Is-SAJD Tal-LAMPUKI
Il-lampuka hi x’aktarx l-aktar ħuta popolari li jħobbu jieklu l-Maltin, l-aktar meta tkun għadha kemm inqabdet, biex tissajjar friska. Din hi ħuta li ilha tinqabad sekli sħaħ. F’lista ta’ prezzijiet tal-ħut li kienet ħarġet f’Mejju tal-1740, hemm inkluż l-isem u l-prezz li għandha tinbiegħ din il-ħuta. (Stanley Farrugia Randon, 2007). Il-lampuki jidħol mill-Atlantiku għal ġol-baħar Mediterran fil-bidu ta’ Awwissu u dawn jinqabdu fl-ibħra Maltin l-aktar fuq in-naħa tal-Majjistral u l-Punent ta’ Malta. Din tissajjar b’diversi modi, jew moqlija, jew fuq il-fwar, jew inkella mgħollija biex wara li tissajjar, biha jsiru torot tal-lampuki. Prezzha mhux għali, biss dejjem skont il-qabda. Il-lampuka tista’ tinbiegħ Euro 10 il-kilo fil-bidu tal-istaġun, imbagħad il-prezz kapaċi jinżel għal Euro 5 jew erbgħa. Aktar mill-prezz hi t-togħma tagħha li tattira lill-Maltin li jikkunsmaw din il-ħuta. Din tibqa’ tinqabad għal xhur sħaħ u għalhekk tinsab fis-suq sa Novembru, ġieli anki sa Diċembru. Naturalment, hawn xi wħud li jaħsbu għal meta jkun għadda l-istaġun, billi jqattgħu l-lampuka f’taqtigħat u jiffriżawhom biex ikunu kkunsmati aktar tard.

Is-sajd għal-lampuki

Il-mod li tinqabad din il-ħuta huwa billi s-sajjieda jħejju l-kannizzati tal-polisterin (ġablow) li magħhom jitwaħħlu weraq kbar tal-palm biex dawn kollha jżommu fil-wiċċ. Fil-gżejjer Maltin, kull sena, jinqatgħu eluf ta’ weraq tal-palm, minn daqs tmien mitt siġra minn entitajiet tal-gvern jew oħrajn imqabbdin mill-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd biex parti minnhom jingħataw b’xejn lis-sajjieda, speċifikament għal dan l-iskop u oħrajn jinbiegħu. L-użu tal-weraq tal-palm beda meta fl-1972, sajjied minn San Pawl il-baħar ipprova dan il-metodu u beda jinnota li l-ħut beda jqarreb aktar lejn il-kannizzati għaliex mal-weraq bdiet tikber il-alga u għalhekk il-lampuki, apparti d-dell, beda jsib ukoll xi ikel li jnaqqar (S. Farrugia Randon, 2007). Sajjieda oħra, inklużi s-sajjieda Sqallin u dawk Tuneżini bdew jagħmlu l-istess, u l-użu tal-weraq tal-palm illum sar popolari sew. Qabel, is-sajjieda kienu jużaw biss biċċiet tas-sufri marbutin flimkien, daqs metru kwadru, biex dawn iżommu f’wiċċ l-ilma u jipprovdu d-dell lill-ħut.

Is-sajjieda jitfgħu l-kannizzati tagħhom f’dawk il-postijiet allokati lilhom mill-Awtorità tas-Sajd. (Aktar milli kannizzati, dawn, is-sajjieda jsejħulhom ċimi, riferenza għal ħabel li miegħu jiddendel il-kantun li jankra ruħu f’qiegħ il-baħar. Il-lokazzjonijiet huma bbażati f’diversi żoni ta’ madwar Malta u Għawdex u kull waħda minn dawn l-allokazzjonijiet ikunu ppożizzjonati fuq bażi tal-warda tar-riħ, jiġifieri f’direzzjoni bħal stilla tgħiddi, li toħroġ lil hinn minn nofs il-warda biex is-sajjied jieħu direzzjoni partikolari u ma jidħolx fuq iċ-ċimi ta’ ħaddieħor. Dawn l-allokazzjonijiet, ikunu minn daqs 10 -15 kilometru ’l bogħod mill-kosta sa 25 mil nawtiku (46 kilometru) ’l bogħod. Din hi ż-żona tal-baħar teritorjali Malti, (magħrufa bħala FMZ, jiġifieri, Fisheries Management Zone) li hi mħollija biss għal dawk il-luzzi jew laneċ li għandhom mhux aktar minn 12-il metru tul. Il-lokazzjonijiet tas-sajd jittellgħu bil-polza u fihom jistadu preżentament massimu ta’ 130 inġenji tal-baħar. Kull sajjied kapaċi jitfa’ bejn 120 u 300 ċima (jew kif jgħidulhom ukoll rimja) jew aktar (Charles Busuttil, 1999). Sajd ieħor isir ukoll barra din iż-żona minn inġenji akbar, li jwassal aktar lejn l-istrett ta’ bejn Sqallija u x-xtut tat-Tuneżina.

Dawn il-kanizzati jitħallew waħidhom għal bejn jum jew tnejn. Imbagħad, is-sajjieda jmorru lura bl-inġenji (luzzu jew lanċa – jissejħu wkoll skuna) fuq iċ-ċimi biex isibu l-lampuki li jkunu nġabru taħt u madwar il-kanizzati. Antikament, is-sajjieda kienu jdendlu qanpiena maż-żubrun li kien ikun marbut mal-kanizzata, biex jisimgħuha mill-bogħod u jkunu jafu li qegħdin fil-qrib taċ-ċima, jew anki lampa taż-żejt biex il-kannizzati jidhru billejl. Inkella, kienu jqiegħdu grillu ġo bott biex bit-twerżiq tiegħu, is-sajjieda jindunaw fejn qiegħda ċ-ċima (G. Lanfranco, 2017). Meta jaslu fuq iċ-ċima, is-sajjieda jitfgħu x-xibka, li hi tat-tip ta’ tartarun (Ingliż: seine net), li tiddawwar madwar il-ġliba ta’ ħut li jkun inġabar taħt u madwar il-kanizzata (Ġużi Gatt, 2005). Ix-xibka magħmula min-nylon tkun ta’ madwar 75 metru tul u daqs 400 mitt malja (Ing. mesh); kull malja tkun wiesgħa daqs massimu ta’ 18-il millimetru kwadru (Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, 2013). Is-sajjieda jneħħu l-kanizzata minn nofs u jiġbdu x-xibka biex tagħlaq madwar il-ħut waqt li din tinġibed bil-winċ għal fuq il-lanċa jew il-luzzu. (S. Farrugia Randon, 2007). Dan ix-xogħol isir minn madwar erba’ u tmien sajjieda, skont il-kobor tal-luzzu jew l-lanċa tas-sajd.
Antikament, meta l-baħar kien ikun imqalleb u għalhekk ma jkunx galbu biex jintefgħu l-kannizzati, kienu jintużaw il-konzijiet biex il-ħuta tinqabad mis-snanar marbutin max-xolfa li minnhom jiddendlu l-brazzol. Illum, is-sajjieda dilettanti jafu wkoll irejxu għal din il-ħuta, biss dawn għandhom bżonn permess mill-awtoritajiet biex jagħmlu hekk u jridu jżommu ’l bogħod sew minn fejn ikunu ntefgħu l-kannizzati. Ma’ dawn, ta’ min isemmi anki dawk li mill-art jużaw l-imrejkba li magħha jiddendel il-konz tal-wiċċ, li minnu jerġa’ jkun hemm imdendlin il-brazzol.
Il-qbid tal-lampuki kull sena jvarja kif jidher f’din it-tabbella uffiċjali pprovduta mid-Dipartiment tas-Sajd u Agrikoltura.
| 2020 | 2021 | 2022 |
| 357 tunellata | 219 tunellata | 522 tunellata |
Fl-2018, is-sajjieda Maltin qabdu daqs 350 tunnellata ta’ lampuki u kien hemm bejgħ ta’ daqs żewġ miljun Euro (Alvin Vassallo, TVMnews, 2018). Il-lampuka tammonta għal bejn 30 u 40 fil-mija tal-qbid tal-ħut kull sena mis-sajjieda Maltin.
Dwar il-lampuka
Isem xjentifiku: Coryphaena hippurus. Proprjament, jeżistu żewġ tipi ta’ lampuki, l-oħra hi l-pompano dolphin (isem xjentifiku: Coryphaena equiselis). Il-lampuka hi ħuta li tikber malajr, anki sa daqs mitt gramma kuljum, u fi ftit żmien kultant kapaċi tleħħaq anki żewġ metri, meta f’dan il-każ tista’ tikber sa 20-il kilogramma u anki aktar. (Charles Busuttil). Skont studji li saru, normalment, f’Awwissu, il-lampuka tkun daqs, 11 – 32 ċm, u sa Diċembru tikber sa bejn 31 – 61 (J. Zaouali u H. Missaouis, 1999).

Bl-Ingliż, il-lampuka hi magħrufa b’diversi ismijiet, fosthom, corephene, dorado jew dolphinfish. Iltqajt ma’ żewġ verżjonijiet li jispjegaw għaliex il-lampuka bl-Ingliż jgħidulha dolphinfish. L-ewwel waħda hi li ras ta’ din il-ħuta meta tkun tal-ġens maskil, tixbah lil ċerti speċi ta’ delfini, l-aktar ir-Rissos dolphin u l-Long u x-Short finned pilot whale. It-tieni teorija hi li din il-ħuta kultant tagħmel bħad-delfini, billi għandha ħabta tgħum quddiem il-vapuri jew inġenji oħra li jfettillha tieħu grazzja magħhom u tgħum qribhom b’veloċità. Tabilħaqq, il-lampuki kapaċi jgħumu b’saħħa ta’ 95 kilometru fis-siegħa.
Il-lampuki jinsabu f’bosta ibħra madwar id-dinja, fosthom, fil-Baħar Paċifiku. F’dawn in-naħat hi magħrufa l-aktar bħala, Mahi Mahi, isem mogħti min-nies tal-gżejjer tal-Ħawaii, li fil-lingwa tagħhom tfisser, ‘ħuta b’saħħitha’. Il-lampuka tgħix ukoll fl-Oċean Indjan. L-ikel li tiekol il-lampuka jvarja minn ħut żgħir, bħas-sardin u l-kavalli, sa fkieren żgħar li jkunu għadhom kemm bdew jgħumu. Minkejja li din hi ħuta tal-wiċċ jidher li anki gambli u granċi li jgħixu fil-qiegħ, kapaċi tfittex biex tiekol.

Is-sajd tal-lampuki mis-sajjieda barranin
Hu stmat li fil-Mediterran jinqabdu madwar 4,000 tunnellata ta’ lampuki fis-sena. Skont statistika ppubblikata fl-2013, bejn l-2006 u l-2010, l-akbar qabda saret mit-Taljani (56%) għax din tinqabad lil hinn u matul il-kosta kollha tal-Baħar Tirren, minn Sqallija sal-Ligurja. It-Tuneżini jaqbdu daqs 26%. Dawn għandhom daqs 220 lanċa biex imorru jistadu għal-lampuki. Il-Maltin jaqbdu daqs 10%, waqt li l-Ispanjoli (fil-Baħar Baleariku) u l-Libjani jaqbdu daqs 4% kull wieħed (Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura 2013).
Isqallin, bħal Maltin u s-sajjieda Tuneżini jarmaw għas-sajd tal-lampuki bejn l-Istrett ta’ Sqallija u lejn nofs il-baħar qrib Pantelleria. L-Isqallin jafu l-lampuka b’bosta ismijiet, bħal, alampuca, jew lampuga, corifena cavallina, pesce capone, pesce dorato, jew pesce settembrino. Dan l-aħħar isem hu mogħti mit-Taljani għaliex jemmnu li din il-ħuta tqarreb lejn il-kosta Taljana biex tbid f’dawk l-inħawi f’Settembru. Is-sajjieda Tuneżini jsejħu din il-ħuta al lambuga ( لامبكة ).

—
Informazzjoni oħra:
- Tajjeb li tkun taf li f’Malta hawn daqs 400 inġenji tas-sajd li huma ta’ sajjieda full-time. Hemm ukoll, 635 sajjied part-time. Daqs 92% huma inġenji iżgħar minn 12-il metru. Il-bqija hu stmat li hawn daqs 2,000 biċċa tal-baħar li jintużaw għar-rikreazzjoni. (Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, 2013).
- Ix-xbiek tal-lampuki fit-Tuneżija huma magħrufa bħala, lambukara, u fl-ibħra Baleariċi, lampuguera.
- Mal-qabda tal-lampuki spiss ikun hemm ukoll il-fanfri, u xi imsell, li bħal-lampuki jersqu lejn il-kanizzati għad-dell. Tinqabad ukoll xi ċervjola, (meta tikber din jgħidulha aċċjola).
- L-isem luzzu ġej mill-Isqalli guzzu jew gozzo. Biż-żmien il-konsonant ‘g’ intilef u minflok tqiegħed l-artiklu ‘l’.

Il-kapunata, dak il-platt kiesaħ mimli ħxejjex, bħall-brunġiel, kappar, tadam, bżar, żebbuġ, eċċ., imsajrin u biz-zalza, li mdorrijin nieklu ħdejn il-baħar, x’aktarx għandu l-oriġini tiegħu fi Sqallija, għax hemm kienu jikluh imħallat bil-biċċiet tal-lampuka li bl-Isqalli hi magħrufa wkoll bħala capuni. (Dizionario Siciliano, 1853, u http://www.tavolartegusto.it.
© Martin Morana
4.10. 2023
Ħajr tal-għajnuna tiegħu lil Ġużi Gatt.
Biblijografija
- Busuttil Charles, ‘The Lampuka Enigma’.
- Cini George, ‘The Lampuki race is on for the fisherman’. The Times of Malta.
- Correnti Santi, Siciliaviva. Greco-Catania. 1981.
- Gatt Ġużi u Darmanin Michael u Farrugia Frans, ‘Ix-Xibka tal-Lampuki’, Il-Miklem. Awwissu 7, 2018. https://www.ilmiklem.com/ix-xibka-tal-lampuki/
- Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin. 2005.
- Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.
- Mortillaro Vincenzo, Dizionario Siciliano. 1853.
- Stanley Farrugia Randon, Fishing in Malta pp. 46 – 49.
- Stanley Farrugia Randon u Micallef Robert, Popular fish in the Mediterranean.
- Zaouali Jeanne, and Missaouis Hechmi, ‘Small-scale Tunisian fishery for dolphinfish’. Institute National Agronomique de Tunisie. Scientia Marina. 1999.
- Fisheries Management Plan – Lampuki Fad Fishery – Department of Fisheries and Acquaculture – 2013. https://memberfiles.freewebs.com/85/26/94352685/documents/Malta,%20Management%20plan%20for%20Lampuki%20-%20dolphinfish%20FAD%20fisheries_08052013.pdf
- https://www.researchgate.net/publication/287707256_Small-scale_Tunisian_fishery_for_dolphinfish
- https://timesofmalta.com/articles/view/lampuki-season.974693
- https://teleskola.mt/fishing-for-lampuki/
- https://timesofmalta.com/articles/view/lampuki-season.974693
https://www.guidememalta.com/en/it-s-that-time-of-year-again-here-come-the-lampuki
Ara aktar dwar il-pubblikazzjonijiet tal-awtur
