XOGĦOL FIL-BINI
u
(termini tal-arkitettura)
ALKOVA / ARKOVA Daħla f’kamra magħmula minn saqaf imqawwes u bil-ħnejja. Kienu jgħidu li antikament, din kienet kamra żgħira magħmula apposta biex fiha l-omm tiled it-tarbija tagħha. Din il-parti tad-dar kienet tkun wara l-intrata u magħluqa b’purtiera.
ARABESK Tip ta’ arti dekorattiva li tispira ruħha mill-arti u l-arkitettura Iżlamika. Mad-dekorazzjoni tal-weraq hemm disinji ta’ fjuri u disinji oħra. F’Malta l-arkitettura u d-dekorazzjoni Arabeska intużaw għall-ewwel darba, fl-1875 fix-xogħol li għamel il-perit Emanuele Luigi Galizia (1830-1908), meta dan iddisinja ċ-ċimiterju tat-Torok, il-Marsa. Galizia kien ispirat mill-arkitettura Indja-Musulmana, li ra meta kien żar ir-Royal Pavilion fi Brighton. Galizia tant għoġbu dan l-istil li anki ddisinja d-dar tiegħu. Din id-dar jisimha ‘Alcasar’, ta’ ]dejha jisimha Alhambra. it tnejn jinsabu qrib xulxin fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema.

ART NOUVEAU L-influwenza tal-Art Nouveau daħlet bil-mod il-mod f’Malta fis-seklu għoxrin f’Tas-Sliema, fejn dak iż-żmien kien tiela’ ħafna bini. L-aqwa eżempju ta’ Art Nouveau jinsab fil-binja imponenti li hemm il-Balluta (1928), magħrufa bħala Balluta Building. Il-binja fiha arkata għolja u l-faċċata hi ddekorata b’disinji tipiċi ta’ dan l-istil. Binja oħra mibnija bl-istess stil tinsab aktar lil hinn lejn it-Torri (ara r-ritratt).F’imkejjen oħra f’Tas-Sliema hemm bosta djar bil-faċċata tagħhom mibnija fl-istess stil. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija bosta bini f’lokalitajiet oħra nbnew b’bosta elementi tal-istess stil.

BALAVOSTRA / I Xogħol ornamentali fl-opramorta kemm jekk tal-bejt kif ukoll tal-gallarija.
BATTUM Taħlita ta’ xaħx, ġir u deffun magħġuna bl-ilma biex tipproteġi s-saqaf, l-art jew il-ħitan mill-ilma tax-xita. Qabbel ma’ BATTAM – verb li jirreferi għat-tikħil li jsir mal-ħajt ġewwieni tal- bir biex dan iżomm l-ilma milli jippenetra fil-pori tal-blat.
BITĦA Antikament, l-iskop tal-bitħa kien li fiha jinżammu xi annimali tad-dar, bħal ngħidu aħna fniek jew tiġieġ. Hawn kien il-lok fejn isir it-tisjir dejjem sakemm ma tagħmilx ix-xita, għax it-temp jippermetti kważi dejjem. Il-bitħa sservi wkoll bħala spazju fejn minnu jidħol id-dawl tax-xemx u għaldaqstant fi żminijiet oħra, it-twieqi tal-kmamar tad-dar kienu aktar jagħtu għal fuqha milli għal barra.
BLATA Il-ġebla żonqrija li titqiegħed mimduda fuq id-daħla tal-bieb jew l-apertura tat-tieqa biex fuqha jserrħu ċ-ċnagan tal-binja. Ing. lintel.
ĊAVI Dan hu l-minċott tal-ġebel li jitqiegħed fin-nofs tal-ħnejja li kapaċi jżomm iċ-ċangaturi ta’ fuqha u ta’ madwarha b’mod stabbli. Fl-antik din il-ġebla kienet magħrufa ukoll bħala, qofol jew għareb. Ing. keystone.

DEFFUN Taħlita ta’ fuħħar imfarrak u mħallat ma’ trab ieħor. Din it-taħlita titballat mat-torba biex jinkesa s-saqaf tal-bejt.
DELFIN / DENFIL Jisseħħah ukoll, riffieda. Struttura tal-ġebel li tkun ħierġa ’l barra mill-binja prinċipali b’mod imġenneb biex issostni l-ħajt meta dan ma jkunx stabbli biżżejjed. Eżempju ta’ dan narawh f’diversi kappelli jew knejjes li għandhom jew saqaf wiesa’ jew koppla. Agius de Soldanis isejjaħ din l-istruttura bħala madrab u jagħti t-traduzzjoni bit-Taljan bħala, appoggio fatto in un muretto per sostenere qualche edificio.

DOBBLU / IRDUBBLATURA Terminu li jintuża fil-frażi ‘ħajt dobblu’, jew ‘ħajt li sar b’irdubblatura’ – jiġifieri, ħajt li jkun mibni minn żewġ saffi ta’ ġebel imqiegħda wieħed wara l-ieħor biex b’hekk iż-żewġ ħitan f’daqqa jagħtu aktar saħħa. L-ispajzu ta’ bejniethom jista’ jimtela bil-mazkan jew terrapien. Dan ix-xogħol isir fuq il-ħajt ta’ barra, biex jagħti saħħa lill-istruttura u fl-istess ħin jipprevedi li la l-kesħa u lanqas is-sħana ta’ barra ma jinfdu għal ġewwa l-binja.

FRONTISPIZJU Biċċa xogħol dekorattiva fil-ġebel, imtella’ mal-opramorta, fuq il-bejt. Din l-struttura hi kkupjata mill-parti arkitettonika tat-timpanum tat-tempji Griegi u tal-knejjes mibnija fi stil NEO-KLASSIKU. Fid-djar, u l-każini, din il-kostruzzjoni għandha skop mhux biss ta’ tiżjin iżda anki biex magħha jserraħ arblu għal bnadar. Etim. Tal. frontespizio.

ĠEBLA BIL-ĠIDRA Ġebla, bħal kantun, li l-wiċċ tagħha hu mbaqqam biex flok lixxa il-wiċċ jidher kemxejn bħal ġebel rustiku, speċi ta’ ġebel mhux irfinat.
ĠEJŻA Travu li jaqsam min-naħa għall-oħra tal-kamra billi jgħaddi minn taħt it-travi l-oħra bl-iskop li dan iwiżinhom ħalli ma dawn jiżżaqqux. Magħruf ukoll bħala ‘travu pastaż’ (għax jerfa’ fuqu travi oħra). M.A.V. (1798), jgħidlu, ġejż, trave maestra.
GIFUN (pl. gwiefen) 1. Bħal ħarrieġa li sservi ta’ gwarniċun taħt l-opramorta tal-bejt. 2. Tip ta’ lqugħ ċatt tas-siment li normalment jgħatti s-saqaf tal-gallarija biex jipproteġiha mill-ilma tax-xita. Fih ikun hemm imħaffer kanal li jgħin l-ilma jinġabar biex jinżel lejn il-MIŻIEB. Tip ta’ deffun. Sq. ghiffuni.
GWARNIĠUN Element arkitettoniku magħmul minn xifer ħiereġ ’il barra li jimxi mat-tul tal-faċċata ta’ binja, l-aktar ta’ xi knisja jew bini ieħor imponenti. Dan ix-xifer magħmul biex jilqa’ xi ftit mill-ilma tax-xita biex dan ma jċarċarx mal-faċċata u fl-istess ħin biex iservi ta’ element dekorattiv. Ing. cornice.
GĦORFA L-ogħla kamra fid-dar jew fir-razzett. Kamra li tagħti għal fuq is-setaħ. Illum b’din il-kelma aktarx nifhmu, xi kamra fl-għelieqi.
ĦAJT TAL-QASMA Terminu antik li jagħtih Agius de Soldanis fid-Damma, bit-Taljan bħala: muro divisorio, dak li llum ngħidulu ħajt tal-appoġġ.
ĦARRIEĠA 1. Kantun ħiereġ ’il barra mill-ħajt magħmul apposta biex miegħu ikun marbut ħajt ieħor. 2. Ġebla ħierġa ’l barra mill-ħajt li kont issib qrib xi tieqa, speċjalment f’bini antik jew f’irziezet. Fuqha kont tista’ tqiegħed oġġetti bħal qsari, oġġetti tal-ikel, eċċ., apposta biex ma jkunux jistgħu jintlaħqu.
ĦAŻŻIENA Bħal konka li fiha jinħażen l-ilma f’qiegħ il-bir.

INDANA Il-passaġġ żgħir li jgħaqqad numru ta’ turġien ma’ oħra fl-istess binja. Fetħa fit-taraġ li ħafna drabi tkun angolata mal-ħajt. Terminu li jintuża’ biex wieħed jagħti idea tal-kobor tal-bini, bħal meta ngħidu,‘dar b’erba’ indani’. Ing. landing. Ara: RAĠĠIERA INGLIŻA.

KILEB (pl. – singular hu klejjeb jew kelb). 1. Tip ta’ saljaturi, li joħorġu mill-ħajt ’il barra fil-kamra biex fuqhom jitqiegħdu saffi oħra ta ċangaturi jew xorok b’mod imtarraġ biex jagħlqu l-kamra minn fuq. Jaħsbu li t-tempji megalitiċi kienu msaqqfa x’aktarx parzjalment bil-kileb. L-istess xogħol isir biex jinbnew il-giren. 2. F’binjiet żgħar, bħal fid-djar, il-kileb jkunu ingasti fil-ħitan fuq nett taħt is-saqaf biex fuqhom iserħu ix-xorok). TIKLIB Ing. corbelling.


KUMENT / INKUMENTI L-ispazju rqajjaq ta’ bejn ġebla u oħra meta dawn jitqiegħdu ħdejn xulxin. Xquq bħal dawn jiġu mfilsa bil-laqx u t-tajn. Tal. comento. Ing. seam.
LAVUR Kull tip ta’ oġġett tal-artiġjanat li jinvolvi xogħol dekorattiv, bħal intarsjar, ingastar u tiżjin ieħor fil-ġebel. Illum din il-kelma tirriferi l-aktar għax-xogħol ta’ tinqix maħdum bit-torn. Fl-antik dak li kien jaħdem dan it-tip ta’ xogħol fuq il-ġebel kien jissejjaħ scalpellino. Sqal. lavuri .


MAXRABIJA / MUXRABIJA Din hi struttura żgħira fil-faċċata tad-dar, li sservi bħal speċi ta’ paraventu tal-injam jew tal-ġebel, ħiereġ ’il barra mill-ħajt. Wara dan il-paraventu hemm ħofra jew tieqa fil-binja li minnha tgħaddi l-arja minn barra għal ġewwa u bil-maqlub. Hemm diversi tifsiriet għall-iskop proprju ta’ dawn it-twieqi. X’uħud jgħidu l-maxrabija kienet il-post ideali fid-dar fejn kien jitqiegħed kontenintur bl-ilma biex iżomm frisk biż-żiffa ħafifa li tgħaddi minn din l-apertura. Il-fehma komuni dwar l-użu tal-maxrabija hi li kienet tieqa minn fejn il-mara tad-dar u t-tfal tagħha bniet setgħu jittawlu minnha għal barra, mingħajr ma jidhru min-nies fit-triq. Fil-każ tal-maxrabiji f’Malta, maħduma kemm fil-ġebel kif ukoll fl-injam x’aktarx kienu magħmula bħala rewwieħa jiġifieri ventilatur.

MAZKAL / MAZKAN Biċċiet tal-ġebel żgħir. Laqx li jintuża biex jimla l-ħofor fix-xogħol tal-kostruzzjoni. Sqal. mazzacanata, quell suolo rassodato con ciottoli e ghiaia, che si fa prima di ammattonare.
MIŻIEB (pl. imwieżeb). Ġebla mħaffra bħal katusa maħruġa ’l barra mill-binja, l-aktar fuq il-bejt, biex l-ilma tax-xita jnixxi ’l hinn mill-faċċata tal-binja. Qawl: Ħeles mill-miżieb u weħel fil-QATTARA.

MRAMMA Ħajt oħxon mibni b’żewġ saffi ta’ knaten. Ħajt doblu. Il-vojt ta’ bejn dawn iż-żewġ ħitan tal-imramma jgħidulu vagant. Dan normalment jimtela bil-MAZKAN.
MUTALGĦA Xorok imfilsati fil-ħajt, wieħed wara l-ieħor forma ta’ taraġ li wieħed jista’ jitla’ fuqhom biex jasal fuq is-saqaf tal-għorfa.

NEO-KLASSIKU Nistgħu ngħidu li l-arkitettura Neo-klassika stabbilit ruħha f’Malta ftit snin wara l-wasla tal-Ingliżi. Fl-1810, fil-Barrakka t’Isfel, inbena MUSULEW f’forma ta’ tempju Grieg, f’ġieħ l-ewwel Kummissarju Ingliż, Alexander Ball. Fl-1812 l-Ingliżi bnew PORTIKU mal-Kanċellerija l-qadima tal-Ordni (binja li llum hi magħrufa l-aktar bħala l-Main-Guard) fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Imbagħad, fl-1832, fuq il-promontorju fejn darba kien hemm ir-residenza tal-Kavallier Bighi, il-Kalkara, l-Ingliżi bnew sptar bl-istess stil ta’ arkitettura. Mill-bogħod din il-ġabra ta’ binjiet tagħti impressjoni ta’ acropolis Griega. F’Malta, jeżistu wkoll binjiet oħrajn b’elementi meħuda minn dan l-istil. Wara, dan l-istil ta’ arkitettura ġie ssuperat mill-istil Neo-Gotiku.

ONVAJTURA / UNVJATURA / INVJATURA Xkatlatura li jagħti l-bennej biex jillixxja il-ġebla jew il-faċċata tal-ħajt hekk kif ilesti binja ġdida.
OPRAMORTA / APRAMORTA Ċint għoli li ġeneralment, jinbena fuq il-bejt u li jasal sa tlieta jew erba’ filati. Dan iservi bħala lqugħ biex dak li jkun jista’ jserraħ miegħu u jiskansa li jaqax għal isfel.
QATTARA Ġebla mħaffra fuq il-bejt, setaħ jew bitħa li fiha jinġabar l-ilma tax-xita. Mill-qattara l-ilma jinżel għal ġol-MIŻIEB biex jispiċċa barra fit-triq. Hemm qawl li jgħid, il-ġiddieb jeħles mill-qattara iżda jeħel fil-miżieb. Ing. gutter.
QIEGĦ TAD-DAR IĊĊANGAT Terminu li sibtu fid-Damma, ta’ Agius de Soldanis (1767). Bit-Taljan jitraduċiha bħal, pavimento di una casa lastricato.
QIEGĦA Art ċatta, iċċangjata jew imbattma. Paviment. Ngħidu, ‘raqad fuq il-qiegħa’, jiġifieri, raqad fl-art mingħajr wisq ilqugħ.
QOLLIEBA 1. Skorċa, norm. bħal dik li titrabba biż-żmien fuq wiċċ il-ġebla wara li tinqata’ mill-barriera. 2. Tip ta’ xogħol fuq il-ħajt li jsir apposta biex jipproteġi l-ġebla mill-erużjoni kkawżata mix-xita u r-riħ.
RABTA TAL-ĦAJT Sibtha fid-Damma, ta’ Agius de Soldanis, li jagħtiha bit-Taljan bħala, Concatenamento che si fa tra le mura degli edifizi.
RAĠĠIERA LA INGLIŻA Taraġ li jissejjaħ ukoll ‘taraġ bir-raġġ’, għax it-turġien li minnhom ikun iffurmat ikun mibni b’tali mod li kull ftit, dawn iduru fuqhom infushom biex jiffurmaw bħal garigor ikkwadrat. Id-differenza hi li t-taraġ la Ingliża ma jkollux anima, jiġifieri, ma jkollux ħajt fin-naħa tan-nofs. It-turġien ikunu ingastati min-naħa mal-ħajt tal-binja. Bosta djar, l-aktar dawk kbar u ta’ ċertu żmien, li fihom hemm indani u appartamenti, għandhom dan it-tip ta’ taraġ.

RAFF Sura ta’ xkaffa kbira, jew kamra fl-għoli fid-dar, fejn jintrefgħu xi affarijiet. Żieda ta’ struttura tal-injam f’kamra b’saqaf għoli. Ir-raff jintuża l-aktar biex jintrefgħu fih oġġetti li mhumiex daqstant bżonjużi. Normalment, biex wieħed jitla’ fuq ir-raff irid juża SKALAPIŻA jew sellum. Aquilina jagħtiha bl-Ing. bħala attic room.
SALJATURA Ġebla li bosta drabi jkun hemm bżonn aktar minn waħda bħala biex fuqhom isserrħu x-xorok tal-gallarija. Is-saljaturi jkunu spazjati minn xulxin. Kemm-il darba s-saljaturi jkunu mnaqqxa b’xi disinji skont il-gosti.

SAMROTT Ġebel mibni b’mod li jserraħ ma’ xulxin biex jifforma arkata stabbli. Fin-nofs ta’ din l-arkata jkun hemm iċ-ĊAVI. Is-samrott ġieli jkollu tip ta’ kurdun (dak li bl-Ingliż hu magħruf bħala, fat moulding). Dan is-samrott hu ta’ siwi biex jistabbilizza u jifrex it-toqol tal-binja fuq l-arkata. Ing. voussoir.

SAQAF TROLL Saqaf li għandu forma ta’ nofs qamar u jkun ħafna drabi ġej għat-tul fuq xi intrata. Ing. barrel vault.

SINGLU Ħajt ta’ binja magħmul minn filata fuq oħra bi ħxuna ta’ kantun wieħed biss. Fuq barra, normalment, il-ħajt ma jinbeniex singlu imma DOBBLU.
SOLL 1. Il-ġebla li titqiegħed bejn il-koxox tal-bieb. Ing. threshold. 2. Il-ħoġor tat-tieqa. 3. Ġebla ta’ kwalità ħażina (Aquilina). Serracino Inglot iżid li din tista’ tkun saljatura li tiflaħ il-binja ta’ gallarija fuqha. Etim. Tal. soglio.
SQIFA Daħla, bħal kuritur imsaqqaf ta’ binja, li mit-triq tagħti għall-bitħa. Din tinbena b’mod li l-bitħa ma tkunx tidher mit-triq. Normalment fuq l-isqifa jkun hemm kamra mibnija li tagħmel parti mill-binja inġenerali.

TORBA Taħlita ta’ xaħx, ramel tal-franka u żrar fin li jintuża biex jiksi x-xorok tas-soqfa. Fuq it-torba jitqiegħed id-DEFFUN.
WIRKEJN IL-BIEB Il-ġnub tad-daħla tad-dar. Wirk tfisser koxxa, mela wirkejn hu l-plural imtenni, li jirreferfi għaż-żewġ koxox tal-bieb. Dan it-terminu jagħtih F. Vella (1831).
XOLLIELA / XULLIELA Ġebla kwadra li tkun maħduma minn naħa waħda biss, dik il-parti li tkun intenzjonata li tidher fil-binja, waqt li l-parti ta’ wara tagħha tibqa’ mistura u għalhekk mhux maħduma.
XRIEK (pl. xorok). 1. Ġebel ta’ madwar metru tul, u 30-il ċm fil-wisa’ li kienu jsaqqfu l-binja bih. Ix-xorok jitqiegħdu mimdudin u jaqsmu minn fuq il-ħajt, għal fuq il-ħnejja, jew inkella fuq travi. Fuq ix-xriek u x-xquq ta’ bejn ix-xorok ikun kollu miksi bit-torba ħalli jkun protett mix-xita.

XULLIEF Biċċiet żgħar tal-ġebel li jaqgħu waqt li l-bennej ikun qiegħed iqatta’ l-knatan bl-imterqa. Mazkan.
ŻMARR It-truf mhux raffinati tal-ġebla li tkun inqatgħet mill-barriera. Etim. Sqal. smarrari di grossare coll’ascia.
ZOKKLU / ZOKKLATURA 1. F’termini ta’ arkitettura, iz-zokklu hu l-parti kwadra tal-bażi ta’ kolonna. Ing. plinth, socle, dado. 2. Il-faxx skur ta’ tibjid jew żebgħa fil-ħitan tal-kamra li jitla’ mill-art ’il fuq sa ċertu livell.
Martin Morana
25 ta’ Mejju 2023
Bibliografija
Agius de Soldanis, Damma ta’ Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal-Matlin u Ghawcin. Ed. Rosabelle Carabott. Akkademja tal-Malti et al. 2016.
Aquilina Joseph, Dizzjunarju Malti Ingliż. Midsea Books Ltd. 1987 / 1990.
Azzopardi Joe, ‘A Survey of the Maltese Muxrabijiet, Part one and Part two. Vigilio,April 2012, no 41 and October 2012, no 42.
Borg Malcolm, British Colonial Architecture – Malta 1800-1900. Publishers Enterprises Group. 2001.
Jaccarini Carol, ‘Il-Muxrabija, Wirt l-Islam fil-Gżejjer Maltin’, Folklor – Ġabra ta’ kitba minn membri ta’ L-Għaqda Maltija tal-Folklor, ed. Guido Lanfranco. 2004.
Mahoney Leonard, 5,000 Years of Architecture in Malta. Valletta Publishing. 1996.
Mousù Salvator, Id-Dar Maltija. Guteberg Press. 2007.
Galea Robert, ‘Il-Muxrabija Window’. Treasures of Malta No 44, Easter Vol XV, nu. 2.
Gatt Ġużi, Qiegħda fuq il-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin. 2005.
Serracino Inglott Joseph, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin.
Vella F., Dizjunarju Malti Ingliż. 1831.
Vella Tomlin, Ġabra ta’ Proża għat-Tfal. Thom. Formosa & Son. 1952.
Wettinger Godfrey, Kliem Malti Qadim. L-Istitut tal-Lingwistika u d-Dipartimentg tal-Malti. 2006.