KLIEM L-INSARA MALTIN
li ġej mill-Għarbi u minn xi ilsna oħra
Meta konna għadna tfal u mmorru l-mużew tad-dutrina, konna nitgħallmu ħafna kliem li għalina, ta’ tfal li konna, kien kliem tqil, u żgur ma kienx jagħmel parti mill-vokabularju tagħna ta’ kuljum. Is-superjur waqt il-lezzjoni kien jelabora fuq bosta minn dawn il-kliem u dwar is-sentenzi li konna rridu nirrepetu bħal pappagall, u aħna t-tfal konna daqqa nifhmu u daqqa ma nifhmux. Ċerti kliem baqa’ misterjuż, anki sa meta kbirna.
Biex nagħti eżempju, meta kienu jgħallmuna l-Għaxar Kmandamenti, mhux dejjem konna nifhmuhom għax dawn għandhom xi kliem li ma jagħmlux parti mil-lingwaġġ Malti tal-lum. Pereżempju, ir-raba’ kmandament jgħid, ‘weġġaħ lil missierek u ’l ommok’. Kont ngħid, imma din ‘weġġaħ’ xi jridu jgħidu biha? Kemm kemm ma kontx nifhem li weġġaħ tfisser li għandek iċċapċpilhom xi daqqa fuq wiċċhom biex tweġġagħhom, mentri weġġaħ tfisser tagħti ġieħ / tirrispetta lill-ġenituri tiegħek. Imbagħad xi ngħidu għas-sitt kmandament, ‘La tiżnix’. Dan kien verb stramb li sal-lum għadu misteru għal ħafna nies. Ħadd ma kien jista’ jifhmu, u ħadd mis-superjuri tal-mużew ma qatt ażżarda jispjegahulna ċar u tond għax dan jittratta s-sess illeċċitu, suġġett li dak iż-żmien kien tabù li titkellem dwaru, aktar u aktar mat-tfal ta’ dik l-età. Kmandament ieħor li juża kelma tqila hu ‘La ssemmix l-isem t’Alla fil-batal’. L-aġġettiv batal ġej minn battal, vojt, jiġifieri ssemmix l-isem ta’ Alla fil-vojt.
Wieħed isaqsi, għaliex konna nużaw dan il-kliem? Terġa’ u tgħid, xi wħud minn dan il-kliem Għarbi / Semitiku jingħad mill-Għarab bħala termini tagħhom fl-Islam. Hekk insibu kliem bħal, ‘randan’, ‘għasar’ kif ukoll l-isem ta’ Alla. F’xi każi, dan il-kliem imur lura sa dak iż-żmien meta l-Maltin kienu maħkuma mill-Għarab (870 – 1250 ċ.). Dan kien żmien meta naħsbu li l-parti kbira – jekk mhux il-poplu Malti kollu – kien jitkellem bl-Għarbi u kien saħansitra qaleb għat-twemmin Islamiku.
Wara dan iż-żmien, Malta nħakmet minn bosta qawwiet Ewropej, fosthom, in-Normanni, l-Anġevini, l-Aragonisi u l-Ġenoviżi. Kollha kemm huma ġabu magħhom ilsien li jmiss mar-Rumanz kif ukoll termini mir-rit Grieg Ortodoss. Dan suppost għandu jfisser li l-Insara li ġew Malta wara l-perijodu Għarbi daħħlu magħhom termini reliġjużi kif mitkellma fl-Italja ta’ Isfel u fi Sqallija tal-Lvant, li dak iż-żmien kienu jipprattikaw ir-rit Biżantin. Fi Sqallija tal-istess żminijiet Normanni, ir-rit Nisrani kien jingħad ukoll bl-Għarbi (Joseph M. Brincat / Varvaro, 2006). Aktar tard, fl-1330, l-isqof Ġermaniż, Ludolph von Sudheim li żar lil Sqallija, irrimarka li hemm, ir-rit Nisrani kien bil-Grieg u bl-Għarbi. (Joseph M. Brincat, 2006). F’Malta, fejn dak iż-żmien, il-Maltin kienu għadhom jagħmlu parti mir-renju Sqalli, seta’ ġara l-istess, anki jekk stess, il-Maltin kienu qalbu għar-reliġjon Nisranija.
Aktar tard, wara l-Konċilju ta’ Trento li kkonkluda fl-1564, ġew introdotti struzzjonijiet ġodda dwar it-tagħlim tad-duttrina. Il-kleru f’Malta issa kellu xi kotba miktuba bil-Malti biex jgħallmu bihom it-tagħlim Nisrani Kattoliku bi kliem sempliċi li jinftiehem minn kulħadd. Dan it-tagħlim kien ibbażat fuq il-kitba ppubblikata fl-Italja, intitolata Dottrina Cristiana, li l-Kardinal Bellarmino kien ippubblika fl-1557. Fl-1752, il-qassis Malti, Franġisku Wizzino / Wzzinu, (1678-1767) qaleb ix-xogħol kollu ta’ Bellarmino għall-ilsien Malti u semmieh Tagħlim Nisrani. Ħafna kliem li uża Wiżżinu ġej mit-Taljan. Biss, Wizzinu ġieli deffes xi kliem kif kien jaf hu. Pereżempju, fl-’Opri tal-Ħniena’, Wizzinu jikteb, ‘iksi lill-għarwenin!’ (illum ngħidu, ‘Libbes lil min hu għarwien’), (L. Cachia, 1994). Annibale Preca (1832 – 1901) li kien jiffavorixxi l-ilsien Malti ta’ oriġini Semitika, għamel l-istess fl-erba’ volumi tiegħu, L-Istorja Sagra. Fi kliemu, l-Ispirtu s-Santu ġieli semmieh bħala ‘Ruħ il-Qodos’. L-istess għamel Pietru Pawl Saydon.
Fis-seklu għoxrin, mill-1929 ’l quddiem, P. P. Saydon beda jittraduċi l-Bibbja għall-Malti bil-mod il-mod, sakemm finalment ippubblikaha bħala volum wieħed fis-snin ħamsin. Saydon applika kliem li ħaseb li għandu jkun fidil għat-test oriġinali Semitiku u fl-istess jagħmel il-kitba tiegħu aktar mirquma f’sens letterarju. Dan ifisser li xi wħud mill-kliem li uża ma kienx neċessarjament dak li mdorrijin jużaw il-Maltin fil-ħajja ta’ kuljum fis-seklu għoxrin. Fl-edizzjoni li saret fis-sittinijiet, il-Bibbja sarilha bosta tibdil fil-kliem użat minn Saydon biex il-kitba saret ixxaqleb aktar lejn vokabularju li l-qarrej kien aktar imdorri bih. Din it-tibdila, Saydon ma ħa gost biha xejn (P. Sciberras, 2021).
Illum, għedt ħa ndur dawra ma’ dawk il-kliem u espressjonijiet li konna u għadna nużaw f’dak kollu li jirrigwarda t-tagħlim u l-prattika tar-reliġjon Nisranija. Ċerti kliem li konna nużaw u għadhom jintużaw illum ġej minn Malti antik li ħafna drabi oriġina mis-Semitiku u li llum ma għadniex nużawh – ħlief fil-kuntest tat-twemmin u d-drawwiet Insara. Dan il-kliem mis-Semitiku nsibuh ukoll f’dak li jirrigwarda l-liturġija u t-tradizzjonijiet tal-festi mqaddsa. Meta ngħid Semitiku, hawn qiegħed nirreferi għall-ilsien Għarbi, Aramajk / Lhudi / Sirjak. Biss, wieħed għandu jkun jaf li xi wħud mill-kliem ‘Semitiku’ jista’ wkoll li kultant oriġina minn lingwi oħra, fosthom anki l-Grieg.


ALLA L-isem ‘Alla’ wasal għandna mingħand l-Għarab li invadew u okkupaw lil Malta, mill-870 ’l quddiem. Bl-Għarbi alla – اللّٰه. L-isem ta’ Alla bl-Aramajk hu Elah. L-ewwel kmandament jisħaq li: ‘Ma jkollok Alla ieħor għajri’. It-tieni kmandament jgħid ‘la ssemmix l-isem t’Alla fil-batal – jiġifieri, għal xejn b’xejn.
DAGĦWA B’din il-kelma nirriferu għal meta xi ħadd iħe blaħl-isem ta’ Alla jew ta’xi qaddis. Agius de Soldanis jagħti żewġ tifsiriet għal din il-kelma: bestemmia u imprecazone, (bil-Malti, tal-ewwel tfisser ‘kelma faħxija’ u tat-tieni ‘tibgħat saħta fuq ħaddieħor’). Jista’ jkun li din il-kelma xi darba kellha konnotazzjoni differenti għal kollox għaliex bl-Għarbi da’awa tfisser invokazzjoni jew stedina: da’a دعا stieden (passat); jistieden, jadau يدعو ; jistieden. Mela antikament, meta wieħed kien jidgħi kien ikun qiegħed jinvoka lil Alla; bħal meta wieħed jitlob lil Alla biex jisħet lil xi ħadd. Biż-żmien din il-konnotazzjoni intesit u ‘dagħwa’ saret tingħad b’mod ta’ tkasbir. Fit-tagħlim Nisrani, li ssemmi l-isem ta’ Alla fil-batal imur kontra t-tieni kmandament; biss min ikun inkurlat u jrid iweġġa’ s-sentimenti ta’ min jisimgħu kelma faħxija jgħidha apposta għax din toqros lil dak li jkun fil-laħam il-ħaj. (Ara: Charles Briffa, 2018).
DEJR IL-BNIET Kunvent tan-nisa. L-istess bħal abatija. Dejr bl-Għarbi u bil-Malti tfisser l-istess ħaġa.
DNUB TAN-NISEL Adam u Eva għamlu d-dnub tan-nisel, għaliex bħal ma l-bniedem tnissel minnhom, l-istess id-dnub li għamlu kompla jitnissel min-ġenerazzjoni għall-oħra. Għarbi: denb(un) / ذنب. inkella ħatiqa(tun) / خطيئة.
ENĠIEL / INĠIEL Antikament, hekk kien jissejjaħ l-Evanġelu bil-Maltin. Il-kelma evanġelju ġejja mill-Grieg: euvangelion / εὐαγγέλιον li tfisser ‘l-aħbar it-tajba’. Agius De Soldanis jagħti t-tifsira tal-frażi KITTIEB l-INĠIER biex jirriferi għal ‘evanġelista’. (Damma, ċ. 1767). Imbagħad, Mikiel Anton Vassalli (1796) jagħti, il-FISSIER TAL-INĠIEL), jiġ., dak li jfisser l-Evanġelu.
GOLGOTA Bl-Aramajk, Gulgata tfisser il-qurriegħa (tal-għolja). Din kienet l-għolja barra Ġerusalemm fejn Kristu kien imsallab. Bit-Tal. nafuha bħala il Calvario, mil-Lat. calvariam li tfisser l-istess ħaġa.
GĦASAR (pl. għosrien) It-talb ta’ wara nofsinhar li jingħad kemm fil-liturġija Nisranija kif ukoll fir-rit Musulman. Mill-Għarbi salaat al-aasr …. صلاة العصر. Bil-Malti-Romanz, dan it-talb u magħruf bħala ‘il-vespri’.
GĦEXUR Din il-kelma tintuża fl-Evanġelu ta’ San Luqa, fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (18-12): ‘Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal’ [kliem il-Fariżew]. Bir-Romanz għexur tiġi DIEĊMI, mit-Taljan decimo, wieħed minn kull għaxra. Wieħed mill-preċetti tal-Knisja Kattolika jimponi lill-fidili li għandhom jagħtu l-għexur ta’ dak li jaqilgħu mid-dħul tagħhom lill-Knisja. ‘Ħallas mill-għaxra waħda lill-kappillani’, (Olvin Vella, Minn Tagħna). B’mod aktar komuni ngħidu, ‘ħallas id-dieċmi jew l-għexur’.
L-GĦID Il-kelma tirriferi għal kull tip ta’ ċelebrazzjoni importanti. L-istess bħal fl-Għarbi. Fost dawn insibu, L-GĦID iL-KBIR – it-tfakkira tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu. Għall-Lhud dan hu jum li jfakkar l-episodju Bibbliku meta Mosè ħareġ lill-poplu Lhudi mill-Eġittu. Fil-Malti nsibu: l-GĦID IL-ĦAMIEM Din il-frażi hi titlu ieħor għall-Epifanija mill verb Grieg, faiinein / φαίνειν, li tfisser li tikxef jew iġib fid-dawl dak li hu mistur. Imbagħad, ‘Ħamiem’ hi kelma li ġejja minn ‘ħammam’, jiġ. banju (ta’ purifikazzjoni). Hemm ukoll: GĦID IL-ĦAMSIN festa magħrufa wkoll bħala Pentekoste. Fil-ħamsin jum wara l-Għid, Mosè rċieva l-kmandamenti mingħand Alla. Il-Musulamani jiċċelebraw l-Ejd al Fitr: Għ. عيد الفطر, li hu l-aħħar jum tar-Ramadan. Il-Musulmani jiċċelebraw ukoll Eid al Adha, avveniment ta’ kull sena li jfakkar meta Abram obda l-kmand ta’ Alla biex jissagrifika lill-ibnu Iżakk, ħalli juri l-fedeltà tiegħu Lejh. Din iċ-ċelebrazzjoni ssir fl-aħħar erbat ijiem tal-Ħaġġ (il-pellegrinaġġ li jsir lejn Mekka).
ĠESÙ Bl-Aramajk l-isem hu Jexu jew Jixu. Bl-Għarbi Ġesua (minn Ġoxwa). Mod ieħor kif inhu ppronunzjat bl-Għarbi hu Għisa : عِيسَى. Intant, f’Malta, qrib Birżebbuġa jinsab nitfa ta’ raħal magħruf bħala Bengħisa. Dan l-isem ġej minn Ben / Bin Għisa, x’aktarx il-laqam ta’ xi ħadd magħruf hekk, li seta’ kien jgħix f’dawk l-inħawi.
ĦALI Kelma li nsibuha fil-parabbola magħrufa bħala, ‘il-parabbola tal-iben il-ħali’. Komunament dan l-aġġettiv jintuża biex jirreferi għal dak li jberbaq flusu bl-addoċċ. Biss, fil-parabbola, dan l-aġġettiv jintuża biex jispjega bniedem li ried jgħix ħajja libera minn familtu u mingħajr kont ta’ xejn. Agius de Soldanis jispjega dan l-aġġettiv bit-Taljan, bħala briccone u maleducato. Erin Serracino Inglott fil-Miklem Malti jgħid li dan kien aġġettiv li jirriferi għal xi ħadd ta’ karattru fieragħ u li ma jiswa’ għal xejn. Bniedem li ma għandu xejn tajjeb fih. Bl-Għarbi, ħali tfisser vojt jew bniedem li jaħli l-ħin fix-xejn.
HEKKDA Kelma li nsibuha fit-talba tal-’Missierna’: ‘Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, hekk fis-sema’ hekkda fil-art’. Hawn, ‘hekkda’ qiegħda flok ‘kif ukoll’ jew inkella, ‘jekk mhux ukoll’.
ĦAMIS IT-TQARBIN Giovedì Santo. (A. de S. Damma). M.A. Vassalli jsejjaħ dan il-jum bħala Ħamis il-Kbir. Illum magħruf l-aktar bħala, ĦAMIS IX-XIRKA. F. Vella fil-Maltese Grammar for the Use of the English, jsejjaħlu ĦAMIS IĊ-ĊIRKA (1831).
ĦAQQ Kelma li tintuża ta’ spiss meta nkunu qed nixtiequ d-deni lil xi ħadd. Maż-żmien, it-tifsira ta’ din il-kelma wkoll imbdlet b’bosta modi, għaliex oriġinarjament meta tgħid ħaqq kont tkun qiegħed tirreferi għall-ħaqq ġust u divin ta’ Alla. Agius de Soldanis jgħid hekk: ‘[…] ħaqq el miru t’Alla, per questo santo battesimo d’Idio, […]’. L-istess awtur jgħid li din kienet tingħad waqt li s-saċerdot jidlek iż-żejt fuq il-ġbin, biex jinvoka lil Alla. Bħal ‘dagħwa’, il-kelma ‘ħaqq’ bdiet tieħu tifsira oħra u għalhekk bdiet tintuża biex tisħet lil dak li jkun. Hemm tifsira oħra li hi ukoll possibilment valida. Jista’ jkun li l-kelma ‘ħaqq’ ġejja minn ‘ħraq’ jew ‘ħaraq’. Antikament, kienu ta’ spiss jgħidu, ‘mur aħraq dinek!’ jew ‘ħraq dinek’ jiġifieri ‘mur aħraq ir-reliġjon tiegħek (dak li temmen fih!). Interessanti li fost it-tifsiriet li jagħti l-istess Seraccino Inglott, kienet teżżisti l-espressjoni, ‘ħaraq xebba’, jiġifieri, (hu) tellef l-unur ta’ xebba, bħal meta fil-Malti ngħidu vulgarment, ‘(hu) ‘fotta’ lil xi ħadd. Ara: (Charles Briffa, 2018).
ĦRAM Kelma li ma għadhiex tintuża fil-Malti. Ħram hu ‘dnub’. Kull liġi miksura hi ħram. Agius de Soldanis, (ċ. 1767) jagħtiha bħala, scomunica, anatema, peccato. M.A. Vassalli (1796) jfisser dan in-nom bħala, cosa proibita dalla legge. Fl-Istorja Sagra (Ir-Raba’ Ktieb) Annibale Preca (1895) jgħid hekk: ‘[…] Ħaġa kbira u ħram għal-Lhud għax ġewwa t-tempju [ta’ Salamun] ma setgħux jidħlu l-ġentili […]’. Għall-Misilmin, li tiekol il-laħam tal-ħanżir hu ħram. Għarbi: حَرَام ḥarām [ħɑˈrɑːm] li tfisser ‘sagru’. Intant bl-Għ. jirriferu għal moskeja bħala masjid al ħaram, ‘il-moskea mqaddsa’. Sors: A. Syahmi Bin Sani.
ISQOF Isem li l-Għarab jużaw għal-isqfijiet Insara. Għ.: uskuf : أسقف. Oriġ. mill-Grieg episcopos / ἐπίσκοπος li tfisser dak li jħares u jipproteġi.
MANBAR Kelma oħra li fil-Malti ma għadhiex tintuża li tfisser pulptu. Fid-dinja Islamika il-minbar jfisser l-istess ħaġa, il-pulptu minn fejn l-imam imexxi t-talb u jipprietka lill-kongregazzjoni.
KTIEB L-IMQADDES Il-Bibbja. Sors: M.A. Vassalli.
MAQDES Tempju. Post li hu qaddis. Post fejn hu meqjum Alla. Għarbi: mukaddas; makan al mukaddasun مكان مقدس) jiġifieri, lok imqaddes. Bl-Għarbi, Ġerusalemm hu magħruf bħala, bejtu l-mqadesun / بيت المقدس. Kelma li anki insibuha mnaqqxa fi skrizzjoni fuq stele tal-irħam (ġebla bi skrizzjoni tad-dfin) li tmur lura sa żmien il-Feniċi. L-iskrizzjoni tinforma lil min jaqraha li l-poplu ta’ Għawdex bena erba’ mqades li fosthom, tnejn kienu ddedikati lill-alla Saadam Ba’al u l-ieħor lill-alla Axtarte.
MESSIJA Ġejja mill-Għarbi al massieħa / المسيح – u bil-Lhudi al mashiah rifererenza għal ‘Kristu’ bħala ‘il-midluk’ (biż-żejt) – dak li Alla bagħat biex jifdi lin-nies tad-dinja. L-Għarab lill-Insara jsejħulhom al massiħaina. Intant bil-Grieg, Khristos – Χριστός – tfisser eżattament l-istess ħaġa, ‘il-midluk’.
MILIED Dan in-nom aħna l-Maltin nużawh speċifikament biex nirriferu għat-twelid ta’ Ġesù Kristu. Bl-Għarbi jfisser l-istess, ‘it-twelid’. L-Għarab iħobbu jawguraw lil min jagħlaq sninu billi jgħidulu, ‘Eid miladek sa’id’, jiġifieri, ‘J’Alla jkollok miliedek ħieni!’ Intant, l-Għarab ifakkru t-twelid tal-Profeta Muħammed billi jirriferu għalih bħala, al mawlied. (Charles Dalli, 2016.)
NISRANI / INSARA Hawn diversi fehmiet dwar l-oriġini ta’ din il-kelma. Jidher li bl-Għarbi l-isem jirriferi għal Insara (Għ. nasara) minħabba li dawn huma s-segwaċi tan-Nazzarenu. Bis-Sirjak (tip ta’ Aramajk) it-tifsira hi l-istess. Bil-Grieg qalbu dan l-isem għal Nazōraioi.
QADDIS Fil-Malti, bħal fl-Għarbi, dan hu ‘in-Nisrani elevat fi stat ta’ qdusija’. Al quds hu t-titlu mogħti mill-Għarab Musulmani għal Ġerusalemm għax din hi meqjusa bħala belt qaddisa. Ara: MAQDES.
QASSIS Bl-Għarbi tinstema kważi l-istess kissies, li hu isem li jirriferi għal saċerdot Nisrani. Biż-żmien din il-kelma bdiet tintuża biex tirreferi għal dawk ix-xjuħ u li kienu jistħoqqilhom ir-rispett, u għaldaqstant dawk li huma servi tal-Knisja / saċerdot (Ing. clergyman). Sors: E.S.I. u oħrajn.
QRAR Isem mill-mamma tal-verb qarar. Għerq: Q-R-R Kixef u stqarr dnubietu. Għ. akarru – ammetta.
QUDDIES Mill-verb qaddes – Għamel att sagru. Għerq: Q-D-S. Ara: QADDIS u MAQDES.
RABBI Sinjur jew mulej. F’Malta tas-seklu dsatax bikri, kien għad hawn min fit-talb jindirizza lil Alla b’dan it-titlu. Tant hu hekk illi fil-kitba ta’ M.A. Vassalli (1828) insibu dawn l-aforiżmi: ‘Ħsibt u rajt bejni u bejn Rabbi…’ (bl-Għ. rabb hu bniedem ta’ stat għoli, biss norm. rif. ukoll lejn Alla). Kienu wkoll jgħidu ‘Rabbna jagħmel!’, l-istess bħal, ‘jagħmel Alla!’
RANDAN Iż-żmien ta’ erbgħin jum ta’ sawm ta’ qabel l-Għid. Kelma li żgur ġejja mill-Għarbi, Ramadan. Ara: SAWM.
REQI / RIQI Qari jew talb li jsir fuq ir-ras bħal meta qassis jiskonġra lil xi persuna mix-xitan. Ir-reqi ġieli kien isir fuq it-tfal, l-aktar xi tifel imqarqaċ iżżejjed (illum ngħidulu hyperactive). Norm. il-ġenituri kienu jieħdu t-tifel għand il-Papas tal-Griegi. Ir-reqi kien isir ukoll fuq il-morda li jbatu mis-suffejra. RIEQI Eżorċista, jew dak li jfejjaq lil dawk morda mis-suffejra. Sors: E.S.I. Bl-Għarbi, reqja hu l-att li tfejjaq lil dak li jkun minn xi magħmul ikkawżat minn xi essri sopranaturali. Sors: A. Syahmi Bin Sani.
RUĦ IL-QODOS Mod ieħor kif ġieli hu magħruf l-Ispirtu s-Santu.
SAWM Bis-sawm inkunu qed nirriferu għall-ġranet u t-tip ta’ ikel li hu permess jittiekel fil-jum tal-vġili skont ir-regoli stabbiliti mill-Knisja. Ara: SAWM U ASTINENZA; VĠILI u KWATTRU TEMPRA.
TQARBIN MIll-verb qarben. Għerq Q-R-B Għarbi: al kurban al mukaddes – القُرْبان المُقَدَّس.
TEWBA Penitenza. Eż. tewba tal-qrar. Għ. al tawbatu / التوبة
ŻENA / ŻINA L-att tas-sess meta dan isir barra ż-żwieġ. L-istat ta’ meta tnejn jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġa. Fornikazzjoni. L-att kontra s-sitt Kmandament li jgħid: Is-sitta la tiżnix. ŻIENI Bniedem dejjem moħħu fl-atti taż-żina. ŻENA BIL-MAQLUB Sodomija. Sors: E.S.I. u Damma. Għarbi: al żina / الزنا.
© Martin Morana – ħajr kbir lil Alan Syahmi Sani tal-għajnuna fit-tifsir bl-Għarbi.
2 ta’ Ottubru 2024
Biblijografija
Agius Christopher, ‘Maltese Religious Terms of Arabic Origin’. Sors fuq l-internet li għall-awtur preżenti mhux magħruf is-sors tiegħu. Ħajr lil Alan Syahm Sani li għaddihuli.
Briffa Charles, Il-Ġrajja wara l-Kelma. Horizons. 2018.
Brincat Joseph M., Il-Malti – Elf Sena ta’ Storja. Pubblikazzjoni Indipendenza, 2006.
Cachia Lawrence, L-Ilsien Malti Ilbieraħ u Llum. Sensiela Kotba Soċjalisti. 1994.
Carabott Rosabelle, Damma tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fomm tal Maltin u Ghaucin – Gianfragesku Agius Sultana – Ghauci. L-Akkademja tal-Malti, et al. 2016.
Chiarelli Leonard C., A History of Muslim Sicily. Midsea Books. 2011.
Diacono Tin, ‘Maltese feast names give clues to Malta’s Muslim History’. Malta Today. February 18, 2016. (Interview with Charles Dalli).
Morana Martin, Bejn Kliem u Storja. Bestprint. 2011.
Morana Martin, Ara X’Int Tgħid. Bestprint. 2012.
Morana Martin, Biex il-Kliem Ikun Sew. Bestprint. 2014.
Preca Annibale, Storja Sagra (ir-Raba’ Ktieb). Giov. Muscat. 1948.
Psaila Karm, (Dun) ‘Is-Sentiment Reliġjuż fil-Kliem u fl-għidud Malti’.
Said Ivan, ‘Wzzinu it-traduttur tal-ewwel ktieb bil-Malti stampat’ Sors mhux magħruf fuq l-internet.
Sciberras Paul, ‘It-tħaddim tal-Malti minn Pietru Pawl Saydon fit-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid mill-Grieg’, Il-Malti, Pubblikazzjoni Akkademja tal-Malti. Pubblikazzjoni XCIV. 2021.
Vella Olvin, ‘Il-Katekiżmu bil-Malti’, Minn Tagħna – Ġabra ta’ artikli fuq il-Malti. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti. (pubblikazzjoni bla data).
Zammit William, ‘Tagħlim Nisrani (1752) ta’ Franġisku Wzzinu, / Dawl Ġdid fuq I-Ewwel Pubblikazzjoni tal-Katekizmu Kattoliku bl-lisien Malti: Taghlim Nisrani (1752) ta’ Frangisku Wzzinu’.
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur …



