ‘ser insajjar taqtigħa lampuka’, jiġ., il-ħuta ser tkun mqatta’ f’ħafna biċċiet. Nom mill-verb qata’ bħal qata’ f’biċċiet. 2. Battalja, ġlieda bejn ħafna nies. Ngħidu, ‘saret taqtigħa kbira li damet sejra bosta sigħat’.
TOMNA / TUMOLO 1. Roqgħa art li titkejjel skont il-kapacità ta’ kemm jistgħu jitkabbru fiha uċuħ tar-raba’. L-ispazju ta’ 1,124 m kwadru, jew 256 qasba kwadra. B’tomna raba’ il-bidwi kapaċi jiġbor b’ 7.88 pinet Ingliżi jew tliet galluni uċuħ tax-xott (qamħ jew xgħir, eċċ.). Sqal. tumminu. Ing. 0.1 ettari. Ara: MODD u KEJL ANTIK. 2. Kappell tond, li jogħla forma ta’ ċilindru li kien jintlibes mill-irġiel l-aktar f’xi ċeremonja importanti bħal tieġ, riċeviment jew f’xi funeral. Ing. Top hat jew cylinder hat.
TORBA 1. Taħlita ta’ xaħx, ramel tal-franka u żrar fin li jintuża biex jiksi x-xorok tas-soqfa. Fuq it-torba jitqiegħed id-DEFFUN. Ara: BALLATA. 2. Qabar. 3. Kant partikulari li kien jitkanta bil-Latin flimkien mal-kongrezzjoni waqt il-Passju ta’ Ħadd il-Palm.
TQALFIT 1. Il-proċess biex jitnaddfu x-xquq ta’ bejn it-twavel tad-dgħajsa jew bastiment ħalli wara jimtlew b’korda tal-qanneb. Paradossalment, il-mili ta’ dawn ix-xquq bil-qanneb ukoll jissejjaħ tqalfit. 2. Fig. v. QALFAT – tintuża biex tfisser li ħareġ lil xi ħadd minn postu eż., ngħidu, ‘qalftu ’l barra’. 3. Nom fil-pl. qlafat: tingħad l-aktar b’mod fig. għal xi tfal jew nies baxxi. Ngħidu, ‘kull ma kien hemm fis-sala kienu erbat iqlafat’.
TRAJBU 1. Oġġett li jintuża biex tinħadem il-bizzilla fuqu. Mat-trajbu jitwaħħal id-disinn imfassal fuq karta u li fuqu jitpoġġew il-punti bil-labar u ċ-ċumbini mdendlin bil-ħjut. Ara: BIZZILLA. 2. Pupu tat-tiben u ċraret forma ta’ tfajjel, eċċ. It-trajbu jintefa’ biex jinħaraq fil-ħuġġieġa ta’ San Ġwann. Fir-rakkonti ta’ Dun Xand Cortis il-kelma trajbu tintuża b’mod kollokwiju
biex tirreferi għat-tarbija tat-twelid. Figura taċ-ċraret u oġġetti oħra magħmula biex tbeżża’ l-għasafar milli jersqu lejn l-uċuh tar-raba’. Kelma oħra flok trajbu hi NUFFARA. 3. Tip ta’ bebbuxu tal-art li għandu l-qoxra ta’ dahru ġejja fit-tul, forma ta’ kown. Is. xj. Rumina decollata, Ing. decollate snail. Bebbuxu li jiekol kemm il-ħxejjex kif ukoll bebbux ieħor. Jikber sa 44 mm.
TRENTA 1. Mod kif il-Maltin isejħu n-numru tletin fil-logħob tat-tombla. Kienu jgħidu, ‘fejn trenta – trentun’, jiġ., fejn saret ħaġa tista żżid ħaġa oħra magħha u ma jkun ġara xejn. Tal. trenta. 2. Tip ta’ brimba; mit-Taljan tarantola. Kelma li nsibuha fil-kummiedja, ‘Żanu Migdum mit-Trenta’ (1858) ta’ Luigi Rosato: ’[…] meta bniedem ikun migdum mit-trenta fejn jingidem jikħal […]’. Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, L-ewwel volum, p. 110.
TRIBUNA 1. Tron jew siġġu speċjali fejn joqgħod bilqiegħda xi ħadd distint, bħat-tribuna riservata biex fuqha joqgħod l-Isqof. 2. Armar dekorattiv mibni fuq il-presbiterju li jkollu wkoll iċ-ċelu. Knisja bażilikali, flok tużell fuq l-artal, ikollha tribuna. 3. Gallarija b’arkata li jgħidulha wkoll BARRAKKA, bħal dik li tinsab taħt is-Saqqajja, ir-Rabat. Minn hawn il-Gran Mastru kien isegwi t-tiġrijiet tal-Imnarja u wara jirregala l-palju lir-rebbieħa. Din kienu jgħidulha wkoll il-LOĠĠJA. Ħal Qormi wkoll insibu l-hekk imsejħa ‘Tribuna’ tal-Gran Mastru Pinto de Fonseca. Ara: QORMI.
TUQQALA 1. Kwalunkwe oġġett li jtaqqal. 2. Misluta, jew skrotu ta’ mogħża. 3. Tuqqala tas-sieq, l-għadma tal-irkoppa. 2. Tuqqala tal-injam, minċott f’nofs l-injam. Ing. dowel.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
TURKOPILIER 1. Fl-Ordni ta’ San Ġwann, it-turkopilier kien l-uffiċjal inkarigat mill-kavallerija. Orig. fl-imperu Ottoman, dan kien titlu mogħti lill-kmandant Tork li kellu taħtu t-turcoples li kienet kavallerija fl-armata. Dawn is-suldati kienu armati bil-lanez u l-vleġeġ. Dan l-appellattiv kien jirreferi fl-istess ħin għar-rikkieba tal-istess armata. 2. It-titlu mogħti lil Balliju tal-Lingwa tal-Ingilterra. Dan it-titlu ttieħed minn turco pole, tip ta’ żiemel ħafif għall-ġiri. Lat. Turcopuli. Tal. soldato (turco) armato alla leggera. Etim: Gr. turkopulos: M. it-tifel tat-Tork.
TURRUN 1. Kejk tal-qubbajt li jkun daqs 30 ċm għoli. 2. Kwantità ta’ affarijiet fuq xulxin; ngħidu, ‘turrun platti’. Tal. torrone – qubbajt.
UNIVERSITÀ 1. Antikament, dan kien it-terminu li jirreferi għall-kunsill lokali, kemm dak tal-Imdina kif ukoll ta’ Għawdex. Wieħed mir-risponsabbilitajiet tal-Università tal-Imdina kien li tieħu ħsieb is-swar u d-difiża tal-belt kif ukoll il-bżonnijiet ta’ kuljum. Biż-żmien, l-Università bdiet ukoll tamministra l-bżonnijiet tar-reġjun tal-madwar. Ara: MUNIĊIPJU. 2. Istituzzjoni tat-tagħlim terzjarju – L-Università ta’ Malta taf l-oriġini tagħha lill-kulleġġ li l-Ġiżwiti kienu stabbilew fil-Belt, fit-8 ta Marzu tal-1593, u kkonsolidata fl-1769 fi żmien il-Gran Mastru Pinto. L-Ingliżi reġgħu tawha l-ħajja wara li Napuljun kien abolixxa l-Università u ssuġġerixxa li ssir l-École Centrale.
UQIJA (Pl. ewwieq). 1. Miżura li turi t-toqol ekwivalenti ta’ oncia ( Ing. ounce – ċ. 28 gramma). L-ewwieq kienu jintużaw l-aktar bħala miżura ta’ toqol ta’ oġġetti żgħar bħad-deheb, mediċina u affarijiet oħrajn ħfief. Is-simbolu tal-uqija fil-mediċina hu ℥. 2. Munita ta’ flus li kienet tintuża kemm fi żmien il-Medjuevu, kif ukoll fi żmien l-Ordni f’Malta. Oriġ. din il-munita kienet ibbażata fuq it-toqol tagħha f’deheb.
VELJA 1. Lejl mingħajr irqad. 2. Laqgħa ta’ talb li ssir matul il-lejl fil-knejjes.
WAĦX 1. Mostru bħall-Gawgaw li jidher lejlet il-Milied. Bhima selvaġġa li tbeżża’. 2. Il-baħħ fejn ma jidher ħadd u xejn, post fejn l-ambjent ikekxex. Ngħidu, ‘X’waħx hawn!’ Espr. ‘Aħjar waħxek minn wensek.’ WAĦX IL-BAQAR Barri salvaġġ (Is. xj. Bos bubbalus). Bl-Għarbi ‘waħx il-ħmar’ hu l-isem mogħti liż-żebra. Sors: J.A. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, Anton F. Attard.
WIKKIEL 1. Bniedem li jiekol ħafna jew b’ġuħ kbir. 2. Bniedem li jġiegħel lil ħaddieħor jagħmel ix-xogħol li suppost kellu jagħmel hu. Ngħidu, ‘Wikka x-xogħol tiegħu lil ħaddieħor.’ Appel. li ġej mill-verb ‘kiel’.
XATBA (Pl. xtabi) 1. Rixtellu pjuttost qsajjar li norm. jagħlaq l-għelieqi, jew xi razzett minn fejn wieħed jidħol fil-mandra. 2. Għodda tal-bdiewa li għandha kemxejn l-istess xeħta. Din titqiegħed żaqqha mal-art u tinġibed mill-bhima hekk kif titħaxken mal-ħamrija biex twittiha. Din ix-xatba ġieli jkollha bħal imsiemer kbar ħerġin minnha biex meta titkaxkar fuq il-ħamrija din tigref u tfarrak il-ħamrija biex din tinqala’ mill-ibbusija tagħha. 3. M.A.V. jżid bi spjega oħra, raġel samrani, oħxon u raħħali; jgħid hekk, uomo oscuro grossolano e rustico.
XAWWATA 1. L-ostja li tingħata fis-sagrament tal-Ewkaristija. 2. Tip ta’ ftira msajra fil-forn. Qawl: Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu – jiġ., kulħadd jittantata li jaqdi l-ewwel nilu nnifsu. M.A.V. (1796) jgħid, focaccia, cosa abbrustiata. G.B.F. (1845) jagħtiha bit-Tal. sciaccata, Ing. a cake. Għ. Ivvjaġġa għal ħafna tul.XAWWAT v. Ħaraq bil-ħadida tikwi. IXXAWWAT v. Sofra jew qiegħed isofri minn tixwit, bħal meta wieħed jegħreq l-aktar taħt abtu jew bejn il-kuxxtejn.
XBIN 1. Parrinu. Orig. Għ. xabin – parrinu. 2. Mod familjari ħafna ta’ kif bniedem jindirizza ’l ieħor biex bħallikieku qed jistmah ta’ ħabib intimu. Illum, din il-kelma bil-Malti hi ekwivalenti għall-Ing. ‘mate’. 3. XBINT Parrina. Fig. Il-ħabiba sigrieta ta’ xi ħadd. F. Vella (1843).
XIDJA 1. Il-ħolqa li magħha tiddendel tarjola jew parank. 2 Ħabel. 3. Biċċa feles tal-injam li tidħol fil-ħofra tas-sokra ta’ bieb biex il-lukkett ma jkunx jista’ jinfetaħ. 4. Skalda miz-zokk tas-siġar. 5. Fig. Bniedem fitt. Idj: ‘Fitt daqs / qisu xidja’. Għ. xada, fittaġni. Sors: E.S.I. u A.J.
XIKEL (Pl. xikla) 1. Sieq ta’ annimal li tintrabat bix-xikel. 2. L-injama mimduda li żżomm is-saqajn tas-siġġu marbuta ma xuxlin. Eż. siġġu b’erba’ XIKLA.
XKUMA 1. Ragħwa tal-ħalib. 2. L-abjad tal-bajd. 3. Ragħwa ta’ likwidu impur. Sqal. schiuma – ragħwa.
XLIEQA 1. Ħrara. Ferita rqiqa bajda fir-rokna tax-xufftejn. 2. Linja safra li tidher wara sħab iswed jew skur. 3. Sħaba rqiqa fuq ix-xefaq. 4. Kulur isfar irqiq fuq il-munqar ta’ għasfur li jkun għadu nuvell.
XPRUN 1. Niggieża tal-ħadid imwaħħla maż-żarbun tar-rikkieb li dan juża biex iż-żiemel jimxi. 2. It-tarf ta’ x’imkien. 3. L-ixprun. L-isem ta’ post li jinsab in-naħa ta’ barra tad-Dwejra, Għawdex. Sqal. spruni. kif ukoll fil-Belt Valletta. Temi Zammit fir-rakkont, ‘Pina’, jgħid, ‘[…] Pina kienet l-aktar mara magħrufa ta’ fuq L-ixprun fil-ħara ta’ Sant’Iermu […]’. Ara: Nies Bla Sabar, u Stejjer Oħra, miġbura minn Toni Cortis, p. 40.
XRIEK (Pl. xorok). 1. Ġebel ta’ madwar metru tul u 15-il ċm wisa’ li kienu jsaqqfu l-binja bih. Ix-xriek jitqiegħed mimdud u jserraħ jew fuq il-ħajt jew fuq il-ħnejja, jew inkella fuq travi biex imbagħad jinkesa bit-torba. 2. Ix-xriek jista’ jkun bank anki jekk tal-injam, biex wieħed joqgħod bilqiegħda fuqu. 3. Il-kelma tintuża wkoll fil-frażi ‘xriek qubbajt’. (Damma) Nies ta fuq ix-xriek, pancata, L. Plenum subsellium.
XRIĦA 1. Tiċrita tal-laħam bla għadam għall-ikel. Flett. 2. Kunjom Malti li llum jinkiteb Sciriha.
ŻAGĦRUN/A 1. Ħuta mir-razza tal-mazzola (Is. xj. Centrophorus granulosus, Ing. gulper shark). Minn din il-ħuta, li tikber sa 1.5 m kien jittieħed il-fwied biex minnu jqattar iż-żejt tiegħu għal ġo flixkun biex bih jittrattaw il-feriti. 2. Pjanta li tikber fil-widien jew fil-makkja, qisha arbuxell jew siġra żgħira bil-friegħi jxewku. Is. xj. Crategius monogyna, Ing. wild hawthorn. Tissejjaħ ukoll, anżalor. 3. Tip ta’ dud żgħir ħamrani tal-ilma li norm. jgħix f’xi ħawt jew ġiebja.
ŻAMBUKA / SAMBUKA 1. Is. xj. Sanbuca nigra. Arbuxxell ta’ pjanta mediċinali. Ing. elder. 2. Ħelu f’għamla ta’ boċċa żgħira tonda bit-togħma tal-aniżett. Ara: SEBUQA.
ŻEBBIEL 1. Bniedem li jiġbor id-demel mill-istalel u jitfgħu fl-għelieqi bħala fertilizant. 2. Bniedem li jiġbor iż-żibel. F.Vella (1843) jagħtiha bit-Tal. spazzaturaio u, bl-Ing. dustman.
Din il-paġna tagħmel parti mill-website http://www.kliemustorja.com
ŻIEMEL 1. Apparti mit-tifsira l-aktar komuni, dan in-nom jintuża wkoll bħala għemil meta ngħidu, ‘jiżżiemel’. Fl-istorja li kieteb Ġużè Ellul Mercer, ‘Leli u sieħbu s-Sur Kelin’, insibu hekk: ‘[…Leli] ikun jonqsu sagħtejn oħra jiżżiemel ma’ sħabu qabel ma jidħol il-knisja […]’ Sors: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin, p. 23. 2. Il-kabina tax-xufier tat-trakk li jiġbed warajh trailer tat-tagħbija. 3. L-istruttura, bosta drabi magħmula minn vireg, plastik jew ħadid li fuqha jitqiegħdu l-ħwejjeġ biex jinxfu.
ŻIGROMBLU / ŻUGROMBLU 1. Tip ta’ tajra tal-karti. 2. Tip ta’ żugraga. 3. Isem ta’ logħba tat-tfal. 4. Boċċa tal-logħob magħrufa wkoll bħala l-bubun. Ngħidu, ‘Qisu żigromblu’ – tingħad għal xi raġel jew tifel oħxon. Oriġ. zig + romblu. 5. Il-fosdqa taż-żerriegħa tal-kappar. Ara: ŻUGRUMBU.
ŻINŻLA 1. (Pl. kollett. żinżel, pl. żnieżel). Frotta tixbah in-naspla. Is. xj. Ziziphus jujube. Oriġ. frotta li titkabbar fl-Asja u fil-Lvant Nofsani. Hemm mal-400 kwalità ta’ din is-siġra, fosthom iż-Ziziphus spina-christi li tikber fil-Jemen. Is-siġra hi konnessa fil-folklor mal-Passjoni ta’ Kristu, għaliex hawn min jgħid li l-kuruna tax-xewk ta’ Kristu kienet magħmula mill-friegħi ta’ din is-siġra. Sqal. nzinzula. (ing. jujube). Tal. giuggulo/a. 2. Sajjetta (M.A.V. 1796.)
ŻNIED 1. Ħaġra iebsa, griża, kannella jew safranija li lokalment tinsab f’partijiet żgħar tal-blat sedimentarju, magħmula minn ġibs u frak tal-kristall. 2. Biċċtejn laqx tal-injam jew ċagħaq li kienu jitħakku ma’ xulxin biex jitqabbad in-nar. Espr. ‘daqq iż-żnied’ – jiġ., ħabbat iż-żnied ma’ xulxin. 3. Il-farka taż-żnied li titqiegħed mar-rota tal-lighter biex din tinxtegħel. 4. Espr. ‘qalagħha minn żniedu’ – jiġ., ivvinta xi qlajja’.
ŻORBA 1. Logħba tat-tfal li tintlagħab bil-boċċi jew bil-lewż, imsejħa wkoll il-FATT. F’din il-logħba t-tfal igaraw il-boċċa tagħhom lejn boċċi oħrajn fiċ-ċirku mpinġi biex itajruhom. Biss, jekk il-boċċa li jgaraw tieqaf fiċ-ċirku dak li jgara l-boċċa jitlef il-logħba. Ir-regola tat-tfal f’din il-logħba kienet ‘Żorba u line mejjet.’ Idj: i.) ‘Waqa’ żorba’ – imtedd għal mejjet bl-għajja. Idj: iii.) ‘Fatta la żorba’ – li kellu jsir issa sar. Etim. Għ. żaraba – M. post magħluq għan-nagħaġ, eċċ. 2. Siġra u l-frott tagħha (mhux komuni) li tinstab fil-widien. Is. xj. Pirus sorbux. (D.) sorbo, nespolo. 3. Inbid tas-sikran. Idj: ii.) Sar żorba – siker waħda sew.
Martin Morana
4.06.2021
Fittex dwar kliem antik, minsi jew stramb:
A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Fittex kitbiet oħra mill-istess awtur https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
https://sites.google.com/view/maltesehumoursbutseriously/home