KLIEM ANTIK – kif jingħad illum

Ġabra ta’ kliem li nużaw ta’ spiss  

bit-tifsira oriġinali tiegħu

BARBIER  Dak li xogħolu hu li jaqta’ x-xagħar. Sal-bidu tas-seklu għoxrin, ix-xogħol tal-barbier kien ġeneralment, dak li jqaxxar il-leħja, kif ukoll jaqla’ xi darsa jew jagħmel xi interventi kirurġiċi ħfief. Dak li jaqta’ x-xagħar kien il-PARRUKKIER. Intant, il-ħanut tal-barbier kienu jsibuh bħala, il-ħanut tal-leħja. G.B.F. (1845) fid-dizzjunarju tiegħu jgħid hekk: chi esercita le basse chirurgie. Barber, surgeon.  

BARRAKKA  Il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u tal-Barrakka ta’ Isfel li hemm il-Belt Valletta. Dawn jissejħu hekk għax it-tnejn kellhom loġġa msaqqfa, għall-kenn mix-xemx u x-xita. Il-vera tifsira tal-Barrakka kif kienet magħrufa fl-antik hi din: Kamra żgħira mibnija temporanjament kontra x-xemx jew ix-xita. Qawl: Għal min għandu jmut bil-pesta m’hemmx barrakka għalih – jiġ., inutli tfittex ir-rimedji meta l-mewt tkun ċerta u iminenti. Dan il-paragun oriġina mill-fatt li fi żmien il-pesta dawk infettati kienu jinżammu f’iżolament fi kmamar żgħar mibnija apposta biex jgħixu ‘il bogħod mill-abitat biex ma jxerrdux il-mard. Tal. barracca: costruzione in legname, facilmente smontabile. Il-kelma tista’ tfisser ukoll, TRIBUNA.   

BEJT  Kelma tintuża l-aktar meta ngħidu, fuq il-bejt, jiġifieri, dak l-ispazju miftuħ li jkopri b’mod ġenerali l-kmamar ta’ taħtu. Biss, il-kelma bejt qabel kienet aktar tirreferi għar-residenza fiha nfisha milli għall-ispazju ta’ fuqha. Għal ‘bejt’ kif nafuha llum suppost għandha nużaw il-kelma SETAĦ jew terrazzin, (mit-Tal., terrazza). F’Għawdex għadhom jirreferu għad-dar bħala, il-bejt. F’Ħal Tarxien kien hemm naħa minn dan ir-raħal li kienet magħrufa bħala, Ta’ Wara l-Bjut. Bl-Għarbi, il-kelma bejt għadha tintuża fis-sens ta’ dar.

BERĠA  Il-binja fejn wieħed imur biex ikun inviżtat mit-tabib jew biex ikun ittrattat għal kull ma għandu x’jaqsam mas-saħħa. Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, il-berġa kienet dak il-palazzin fejn kienu jgħixu l-kavallieri tal-istess lingwa / nazzjon. Kien f’waħda minnhom, preċiżament fil-berġa tal-Italja fi Triq il-Merkanti, li l-amministrazzjoni Ingliża fetħet l-ewwel klinika tagħha f’Malta, fl-1832. Dan biex il-pazjenti li ma kellhomx bżonn jittieħdu fl-Isptar Ċentrali l-Furjana, għal xi kura li tieħu ż-żmien, setgħu jinqdew hemm minflok. Il-pazjenti kienu jsejħu din il-klinika, il-berġa. Il-kelma berġa baqgħet tintuża għal kull klinika oħra li nfetħet fir-reġjuni kollha ta’ Malta, li għal bosta snin fis-seklu dsatax kienu għaxra. Xi wħud min-nies anzjani għadhom jirreferu għall-klinika bħala, il-berġa.   

                Berga berge d Italie G_6368                          Berga 2_101918 - Copy

BURDATA  Idjoma li nħobbu nużaw hi: ‘Illum burdata ħażina’. Il-kelma għandha proprjament użu li ġej mill-qedem u hi relatata man-navigazzjoni tal-bastimenti. Tfisser, it-tbaħħir skont ir-riħ meta jkun ġej mill-ġenb tal-qala’.

ĊIMA  1. Ħabel oħxon tal-qanneb jew tas-SISAL, li jintuża l-aktar għall-irmunkar u l-irmiġġar tal-bastimenti. 2. Rif. ġenerika għall-apparat li jintuża biex isir is-sajd tal-lampuki. Kelma li ġejja mit-Taljan cima, jiġ., quċċata, jew l-ogħla parti ta’ muntanja. Intant, it-Treccani, dizzjunarju online, jagħti bosta tifsiriet ta’ din il-kelma Taljana u jgħid li l-kelma cima tfisser ukoll, l’estremità di una fune, bil-Malti, it-tarf tal-ħabel. Għaldaqstant, din il-kelma Tal. setgħet daħlet fil-Malti minħabba li meta il-baħrin ta’ xi bastiment Taljan kienu jnewlu l-ħabel biex jintrabat fuq il-blat, mal-bitta (Ing. bollard) kienu jgħarrfu lil dak li jorbot il-ħabel mal-art li ser jitfgħulu ċ-ċima, jiġ., il-parti tat-tarf tal-ħabel. Biż-żmien għandna nifhmu li l-kelma saret tirreferi għall-ħabel kollu.

ĊIPP   1. Dik il-parti tal-azzarin jew xkubetta magħmula mill-injam li tinħakem mill-idejn u tisserraħ mal-ispalla metat wieħed jispara. 2. Ċella tal-ħabs. Idj: Spiċċa qatta’ jumejn fiċ-ċipp. F’dan is-sens, din il-kelma kienet tirreferi għall-blokka tal-injam, bħal, ĊAPPA. Fi żminijiet antiki, xi ħabsin kienu jaqfluhom fiċ-ċipp, dik iċ-ċappa injam b’żewġ toqbiet li fiha jitqiegħdu s-saqajn u l-idejn maqfula fihom. (Ing. stocks). Kelma oħra għal ‘ċipp’ f’dan is-sens hi FELQA. Oriġ. etim. Tal. ceppi.


ĊMAJRA
   Stat ta’ meta xi ħadd jieħu riħ u jkollu deni qawwi, l-aktar, skont kif kienu jaħsbu, wara li joqgħod imperreċ.   Biss, kemm Mikiel Anton Vassalli (1828) kif ukoll Vincenzo Busuttil, (1900) ifissru din il-kelma bħala, tetanu. Busuttil jaqleb din il-kelma għall-Ing. bħala, locked jaw (M. tetanu). M.A.V. jgħid li din hi marda li taħkem lill-bhejjem meta dawn tiksħilhom rashom. Sqal. cimoira, infermità del cavallo ed’altri animali. Tal. cimurro – M. il-likwidu li jqattar mill-imnieħer / flissjoni. Qawl: Tagħti l-pesta u tieħu ċmajra. – jingħad għal min għamel xi ħaġa ħażina u dlonk jirċievi azzjoni daqstant ħażina bi tpattija. TIFEL ĊMAJRA – Tifel imqareb ħafna.

ĊORMA   Ngħidu:  ‘kien hemm ċorma nies’, jew ‘dik l-omm għandha ċorma tfal’. Fil-verità ċorma kienet tirreferi għall-ekwipaġġ ta’ bastiment. Tirreferi wkoll għal folla nies li tinġabar flimkien bl-intenzjoni li tagħmel xi att vjolenti. Sqal. ciurma. Fil-Birgu, fil-festa ta San Lawrenz kienet tittella’ statwa ta’ dan il-qaddis, qrib il-knisja, li kellha diversi figuri, illum magħrufa bħala, San Lawrenz tal-fqir, l-għama u l-magħtub. Fl-antik, din l-istatwa kienu jgħidulha, San Lawrenz taċ-Ċorma. Sors: George Agius mill-Birgu.

ĊUPLAJS / ĊOPLAJS  Illum nużaw din il-kelma, l-aktar bħala appellattiv għal xi ħadd li joqgħod għal kollox. Ġieli minflok tintuża l-kelma ċuples. It-tifsira oriġ. tvarja ħafna pereż., 1. Tewm iswed. 2. Għodda magħmula biex tiddritta s-snien tas-serrieq. 3. Tip ta’ sħab. 4. Baħar daqsxejn imċaqlaq. 5. Weraq tal-bajtar tax-xewk. 6. Il-parti ta’ fuq nett tal-BARJOL tal-mitħna li sservi ta’ lqugħ kontra x-xita. Nissoponi li l-paragun li nużaw illum imur, jew ma’, tewm iswed, jew inkella, jew weraq tal-bajtar tax-xewk, għax it-tnejn joqgħodu kif tpoġġihom. Dan għax, simili ma’ din l-espressjoni, ngħidu wkoll, ‘qisek bajtra’. Etim. dubjuża, forsi mit-Tal. cipollo – M. basla. Sors etim: J.A.

daqqaqq

DAQQAQ  Illum nifhmu b’din il-kelma wieħed li jdoqq xi strumment mużikali. Fl-antik, wara li l-qoton kien ikun maħluġ (jiġ., mgħoddi mill-ĦALLAĠA), dan kien jittieħed għand id-daqqaq. Id-daqqaq xogħolu kien li jdoqq il-qoton, jiġ., kien jinfex il-qoton (jagħmlu artab u miftuħ) bil-watar (speċi ta’ korda stirata, imqabbda ma’ lasta). Il-lasta tkun imqabbda ma’ speċi ta’ qaws twil magħmul minn qasba b’saħħitha, jew minn diversi qasab marbutin flimkien. Id-daqqaq idoqq iċ-ĊIEK (speċi ta’ mazza) fuq il-watar li jitniżżel qalb il-munzell tal-qoton. Ma’ kull daqqa taċ-ċiek fuq il-watar, dan tal-aħħar jitriegħed bħal korda tal-kuntrabaxx, u mat-tregħida l-qoton jinfirex lil hinn u hekk jinfetaħ u jitpaħpaħ biex aktar tard ikun jista’ jinstilet f’ħajt irqieq meta jgħadduh fuq ir-RADDIENA.  

duttur 1

DUTTUR   Ngħidu, ‘uff kemm int duttur’, meta xi ħadd ma jridx jisma’. Riferenza għal xi ħadd li jaħseb li tajjeb biss dak li jgħid hu. Bniedem li jħobb jiddetta lil ħaddieħor dak li jrid hu. Storkiament, il-kelma duttur tirreferi għal xi ħadd li għandu għerf kbir, bħal meta ngħidu, id-Duttur tal-Knisja, xi teologu li kiteb dwar it-twemmin u l-filosofija Nisranija b’mod awtorevoli. Ħafna mid-dutturi ġew rikonoxxuti mill-Knisja fi żmien ‘il bogħod. Fil-bidu, id-dutturi tal-Knisja kienu erbgħa: Santu Wistin ta’ Ippona, San Ġakbu, Sant’Ambroġju u l-Papa Gregorju I. Wara kien hemm oħrajn, San Atanasju, San Bażilju Manju, San Ġwann Kriżostmu, San Tumas ta’ Akwinu u San Girgor Nazjanzenu. Ħafna żmien wara, ma’ dawn żdiedu Santa Katerina ta’ Sjena u San Ġwann tas-Salib. B’kollox illum jingħaddu mal-35 duttur tal-Knisja. Illum dan hu titlu mogħti lil kull min jieħu l-lawrija fit-teoloġija, mediċina jew il-liġi. Ngħidu, ‘duttur tal-liġi’.

ĠEBEL  Illum, din hi kelma tirriferi għal kull tip ta’ ġebel, kemm jekk żrar, ċnagen jew blat. Biss, fl-antik, il-kelma kienet tirreferi speċifikament għal xi għolja, ngħidu aħna, Ġebel Ciantar, Ġebel Martin jew Ġebel Għammar. F’dan is-sens, anki fi Sqallija, insibu artijiet imsemmija hekk, bħal, Gibel Rosso, Gibel Manna u Ghibellina. Dawn huma kollha għoljiet ħafna akbar minn dawk ta’ Malta li tista’ ssejħilhom muntanji. Fil-Libja u f’Oman hemm muntanji magħrufa bħala Ġebel al Aħdar.

ĠIFA  Rif. għal xi ħadd beżżiegħi jew ta’ nuqqas ta’ ħeġġa, li ma jafx jiddefendi lilu nnifsu, kemm fiżikament kif ukoll f’xi argument. Qawl: Omm il-ġifa qatt ma tagħli. Fil-verità ġifa hu l-laħam u l-fdalijiet ta’ annimal mejjet. IL-ĠIFA kien ukoll isem ieħor li bih kienu jirriferu għall-Ħamis ta’ qabel il-Karnival. Sors: E.S.I.

ĠUĠÙ  Ħelu, miksi biz-zokkor u li jkollu togħma ta’ frott li meta tomgħodu jiġġebbed. Ing. jujube, jelly sweets. Fl-antik din il-kelma kellha diversi tifsiriet. Tifsira minnhom tirreferi għal ġugarelli. A. de S. u M.A.V. jgħidu li din kienet kelma tat-tfal li biha kienu jirriferu għall-ġobon. Fr. joujou. Sq. giuggiula.

GALLARIJA   Riferenza għal kull tip ta’ gallarija li naraw mal-binjiet tal-bliet u l-irħula Maltin. Interessanti kif din il-kelma għandha l-oriġini bit-Taljan li tfisser xi ħaġa oħra kompletament differenti: mina taħt l-art, jew inkella kuritur. X’aktarx dan it-terminu beda jintuża meta f’Malta nbniet għall-ewwel darba l-gallarija tal-Palazz tal-Gran Mastru il-Belt fis-seklu tmintax. X’aktarx din kienet l-ewwel gallarija tal-injam li nbniet f’Malta. Minħabba il-forma tagħha fit-tul, din setgħet tagħti l-impressjoni li din l-istruttura hi magħmula bħala kuritur fuq barra tal-palazz, u għahekk laqmuha gallarija flok issejħet, balcone jew simili. Meta mbagħad bdew jinbnew gallariji oħrajn kemm fil-Belt kif ukoll ma’ Malta kollha dawn baqgħu jissejħu gallarija.

St George s Square Valletta6_570 (3)

GASTRA  Il-kolonna, normal. tal-ġebel, tar-ram jew tal-injam, li fuqha titqiegħed il-qasrija. Qasrija li tkun ġejja fit-tond u mbuzzata ‘il barra. Biss bit-Taljan, gastra hi kelma oħra għall-qasrija ta’ kwalunkwe tip. Fl-antik kont issib fid-djar Maltin ħafna gastri magħmulin minn skrataċ kbar u vojta tar-ram, li xi darba kienu jintużaw mill-militar biex jisparaw il-balal mill-kanuni. Ħafna kienu jinxtraw biex bihom iżejnu xi intrata tad-dar. Għaldaqstant, il-kelma kienet u forsi għadha tintuża biex tiddistingwi dawn it-tip ta’ kontenituri mill-qsari oħrajn li mdorrijin naraw. Etim. Tal. vaso da fiori. Lat. gastro, M., stonku.  

gastra 084443 

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

GĦARB   Raħal fil-punent ta’ Għawdex. Bil-Malti antik u bl-ilsien Għarbi, il-kelma Għarb tfisser, id-direzzjoni lejn il-Punent. Kewkba tal-Għarb hi l-pjaneta Venere li tidher l-aktar hekk kif jidlam jew kmieni filgħodu fuq in-naħa tal-Punent.

GĦAŻŻENIN, TAL-   Żona żgħira qrib il-baħar f’San Pawl il-Baħar, fejn hemm it-Torri ta’ Wignacourt, kif ukoll art fuq l-għolja tax-Xagħra, Għawdex fejn kien hemm ukoll ambjent ieħor bl-istess isem. Dan l-isem imur żgur sa żmien Agius de Soldanis (1712-1770) għax dan l-istoriku jsemmi Tal-Għażżenin, meta jirriferi għal dik il-parti tax-Xagħra. Biss, fiż-żewġ każijiet l-isem għandu mnejn ġej mill-kelma GĦAŻŻELIN, li hi riferenza għall-għażżiela li kienu jaħdmu l-qoton. Fl-antik, minn dawn l-artiġjana kien hawn mijiet. Erin Serracino Inglott, fil-Miklem Malti hu tal-istess fehma ma’ din it-tifsira.  

minghul x

GĦUL   Minn din il-kelma toħroġ oħra, MINGĦUL, li llum biha nirreferu għal xi bniedem ħażin, jew għal xi tifel imqarem. Ngħidu, ‘ja mingħul li hu!’ Fil-folklor Malti u dak Għarbi, l-għul hu post maqtugħ min-nies, post li ma jagħmel ma’ mkien. Kienu jgħidu, ‘bqajt waħdi bħal għul.’ Sors: M.A.V. (1796). Il-kelma setgħet tirreferi wkoll għal ĠORF li minn bniedem kien jinbidel f’serp. A. de Soldanis jfisser din il-kelma bit-Taljan bħala serpe, jew serpente bit-Taljan. Patri Manwel Magri jgħid li kien jisma’ lix-xjuħ jgħidu, li dan is-serp kien jgħix fl-imsaġar. Intant, fid-dinja Għarbija, l-għul kien magħruf bħala raġel tad-deżert jew esseru li jħuf fil-postijiet tad-dfin biex ibeżża’ n-nies. Fil-Palestina, l-għul hu deskritt bħala ‘ġorf li jibla’ n-nies’. Minn dan il-karattru, fl-Ingliż insibu l-kelma, ghoul.  

ĦAFNA   It-tifsira hi waħda ħafifa għax din il-kelma nużawha ta’ spiss, bħal meta ngħidu, ħafna nies.  Biss, fl-antik ħafna kienet tispjega kwantità ta’ oġġetti li jistgħu jinġabru f’ponn wieħed. Għalhekk hemm il-verb transittiv, ħafen, bħal ħafen ponn qamħ. ‘Ħafna żerriegħa’ tfisser, kwantità ta’ żerriegħa kemm toqgħod fil-pala tal-id.  

ĦESREM   Ngħidu, ‘miet ħesrem’, bħallikieku dak li miet kellu mewta ta’ malajr u mhux mistennija. Il-kelma proprjament kienet tintuża bħala, aġġettiv għal xi xtieli u frott, bħall-għeneb li għadu aħdar, jew xi frotta jew ħaxixa tkun għadha ma saritx u għadha qarsa fit-togħma. Għaldaqstant, meta kienu jgħidu, ‘miet ħesrem’ kienu jfissru, miet qabel żmienu.  

KARFA   Tintuża b’mod dispreġġjattiv, bħal meta ngħidu, ‘Ja qabda karfa li huma!’ Din hi riferenza għal xi ħadd baxx jew nies mill-agħar. Il-kelma hi proprjament nom li jirreferi għat-tiben oħxon li ma jkunx imnaddaf jew maħdum sew. Frak tat-tiben li jifdal fuq il-QIEGĦA wara d-DRIS. Qawl: i. Kull ANDAR għandu l-karfa; ii: Tiġbor il-karfa u tarmi l-qamħa.

KEMXA   Kelma li tingħad fil-frażi, ‘dak għandu kemxa flus ġmielha’, meta nirriferu għal xi ħadd sinjur. Għamel kemxa mhux ħażin, jiġifieri irċieva somma sostanzjali. E.S.I. jispjega din il-kelma bħala, kwantità ta’ oġġetti li joqgħodu f’ponn wieħed. Mikiel Anton Vassalli (1796) jispjega din il-kelma bit-Taljan bħala, poco. Bil-Malti din il-kelma kienet tfisser ukoll tikmixa żgħira.

KOĊĊ   Għal bosta, din tfisser, kwantità żgħira ta’ oġġetti, kemm tesa’ pala t’id jew ponn. L-Biss, l-Għawdxin jużaw l-istess kelma meta jirreferu għal ammont ikbar. F’Għawdex din il-kelma kienet tiddeskrivi wkoll mod ta’ kif jinżergħu ċerti pjanti. Dan billi ż-żerriegħa tintefa’ fil-ħamrija fi gzuz, minn b’ponn mimli. Il-plural ta’ ‘koċċ’ hu ‘kċuċ’. Min jiżra’ bil-kċuċ, ikun qiegħed iferrex iż-żerriegħa fil-ħofor (jew kif jgħidu n-nies tal-biedja, fil-bejtiet). Ara: BEJT. Sqal. cocciu – qualsiasi minima cosa. Sors etim. J.A. Ara: Mill-Ħajja ta’ L-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard. 

KUMMIEDJA  Reċita umoristika ta’ diversi atti. Fl-antik dan it-terminu kien jirreferi wkoll għall-programmi akrobatiċi u ta’ varjetà li jkunu ppreżentati fiċ-ċirku. Meta fl-antik kien jiġi f’Malta xi ċirku, kont tisma’ lil min jgħid, ‘Ġejjin tal-kummiedja tafx!’  

LANT    Tintuża fil-frażi, ‘lant tax-xogħol’. Ambjent jew post li hu proprjetà ta’ xi ħadd. Il-post fejn isir ix-xogħol. Hemm bosta idjomi li fihom tintuża din il-kelma: Idj: i.) Dan mhux lant, jiġ., mhux hekk għandu jsir ix-xogħol; Idj: ii.) Għamel lant – jiġ., għamel profitt. Idj: iii.) Ma fihx lant – jiġ., mhux ta’ min wieħed jafdah. Idj: iv.) Lant ħażin – xogħol li ma jrendix. Sqal. l’antu, il nome che i contadini chiamano il luogo over lavorano. Sors etim: J.A.

LASKRI   Isem li jintuża fl-idjoma, ’Qisu wiċċ LASKRI. Fil-fatt din il-frażi x’aktarx ma għandha x’taqsam xejn ma’ dan il-Gran Mastru. Il-kelma għandha, bi probabbiltà kbira tkun għaskari, li bil-Malti antik, u bl-Għarbi, tfisser bniedem gwerrier, jew uffiċjal fl-armata. Jista’ jkun għalhekk li meta bniedem kien jgħid ‘dak qisuk wiċċ Laskri’, ma kienx qed jgħid li l-bniedem għandu wiċċu mqarras bħal tal-Gran Mastru Laskaris, iżda pjuttost kien qed jirriferi għal wiċċ imqit jew żorr li jirrifletti l-wiċċ tal-għaskari, l-uffiċjal militari. Intant, bl-Għarbi, il-kelma, għaskarija tfisser armata. Sors: J.A. u E.S.I. Ara: WIĊĊ LASKRI.

lascarise

LEĦJA  Ix-xagħar li jikber mal-wiċċ. Ngħidu, ‘għamel il-leħja’, jiġ., qaxxar ix-xagħar ta’ wiċċu. Ngħidu wkoll, ‘Ħalla lħitu, jew leħitu f’idejn in-nies’. jiġ., fada lil xi ħadd b’biċċa xogħol personali b’ċertu sogru li ma tirnexxhiex, u li kien ikun aħjar li kieku għamilha hu stess. Biss, l-istess kelma kienet tirreferi għall-geddum.    

MAŻETTA   Idj: ‘Ħareġ ta’ mażetta’ tingħad meta wieħed jirriferi għal xi ħadd li jkun għamel xi ħmerija u waqa’ għaċ-ċajt. Oriġ. etim. Fr. massette – M. mazza li tintuża fil-barrieri, eċċ., imma tfisser ukoll, personne sans capacité, bil-Malti, bniedem mhux kapaċi. L-istess bħal, ĊUPLAJS. Mela dan ifisser li l-kelma bdiet tintuża b’mod ewfemistiku anki mill-Franċiżi qabel ma daħlet fil-lingwaġġ Malti. L-espr. kienet tintuża fis-seklu dsatax għax tintuża minn wieħed mill-karattri fil-kummiedja, ‘Il-Konġura tal-Erba’ Ħotbin’, (1864) ta’ Luigi Rosato; Gaspru jgħid ‘[…] U oqgħod hemm int, kemm int mażetta […]’. Sors: It-Teatru Malti fis-Seklu Dsatax It-tieni volum, p. 44.

PARRUKKIER   Ilum din hi kelma li għadha tintuża għalkemm mhux daqs qabel, flok, barbier. Fl-antik kienet tirriferi mhux biss għal dak li jaqta’ x-xagħar iżda wkoll għal min kien ibigħ il-parrokki. Ġejja minn pelluchiere, jiġ., dak li jinnegozja fil-parrokki. Intant, G. B. Falzon (1845) jgħid li fi żmienu l-parrukkier kien ukoll iqaxxar il-leħja.

PASTAŻ   Din il-kelma nużawha meta nirriferu għal xi ħadd vulgari u maledukat. L-istess bħal ĦAMALLU.   Biss, fl-antik il-pastaż kien l-istess bħall-ħamallu u l-fakkin, bniedem li xogħolu kien li jġorr l-oġġetti tqal jew goffi minn post għall-ieħor. Qawl: Min jerfa’ qofftu mhux pastaż – jiġ., min iġorr ħwejġu ma jfissirx li hu tal-mistier.  Etim. Sqal. vastasu, portatore.

PEDINA  Idj: ‘Għaddielu pedina’ – jiġ., għadda informazzjoni biex jagħmel il-ħsara lil xi ħadd. Din l-idjoma tista’ tkun ġejja mit-Tal., fedina penale – jiġ.,: rif. għaċ-ċertifikat tal-kondotta. Bit-Taljan jgħidu, avere la fedina pulita / sporca. Sors: J.A u E.S.I.

PEPÉ,  TAL-  Laqam mogħti lil nies ta’ kreanza żejda (jiġ., puliti żżejjed jew li jilgħabuha tas-sofistikati). Din il-kelma ġejja minn, ‘papà’, biss, imgħawġa biex tirriferi għan-nies li meta jitkellmu bil-Malti jużaw aċċent Ingliż. Fl-antik kienet tinftiehem mod ieħor, kif naraw fir-rumanz ta’ Wistin Born, Is-Salib tal-Fidda (1939). Il-karattru ta’ Spiru li kellu ħanut tax-xorb tas-Sliema, jgħid hekk: ‘[…] Puh għalikom, intom li taparsi tal-papà lkoll ħaġa waħda, tridu titkessħu mbagħad issibukom imċappsin bid-djun […]’.

praspar skur

PRASPURA  Xi ħaġa stramba. Xi ħaġa li ma titwemminx. Ngħidu, għamel praspura. Hemm ukoll il-verb, PASPAR. Għamel xi ħmerija. F’dokument notarili tal-1525, din il-kelma hi inkluża b’dan il-mod: ‘[…] l-imsemmi bidwi hu marbut li jagħti l-praspura lill-imsemmi sid, jiġ. tliet tomniet żara’ tax-xgħir f’dik in-naħa ta’ din il-għalqa) […]’  Sors: Kliem Malti Qadim, ta’ Godfrey Wettinger, p. 110. F’nota żgħira, Wettinger jikkwota lil ċertu Traina li jispjega l-oriġ. tal-kelma bit-Tal. ‘Paraspolu’ bħala, ‘pezzo di terra quanto può seminare un contadino come dire uno stajoro’. Fid-dizzjunarju ta’ S. G. Vassallo (Piccolo Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (1856), il-kelma titfisser bit-Tal., porzione, u bl-Ing., portion. V. Busuttil (1900) ukoll jgħidilha a portion, a lot; u jagħti eż., x’natic ta’ din il-praspura? Patri Manwel Magri kien kiteb artikli żgħar għall-pubblikazzjoni Mogħdija Taż-Żmien (1903), u dawn kien semmiehom: ‘Praspar Għan-Nies Tas-Sengħa u In-Nisa Tal Ġabra’. F’dawn il-kapitli nsibu bosta informazzjoni dwar il-proċess ta’ kif isiru ċerti affarijiet, bħal, ‘Chif Tagħmel ix-xbieha tan-naccra, jeu tal madriperla’, ‘Chif il ful u il piżelli ħodor jibkghu frischi’, ‘Chif tnaddaf l’alabastru’, eċċ. Magri qisu qed jagħtina x’nifhmu li t-titlu, ‘Praspar’ jirreferi għal ġabriet (porzjonijiet) żgħar ta’ informazzjoni utili. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop.

QAWWI  Din il-kelma fl-antik kienet tfisser, ukoll, ‘diffiċili’. Sibt diversi qwiel fil-Motti, Aforismi eċċ., (1828) ta’ Vassalli li jagħtu eżempji ta’ kif kienet tintuża din il-kelma: i. Ħobla u tradda’ għandek qawwi ssibha; ii. Il-qawwi sa ma tibda; iii. għasfur li daħal fix-xibka għandu qawwi sa ma joħroġ.

QOFOL  Ngħidu, ‘l-istorja waslet fil-qofol tagħha’. Intant, ‘qofol’ hu nom ieħor flok, serratura (din tal-aħħar ġejja mit-Tal.) Qawl: Muftieħ tad-deheb jaqbel ma’ kull qofol. QOFOL TAL-ĦNEJJA. Il-ġebla jew blata li tinfilsa n-nofs tal-arkata biex iżżomm il-ħnejja kollha kemm hi fis-sod. Jeżisti terminu ieħor għal din l-istruttura tal-kostruzzjoni, din id-darba meħud mit-Tal., ĊAVI.

QORRIEGĦA   Il-qorriegħa tar-ras, fejn ma jikbirx ix-xagħar. Qabel, din il-kelma kienet tfisser, il-quċċata ta’ għolja fejn norm. ma tikbirx veġetazzjoni.  

QUĊĊIJA  L-użanza tradizzjonali li ssir b’logħob lit-trabi meta jagħlqu sena. F’din l-okkażjoni, jitpoġġew fl-art bosta oġġetti biex it-tarbija titkaxkar lejhom u tagħżel wieħed minnhom. Dawn l-oġġetti jkunu kollha jirrapreżentaw xi mistier li wieħed jaħseb (jew jixtieq) li t-tarbija tista’ tagħżel li ssegwi meta tikber bħala l-karriera tagħha. Biss, oriġ., din il-kelma kienet tirreferi għall-qamħ, żbib, ġulġlien, lewż, ġellewż u ikel ieħor li kien jitqassam lill-foqra fil-festa tal-Għid il-Mejtin, fl-ewwel ta’ Novembru, u f’festi oħrajn. Il-kelma quċċija ngħatat għal festin tat-trabi għaliex f’okkażjoni bħal din jitqassam l-ikel. Sqal. Cuccia – zuppa fatta di frumento bollito nell’acqua o nel latte con zucchero ed altri savori.

reastreet Strada Rjali 03
Kitba antika li għadha tidher f’Ħaż-Żebbuġ

RJALI   Dan l-aġġ. hu marbut l-aktar ma’ Strada Rjali, kif kienet magħrufa – u għadha, it-triq prinċipali tal-Belt Valletta, Triq ir-Repubblika, u ma’ PUTIRJAL (Porta Reale). Jidher li dan it-titlu ngħata fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, x’aktarx meta d-daħla tal-Belt li tħares lejn il-Furjana, inbniet mill-ġdid minn Tomaso Dingli fl-1633, b’mod aktar dekoruż minn qabel. Qabel dawn kienu magħrufa bħala, Porta San Giorgio u Strada San Giorgio. Il-kelma rjal/i f’dan is-sens ma’ tfissirx li għandha x’taqsam ma’ xi re, kif ħafna jaħsbu, iżda tirreferi għal xi ħaġa ta’ importanza u magħmula fil-kobor, bħal fit-Taljan, reale. (sors: Enciclopedia Treccani). F’Malta jeżistu toroq oħra f’diversi rħula, b’dan it-terminu, fosthom, waħda f’Ħaż-Żebbuġ,’ ħdejn il-knisja parokkjali), u oħra f’Ħal Qormi.

SARWAL / SARWAN  Kelma li għadna nużawha, biss, inqas minn qabel meta nsemmu, il-labra tas-sarwan. Waqt li kulħadd jaf x’inhi labra tas-sarwan, għax bosta kienu jużaw minnhom biex jaqflu l-ħarqa tat-trabi, ftit jafu xi tfisser il-kelma, sarwan. Kemm M.A.V. kif ukoll Agius de Soldanis isemmugħ daqs li kienku dan kien jintlibes fi żmienhom. Illum, tara bħalhom l-aktar fl-Asja, eż. fl-Indja u l-Pakistan. Bl-Ing., il-qalziet tas-sarwan jissejjaħ, Punjabi trousers. Kienu jgħidu, kemm int imsarwal illum!’ – jiġ., kemm int liebes b’mod traskurat? 

labra tas-sarwan 356 - Copy                   sarwalhtun_males                                                       

SORRA   Meta nsemmu din il-kelma tiġinha f’moħħna xi liżar li fih jitqiegħdu u jinqaflu ħwejjeġ jew ikel jew biex jintrefgħu jew biex jinġarru minn post għal ieħor. Biss, proprjament, din il-kelma kienet tirreferi jew għal-laħam taż-żaqq tat-tonn, jew għaż-żaqq tal-annimal u tal-bniedem fejn hemm l-imsaren. Fl-istorja, taa’ Temi Zammit, ‘Nies Bla Sabar’, wieħed mill-karattri jgħid hekk: ‘Tridx naqtagħlek ratal sorra?’ Ngħidu, ‘niżlitlu sorrtu’ – jiġ., ħxien u żaqqu kibret u ddendlet ’l isfel. Qawl: Min jerfa’ sorrtu mhux pastaż. Qawl ieħor jgħid hekk: Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn. Ara: MISRUR.

TQALFIT   B’mod goff u ta’ mingħajr tlaqliq wieħed jgħid lil ieħor: ‘qalfat ruħek minn fejn int!’ jew, ‘morru qalftu ‘l barra lil dak minn hemm!’. It-tqalfit hu l-proċess ta’ meta x-xquq ta’ bejn it-twavel tad-dgħajsa jew tal-bastiment jitħammlu biex wara jimtlew b’korda tal-qanneb. Biss, anki l-proċess tal-mili tal-istess xquq bil-qanneb jissejjaħ tqalfit. Qisu, il-verb jieħu żewġ tifsiriet opposti. Nom pl. qlafat: tingħad l-aktar b’mod fig. għal xi tfal jew nies baxxi. Ngħidu, ‘kull ma kien hemm fis-sala kienu erbat iqlafat’. Aquilina jfisser dan il-verb bl-Ing. bħala, to caulk, jiġ., timla x-xquq b’xi materjal. Biss, l-espressjoni, tqalfat ‘il barra turi li dan il-verb għandu wkoll sens oppost.

WAĦX   Vojt kbir x’imkien ‘il bogħod mill-abitat. Ngħidu, ‘dan il-post iwaħħxek’. Fil-folklor, il-waħx kien mostru bħall-GAWGAW li jidher f’lejlet il-Milied. Hawn min jgħid li dan kien jidher bħala bhima selvaġġa li tbeżża’. Hemm espressjoni li tgħid, ‘aħjar waħxek minn wensek.’ WAĦX IL-BAQAR Barri salvaġġ (is. xj. Bos bubbalus). Dari, kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-waħx il-baqar, bħallikieku dan kien xi mostru li jibla’ t-tfal. Ara: Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor, Anton F. Attard.

XBIN  Illum nużaw dan it-terminu meta nkunu qed nindirizzaw lil xi ħadd li nafu sew, ħabib intimu jew bniedem ta’ ġewwa. Biss fl-antik dan kien terminu li jirreferi għal dak li jagħmilha ta’ parrinu fil-magħmudija jew fil-griżma. Nużaw ukoll il-kelma XBINT b’mod kollokwiju biex nirreferu għal xi namrata jew ħabiba intima ta’ xi ħadd.

XBUBIJA   Illum, nifhmu biha, stat ta’ tfajla jew mara mhux miżżewġa, xebba. Agius de Soldanis jagħti it-tifsira bit-Tal. virginità; pubertà.

XIRKA  Nużaw din il-kelma fil-frażi ĦAMIS IX-XIRKA. Il-kelma proprjament tfisser, assoċjazzjoni ta’ tnejn min-nies jew aktar li jagħmlu xi xogħol jew ikollhom xi negozju bi sħab. Intant, bl-Għarbi, xaraka tfisser għaqda, azzoċjazzjoni jew kumpanija li tagħmel xogħol kummerċjali. Fl-1880 inħolqot bejn il-kittieba u l-istudjużi tal-Malti, ix-‘Xirka Xemija’, (jiġ., is-Soċjetà Semitika) biex fost oħrajn toħloq aktar edukazzjoni tal-islien Malti kif ukoll tikkrea u tistabbilixxi alfabett Malti ibbażat fuq regoli sodi. Fl-1911, Manwel Dimech ħoloq l-għaqda għas-segwaċi tat-tagħlim politiku tiegħu, imsejħa ‘Ix-Xirka tal-Imdawlin’. XRIK  Bniedem li jaħdem bi sħab ma’ ħaddieħor.

zbibins

ŻBIBA   Għenba mqadda. Sultana ta’ bla żerriegħa. L-għeneb li jitnixxef u jitqadded fix-xemx. Qawl: i.) ‘Fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba’ – It-tifsira ta’ dan il-qawl illum saret tingħad minn ħafna f’sens negattiv, bħallikieku ż-żbiba għandha togħma ħażina u allura tirrifleti sitwazzjoni fejn wara li jmur kollox sew, fl-aħħar xi ħaġa tiżvijja u tmur għall-agħar. Biss, kulħadd jaf li ż-żbiba hi l-għenba mqadda b’togħma ħelwa. Għaldaqstant, it-tifsira għandha suppost tirrifletti sitwazzjoni posittiva u mhux negattiva. Jista’ jkun għalhekk, li dan il-qawl kien jingħad f’sitwazzjoni ta’ ġid, biss, biż-żmien, beda jingħad b’mod ironiku, bħal meta ngħidu, ‘Iss, kemm inti ħelu’, meta fil-fatt inkunu qed inmaqdru u nikkritikaw lil xi ħadd fil-konfront tiegħu magħna. Sqal. zibbibbu: tipo di uva a grossi chicchi (da zabīb, “uva passita”) da cui deriva il vino. Għ. żibibba.  Sors etim: J.A. Ara: SULTANA u PASSOLINA.

ŻORBA  Ngħidu, ‘waqa’ żorba bl-għejja’. Fl-antik, iż-żorba kienet logħba tat-tfal li tintlagħab bil-boċċi jew bil-lewż, imsejħa wkoll, logħba tal-FATT. F’din il-logħba, iż-żorba kienet iċ-ċirku impinġi bil-ġibs fl-art li fih it-tfal igaraw il-boċċa tagħhom lejn boċċi oħra li jkun hemm fih biex itajruhom u dik li tefa’ tieqaf hemm flokha. Ir-regola f’din il-logħba kienet ‘Żorba u line mejjet.’ Mela meta ngħidu waqa’ żorba qed nużaw analoġija li tirrifletti li dak li jkun waqaf f’daqqa u ma ċċaqlaqx aktar. Etim. Għ. żaraba – M. post magħluq għan-nagħaġ, eċċ. Ngħidu wkoll, ‘Fatta la żorba’ – li kellu jsir issa sar. Sors: ESI u J.A.

Martin Morana

26 ta’ Jannar, 2023

http://www.kliemustorja.com

Pubblikazzjonijiet oħra mill-istess awtur ….ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Biblijografija

Agius de Soldanis Gianfrancesco, Damma, Ed. Rosabel Carabot. 2016.

Aquilina Joseph, għall-Maltese-English Dictionary, Vol. I & II.

Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju Malti-Ingliż. 1900.

Cortis Toni, Temi Zammit, Nies Bla Sabar u stejjer oħra. Merlin Library Limited. 1987. 

Falzon Giovanni Battista, Dizionario – Maltese, Italiano, Inglese. 1845.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti Vol. 1-10. Klabb Kotba Maltin.

Vella Francis, Grammar for the Use of the English. (1831).

Vella F., Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. 1843.

Vassalli Mikiel Anton, Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI. 1796.

Vassalli, Mikiel Anton, Motti, Aforismi e Proverbi Maltesi. 1828.

Vassallo S. G., (Piccolo Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (1856)

Categories:

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s