IL-MIĠJA TA’ SAN PAWL f’MALTA
Xi Ħsibijiet
Introduzzjoni
Il-waqfa mhux intenzjonata ta’ San Pawl f’Malta waqt il-vjaġġ tiegħu bil-baħar lejn Ruma wasslet biex il-Maltin ikunu kburin li huma kienu minn tal-ewwel li ħaddnu t-twemmin Nisrani. Dan is-sens ta’ kburija jikber aktar meta niftakru li kien propjru dan il-qaddis ta’ fama kbira li kkonvertihom, u dan għamlu fi żmien daqstant bikri tal-Kristjaneżmu. It-tieni raġuni għaliex il-Malta huma kburin b’dan l-episodja fl-istorja ta’ Malta hu li bis-saħħa tiegħu Malta tissemma fil-Kotba tal-Iskrittura.
F’dan l-artiklu ser nipprova nidħol fil-fond u nifli dak li kiteb San Luqa fl-Atti tal-Appostli kapitli 27 u 28 dwar il-vjaġġ ta’ San Pawl u l-waqfa tiegħu f’Malta. Dan għaliex meta naqraw dawn iż-żewġ kapitli nindunaw li mhux darba jew tnejn il-kitba tmur lil hinn minn dak li aħna mdorrijin nisimgħu jew minn dak li mingħalina hu ta; bil-ħaqq. Mela dak li ġej hu speċi ta’ exegesis fil-qosor, biss maħsub bniedem li studja l-istorja u mhux it-teoloġija.
San Pawl kien beda il-vjaġġ tiegħu minn Ċesarea Marittima – port li jinsab bejn Tel Aviv u Ħajfa, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mill-art tal-Ġudeja Rumana. Il-vjaġġ lejn Ruma hu deskritt minn San Luqa b’ċerti dettalji, minn kapitlu 27:1-44 sa kapitlu 28: 1-11. Ir-rakkont hu miktub bl-użu tal-pronom – ‘jiena’ – kif ukoll bil-pronom – ‘aħna’. Dan jindika li San Luqa kien qiegħed jakkumpanja lil San Pawl matul il-vjaġġ.
San Pawl kellu jagħmel dan il-vjaġġ minħabba li kien akkużat mis-Senhadrin Lhud f’Ġerusalem, u wara mill-prosekutur Tertullu u l-qassis il-kbir Ħananija, quddiem il-prokonslu Ruman f’Ċesarea, b’diversi akkużi, fosthom li [...’kien qiegħed iqajjem tixwix fost il-Lhud kollha mxerrda mad-dinja u kien wieħed mill-mexxejja tas-setta Nażarin u saħansitra fittex li jkasbar it-tempju …’] (27:1-9) *.San Pawl inżamm priġunier f’Ċesarea għal sentejn sħaħ. Imbagħad fis-sena 60 A.D. kien imressaq quddiem Porcius Festus, il-prokonslu l-ġdid ta’ dik il-belt. Billi San Pawl kien twieled fil-belt ta’ Tarsus minn ġenituri Lhud-Rumani, hu kellu d-dritt, u għalhekk talab li bħala ċittadin Ruman ma jkunx imressaq il-qorti ta’ Ċesarea iżda jittieħed Ruma ħalli jkun iġġustizzjat hemm mill-imperatur innifsu. Billi jissemma li l-prokonslu l-ġdid, Porcius Festus laħaq fis-sena 60 A.D., nafu s-sena eżatta meta dan l-avveniment u l-vjaġġ lejn Ruma seħħew.
L-affidabbilità tat-test fil-kapitli 27 u 28
Skont l-istudjużi, San Luqa kiteb dan ir-rakkont daqs għoxrin sena wara l-vjaġġ, jew ftit aktar tard, jiġifieri bejn 80 – 85 A.D. Għalhekk, qabel ma l-qarrrej jibda biex janalizza r-rakkont fid-dettall, wieħed irid ikun jaf jekk dak li kiteb l-awtur kienx mill-memorja tiegħu, jew inkella kkupjah minn fuq xi notamenti li kien niżżel waqt il-vjaġġ. Dan għaliex wieħed irid ikun fiċ-ċert li d-dettalji li ngħataw huma ta’ min wieħed jorbot fuqhom kelma b’kelma. Meta l-qarrej jaċċerta ruħu b’dan, irid ukoll jikkonsidra li t-tradutturi li qalbu l-kitba mill-Ebrew għall-Grieg u għal-Latin setgħu ma tawx interpretazzjoni skont l-oriġinal. Din hi xi ħaġa li fit-traduzzjonijiet bejn lingwa u oħra tiġri ta’ spiss, aktar u aktar meta t-traduttur jiddeċidi li jaqleb il-kitba b’mod liberu.
Malta jew Mljet?
Wieħed mid-dubji li l-aktar ikidd lill-istudjużi kien – u għadu – jekk in-nawfraġju verament seħħx f’Malta. Hemm minn isostni li n-nawraġju msemmi minn San Luqa seta’ ġara fuq gżira oħra, dik ta’ Miletos (illum magħrufa bħala Mljet, li tinsab qrib il-kosta ta’ Dubrovnik, fil-Kroazja). Dan l-argument ilu għaddej sekli sħaħ, biss illum forsi naqas u ntesa xi ftit bis-saħħa ta’ diversi argumenti sodi li kif ser naraw aktar ’l quddiem jikkonfermaw li l-Melita li tissemma fl-Atti tal-Appostli kienet verament Malta.

Il-Maltempata
[…’imbagħad qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawra mejt biċ-ċimi niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq Sirti u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu’ …], Kap. 27, 13-20.
Meta l-ġifen kien qiegħed isalpa qrib il-kosta tan-nofsinhar ta’ Kreta qamet maltempata li ġiegħlet lill-bastiment joħroġ sew mir-rotta li kien miexi fuqha. Il-qawwa tar-riħ kaxkret il-ġifen lejn il-lbiċ, jiġifieri lejn iċ-ċentru tal-Mediterran. Dan għaliex skont ir-rakkont, il-maltemp kien ġej mil-lvant it-tramunta (riħ qawwi li jikkorrispondi għall-grigal, u li antikament bil-Grieg kien magħruf bħala eurokludōn [εὐροκλύδων]. San Luqa jgħid li l-ġifen dam erbatax-il jum jitkaxkar mal-mewġ u l-kaptan tal-ġifen, għalkemm ma kienx jaf fejn wasal, beża’ li jispiċċa fuq il-kosta Afrikana (Sirti). Ta’ min wieħed ikun jaf li l-gżira ta’ Kreta hi daqs 476 mili (766 kilometru) ‘il bogħod u lejn il-lvant ta’ Malta. Għalhekk hu possibbli li jekk il-bastiment kellu l-qala’ mniżżel il-mirkeb baqa’ jitkaxkar mal-mewġ qawwi u l-kurrenti, iggwidat biss mit-tmunir mingħajr ma dan seta’ jerġa’ jdawwar il-ġifen fid-direzzjoni tal-majjistral. Jekk wieħed jikkunsidra li għal erbatax-il jum il-bastiment kien qiegħed jitkaxkar mingħajr l-użu tal-qala’ prinċipali u jikkalkula l-ħeffa fjakka tal-ġifen setgħet kienet ta’ madwar 1.5 sa 2.5 mil fis-siegħa, allura hu possibbli li l-mewġ u r-riħ setgħu wasslu l-ġifen qrib il-gżejjer Maltin.
Il-bastiment kellu tagħbija ta’ qamħ kif ukoll daqs 276 ruħ bejn ekwipaġġ, u priġunieri u għalhekk kellu toqol konsiderevoli. (Dan in-numru hu diskuttibli, għax fil-fatt hemm xi verżjonijiet antiki ta’ dan ir-rakkont li jagħtu numru ferm inqas – dak ta’ 76 ruħ).
Waqt li r-rakkont fil-kapitlu 27: 1-44 jittratta dwar il-vjaġġ bejn Ċesarea Marittima sa’ Malta, kapitlu 28: 1-11 jirrakkonta dwar il-perjodu minn meta l-ġifen ħabat u nkalja ma’ sikka fl-ibħra Maltin, l-inżul l-art, kif ukoll iż-żmien li San Pawl qatta’ Malta u t-tluq minn Malta fuq bastiment ġdid lejn Ruma.
San Pawl f’Malta
It-test tal-Kapitlu 27 ikompli jgħidilna:
[…‘Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li jekk jistgħu jitfgħu l-ġifen fuqha … Irħew erba’ ankri u telqugħhom il-baħar u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Imbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta. Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha .… Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom [iċ-ċenturjun] jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen u hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ’ …]. (27: 39-44).

Hawn tinqala’ l-kwistjoni dwar fejn seta’ nkalja l-ġifen. Tradizzjonalment dejjem tgħallimna li n-nawfraġju seħħ fil-bajja ta’ San Pawl il-Baħar. Biss, it-test ma jsemmi l-ebda lok speċifiku. Fit-traduzzjoni ta’ dan it-test naqraw li l-ġifen inkalja ‘bejn żewġ kurrenti’. Xi wħud mill-istudjużi jgħidu li din il-frażi tista’ tiġi interpretata bħala ‘bejn żewġt ibħra’, ‘(…topon dithalasson …)’, bil-Latin … locus inter duo maria...). Jista’ jkun li l-mirkeb inkalja x’imkien ieħor fil-gżejjer Maltin. Intant, kien hawn min issuġġerixxa li din is-sikka kienet dik li tinsab barra l-bajja ta’ San Tumas, Wied il-Għajn għaliex hemm f’qiegħ il-baħar instabu erba’ ankri (Paul Cornuke, ikkwotat minn Paul Guillaumier, 2003).
Ejja naqraw dwar dak li seħħ meta San Pawl niżel l-art:
[ … ‘Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta (Melita)’. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: ‘Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!’ Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li ser jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.’ …]. (28: 1-6).
It-test jgħid li hekk kif l-ekwipaġġ tela’ l-art qawwi u sħiħ, sabu l-abitanti ta’ dik l-art jilqgħuhom u li xegħlulhom ħuġġieġa għax kienet bdiet niżla x-xita. Biss meta taħseb ftit, tgħid, jekk kienet qed tagħmel ix-xita kif seta’ wieħed iqabbad il-ħatab biex tinxtegħel il-ħuġġieġa? Biex tqabbad ħuġġieġa ridt l-ewwel tħakkek iż-żniet mal-ħaxixa tal-lixka xotta u wara din tqiegħda taħt il-ħatab biex dan jaqbad bil-mod il-mod u n-nar jinfirex f’ħuġġieġa. Jew forsi il-ħuġġieġa nxtegħlet taħt saqaf f’xi għar kbir li seta’ jakkomoda l-ekwipaġġ kollu? Jekk forsi jista’ jkun li flok ħuġġieġa waħda tqabbdu diversi nirien żgħar f’postijiet kennija taħt is-saqaf ta’ xi kmamar ta’ xi rziezet. Hux għalhekk li l-kappella li nbniet mijiet tas-snin ilu f’San Pawl il-Baħar hi magħrufa bħala ‘San Pawl tal-Ħġejjeġ’ u mhux ‘tal-Ħuġġieġa?’ Possibbli wkoll – biss, it-test li qed nirriferu għalih isemmi ħuġġieġa waħda biss.

Dwar l-episodju meta l-lifgħa gidmet lil San Pawl f’idu, nafu bi tliet speċi ta’ sriep f’Malta, u l-ebda wieħed minnhom ma hu kapaċi jivvelena bniedem għal mewt. Tgħid dak iż-żmien kienet teżisti xi speċi oħra li ma nafux biha llum, u li kellha velenu li seta’ joqtol? Tgħid, meta San Luqa jgħid li l-Maltin ħasbu li San Pawl kien ser imut avvelenat, din kienet biss aspettazzjoni tiegħu personali, għax mingħalih li l-lifgħa, kienet bħal dawk is-sriep velenużi li kien imdorri bihom f’artu?
Ir-rakkont ikompli:
[ … ‘F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-ġżira, li kien jismu Publju (ismu bil-Latin kien Publius). Dan laqgħana u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem. Missier Publju nzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom’ …]. (28: 7-9).
Dwar dan it-test jitfaċċaw bosta ħsibijiet oħra. Biex San Pawl daħal ħdejn missier Publju li kien marid ħalli jfejqu, dan ifisser li San Pawl kien magħruf sew minn kulħadd bħala fejjieq tal-mard, u għalhekk kellu poteri mirakolużi. Naqraw li wara li San Pawl fejjaq lill-missier Publju, il-kelma ġriet fost l-abitanti li San Pawl kien kapaċi jfejjaq il-morda u għalhekk bdew imorru bosta nies għandu biex jitfejqu huma wkoll.

Fejn għex San Pawl?
Naqraw li Publju, bħala l-gvernatur Ruman ta’ Malta (Protos Melitaion) laqagħhom ‘fl-oqsma tiegħu għal tlett ijiem’. Bosta studjużi jissuġġerixxu li dawn l-oqsma kienu preċiżament fejn illum hemm il-kappella magħrufa bħala San Pawl Milqgħi, f’Burmarrad. Madwar din il-kappella għad hemm fdalijiet Rumani ta’ bini, li x’aktarx kien ta’ razzett jew villa Rumana.
Naqraw li Publju ‘żammhom’ għandu għal tlett ijiem. Eżattament, fejn u lil min żamm? Tgħid żamm għandu biss lil San Pawl u lil San Luqa, kif ukoll lill-kaptan tal-ġifen, iċ-ċenturjun u xi nies oħra distinti? Jew lill-ekwipaġġ kollu tal-ġifen, bil-priġunieri wkoll? Hawn qed nitkellmu dwar 276 / 76 ruħ u għalhekk kien hemm bżonn tined fejn dawn setgħu isibu l-kenn għal tliet xhur sħaħ f’għelieqi li normalment jinħadmu fix-xhur tax-xitwa aktar milli f’xhur oħra. U jekk San Pawl u sħabu damu f’din il-proprjetà għal tlett ijiem biss, fejn għexu dawn l-istess nies matul il-bqija taż-żmien li damu Malta?
Tgħid veru li Publju kien jgħix f’dawk l-inħawi ta’ Burmarrad? Jew hemm kien biss proprjetà agrikola li kienet maħduma mis-sudditi tiegħu? Għandna nassumu li Publju, bħala l-gvernatur ta’ Malta kellu r-residenza uffiċjali tiegħu f’Melita, il-belt kapitali tal-gżejjer Maltin, jiġifieri fejn illum hemm l-Imdina u parti mir-Rabat.

Waħda mill-istejjer tradizzjonali li ħafna jemmnu fiha hi li San Pawl kien għex it-tliet xhur f’Malta u anki seta’ kien miżmum bħala priġunier fil-grotta fejn illum hemm il-knisja parrokkjali tar-Rabat. Dan ukoll hu diskuttibbli, għaliex wieħed irid jiftakar li jekk San Pawl fejjaq lill-missier Publju, mela għandna għalfejn nifhmu li San Pawl kien stmat u ttrattat b’ċertu rispett u ma kienx ser jiġi mitfugħ ġo għar jew ħabs iżolat. Ta’ min wieħed isemmi wkoll li dak iż-żmien dawk l-inħawi tal-grotta kienu jaqgħu barra s-swar tal-belt Rumana. Intant, tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll illi meta San Pawl kien għadu qiegħed jivvjaġġa fuq l-art bħala priġunier [‘ … f’Sidon, Ġulju (iċ-ċenturjun) mexa tajjeb ma’ Pawlu u ħallieh imur għand ħbiebu biex jagħtuh li kellu bżonn …’], (27: 3.). Mela dan iġiegħelna nifhmu li kemm dam f’Malta, San Pawl irċieva l-istess trattament tajjeb mingħand dan l-istess ċenturjun.
Tluq minn Malta
Dwar il-waqfa ta’ San Pawl f’Malta it-test jagħlaq hekk:
[ … ‘Tawna wkoll minn kull xorta ta’ ġid, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu’. Wara tliet xhur tlaqna fuq ġifen li kien għadda x-xitwa fil-gżira; kien ġifen ta’ Lixandra, bix-xbieha tad-Dijoskuri, fil-pruwa’ … ‘Inżilna Sirakuża, fejn qgħadna tlitt ijiem. Minn hemm għaddejna max-xatt u wasalna Reġġju. Il-jum ta’ wara qam riħ min-nofsinhar, u l-għada wasalna Putijoli. Hemm sibna xi aħwa li stidnuna noqgħodu sebat ijiem magħhom. U hekk wasalna Ruma’ … ] (28, 11-14).
F’dan it-test naqraw li l-ġifen ta’ Lixandra li salpaw bih kien għadda x-xitwa f’Malta u għaldaqstant għandna nifhmu li San Pawl u l-ewkipaġġ kellhom jagħmlu l-istess u stennew li jgħaddu x-xhur xitwin meta ftit li xejn kien isir vjaġġar bil-baħar minħabba l-periklu ta’ xi maltempata. San Luqa jgħid li l-ġifen kellu xbieha ta’ Dijoskuri fil-pruwa, (dawn kienu l-allat tewmin, prottetturi tal-baħħara). Dan id-dettall kien ċar f’moħħ l-awtur u għalhekk iqawwilna l-fehma li t-test hu bbażat fuq il-fatti preċiżi kif ġraw.
Minn Sirakuża il-ġifen kompla fi triqtu lejn Reġġju. Minn hemm salpa b’riħ li kien qed jonfoħ min-nofsinhar lejn Putijoli (illum magħrufa bħala Pozzuoli – belt marittima qrib Napli). Dan kollu jaċċertana li l-Melita li San Luqa kiteb dwarha kienet Malta. Għaliex li kieku l-ġifen inkalja f’Miletus (Mljet), fil-kosta tal-Kroazja, il-kaptan żgur li ma kellux għalfejn jaqbad din ir-rotta li semmejna. Kieku l-iqsar rotta kienet tkun dik li taqsam il-baħar Adrijatiku sal-eqreb art fil-lvant tal-Italja, biex imbagħad il-vjaġġ lejn Ruma jitkompla fuq l-art.
Konklużjoni
Fit-test hemm ċertu nuqqas ta’ informazzjoni fuq diversi punti dwar il-waqfa ta’ San Pawl f’Malta. Ċerti anedotti li naċċettawhom mingħajr ma nivverifikawhom qegħdin hemm biex jimlew dak il-vojt bi skapitu tal-awtentiċità, sempliċiment għax dejjem hekk intqal. Tista’ tgħid li kull Malti jemmen li San Pawl ikkonverta lill-Maltin għall-Kristjaneżimu. Biss dan ma nsibuhx fil-kitba ta’ San Luqa. Xorta waħda nemmen li hekk ġara. Dan minħabba li bil-fejqan tal-morda, San Pawl kellu l-kapaċità jikkonvinċi lil dawk li fejjaq u lil ta’ madwarhom li l-poteri tiegħu kienu ġejjin bis-saħħa tat-twemmin tiegħu fi Kristu. Għalkemm San Pawl ma ġiex Malta biex jikkonverti u jsaħħaħ il-fidi Nisranija kif għamel fit-tliet vjaġġi ta’ qabel, f’Malta il-vokazzjoni missjunarja tiegħu żgur ma kinetx ser tonqsu. Biss, hawn wieħed irid isaqsi qabel xejn, ma’ min kellu kuntant dan il-bniedem waqt it-tliet xhur li dam Malta? Tgħid il-kuntatt tiegħu kien biss ma’ dawk il-komunitajiet li kienu jitkellmu bil-Latin, bil-Grieg u bil-Lhudi? Jew ikkomunika wkoll ma’ dawk li kienu ta’ dixxendenza Punika, jiġifieri l-Maltin stabbiliti minn mijiet ta’ snin qabel?
Matul is-sekli il-verżjonijiet tan-Nawfraġju żdiedu magħhom truf li ma jinstabux fil-kitba oriġinali. Dan anki sforz kemm il-Maltin Insara riedu b’qawwa kbira li l-miġja ta’ San Pawl sservi ta’ prova tal-konverżjoni tal-fidi żammew għal mijiet tas-snin. Ħaġa oħra li wieħed irid ukoll jifli hi t-tradizzjoni li tgħid li San Pawl ħatar lil Publju bħala l-ewwel isqof ta’ Malta.
Ma’ dawn l-argumenti kollha, irridu wkoll inżidu ieħor. Ċerti għorrief tal-Knisja huma tal-fehma li dak kollu li San Luqa kiteb f’dawn il-kapitli kien sempliċiment rakkont magħruf bħala ‘narrazzjoni teoloġika’, jiġifieri rakkont metaforiku li bih San Luqa ried jibgħat messaġġ li bħal fil-każ tal-periklu tal-baħar waqt il-vjaġġ li għadda minnu San Pawl, hekk ukoll f’ħajjitna wara tant tbatija bil-perseveranza għandna naslu għas-salvazzjoni eterna.
Dwar il-qima, lejn San Pawl mill-Maltin matul is-sekli, u t-tradizzjonijiet, kif ukoll dwar xi leġġendi li nafu bihom fuq dan is-suġġett nikteb darb’oħra f’artiklu ieħor.
© Martin Morana
10 ta’ Frar 2024
* It-test ikkwotat mill-Atti tal-Appostli hu meħud kelma b’kelma mill-pubblikazzjoni, Il-Bibbja – Il-Kotba Mqaddsa, xogħol ta’ Mons. Karm Sant (Media Centre, 1984).
Bibliografija
Cassar Pullicino, ‘Pauline Traditions’ in ‘Maltese Folklore’, (undated essays by author).
Farrugia Randon Robert, Azzopardi John, Calleja Joseph, St Paul – His Life, The Shipwreck, Tradition and Culture in Malta and Elsewhere, Ed. Stanley Farrugia Randon. SRT Press, Qormi. 2000.
Freller Thomas, St Paul’s Grotto and its Visitors – Pilgrims, Knights, Scholars and Sceptics. Valletta Publishing Ltd. 1995.
Galea Michael, ‘Maltese iconography of St Paul’s Shipwreck’, The Sunday Times of Malta, February 10, 2008.
Gatt Mark, ‘St Paul’s voyage and shipwreck: the ship and its wise captain’, Sunday Times of Malta, February 5, 2017. https://timesofmalta.com/articles/view/St-Paul-s-voyage-and-shipwreck-the-ship-and-its-wise-captain.638728
Guillaumier Paul, ‘Shipwreck News’, The Sunday Times, July, 20, 2003.
Mangion Tony, ‘St Paul’s Voyage to Malta in Actswm XXVII -XXVIII’, Heritage Encyclopedia, Vol II.
Zammit Ciantar Joe, ‘St Paul’s Shipwreck – a rare engraving and a 15th century layman’s account’, The Sunday Times, February 8, 1998.
Zammit Ciantar Joe, ‘St Paul: The shipwreck and a viper’, The Malta Independent, 10 February 2021. https://www.independent.com.mt/articles/2021-02-10/local-news/St-Paul-The-shipwreck-and-a-viper-6736230886
Pubblikazzjonijiet oħra mill-istess awtur … ikklikkja hawn:

Grazzi hafna
Many thanks indeed
a very good book to read
”In the Steps of St Paul” by H. V. Morton
Methuen 1937, 440 p
LikeLike