Il-KATAKOMBI

IL-KATAKOMBI 

fil-Gżejjer Maltin

Introduzzjoni

F’Malta u Għawdex insibu kwantità kbira ta’ oqbra miġbura fl-imkien u li jinfdu ma’ xulxin b’passaġġi taħt l-art, li jmorru lura sal-perijodu Tardiv Ruman, jew inkella taż-Żmien Biżantin. B’mod ġenereku, dawn jissejħu katakombi, u bosta drabi nassoċjawhom mal-perijodu Palaeo-Kristjan, iż-żmien tal-qedem meta f’Malta kien hawn l-ewwel komunitajiet Insara.

Biss illum nafu li xi wħud minn dawn il-katakombi jmorru lura anki għal żmien aktar ’l bogħod u ma kinux postijiet tad-dfin biss għall-Insara. Anzi, x’aktarx numru kbir minnhom kienu jappartjenu għal komunitajiet li kellhom twemmin ‘pagan’, jiġifieri, twemmin fl-allat Rumani, jekk mhux ukoll f’allat ta’ reliġjonijiet oħra.

IMG_5411
Id-daħla tal-Katakombi ta’ San Pawl bit-triclinium. Fuq ix-xellug (isfel) qabar tat-tip loculus.

Il-katakombi f’Malta żviluppaw b’mod gradwali matul il-mijiet tas-snin minn oqbra individwali u sempliċi li jmorru lura saż-żmien Puniku / Karaġiniż, li biż-żmien sfaw magħquda ma’ xulxin fi gruppi żgħar u ġew imkabbra f’katakombijiet ta’ diversi daqs. Dan ifisser li oriġinarjament, il-post tad-dfin ma kienx intenzjonat li jkun ċimiterju għal komunità kbira, iżda kienu jservu għal familji jew gruppi żgħar ta’ nies. Fil-maġġorparti tagħhom, il-katakombi kellhom speċi ta antikamera li kienet isservu wkoll bħala triclinium u li minnha kien hemm passaġġi li jagħtu għal taqsimiet oħra tal-istess katakombi.

IMG_5416

L-eqdem katakombi li nsibu f’Malta jmorru lura għat-tielet jew ir-raba’ seklu W.K. Dawn baqgħu jintużaw għal ħafna snin wara, xi wħud minnhom sas-7 seklu W.K. Jista’ jkun li ċerti katakombi kienu magħmula biex fihom jindifnu membri ta’ fratellanzi li kienu jipprattikaw l-istess xogħol. Fil-katakombi ta’ San Pawl, numru 4, instabet blata kbira li kienet isservi ta’ bieb u li fuqha hemm raffigurazzjoni tal-għodda li kienet tuża fratellanza partikulari. F’dan il-każ bosta jaħsbu li din kienet għaqda ta’ tobba, biss oħrajn jaħsbu li din il-fratellanza kienet ta’ grupp ta’ artiġjana. Il-fatt hu li l-għodda qatt ma ġew identifikati bi preċiżjoni minn min kienu jintużaw.

Il-Belt Melita u n-nekropoli

L-akbar kwantitàta’ katakombi f’Malta jinsabu fir-Rabat. Fi żmien Imperjali, meta Ruma kienet taħkem lil Malta, il-belt kapitali Melita, kienet tkopri, l-Imdina kollha, kif ukoll il-parti tat-Tramuntana tar-Rabat, jiġifieri dik il-parti l-eqreb lejn l-Imdina. Is-swar ta’ din il-belt kienu jaslu sa’ fejn illum hemm ‘iz-Zuntier’ tal-Bażilika Parrokkjali ta’ San Pawl. In-nekropoli kienet taqa’ qrib dawn is-swar, lil hinn mill-knisja tal-parroċċa, jiġifieri f’dik il-parti tan-Nofsinhar tar-Rabat. F’dak iż-żmien, id-dfin ma kienx permess ġewwa l-belt għal raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ saħħa u għaldaqstant id-dfin kien isir barra s-swar.

Il-Katakombi tar-Rabat

st-pauls-plan-tz-1926-_084429
Pjanta tal-katakombi (1896) tal-Katakombi ta’ San Pawl, ir-Rabat

Il-Grotta ta’ San Pawl, li qiegħda taħt il-kappella ta’ San Pubbliju, li tħakkek mal-Bażilika Parrokkjali hemm imissu magħha xi katakombi żgħar. Imbagħad, ftit lil hinn mill-knisja, forsi daqs tmenin metru biswitha, hemm il-katakombi ta’ San Katald. Aktar ’il fuq, fi Triq Sant’Agata hemm imbagħad iż-żewġ katakombi il-kbar, dak ta’ San Pawl,(2,166 metri kwadri), u l-ieħor ta’ Sant’Agata. Bejn dawn hemm dik il-parti li nfetħet xi snin ilu għal pubbliku minn Heritage Malta, u li tagħmel parti min-nekropoli, bi kwantità, (daqs 30 b’kollox), ta’ katakombi żgħar. Fosthom hemm ħamsa li kienu jintużaw minn komunità Lhudija. Katakombi Lhudi ieħor jinsab fil-kumpless ta’ Sant’Agata. Dawn il-katakombi Lhud jintgħarfu mid-disinn li jinsab fihom tal-menorah, simbolu importanti tal-Lhud.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Oqbra-għerien fil-wied ta’ Binġemma

Lill hinn mir-Rabat, fil-wied li hemm f’Binġemma, taħt il-kappella tal-Madonna tal-Ittrija (hogitria), hemm kwantità kbira ta’ oqbra. Din id-darba, flok taħt l-art, dawn qegħdin mħaffrin mal-ġenb tal-wied. Dawn kienu magħrufa oriġinarjament bħala oqbra tal-Lhud. Sfortunatament ħafna minn dawn kienu vvandalizzati matul is-snin. Biss, xorta waħda, bil-mod li tħaffru juru li dawn jixbhu lill-katakombi tal-istess perijodu li hemm fir-Rabat u f’postijiet oħra.

Dekorazzjonijiet u simboli mpinġija

IMG_5428

F’xi uħud mill-katakombi nstabu laqtiet dekorattivi kemm fil-mod ta’ arkitettura li żżejjen il-kamra jew il-qabar innifsu kif ukoll fi tpinġijiet. Dawn magħmulin b’ċerta sempliċita, biss jirrapreżentaw fl-istess ħin simboli relatati mat-twemmin ta’ dawk li ndifnu.

Fost dawn insemmu xi tpinġijiet ta’ għasafar, bħal ħamiem, u arzella, din tal-aħħar tinsab kemm fil-katakombi ta’ Sant’Agata kif ukoll fl-Abatija tad-Dejr. Instabu wkoll simboli bl-ittri, bħal, il-Chi Rho l-ewwel żewġ ittri li jirriferu għal Kristos, u l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem. Ma’ dawn wieħed irid isemmi s-simbolu tas-Salib. Dan jindika li d-disinn sar wara li l-Imperatur Kostantinu kellu viżjoni tas-Salib fis-sema (312 W.K.) u kkonverta għall-Kristjaneżmu, u s-salib allura sar simbolu sagru għall-Insara kollha.

Il-forom tal-Oqbra

IMG_5425
Oqbra a la baldakkin fil-Katakombi ta’ San Pawl

Fil-Katakombi ta’ San Pawl hemm mijiet ta’ oqbra, kollha mħaffrin ġol-art u f’forom differenti.  L-aktar eżempju komuni li nsibu huma l-oqbra msejħa, ‘a baldakkin’ li huma speċi ta’ qabar biċ-ċelu, dan naturalment magħmul mill-blat fis-saqaf u l-kolonni li ħarġu mit-tħaffir tal-kurituri. Ħafna minn dawn oqbra fihom spazju magħmul apposta biex jindifnu tnejn min-nies, x’aktarx koppji miżżewġa. Imbagħad kien hemm l-oqbra li kienu sempliċimenti ħofor rettangolari mħaffra fil-ħajt, magħrufa mill-arkeologi bħala loculi. Il-loculi kienu l-aktar jintużaw biex jindifnu t-tfal fihom. Hemm ukoll l-oqbra li għandhom xeħta ta’ tieqa fil-ħajt. Imbagħad xi wħud huma aktar dekorattivi għax għandhom speċi ta’ blata mimduda u ppuntata ‘l fuq b’mod triangolari li tagħtihom xeħta ta’ qabar ta’ ċertu importanza. Dawn apparti l-arcosulum li hu bħal arkata mħaffra fil-ħajt.

Window Tomb TZ 1926 084723
Qabar Tieqa

It-Triclinium / Stibadium

IMG_5422

Ħafna drabi f’dawn il-katakombi, nsibu, bħal imwejjed imħaffra fil-blat, f’forma tonda fi spazju mdaqqas fejn in-nies setgħu jinġabru għal xi ritwal. Din il-mejda huma magħrufa mill-istudjużi bħala triclinium. Dawn l-imwejjed jinsabu f’bosti katakombi f’Malta u jidhru li kellhom importanza kbira. Jaħsbu li madwarhom kienu jintażbu il-membri tal-familja tal-mejjet biex jagħmlu ikla (Lat. refrigerium) ad unur tal-qarib midfun hemm. Ara: AGAPE.

Fdalijiet fl-oqbra

musbwieh mta 200909-35

Ħafna mill-katakombi u l-oqbra li nstabu fihom, meta ġew skavati instabu vojta minn kull oġġett, għax matul iż-żminijiet ġew gassati u ttieħdu bosta affarjiet li kien hemm fihom. Biss, meta f’xi uħud mill-katakombi, l-aktar dawk li ġew skoperti u skavati fi żminijiet riċenti nstabu oġġetti ta’ natura personali. L-oġġetti tal-fuħħar kif ukoll, msiebaħ, xi kullani jew xi ċurkett jindikaw li l-qraba tal-mejjet poġġewhom fuq jew qrib il-mejjet għax kienu jemmnu li dawn kienu jservuh wara mewtu, anki jekk stess il-ħajja wara l-mewt kienet waħda spiritwali.

Katakombi oħra f’Malta

Hal Resqun TZ 1926 84739
Pjanta tal-katakombi ta’ Ħal Resqun

Il-katakombi li nafu bihom huma mferrxa ma’ Malta kollha – f’Għawdex instab wieħed biss, barra r-Rabat, (l-Għar tal-Għerduf). Dawn jagħtuna mhux biss ħjiel dwar il-mod tad-dfin tal-mejtin iżda wkoll ħjiel ta’ min kienu dawn in-nies.  Irrid ngħid li bis-saħħa tal-lokazzjoni tal-katakombi kapaċi nifhmu li fl-ewwel mijiet tas-snin W.K. il-popolazzjoni ta’ Malta kienet imferrxa u mhux biss tgħix fil-belt Melita. L-istess ambjent fejn indifnu l-mejtin hu indikattiv tax-xogħol ta’ dawn in-nies. Dawn setgħu kienu bdiewa, u għaldaqstant l-art tal-madwar bilfors kienet għamiela u li kien hemm għejjun minn fejn jużaw l-ilma għax-xorb u l-irrigazzjoni.

Hawn taħt ġbart lista ta’ katakombi li sibt matul din ir-riċerka żgħira li għamilt fuq is-suġġett. Xi wħud għalkemm imsemmija, ma għadhomx jeżistu. Parti kbira minn din il-lista sibtha fil-ktieb ta’ Mario Buhagiar, Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands –  Bronze Age to Byzantine. Il-lista hi mniżżla skont il-lokalitajiet li nstabu fihom.

RABAT

  • Katakombi ta’ San Pawl studjat għall-ewwel darba minn Annetto Caruana (1894).
  • Kat. ta’ Sant’Agata.
  • Katakombi fl-erja bejn il-Kat. ta’ San Pawl / l-Kat. ta’ Sant’Agata. Mat 30 kat żgħar.

– Sitta minn dawn il-katakombi huma tal-Lhud għax għandhom il-menorah mnaqqxa fihom.

  • Abatija tad-Dejr, skavat minn Temi Zammit fl-1926. Tnejn.
  • San Katald. Skavat minn Temi Zammit, 1926.
  • Santu Wistin. Sett ta’ tliet katakombi żgħar misjuba qrib ħafna tal-katakombi ta’ San Pawl fl-1920.(Mus. Ann. Rep. 1921/1922). Skavat fid-dettal fl-2011.
  • Grotta Ta’ San Pawl / Wignacourt Museum
  • Tal-Virtù.
  • Għar Barka.
  • fil-Kulleġġ (playground) tal-MSSP.
  • (?) Oqbra ta’ Marċell / Taċ-Ċaqgħi – (Perijodu: Puniku – Ruman) daqs mitt qabar imħaffra separatament ħdejn xulxin. Skavat minn Temi Zammit (1906 – 1907). Jidher li dawn l-oqbra u oħrajn setgħu taw l-ispinta biex l-oqbra jitniffdu u jsiru kumpless wieħed.
  •  
  • BINĠEMMA – magħrufa bħala l-oqbra tal-Lhud.
  • BIRKIRKARA  – Kat. Ta’ Ħas-Sajjied.
  • Il-GUDJA – Kat. Ta’ Ħal Resqun (qrib l-Ajruport). Skavat minn Temi Zammit fl-1912 u għal darb’oħra riċentament.
  • ĦAL KIRKOP   Kat. misjub waqt xogħol ta’ sistema ta’ drenaġġ f’Settembru 2021. https://www.youtube.com/watch?v=b0hQpwhRVyw
  • MARSA – Żewġ Kat. fFuq l-’Għolja tal-Ġiżwiti’ / Il-Qortin.
  • MOSTA Kat. Tal-Għammariet, skavat minn Patri Manwel Magri (lejn tmiem is-seklu 19.
  • Kat. Ta’ Bistra – Skavat minn Patri Manwel Magri (lejn tmiem is-seklu 19,) u fit-30ijiet tas-seklu 20. minn C. G. Zammit.
  • MQABBA – Tal-Mintna.
  • QRENDI  (limiti ta’) Il-Magħlaq.
  • RABAT / KERĊEM, Gozo – Ta’ Għerduf.
  • RAĦAL ĠDID – Triq Sammat.
  • IS-SALINI – Qrib il-kappella tal-Lunzjata – Skavati fit-30ijiet tas-seklu 20. minn C.G. Zammit u Capt. Louis Upton Way.
  • TARXIEN
  • Kat. Tad-Dejma misjub fl-1844.
  • Kat. Fi Strada Rocca, viċin il-kappella ta’ San Bartilmew.
  • Kat. Triq Santa Maria, misjub fl-1926.
  • WIED il-GĦAJN – Oqbra misjuba qrib it-Torri ta’ San Tumas
  • ŻABBAR – Ix-Xagħra ta’ Santa Duminka
  • ŻEBBIEGĦ / MĠARR – Tar-Ragħad.
  • ŻURRIEQ
  • Kat. tax-Xarolla, misjuba u skavati 1926. L-isavi fuq oqbra oħra fl-1995.
  • Kat. Ta’ Ħlantun.

Martin Morana

26.11.2021.

Aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Biblijografija

Attard Bezzina Daniel, ‘Rabat site is back from the dead’, https://timesofmalta.com/articles/view/catacombs-site-is-back-from-the-dead.859567

Bonanno Anthony, Malta – Phoenician, Punic and Roman. Midsea Books Ltd. 2005.

Buhagiar Mario, Essays on the Archaeology and Ancient History of the Maltese Islands – Bronze Age to Byzantine. Midsea Books. 2014.

Buhagiar Mario, ‘The Study of the Maltese Paleochristian Catacombs’,

Gustafsson Azzopardi Amanda, Cardona David, Farrugia Glen, The St Augustine’s Catacombs Complex. https://www.academia.edu/24730372/The_St_Augustines_Catacombs_Complex_excavations_and_preliminary_assessment

Vassallo Bernard, 21 Catacombs and Tombs Outside Melita’s Walls’, Times of Malta, September 29, 2013. https://timesofmalta.com/articles/view/21-catacombs-and-tombs-outside-Melita-s-walls.488440

Zammit Themistocle, The St. Paul’s Catacombs and other Rock-Cut Tombs in Malta. 1924.

‘Tomb rediscovered – Unique to Maltese Archaeology’. The Malta Independent, Thursday, 17 August, 2006. https://www.independent.com.mt/articles/2006-08-17/news/hal-resqun-catacombs-re-discovered-tomb-unique-to-maltese-archaeology-95498/

‘Catacombs discovered in Malta’s Rabat’. News Network Archaeology, 27.11.2016. https://archaeologynewsnetwork.blogspot.com/2016/11/roman-catacombs-in-maltas.html

Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn: 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s