Kif daħal il-KAFÈ f’Malta

L-istorja tal-kafè

f’Malta

 

81Xc2qet28L._AC_SL1000_Il-pjanta tal-kafè taf l-oriġini tagħha fl-Etjopja. Wara hemm, matul is-seklu ħmistax, din il-pjanta bdiet titkabbar fil-Jemen u l-Arabja Sawdija fejn il-kafè beda jkun inkaljat u jinxtorob komunament. Minn hemm il-kafè infirex lejn l-Eġittu u t-Turkija. Gradwalment, il-kafè daħal anki fl-Ewropa. Jidher li Venezja, l-Olanda u l-Ingliterra kienu minn tal-ewwel fejn il-kafè sar popolari. Fi Franza u l-Italja, il-kafè dam ħafna aktar ma ndara. Anzi jista’ jkun ukoll li din ix-xarba saret magħrufa f’Pariġi wara Malta, u li x’aktarx kien bis-saħħa tal-Kavallieri Franċiżi tal-Ordni ta’ San Ġwann li l-kafè beda jisserva fil-ħwienet tax-xorb ta’ Pariġi, (N. Buttigieg u K. Gambin, 2003).

kafe magridId-dokumenti storiċi juru li fl-1633, il-kafè kien ikkunsmat f’Malta u kien xarba popolari fit-taverni tal-Birgu. L-istudjuż Malti Domenico Magri (1605-1672), fl-1671, kien ippubblika f’Ruma trattat li jismu, Della Virtù del Caffè – bevanda introdotta nuovamente nell’Italia. Dan il-qassis jgħidilna li fi żmienu, l-iskjavi li kienu miżmuma fil-ħabs tal-Belt, kienu rinomati sew għall-kafè bnin li kienu jsajru. L-istess skjavi mhux talli kienu jsajru u jixorbu l-kafè, iżda kienu wkoll ibigħuh ħalli jaqilgħu xi ħaġa żgħira tal-flus. Anki l-Kavallieri kienu jmorru fil-ħabs tal-iskjavi li kien qrib fejn illum hemm il-Barrakka ta’ Isfel, biex jixtruh inkaljat, mitħun u lest, u jiħduh magħhom biex isajruh id-dar. Anki nies oħra ta’ ċerta klassi soċjali kienu jagħmlu l-istess.

antique-silver-coffee-pot-harris-sons-1927-00Fl-istess trattat Magri jagħti fehmtu dwar it-tjubija u l-benefiċċji tal-kafè għas-saħħa tal-bniedem. Magri jsostni li x-xarba tal-kafè kienet tgħin kontra l-konstipazzjoni u l-katarru kif ukoll kienet ittaffi l-uġigħ tal-migranja. Jgħid ukoll li l-kafè hu diġestiv tajjeb għal wara l-ikel. Apparti minn hekk Magri għaraf li l-kafè hu stimulant li ma jħallikx torqod. Jidher mit-titlu u l-kontenut tal-ktieb li l-kafè sa dak iż-żmien kien għadu mhux magħruf f’Ruma u fl-Italja. Mur għidlu ’l Magri li llum il-ġurnata, it-Taljani jgħallmuna huma kif nagħmlu u nixorbu l-kafè. Magri kien tal-fehma li l-kafè dam ma beda jkun ikkunsmat fl-Italja minħabba d-dazju għoli li kellu. Fl-istess ħin, Magri jgħid li f’Malta il-kafè kienet xarba komuni sew – fi kliemu, ‘molto praticata’. L-istess kittieb jispjega fid-dettall kif għandu jissajjar il-kafè. Dan kellu jitgħalla fl-istanjata, – fi kliemu – vaso stagnato di rame – imbagħad jitħalla joqgħod biex il-kafè jinżel jistriegħ fil-qiegħ, (intant, illum għadna nsejħu r-residwu tal-kafè li jibqa’ fil-qiegħ, bħala, ‘il-fond’ tal-kafè’. Imbagħad wieħed iżid max-xarba ftit zokkor u anki jekk wieħed irid, xi msiemer tal-qronfol u wara jservi sħun fl-iscodella di porcellana, (D. Magri, 1671).

Fl-1773, l-Ordni kien beda jintaxxa bosta affarijiet li kienu jkunu impurtati f’Malta, sabiex jiġbor il-fondi biex jinbnew aktar fortifikazzjonijiet. Fost l-oġġetti li bdew ikunu ntaxxati kien hemm is-sapun, it-tabakk, il-karti tal-logħob, il-ġild kif ukoll il-kafè, (A. Hoppen, 1993).

Minn fejn kien jiġi dan il-kafè? F’dokument ta’ żmien tardiv tal-Ordni, insibu lista ta’ oġġetti essenzjali li kienu impurtati, u fiha jissemma il Caffè di Levante u l-Caffè di Ponente, mingħajr ma hu speċifikat xi pajjiż partikolari. (V. Mallia Milanes.) F’sors ieħor insibu li fl-1776, il-kafè kien anki jkun esportat minn Malta lejn Sqallija (Debono 1988 / Vassallo 1998).

 

Żmien l-Ingliżi – Is-seklu dsatax

Matul is-seklu dsatax, fi żmien l-Ingliżi, il-kafè baqa’ xarba l-aktar komuni. Intant, it-te li l-Ingliżi bdew jimpurtaw mill-Ingilterra matul is-seklu dsatax, dam ħafna ma qabad mal-Maltin. Dan minħabba li kienu jikkunsmawh is-suldati u l-familji Ingliżi biss li dak iż-żmien ma kinux jitħalltu soċjalment mal-Maltin. Intant, William Domeier, tabib Ingliż li żar Malta fil-bidu tas-seklu dsatax, u li fl-1810, ippubblika l-ktieb, Observations on the Climate, Manners and Amusements of Malta, jgħid li f’Malta, kemm il-bejjiegħa Maltin kif ukoll dawk Ingliżi kellhom proviżti abbundanti ta’ xorb, bħal, kokkotina, birra, u kafè. It-te ma jsemmiehx.

Tabib ieħor li qatta’ daqs tliet snin f’Malta, bejn l-1821 u l-1824, kien John Hennen. Dan jgħid li bħala xorb, l-ilma mkessaħ bis-silġ (iced water) u l-kafè kienu, ‘common luxuries’. Biss, fl-istess paragrafu jispjega li l-Maltin, mal-kolazzjon li kienu jieħdu filgħodu, ma’ xi biċċa ħobż jew frotta, kienu jieħdu jew il-kafè jew il-kokkotina. Hennen jagħtina l-prezzijiet ta’ xi xorb komuni ta’ dak iż-żmien. Waqt li pinta (Ingliża = 0.568 litri) nbid, jew pinta ħalib kienu jiswew 1¾d, (sold u tliet ħabbiet); it-te kien jiswa 2s. 5d (żewġ xelini u ħames soldi) il-libbra; waqt li l-kafè kien jinxtara 1s. 10d (xelin u għaxar soldi) il-libbra.

Old coffee grinder sketch vector illustrationFid-djar, il-kafè baqa’ jissajjar fl-istanjata u hekk kif jagħli l-misħun jintefa’ fi kwantità fi skutella taċ-ċaqquf, biex wieħed sata’ jixorbu bil-mod il-mod, waqt li jfettet biċċiet tal-ħobż jew xi biskuttell fih. Mal-kafè wieħed kien jista’ wkoll jitfa’ ftit qtar tal-ilma żahar, l-aktar meta dak li jkun iħoss l-istonku mqalleb. Kien hawn min jitfagħlu wkoll l-aniżett. Biż-żmien il-kafè beda anki jitħallat maċ-ċikwejra. Fil-każini tal-baned wkoll, il-kafè sar ix-xarba preferuta u ma damx biex qalibha lit-terz inbid. Ħafna ħwienet, l-aktar dawk fil-Belt Valletta issa bdew iservu il-kafè aktar milli l-inbid. Min kien imur jagħmel xi qadja l-Belt, kien ħafna drabi, jidħol f’xi ħanut sempliċi, biex ibill griżmejh b’tazza kafè.

Sa lejn nofs is-seklu dsatax, il-Belt kienu fetħu diversi ħwienet tal-kafè, il-Cafè de la Reine, fi Piazza della Tesoreria, li wara saret magħrufa bħala Pjazza Reġina. Kien fetaħ ukoll il-Cafè dell’ Commercio li wara t-Tieni Gwerra Dinjija sar magħruf bħala Cafè Cordina. Dan mas-saqaf għandu affreski mpittra dak iż-żmien minn Giuseppe Calì. Kienu fetħu wkoll L’Europa fi Strada Teatro Antico, waqt li fi Strada Reale, aktar lejn Putirjal, kien hemm ir-Royal Opera House, li naturalment kien iservi lill-klienti li jkunu deħlin jew għadhom kemm ħarġu mit-Teatru Rjal. Aparti dawn kien hemm L’Internazionale, bieb ma’ bieb tal-Qorti u D. Buhagiar – magħruf aktar bħala, Dimitri, fi Strada Reale. Dan mal-faċċata kellu tabella bil-kitba, Aperto prima e dopo mezzanotte! (E.R. Leopardi, 1966).

 

Mis-seklu għoxrin sal-lum

Pjazza Regina vallettaMatul is-seklu għoxrin kienu fetħu kafeteriji oħrajn, fosthom, Cadena fi Triq il-Merkanti, kantuniera ma’ Triq Santa Luċija, u Gambrinus, fi Triq Melita, kantuniera ma’ Triq Zakkarija. Oħrajn kienu bidlu s-sid kif ukoll u isimhom, fosthom il-Cafè dell’ Commercio, li sar il-famuż Cafè Cordina, kif ukoll il-Cafè de la Reine, li sar il-Cafè Premier. Bosta minn dawn il-ħwienet kienu jservu l-avukati li jaħdmu l-Qorti filgħodjiet, u l-koppji namrati filgħaxijiet, l-aktar dawk li jidħlu l-Belt is-Sibt u l-Ħadd. Fil-Premier kien ikun hemm banda ddoqq fuq palk biex tħajjar lin-nies ipoġġu bilqiegħda hemm u tallegrahom waqt li jixorbu kikkra kafè.

Museums Barmnbddf

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, fl-Amerika kien ivvintat l-instant coffee li ftit wara beda jkun mibjugħ fi kwantitajiet kbar kemm fl-Amerika kif ukoll mad-dinja kollha. Il-brand famuża tan-Nescafè bdiet il-bejgħ tal-granuli żgħar, xotti u ffriżati, fl-1939, (M. Cremona, 2010). F’Malta dan daħal ukoll bis-saħħa tal-Ingliżi, l-aktar għax dan il-kafè tippreparah f’radda ta’ salib; kemm titfa’ l-granuli fit-tazza u dawn jinħallu biex kafè jisserva minnufih. Dan it-tip ta’ kafè baqa’ sal-lum l-aktar metodu komuni kif jisserva l-kafè, kemm fid-djar kif ukoll fl-uffiċini.

coffee-grinderclippedXorta waħda, f’Malta, il-kafè li jissajjar biż-żerriegħa u mitħun baqa’ popolari, l-aktar fost dawk li mdorrijin jixorbu l-kafè ala Taljana. Sa nofs is-seklu għoxrin, meta ftit kienu dawk li kellhom inkaljatur id-dar, kien hemm min joffri li jinkalja il-kafè hu lill-ġirien li jitolbuh jagħmel dan. L-inkaljar kien isir barra fit-triq, quddiem id-dar, fuq xi kenur. Kien hawn min anki jmur għand tal-forn biex jinkalja jew jitħan il-kafè. Fis-seklu għoxrin, kien hawn ħwienet kbar li jimpurtaw il-kafè nej u jinkaljawh huma biex ibigħuh bi kwantità. Niftakar meta snin ilu konna ngħaddu b’tal-linja mill-Marsa, kif naslu qrib il-Blata l-Bajda konna nxommu riħa qawwija tal-kafè inkaljat li kienet taqsamlek qalbek, għax fl-inħawi kien hemm stabbiliment partikolari li jinkalja l-kafè fi kwantitajiet kbar.

Illum il-ġurnata hawn bosta li jqattgħu l-jum kollu bil-kikkra tal-kafè quddiemhom, kemm jekk fid-dar kif ukoll fil-post tax-xogħol. Il-kafè jagħti ċans li wieħed jagħmel waqfa’ żgħira mix-xogħol waqt li forsi anki jpejjep sigarett. Il-Coffee Break saret frażi komuni f’dan ir-rigward. Imbagħad xi ngħidu għal dawk li biex jibqgħu jaħdmu tard billejl, jixorbu kikkra tal-kafè waħda wara l-oħra, biex jibqgħu mqajmin?

cappuccino-1200x1200-cTista’ tgħid li llum il-kafè baqa’ waħda mix-xarbiet l-aktar popolari mas-soċjetà kollha. Mhux ta’ b’xejn infetħu tant kafeteriji ma’ kullimkien. Illum il-kafè jisserva b’diversi modi. Fl-irħula u fejn hemm il-ħwienet sempliċi ‘tat-te’ il-kafè għadu jisserva ħafif bl-instant coffee, f’tazza tal-ħġieġ b’xi kuċċarina zokkor, bil-ħalib, jew mingħajru. Imbagħad fil-ħwienet l-oħra, l-aktar fl-ibliet, il-kafè jieħu xejra oħra, influenzat ħafna minn kif jisserva fl-Italja. Il-kafè jista jkun servut bil-ħalib, bħal ngħidu aħna, il-capuccino jew il-macchiato, jew inkella iswed, bħall-espresso (corto, lungo jew americano).

Illum, ta’ spiss il-ħbieb jistiednu lil xulxin għal kafè biex jgħidu kelma – anki jekk stess, hekk kif ipoġġu bilqiegħda, mal-kafè jordnaw ukoll xi nofs tużżana pastizzi biex dak li jkun ma jmutx bid-debbulezza!

Martin Morana

29 ta’ Ġunju 2022

Ħajr tal-għajnuna tiegħu lil Michael Cassar.

http://www.kliemustorja.com

Bibliografija

Bonello Giovanni,The Maltese Who Pioneered Coffee in Europe 1665, Histories 
of Malta - Figments and Fragments, Vol II. Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2003.
Buttigieg Noel u Gambin Kenneth, Storja tal-Kultura tal-Ikel f’Malta.  
PIN. 2003.
Cassar Carmel, ‘Popular Perceptions and Values in Hospitaller Malta’. 
Hospitaller Malta, 1530 - 1798. Mireva Publications. 1993.
Cremona Matty, The Way We Ate - memories of Maltese meals. Midsea Books. 
2010.
Domeier William, Observations on the Climate, Manners and Amusements of 
Malta; intended for invalids repairing to that island for the recovery of 
health. J. C Medical Bookseller, Soho, London. 1810.
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, (L-ewwel Volum) 1977.
Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas
and George Underwood, London. 1830.
Hoppen Alison, ‘Malta and its Fortifications’ Hospitaller Malta 1530 - 1798.
Mireva Publications, 1993.
Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu, Klabb Kotba Maltin. 2017.
Leopardi E.R., The Victoria Lines, The Times of Malta, 28.03.1966.
Magri Domenico, Della Virtu del Caffè - bevanda introdotta nuovamente nell’
Italia. Roma. 1671.
Mallia Milanes, ‘Towards an Economic History of Eighteenth Century Malta - 
Buzzaccarini Gonzaga’s Correspondence to the Venetian Magisracy of Trade 
(1754-1776).
Vassallo Carmel, The Malta Chamber of Commerce 1848 - 1979. The Malta Chamber
of Commerce. 1998.
Wettinger Godfrey, The Slaves of Malta 1100 – 1800. PEG.2002.
A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Aktar dwar il-kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Aa ARA X'INT TGHID    A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)    AA cover page

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s