Il-Birgu fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija
It-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa, kien iddikjarat uffiċjalment fit-8 ta’ Mejju tal-1945. Biss, l-attakki fuq Malta kienu waqfu qabel, tista’ tgħid lejn nofs l-1943. Wara li l-Italja kienet ċediet, fit-8 ta’ Settembru tal-istess sena, Malta ma baqgħetx fil-mira tal-attakki. L-aħħar att tat-Tieni Gwerra Dinjija kien l-armistizju bejn l-Amerika u l-Ġappun li sar fit-2 ta’ Settembru tal-1945. Issa kien hemm bżonn li Malta, speċjalment il-bliet ta’ madwar il-Port il-Kbir fejn kienet saret devastazzjoni sħiħa terġa’ tinbena mill-ġdid.
Fdalijiet tal-Gwerra fil-Birgu
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Birgu bħall-bqija tal-Kottonera, kien intlaqat sew u bosta familji kellhom jitilqu minn hemm u sabu fejn jgħixu banda oħra. Ommi kienet waħda minnhom għax hi u l-familja tagħha kienu marru jgħixu r-Rabat. Min ġie lura l-Birgu sab ħafna tifrik. Fost il-bini li kien iġġarraf kien hemm il-koppla tal-Knisja ta’ San Lawrenz, il-knisja tal-Lunzjata, u l-kunvent tad-Dumnikani li kienu intlaqtu fl-attakk tal-Illustrious, fis-16 ta’ Jannar tal-1941.
Il-Patrijiet Dumnikani kienu ġew temporanjament alloġġjati fil-Palazz tal-Inkwiżitur fejn damu sal-aħħar tas-snin ħamsin. Naturalment dak iż-żmien, dan il-palazz ma kienx miftuħ bħala mużew għall-pubbliku. Il-patrijiet baqgħu jgħixu f’din il-binja sakemm il-knisja u l-kunvent reġgħu nbnew mill-ġdid. Jien ġieli attendejt xi quddiesa fil-kappella rranġanta b’mod temporanju fit-tlett iswali tal-ewwel sular ta’ dan il-palazz. Niftakar ukoll il-knisja l-ġdida titlesta, u anki meta nfetħet biex reġgħet bdiet tiffunzjona għall-parruċċana tagħha.
Sal-ħamsinijiet, il-Birgu reġa’ sar abitabbli għax kien ittella’ ħafna bini, l-aktar dawk tan-naħa tal-Punent li jagħtu lejn id-Dockyard Creek, għax hemm u n-naħat tal-Pjazza kienu milqgħuta sew. Biss kien hemm binja waħda li ma reġgħet qatt inbniet f’Misraħ ir-Rebħa, l-unika pjazza tal-belt, u dan kien il-famuż Torri tal-Arloġġ tal-Birgu. (Biex tkun taf aktar dwar dan it-torri aqra dan l-artiklu fuq l-istess website):
https://kliemustorja.com/2022/03/10/the-clock-tower-of-birgu/
Biss, għalkemm kienu għaddew bosta snin mit-Tieni Gwerra Dinjija, fil-ħamsinijiet u s-snin sittin, fil-Birgu kien għad hemm xi bini mwaqqa’ li dam ħafna ma reġa’ nbena. Dan ried bħallikieku jfakkarna dwar il-kefrija tal-gwerra u l-uġigħ li ġġib magħha, li jdum ħafna ma jgħaddi u li ma jintesa qatt. Fost ir-rovini, fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Kwartier, kont għadek tara nofs blokka bini mċarrta u l-ħitan ta’ ġewwa, kollha mikxufa mill-art sat-tielet sular. Dan il-bini mwaqqa’, lilna t-tfal kien jaffaxxinana, u meta tfarfarna u lħaqna dawk l-għaxar snin, il-binja kienet isservina ta’ post ieħor fejn konna nilagħbu logħob fantasjuż u avventuruż, għalkemm b’ċerta biża’ li din setgħet iċċedi bina. It-taraġ kien jitla’ tliet sulari u kont tista’ tarah minn barra t-triq. Billejl kont tibża’ tgħaddi minn ħdejn dan il-bini mwaqqa’, fejn id-dawl baxx tat-triq kien jitfa’ dell ikrah b’tali mod li xi beżżiegħi bħali, malajr kien jitwerwer minnu għax jimmaġina li f’dawk ir-rovini seta’ kien hemm iħirsa ta xi nies li ntradmu fl-attakki tal-gwerra.
Niftakar, fi Triq San Ġwann, jew kif inhu magħruf aktar, Fuq is-Sur tal-Kurdara, qrib fejn konna noqgħodu aħna, kien għad hemm parti mill-ħajt tas-sur imċarrta b’xi bomba tal-gwerra li kienet ntefgħet hemm u laqtet dik il-parti tan-nofs, bejn it-Torri ta’ San Ġwann (fejn hemm l-Iscouts) u t-Torri ta’ San Ġakbu (is-sur ta’ Mabbli l-ħaddied).
Ħwienet tal-baħrin Ingliżi
Fil-Birgu ta’ wara l-gwerra kien għad hemm bosta ħwienet tax-xorb li kienu jservu l-aktar lill-baħrin Ingliżi li kienu jinżlu l-art mill-vapuri tagħhom biex iqattgħu ftit sigħat ta’ shore leave. Fost il-postijiet l-aktar popolari li dawn il-baħrin kienu jiffrekwentaw kien hemm ħanut tax-xorb li kien jinsab sewwa sew mal-knisja ta’ San Lawrenz, u li kien jismu it-Shamrock, Thistle and Rose. Dan l-isem kien jirriferi għal tliet pjanti, simboli tat-tliet pajjiżi tar-Renju Unit, jiġifieri, tal-Irlanda, l-Iskozja u l-Ingilterra rispettivament. Imbagħad kien hemm ħanut, in-naħa l-oħra tal-Birgu, fi Triq il-Kwartier, li ma niftakarx ismu, u li kien ikun ukoll ippakkjat bil-baħrin. Meta konna nażżardaw nersqu lejn dan il-ħanut, għax il-ġenituri tagħna kienu jwiddbuna biex ma nersqux lejh, kont tarah mimli baħrin Ingliżi, xi wħud bl-uniformi xi wħud le, kollha jixorbu l-birra, l-whisky u r-rum, u magħhom, oħrajn jilagħbu l-logħba tad-darts. Il-ħanut kien ikun dejjem mimli dħaħen tas-sigaretti għax dawn il-baħrin kienu jpejpu qishom ċumnija.
Il-Birgu fil-faqar tiegħu
Il-Birgu tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet, jiġifieri ta’ meta kont għadni tfal, kien il-post fejn kien għad hemm xi familji foqra, l-aktar fin-naħa magħrufa tal-Mandraġġ. Bħal fil-Belt Valletta, il-Birgu kellu l-mandraġġ tiegħu li għalina kien ifisser dik iż-żona f’art aktar baxxa, in-naħa tas-swar li jħarsu lejn il-Kalkara. Ma kinux in-nies ta’ hemm biss li kienu neqsin minn ħafna affarijiet neċessarji. Fil-Birgu kien hemm familji oħra li għax numerużi kienu fil-bżonn u kont tara ħafna tfal bi ħwejjeġ imqatta’, u ħafna drabi jilagħbu ħafjin fit-toroq, biss dejjem ferħanin.
Niftakar li filgħaxijiet, it-toroq tal-Birgu kienu għadhom jinxtegħlu b’lampi tal-elettriku sofor, nimmaġina tas-sittin watt, li ma kinux idawwlu wisq, waħda f’kull kantuniera ta’ kull triq. Dawn damu hekk sa nofs is-sittinijiet. F’inħawi differenti tal-Birgu, xi familji li kien għad ma għandhomx sistema tal-ilma d-dar kienu jisservew bil-’pomp’ pubbliku tal-ilma li kien ikun fit-triq. Minn dawn kien hemm tlieta f’inħawi differenti tal-Birgu. Nistħajjel li kienu dawn li ħajru ’l-Ġirbin isejħu l-vit tal-ilma fid-dar tagħhom bħala il-‘pomp’.
Il-kbar u ż-żgħar
Dak iż-żmien il-popolazzjoni tal-Birgu kienet tgħodd mas-sitt elef ruħ u fuqhom. L-irġiel kienu bosta minnhom jaħdmu mal-Ammiraljat, jiġifieri, jew id-Dockyard, jew Sant’Anġlu fejn kienu jagħtu s-servizz tagħhom fuq livell ċivili, bħal ngħidu aħna fin-NAAFI, jew bħala handymen. Imbagħad, kien hemm minn ingaġġa bħala awżiljarju fil-Merchant Navy. Biss, dan kien żmien li l-Ingliżi riedu jnaqqsu mill-infieq u l-impiegi, u għalhekk ħafna nies fil-Birgu bdew jikkontemplaw biex jemigraw, l-aktar lejn l-Awstralja. Fil-ħamsinijiet u s-sittinijijiet, kull sena kienu jemigraw minn Malta mal-10,000 ruħ. Sa kien hemm Ministeru tal-Emigrazzjoni biex jgħin lil ħafna jagħmlu hekk. Oħrajn telqu mill-Birgu għax iżżewġu u marru jgħixu x’imkien ieħor.
Fit-toroq tal-Birgu kont tara tfal kemm trid, kollha jilagħbu u jiġġerrew. Dan kien normali għax dak iż-żmien, bosta familji kien ikollhom bejn tlieta sa għaxart itfal. Biss, imbagħad, biex tara karozza fit-triq kont trid tagħmel wegħda, u meta tfiġġ xi waħda din kienet x’aktarx tkun xi vann ta’ xi bejjiegħ. It-triq tas-Sur tal-Kurdara kienet magħmula wiesgħa, u aħna t-tfal ta’ dawk l-inħawi konna nilagħbu l-ġurnata kollha hemm. F’dik it-triq kollha ħadd mir-residenti ma’ kellu karozza. Kien ikun hemm ipparkjat vann wieħed biss, li kien tal-ħaddied li kellu l-ħanut tiegħu taħt it-Torri ta’ San Ġakbu. Għalhekk, it-triq li hi madwar 150 metru tul, u wiesgħa t-tripplu ta’ toroq oħrajn fil-Birgu, kienet isservi sew biex it-tfal jaddattawha bħala futbol grawnd, jew post fejn kien jintlagħab logħob ieħor. Imbagħad filgħaxijiet fis-sajf, hemm kont tara gruppi ta’ nisa, ġeneralment fi gzuz ta’ nofs tużana, bilqiegħda madwar xi bank magħmul mit-twavel tal-injam u ħoġor tal-konkos, iqattgħu l-iljieli barra d-dar biex igawdu ftit taż-żiffa sa tard billejl. It-tfal tagħhom intant kienu jkunu qed jiġru wara xulxin jew b’xi logħba noli, jew xi ħarba jew cat. L-aħjar kienet in-noli, għax id-dawl baxx tat-triq kien jgħin biex it-tfal li jmorru jinħbew ma jidhrux faċilment, mistoħbija ma’ xi koxxa ta’ bieb, jew wara xi siġra, jew inkella wara xi bank fejn in-nisa kienu jkunu qed jidħaddtu.
Il-kummerċ fil-Birgu
Il-ħwienet fil-Birgu kienu ftit. Dawn kienu l-aktar, ħwienet tal-merċa, u bħal fl-ibliet u l-irħula kollha ta’ Malta, ta’ dak iż-żmien, kienu magħmula minn nitfa ta’ kamra, kif għadhom sal-lum. L-aktar minn dawn il-ħwienet kienu jaqdu l-bżonnijiet ta’ kuljum, fejn dak li jkun seta’ jagħmel xirja ta’ ftit jiem, kultant bil-promessa lil tal-ħanut li jħallsuh hekk kif tidħol il-paga tal-ġimgħa; jew biex dak li jkun jixtri xi oġġett għall-ikla ta’ dakinhar, bħal ngħidu aħna, imqarr ftit ħaxix għal minestra, jew xi bott tonn taż-żejt, jew xi tiċlieqa kunserva fuq karta strazza biex din titħallat mal-brodu. Ma’ dawn il-ħwienet, fil-Birgu kien hemm ukoll tlett ifran, wieħed f’ras it-taraġ tat-triq il-Majjistral, l-ieħor fl-isqaq It-Tramuntana, fejn illum hemm grupp ta’ barranin ibigħu oġġetti tal-artiġjanat, u forn ieħor wara l-Pjazza, fi Triq San Antnin. Biż-żmien dawn it-tlieta għalqu.
Apparti dawn, kien kuljum jgħaddi vann ibigħ il-ħobż, biex min ma jridx jinqala’ mid-dar joħroġ barra l-għatba biex jixtri waħda tar-ratal jew żewġ ħobżiet, u magħhom xi ġonta biex tippreċiża l-użin. Bħal dan il-vann kienu jiġu qattgħa bejjiegħa oħra, biss mhux kuljum, ibigħu oġġetti oħra, fosthom, tal-ħut, tal-biskuttelli, tal-bajtar tax-xewk – naturalment, dan kien jiġi biss f’Awwissu. Fis-sajf ukoll kien jgħaddi xi karettun bil-ħmar iġorr xi kaxxa bil-buzzun tal-ġelati biex ibigħ il-ġelati tas-slice ta’ Grezzju Caruana. Dawn kienu jinbiegħu jew sixpence jekk slice kbir, jew inkella tliet soldi jekk żgħir. Imbagħad kultant kien jitfaċċa wieħed b’dixx f’idu, mimli bir-rizzi jew tamal tal-baħar biex iħajjar lin-nisa tad-dar joħorġu jilgħabu biljett li jitla’ mal-prima.
Il-Birgu kien hemm ħanut taż-żebgħa, (ironmonger) wieħed – konna ngħidulu ta’ Billurasu, żewġ barbiera, spiżerija, li wara żdiedet oħra magħha, aktar ’l isfel fl-istess triq, u xi bażarijiet f’diversi toroq. Tal-laħam kien hemm tlieta, wieħed fil-kantuniera ta’ bejn il-pjazza u n-niżla li tagħti lejn ix-xatt, ieħor fi Triq Brittanika (illum magħrufa bħala Hilda Tabone) u ieħor fi Triq il-Papa Alessandru VII. Ma rridx ninsa wieħed li kien ibigħ il-ġwież għall-annimali u l-għasafar, u ħanut fi Triq ta’ Biswit il-Kwartier, (illum jisimha, Triq l-Arċisqof Gonzi), fejn ċertu Ġanni kien ibigħ il-ħelu. Dan il-ħanut kien popolari ħafna, almenu mat-tfal, għax dawn mit-Tnejn sal-Ġimgħa, kif ikunu sejrin lejn l-iskola kienu jridu jgħaddu minn quddiemu u hemm taqgħalhom żaqqhom u jinsistu ma’ ommhom biex tixtrilhom xi stoċċ ħelu, jew xi silġa bit-togħma, (konna ngħidulha penny ice). Mal-iskola li semmejt il-Birgu kien hemm tnejn oħra, dik tal-Fortini, barra s-swar tal-Birgu, u oħra privata tas-sorijiet Franġiskani, fi Triq San Lawrenz, wara Sant’Anġlu. Eh, u bilħaqq, kien hemm, u għad hemm żewġ banek tal-lottu.
Il-Birgu qisu raħal żgħir
Biss, il-prioritajiet tan-nies tal-Birgu ma kinetx tkun biss dwar il-ksib tal-bżonnijiet ta’ materjali meħtieġa għal kuljum. Aktar importanti minn hekk kien il-quddies u t-talb fiż-żewġ knejjes, li l-maġġorparti tan-nies kienu jattendu bi ħġarhom, jew fil-knisja ta’ San Lawrenz jew f’dik tal-Lunzjata. Dak kien żmien fejn il-poplu kien jattendi l-quddies kważi kuljum, u fejn wieħed kien imur jiskorri dnubietu darba fil-ġimgħa, normalment nhar ta’ Sibt għand il-konfessur tiegħu.
F’komunità ta’ sitt elef ruħ kollha jgħixu f’ambjent żgħir u magħluq wara s-swar, f’dan iż-żmien li qed insemmi, kull ma kien jiġri f’din il-belt kien jinteressa l-kulħadd. Kulħadd ried ikun jaf min twieled, minn iżżewweġ, min miet. L-informazzjoni personali kienet l-ewwel tasal għand tal-grocer imbagħad għand il-barbier u l-Ħadd wara l-quddies, fuq iz-zuntier isir ir-rendikont finali. Dwar min kien wasal biex imut, dak konna nkunu nafu bih meta naraw xi purċissjoni żgħira tal-vjatku, immexxija minn saċerdot bl-ostensorju jew bl-ostja moħbija, akkumpanjat minn ftit abbatini. Din il-mixja kienet titlaq minn waħda miż-żewġ knejjes biex is-saċerdot jagħti l-griżma tal-morda lil marid.
Ċertament kien hemm u għad hemm il-Birgu okkażjonijiet aktar ferrieħa minn hekk. Naturalment, dawn l-okkażjonijiet kienu jkunu l-aktar fil-jiem tal-festi, dik ta’ San Lawrenz u l-oħra ta’ San Duminku, li għalihom kien hemm u għad hemm entużjażmu kbir. Apparti dawn, il-festa tal-Għid kienet kif għadha sal-lum tħajjar lill-poplu kollu tal-Birgu joħroġ minn daru u jitħallat man-nies li jiġu minn kullimkien, biex igawdi l-briju li jġib dan il-Ħadd, wara il-jiem ta’ dieqa tal-Ġimgħa l-Kbira.
Waqt il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt, it-tfal bil-figolla f’idhom kien jieħdu miet gost u kultant kienu jkantaw:
Tirlitom tirlitiera
Kristu Rxoxta bil-bandiera ….!
Ħasra li llum it-tfal fil-Birgu naqsu bil-kbir. Illum ma għadekx tisma’ l-għajjat tagħhom huma u jilagħbu fit-toroq bħal dari. Matul il-jum u aktar u aktar billejl, it-toroq lil hinn mill-pjazza saru jkunu dejjem baħħ u jżommu ċertu silenzju li jġiegħlek issaqsi lilek innifsek jekk fil-Birgu, wara l-faċċati tad-djar għadhomx jgħixu familji. Numru mdaqqas ta’ residenti li llum jgħixu l-Birgu huma barranin u Maltin tal-flus, għax il-proprjetà hemm saret tiswa’ ħafna. Il-ħajja fil-Birgu ma baqgħetx li kienet. Flok in-nies jitħaddtu fit-toroq illum, kulħadd magħluq ġewwa daru wara il-ħitan quddiem it-televixin jew quddiem il-kompjuter, f’binijiet li bosta minnhom kienu bnewhom il-Kavallieri.
Martin Morana
12.05.2022
Għal aktar tagħrif dwar kitbiet oħra tal-istess awtur ara: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/