QWIEL ANTIKI

QWIEL ANTIKI

Li għadhom jingħadu llum

Dan l-aħħar ġietni l-kurżità nara kemm mill-qwiel li nafu preżentament imorru lura fil-passat. Biex nagħmel dan dort għal żewġ sorsi. Wieħed minn dawn hu, id-Damma tal kliem Kartaginis mscerred fell fomm tal Maltin u Ghauċin, li Pietro Francesco Agius Sultana (1712 – 1770) (magħruf ukoll bħala De Soldanis) ħadem fuqu bejn l-1750 u l-1767. F’dan id-dizzjunarju De Soldanis inkluda mal-230 qawl. Imbagħad fittixt ukoll fil-kitba ta’ Mikiel Anton Vassalli, Motti, Aforiżmi e Proverbi Maltesi li l-awtur ippubblika fl-1828. F’din il-pubblikazzjoni insibu daqs 860 qawl imfisser bit-Taljan. Minn dawn il-mijiet ta’ qwiel – daqs 1,100 b’kollox – skoprejt li hemm mal-130 minnhom li għadhom jingħadu sal-lum, għalkemm xi wħud minnhom jingħadu b’mod kemxejn differenti. Għar-riċerkatur tal-istorja soċjali ta’ Malta, dawn il-qwiel huma importanti għax juru kif kien jaħsibha l-Malti daqs 200 – 250 sena ilu dwar ħafna aspetti tal-ħajja ta’ kuljum, mit-twelid sal-mewt.

Fejn minn dawn il-qwiel hemm dawk li huma kemxejn differenti minn kif ngħiduhom illum jien niżżilt iż-żewġ verżjonijiet – dik antika u dik li għadha tingħad illum. Fejn sibt li l-qawl kellu tifsira oħra fl-antik minn dik kif nafuha llum jien niżżilt l-ispjega taż-żewġ kittieba, anki kultant kelma b’kelma kif qalbuha huma għat-Taljan. Fejn kien hemm bżonn, tajt ukoll spjegazzjoni tal-qawl kif għandu jkun interpretat.

Fejn jidher l-ittri (M.A.V.) dan ifisser li l-qawl jinsab fil-pubblikazzjoni ta’ Mikiel A. Vassalli. Fejn il-qawl hu inkluż fid-Damma ta’ Agius de Soldanis, niżżilt, (A. de S.). Fejn il-qawl jinsab fiż-żewġ xogħlijiet ktibt l-inizzjali tat-tnejn (A. de S. u M.A.V). –

Martin Morana

15.11/2022

A

AJMA         Aħjar ajma minn karba (A. de S.)  [Illum ngħidu, aħjar uff milli aħħ].

ALLA         Alla ma jħallasx kull nhar ta’ Sibt. (M.A.V.)

                  Għin ruħek biex Alla jgħinek. (M.A.V.)

                 Ingħalaq bieb u Alla fetaħ sebgħa (A. de S.)  [Illum ngħidu, Alla jagħlaq                     bieb u jiftaħ mija].

B

BAĦAR         Il-baħar żaqqu ratba, u rasu iebsa bħal-ħatba [zokk iebes]. (M.A.V.)

BAJTAR         Dak li jistenna l-bajtar jaqa’ f’ħalqu jibqa’ bil-ġuħ (A. de S.)

                      Irid il-bajtar jaqa’ f’ħalqu (M.A.V.)

                      Jekk trid tiekol il-bajtar, itla’ aqtgħu. (M.A.V.)

BASLA           Dak li jidħol bejn il-basla u qoxritha jibqa’ b’riħitha (A. de S.)

BAŻWA       Kollu żejt fil-bażwa. (M.A.V.)  [Tingħad għal rimedju jew xogħol li ma                          jiswa għalxejn].

BEJGĦ         Li għandek tira’ bigħu. Quello che hai da impegnare vendilo. (A. de S.)

BILLI            Billi tagħti tieħu. Con quello che dai, riceverai. (A. de S) 

BIXKILLA     Min jaf jagħmel il-bixkilla, jaf jagħmel il-qartalla. (A. de S. u M.A.V.)                          [Jiġ., min kapaċi jagħmel il-ħażin bil-ftit, jaf ukoll jagħmel ħafna agħar                         minn hekk].

BORMA      Il-borma ta’ bejn l-ixierka [nies imsieħba fl-istess xogħol / kummerċ –                         sing. xrik] taqbad. (M.A.V.)  [Dan il-qawl ifakkarna f’ieħor: vapur b’żewġ                       kaptani ma jimxix].

                    Bormot ġarek iżjed tfuħ minn ta’ darek. (M.A.V.)

                  Il-borma toqgħod fuq tlieta [fuq tripied] (A. de S.)   [Jiġ., meta jseħħu                         żewġ ħwejjeġ, waħda wara l-oħra, stenna li tiġri it-tielet ħaġa].

BRIMBA      Jekk ma tneħħix il-brimba, il-għanqbut ma jinqatax (A. de S.)

BUT            Bit-tifħir ma timlix butek (A. de S.)

BŻAR        Min għandu l-bżar [demel] iroxxu fuq il-kromb [il-ġeneru tal-pjanti bħal,                   kaboċċi, il-ġdur u l-pastard]. (M.A.V.)  [Parir mogħti lil min qiegħed                            jagħmel xi ħaġa li ma tiswa xejn].

D

DAĦK       Wara d-daħk jiġi l-biki (M.A.V.)

DAQQ       Kif iddoqqli, hekk nisfinlek (M.A.V.)  [illum ngħidu, skont id-daqqa                              nisfnu].

DAR         Dak li trid lill-ġarek, isebbaħ bieb darek (A. de S.)   [Dan il-qawl qiegħed                     iwissi li  d-deni li tixtieq lill-għajrek bħal xejn jiġi fuqek ukoll.]

DEBBA   Turinix id-debba biex tagħtini l-ħmara (A. de S.)  [Tingħad meta fi ftehim                  ta’ bejgħ wieħed joffri oġġett ta’ valur, biss iwikki lix-xerrej b’xi ħaġa                          difettuża].

DEHEB      Kull ma jiddi u jleqq ma hux dejjem deheb. (M.A.V.)

DEJL       Jekk xi ħadd irid miegħek jillitiga, aqta’ biċċa minn dejlek [dublett]                             bagħtu ‘l hinn (A. de S.) [IIlum ngħidu: għatih biċċa minn djulek].

DEMM     Id-demm qatt ma jsir semm [velenu] (A. de S. u M.A.V.)  [Fi kwalunkwe                     kwistjoni ħadd mhu ser iżomm mal-barrani u jeħodha kontra familtu –                      ‘demm’ tirreferi għan-nies tal-istess razza.

DLIEL    Ħoll dlielek [xagħrek] u ġib iż-żejt. (M.A.V.)  [Skont l-istess awtur, din                         tingħad  f’sitwazzjoni meta mara tinkorla waħda sew – fl-antik ix-xagħar                    kien ikun  ikkurat biż-żejt tal-lewż – biċċa xogħol li tinpjega ħafna ħin].

DNEWWA   Min ma jridx bis-sewwa jagħmel bid-dnewwa (A. de S.)

DNUB          Id-dnub ma jorqod qatt. (A. de S. u M.A.V.)

DUBBIEN   Id-dubbien dejjem imur fuq il-ħmar il-magħkus (A. de S.)

DIKXIENA  Id-dikxiena [A. de S. jiktibha dukkxiena – cuchiarone / cucchiario], biss                       taf   x’hemm fil-borma (A. de S.)  [Illum ngħidu: Min iħawwad fil-borma                      jkun jaf x’fiha.

F

FAR         Bil-kelma // klejma t-tajba toħroġ // tiġbet il-far mit-tqajba [toqba żgħira]                (A. de  S. u M.A.V.)

FETTUL   Kulħadd jiġbed in-nar ala fettulu [għaġina tawwalija li meta tissajjar tkun                   tqarmeċ] (A. de S.)  [Dan il-qawl jixbah lill-ieħor: kulħadd jiġbed lejn                           xawwatu, jiġ., kulħadd jipprova jiġbed lejn l-interessi tiegħu].

FITTEX   Min ifittex isib. (M.A.V.)

FLUS      Mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus (A. de S.)

               Bil-flus tagħmel triq fil-baħar. (M.A.V.)

              Il-flus tagħmel il-flus, u l-qamel jagħmel il-qamel. (M.A.V.)

Ġ

GĦASFUR  Kull għasfur jifraħ b’rixu. (M.A.V.)

ĠENN       L-imħabba oħt il-ġenn (A. de S.)  [Min jintilef fl-imħabba ma jibqaxm                         jirraġuna  b’moħħu].

ĠID          Xi drabi tagħmel il-ġid u jiswilek deni. (M.A.V.)

ĠIFEN      Ġifen b’wisq bdoti qatt ma jimxi (A. de S.)  [Ifakkarna fil-qawl: Vapur                          b’żewġ kaptani ma jimxix].

GĦAJN     Bgħid mill-għajn, bgħid mill-qalb. (M.A.V.)

                 Għajn la tara, qalb la tuġa’ (M.A.V.)

                 Għajn li tixrob minnha la ddardarhiex. (M.A.V.)

GĦAJR     Dak li ma tridx lilek tagħmlux lill-għajrek (M.A.V.)

GĦALI       Il-għali jiġi waħdu. (M.A.V.)

GĦAWWAR    Iż-żgħar jikxfu l-għawwar tal-kbar (A. de S.)

GĦOLI      Iżjed ma wieħed ikun fil-għoli, iżjed iweġġa’ xħin jaqa’ (A. de S.)

GĦOMMA   Min jaħbi għommtu [inkwiet, dwejjaq jew deni] jmut biha.

Ħ

ĦABBA     Għal ħabba jqaxxar qamla (A de S.)

ĦABIB      Aħjar ħabib fis-suq, milli mitt skud fis-senduq. (M.A.V.)

ĦAĠRA     Tixħitx il-ħaġra u taħbi jdejk (A. de S.) // Tefa’ l-ħaġra u ħeba idu (M.A.V.)

ĦAJT         Il-ħajt għandu widnu, l-għajru għandu għajnu (A. de S. u M.A.V.)

ĦANŻIR    Il-ħanżir għad li taqtgħalu widintu // denbu, jibqa’ dejjem ħanżir. (A. de                      S. u M.A.V.)

ĦAQQ       Kulħadd irid il-ħaqq barra minn daru (A. de S.)

ĦAŻIN      Mill-ħażin ħu li tista’. (M.A.V.)

ĦMAR      Il-ħmar it-tajjeb jinbiegħ f’raħlu. (M.A.V.)

                Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. (M.A.V.)

ĦMURA   Il-ħmura ta’ filgħaxija ġib żwejmlek għat-tiġrija, il-ħmura ta’ filgħodu ġib                 żwejmlek minn ġor-robu [jispjega din il-frażi: ritirarlo dal campo]. (M.A.V.)  .

ĦOBLA   Ħobla u tradda’ għandek qawwi [diffiċli] issibha.

ĦOBŻ       Il-ħobż agħtih lil min jaf jieklu (M.A.V.)

                Ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus. (M.A.V.)  [Il-bniedem li għandu kollox ma                      jinteressahx  minn ħaddieħor].

ĦOTBA   Ħadd ma jara ħotbtu [ħotobtu]. (A. de S. u M.A.V.)

ĦUT/A    Dak li jixtri l-ħut fil-baħar, jieklu jintenn. (M.A.V.)

               Il-ħuta tibda tintenn minn rasha. (M.A.V.)

I

ILMA     Kull ilma jaqta’ l-għatx. (M.A.V.)

J

JAGĦTI   Jagħti bajda biex jieħu tiġieġa. (M.A.V.)  [Tingħad għal dak li japprofitta ruħu                        mis-sitwazzjoni].

K

KELB      Tnebbaħx kelb li hu rieqed (A. de S.) // Kelb rieqed la tqajmux (M.A.V.)

                Kelb li jinbaħ wisq, la tibżax minnu. (M.A.V.)

                Il-kelb il-mismut kull ilma jiddannah [jaħsbu] misħun. (M.A.V.)

KERA     Min jikri joqgħod għaliha (A. de S.) // Min jikriha jeħtieġlu joqgħod għaliha.                           (M.A.V.)

KITBA    Kif tarani tiktibni. (A. de S.)  [Iffisser: Tant jien fqir li ma għandi xejn ħlief dak li                 liebes fil-mument. Qawl jixbah lil: Ta’ fuqi senduqi, jew: Kif tarani pinġini].

KLIEM   Il-kliem bħaċ-ċirasa. (A. de S.) Kelma ġġib lill-oħra (M.A.V.)

               Kliem ix-xiħ dejjem żomm fih. (M.A.V.)

KUS    il-bieb tal-imgħallaq iddendilx il-kus [vażett tal-fuħħar]. (A. de S.) //                          Iddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq. (M.A.V.). – [illum ngħidu biss: iddendilx                kusek miegħu, jiġifieri, ma jaqbillekx teħodha ma dak li jista’ jġibek                             fl-inkwiet].

L

LAQXA    Kull laqxa tirfed l-imramma. (A. de S. u M.A.V.)

LBIS          Lbis sar jaf jagħmel in-nies. (M.A.V.)

LEĦJA      Min jerħi lħitu f’idejn l-oħrajn, jintfuhielu (A. de S. u M.A.V.)  [Tafdax                            affarik għand ħaddieħor għax jiddispjaċik].

LIFGĦA   Min irabbi l-lifgħa f’kommtu, ittemmu [toqtlu] (A. de S.)

M

MAQDAR    Dak li jmaqdar bi ħsiebu jixtri. (M.A.V.)  [Illum ngħidu: Min imaqdar                            iħobb]

MARDA      Il-mard jidħol f’daqqa u joħroġ qajla. (A. de S.) // Il-mard jidħol bil-                          qantar u jorħoġ bl-irtal. (M A.V.) // Il-mard jidħol riekeb fuq debba                             u jorħoġ fuq nemla. (M.A.V.)

MISTOQSIJA   Il-mistoqsija oħt il-għerf. (M.A.V.)

MITLUF          Mill-mitluf ħu dak li tista’ (A. de S.)

MQASS          Qabel ma tagħmel l-imqass fix-xoqqa ara kif taqta’ (A. de S.) [Dan                              jixbah lill-qawl: Qis mitt darba u aqta’ darba].

MUSMAR      Il-musmar ġdid jaqla’ ’l-qadim (A. de S.)

N

NAR       Min irid in-nar imur ifittxxu (A. de S. u M.A.V.)  [Min jixtieq jew għandu                     bżonn  xi ħaġa għandu jaħdem għaliha.  [Dan jixbah ’il-qawl:                                     Toqgħodx tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek].

NWAR    Iż-żgħar tikxef l-inwar (-għawwar – vergogne) (A. de S. u M.A.V.)

P

PJAĊIR     Pjaċir mingħajr mitlub, nofsu mitluf (A. de S.)

Q

QALB        Fejn tħobb il-qalb jimxu r-riġlejn (M.A.V.)

QAMEL     Il-flus jagħmlu l-flus, u l-qamel jagħmel il-qamel.  (A. de S. u M.A.V.)

                 Min ma jbiddilx, iqammel. (M.A.V.)

QASBA       Il-qasba ma ċċaqċaqx bla miksura (A. de S.) [Illum ngħidu, il-qasba ma                      ċċaqċax għalxejn].

QATRA      Bil-qtajra l-qtajra, tintela l-ġarra. (M.A.V.)

                Wieħed qiegħed imut bis-sakra, u ieħor qiegħed imut għal qatra (M.A.V.)

QATTARA   Ħeles minn taħt il-qattara, weħel taħt il-miżieb.

QATTUSA   Qattusa għaġġelija tagħmel uliedha għomja. (M.A.V.)

QIS          Qis mit-tarba u aqta’ darba (A. de S. u M.A.V.) Qabel taqta’ qis u erġa’ qis.

QOLLA    Il-qolla fl-aħħar tinkiser, sejra u ġejja. (M.A.V.)  [Illum ngħidu, il-ġarra                          ġejja u   sejra fl- aħħar tinkiser].

QRUN       Kajman u kutu kutu, iżda qrunu f’butu (A. de S.)

R

RIĦ          Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa // Riħ ta’ siegħa isaffi l-qiegħa. (A. de S. u                     M.A.V.)

S

SAB            Min ifittex isib (A. de S.)

SABA’       Min jagħtik saba’ teħodlux l-id (A. de S.) // Tajtu s-saba’, ħa l-id                                  (M.A.V) [Simili għal qawl li nafu bih illum: mis-saba’ jieħu l-id].

SELF           Is-self joħroġ jidħak, jidħol jibki. (A. de S. u M.A.V.)

SEMA         Min jobżoq għas-sema jiġi f’wiċċu. (A. de S.)

SEMMEN   Dak li ma joqtolx isemmen (A. de S.)

SENGĦA    Bin is-sengħa għandu nofsha. (M.A.V.)

SORR        Sorr u erġa’ sorr biex issib xi tħoll (A. de S.)  [Jixbah lil qawl: Sorr għal                         meta tiġi bżonn].

SWAR       Tieħu u ma trodd, is-swar tħott. (A. de S. u M.A.V.)

T

TAF          Fejn ma tafx la tindaħalx. (M.A.V.)

TELF       Tagħmel ġid bla mitlub, nofsu mitluf. (M.A.V.)

TIKBER   Aktar ma tikber iżjed titgħallem. (M.A.V.)

TRIQ        Bil-flus wieħed jagħmel triq fil-baħħar (A. de S.)

W

WARD    Mill-ward joħroġ ix-xewk. (M.A.V.) 

X

XAWWAT   Kulħadd iressaq in-nar lejn xawwatu [l-ikel li jkun qed isajjar]. (M.A.V.)

XEBH          Ma’ min rajtek xebbahtek (A. de S.)

XENGULI   Dak li jimxi max-xenguli [bniedem li jzappap] ma’ għeluq l-erbgħin                           jibda’  jixxengel (A. de S.)

XEMX         Xemx li ma ssaħħanx, aħjar il-bard minnha (A. de S. u M.A.V.)

                    Ix-xemx titla’ u x-xita tinżel għal kulħadd (M.A.V.)

                   Ix-xemx u x-xita, Alla jaf meta. (M.A.V.)

                   Ix-xemx ma titgħattiex bl-għarbil. (M.A.V.)

XEWK       Ebda warda bla xewk. (M.A.V.)

XKORA     Xkora fiergħa [vojta] ma tieqaf.  [Bniedem li ma jikolx, jew li ma jkollux                       flus  biex jiekol, ma jgħix – illum ngħidu, xkora vojta ma tiqafx].

XOGĦOL  Ix-xogħol agħtih lil min jaf jagħmlu, u l-ħobż lil min jaf jieklu

                 Ix-xogħol salmura tal-ġisem (A. de S. u M.A.V.)

Ż

ŻARA’       Dak li tiżra’ taħsad. (M.A.V.)

ŻEJJED     Kull żejjed nieqes // Iż-żejjed bħan-nieqes (A. de S. u M.A.V.)  [Illum                          ngħidu, Iż-żejjed ħu n-nieqes].

ŻEJT         Is-sinjuri jidħaddtu u jiddieħku, ħobżom maħbuż u żejthom fil-kus                            (A. de S..)

ŻFIN         Kif iddoqqli niżfinlek. [Jixbah il-qawl: mad-daqqa niżfnu].

http://www.kliemustorja.com

1 Comment

  1. Grazzi mill-qalb
    Sur Morana,napprezza hafna it-tradizzjonijiet li hallewna missirijietna.

    Inselli ghalikom

    Greg Caruana.
    16/11/2022.

    Like

Leave a reply to Greg Caruana Cancel reply