Xi termini relatati mall-insib u l-kaċċa

ALWETTIERA Oġġett tal-injam imfassal b’mod ħafif forma ta’ għasfur, bil-ġwejnaħ miftuħin li miegħu jkun hemm imwaħħlin mirjat żgħar. Dan kien, sa nofs is-seklu għoxrin, jintuża mill-kaċċaturi u n-nassaba biex jattiraw l-alwett. Meta n-nassab bi spaga, iċaqlaq l-alwettiera, billi l-mirjat jkunu faċċata tax-xemx, dawn ileqqu u jħajru l-għasafar jinżlu lejha għax dawn jaħsbu li dan hu r-rifless tal-ilma. B’hekk l-alwett jersaq fil-qrib lejn il-mansab. Dan l-oġġett hu magħruf bl-Ingliż bħala lark mirror.
BARŻAKKA Borża tawwalija tad-drapp li tintrabat b’qafla mal-ispalla minn fuq. Il-kaċċaturi kienu jdendlu ma’ ġenbhom dan il-baskett żgħir meta jmorru għall-kaċċa u fih jitfgħu it-tjur li jaqbdu. L-istess bħal ĊURNIERA.

BRAKK Kelb tal-kaċċa li jkun mgħallem iġib il-kaċċa li jkun waqqa’ sidu. Kalb tal-kaċċa li jkollu naskja tajba. Jintuża l-aktar fil-kaċċa tas-summien. Ing. retriever. E.S.I. u J.A.
ĊAGĦKIJA Medda twila ta’ ġebel żgħir poġġut ringiela fin-nofs tal-mansab, kultant mat-tul kollu tiegħu. F’din il-medda n-nassab jagħmel bħal ħawt biex fih ipoġġi l-gamiema tat-taħrik biex meta jinżel ix-xbiek fuq il-mansab, il-gamiema ma tintmessx.
ĊIPP Dik il-parti magħmula mill-injam tas-senter li l-kaċċatur iserrraħ mal-quddiem tal-ispalla meta dan jiġi biex jispara t-tir.

ĊURNIENA L-istess bħal barżakka. Sq. cirniera: Tal. carniera. F’Għawdex jgħidulha ħorġ (Natalino Fenech).
DESSIES Fis-snin ħamsin, f’Għawdex, il-bliebel kienu jinqabdu mit-tfal bid-dessies. Din kienet sempliċiment ġebla bbilanċjata fuq zokk irqieq fuq bejta. Meta l-bilbla tidħol fil-bejta n-nassab jiġbed il-qafla biex il-ġebla taqa’ minn fuq iz-zokk u taqfel l-għasfur fil-bejta. Eric Bonanno, fl-artiklu tiegħu jgħid li fil-Mellieħa flok ġebla kienu jqiegħdu pala tal-bajtar (E. Bonanno, 2004).
DURA Tip ta’ kamra żgħira, bħal girna mingħajr saqaf, fil-kampanja fejn il-kaċċatur jew in-nassab jistaħba biex ikun jista’ josserva u jonsob jew jispara lejn it-tajr. Din l-istruttura tkun mibnija ħafna drabi minn ġebel imdaqqas, bħal dawk tas-sejjiegħ. Id-dura jista’ wkoll ikollha saqaf maqtugħ aktar ’il fuq minnha biex tipproteġi n-nassab mir-raġġi tax-xemx u x-xita, b’mod li dan is-saqaf ma jtellifx mill-vista tal-madwar.

ĠIBSIERA Tip ta’ barżakka tal-kaċċa. Sors: E.S.I. u Damma (1767 c. / 2016)
ĠOGA Perċ magħmul minn virga jew zokk, li n-nassab jorbot l-għasfur tat-taħrik miegħu b’qafla tal-ġild biex b’hekk in-nassab iħarrek l-għasfur biex dan biċ-ċaqlieq tiegħu jattira għasafar oħra lejn il-mansab.
GABJUN Qafas tal-injam daqs pied u nofs tul, tnejn wisa’ u nofs pied fond. Ikun miksi kollu b’kanvass abjad. Dan ikollu bħal ċelel diviżorji fejn l-għasafar ta’ speċi differenti jitqiegħdu separati minn xulxin biex jinġarru minn post għall-ieħor (Eric Bonanno u Joe Gouder).
GABJETTA Gaġġa żgħira li fiha jinżamm għasfur waħdu. Din titqiegħed bl-għasfur fiha fuq it-tarf tal-mansab fuq il-plier biex biċ-ċaqlieq u jew bl-għana tiegħu jħajjar għasafar oħra jinżlu ħdejh u għal fuq il-mansab. Kultant tara xi dilettant tal-għasafar iżomm gabjetta f’idu fit-triq jew fejn xi ħanut tat-te jekk mhux ukoll f’xi pjazza biex hu u l-għasfur ta’ ġol-gabjetta jgawdu ftit tax-xemx waqt li d-dilettant jitpaxxa bl-għasfur. ies
ġoga

GALLETTA Fl-antik din kienet bħal drapp irrakkmata bl-ispag, ġieli għamlu biċċa xkora wkoll (Natalino Fenech). Tista’ tkun tal-kanvas, u fuqha jistrieħ l-għasfur tat-taħrik, eż., il-gamiema, li tagħmilha tar-ruffjana. Il-galletta titħaffrilha toqba f’nofsha biex minnha jgħaddi x-xkiel li bih jintrabat l-għasfur. (Eric Bonanno).
GALLARIJA Din hi bħal estensjoni tal-gaġġa magħmula forma ta’ kabina żgħira maħduma bil-wire li toħroġ imżaqqa ’il barra mill-ġenb tal-gaġġa. (Natalino Fenech, 2021).
GUVA Kamra żgħira, jew ġieli gaġġa kbira, li fiha jinżammu bosta tipi ta’ għasafar fid-dar.
ĦAXJA (ippronunzjata bl-ewwel ’a’ mtawla: â). Bordura tad-drapp. Riferenza għall-ġenb tax-xbik meħjut b’materjal b’saħħtu / oħxon biex ma jiżżarratx. (Joe Gouder). Ing. selvage edge of border.

IMBRAGATURA Harness li jintrabat biha għasfur tat-taħrik, normalment tal-għana (Natalino Fenech). Terminu li jirriferi għall-mod kif in-nassab, meta jaqbad l-għasfur f’idu, iżommu bejn is-swaba biex dan ma jitħarrikx u ma jitħabatx. Biċċa xogħol delikata għaliex in-nassab ma jridx jagħfas is-swaba tiegħu jew il-pala ta’ idu ħafna fuq sider l-għasfur biex ma jweġġħux (Joe Gouder). Mit-Tal. imbracare Malti, torbot u tefa’ oġġett, biss bit-Taljan dan il-verb jintuża ukoll biex jispjega l-mod kif l-għasafar ta’ fuq il-mansab jkunu marbuta. Ing. to harness.
KAĊĊATA Il-qabda ta’ għasafar jew fniek magħmula f’jum jew nofs ta’ nhar wieħed waqt il-kaċċa jew l-insib. Eż., in-nassaba jużew l-espressjoni, ‘kaċċata fniek’, jew ‘f’kaċċata waħda qabad 15-il fenek’. (Eric Bonanno).
KALAMENT Il-ħabel li jissikka il-lasta tax-xbiek mal-art, biex jagħmel speċi ta’ molla (Natalino Fenech u Joe Gouder).
KAPPUN (pl. kpapen) Kappun ċkejken, għata li kien jinħadem minn biċċa ġilda ratba tissejjah kroma (Natalino Fenech). Din titqiegħed madwar ras l-għasfur (bħall-gamiem tat-taħrik) biex hu u jinġarr lejn il-mansab dan ma jitħabatx bla bżonn (Eric Bonanno).
KAPS/A (pl. kapsi) Għata tal-metall (kappell) f’qiegħ l-iskartoċċ li jkun fiha fulminanta li tieħu u tfaqqa’ meta jintgħafas il-kelb (il-grillu) fuqu biex ikun sparat it-tir. Mill-Ingliż caps, percussion cap/s (Joe Gouder).
KAJŻELLA / GARŻELLA Kaxxa b’bieba titla’ u tinżel li fiha kien jinġarr in-nemes tal-kaċċa. Mit-Tal. casella. (E.Serracino Inglott, Joe Gouder u E. Bonnano).
KELB TAL-FENEK / KELB TAL-KAĊĊA Dan hu kelb tar-razza pura Maltija, għalkemm razez oħra bħalu jeżistu kemm fi Sqallija, f’Carnici dell’Etna, u f’Ibiża. Il-kelb tal-fenek hu rqajjaq f’surtu, u ż-żnell u ħafif fil-ġiri tiegħu. Hu ta’ kulur kannella ħamrani. Bl-Ing. hu magħruf bħala, Pharaoh hound, għaliex dan jixbah il-klieb li ta’ spiss naraw fit-tpinġijiet tal-Eġizzjani tal-qedem. Kif jindika ismu, f’Malta, dan il-kelb kien jintuża biex jikkaċċja l-fniek. Fl-antik kont tara ħafna klieb ta’ din ir-razza f’Għawdex. Ara: ‘The Kelb tal-Fenek Past, Present and Future’ ta’ Charlotte de Trafford fi Treasures of Malta, Christmas 2003, no 28, Vol X, no 1. pp. 37-42.

KELB TAL-FERMA / KELB TAL-FERMAĠĠ Kelb li meta jinduna bil-kaċċa moħbija fis-siġar jew fil-ħaxix jieqaf (mit-Tal. fermare) u ma jiċċaqlax, b’ħarstu jindika lil sidu li l-għasfur jinsab quddiemu. Jintużaw l-aktar fil-kaċċa tas-summien. Dawn jidhru l-aktar f’Għawdex. Ing. pointer jew retriever.

KURRIERA Riferenza għall-ġirja tal-klieb tal-fenek meta dawn jibdew jiġru waqt il-kaċċa. (Eric Bonanno).
KWALJARIN / KOLJOPIN / KIRJOLIN, Suffara tal qasab/għadam/ kwalsijasi biċċa tubu, anke skartoċċ ta’ azzarin, u minfaħ, bużżieqa tal-ġild (Natalino Fenech). Din tintuża mill-kaċċaturi u n-nassaba biex bil-ħoss tagħha jattiraw is-summien. Mas-suffara kienet titwaħħal bużżieqa u l-kwaljarin kien jagħmel ħoss billi n-nassab jagħti daqqiet qosra fuq il-bużżieqa biex iħajjar l-għasafar joqorbu lejn il-mansab. Teżisti l-espressjoni, ‘ikerkirlu bil-kirjolin’. E.S.I., Eric Bonanno, u Joe Gouder u Natalino Fenech. Mit-Tal. quaglierino.
MANSAB Biċċa roqgħa art fil-kampanja fejn jitqiegħed ix-xbiek biex in-nassab ikun jista’ jonsob għall-għasafar. Ix-xbiek jitqiegħed fuq art lixxa u fit-truf jitqiegħdu għasafar f’gabjetti żgħar bl-iskop li bl-għana u ċ-ċaqlieq tagħhom dawn jattiraw għasafar oħra biex jinżlu qribhom u jersqu għan-nofs tal-mansab. Hekk kif l-għasfur isib ruħu hemm in-nassab dlonk jaqleb ix-xbiek fuqhom. Fejn l-art tal-mansab tkun imżerżqa, dan jgħidulu mansab tal-pendil. In-nassaba ġieli jkollhom aktar minn mansab wieħed għaliex kull wieħed minnhom ikun imħejji għal tip ta’ għasafar tal-passa differenti u għalhekk ikunu magħmula skont id-direzzjoni tar-riħ minn fejn ikunu ġejjin l-għasafar ta’ dik l-ispeċi. (Eric Bonanno).

MIŻŻEWĠIN Espressjoni li tirriferi għal żewġt iklieb tal-fenek li jintużaw f’daqqa min-nassaba / kaċċaturi biex jinqabdu l-fniek. (Eric Bonanno).
NUĊĊALI Bħal żewġ ħoloq mat-tarf ta’ wara tal-kanna tas-senter biż-żewġ li minnha l-kaċċatur jimmira qabel ma jispara t-tir.
NEMES (pl. inmsa). Dan l-annimal kien impurtat f’Malta u ddomestikat biex jikkaċċja l-fniek, billi n-nemes jiġri warajhom u jinżel fil-bejta tagħhom li tkun imħaffra fl-art biex jaqbdhom. Fin-natura, in-nemes jorqod ħafna matul il-ġurnata u jqum biex jikkaċċja ma’ sbieħ il-jum jew f’inżul ix-xemx. Is. xj. Putorius putorius furo. Ing. ferret. NEMMIES Kaċċatur bin-nemes.

PASKULA Dik il-parti li tgħaqqad il-kanna tas-senter maċ-ċipp (Joe Gouder).
PEJTER Pitiross kif jissejjaħ minnn nies ta’ ċerti nħawi, bħar-Rabat, iż-Żurrieq u mill-Għawdxin (Joe Gouder u J.A.).
PERĊ / PERRIEĊA Injama rqieqa mqiegħda fil-gaġġa biex l-għasfur jitla’ fuqha biex jistrieħ.
PLIER Bħal turrun żgħir magħmul minn ġebel imqiegħed fuq xulxin, daqs 2/3 piedi għoli, jew biċċa serratizz biex fuqu sserraħ il-gabjetta. (Joe Gouder).
PRITKUNA Waħda minn ħafna ċombiet li jkunu sparati mis-senter. Il-kobor tal-pritkuna jkun daqs dak tal-lewlu. Sqal. pirticuni. Napuljun Tagliaferro, fil-kitba tiegħu Mwieżen Ħżiena, jitfa’ dan il-kliem f’ħalq il-karattru ta’ Żeppi x-Xellugi: ‘[…] Ċens, ġibli l-pritkuni miċ-ċurniena! […]’ Sors: Ward ta’ Qari Malti (1936), p. 160.
QALBA Il-qlieba tax-xbiek li jagħmel in-nasab meta l-għasfur ikun taħt ix-xibka. Eż., ‘Salvu qaleb fuq 300 gamiema f’għodwa waħda’. Ix-xibka ma stajniex inżommuha b’dik il-qalba’. (Eric Bonanno).
RUFFJAN/A Għasfur tat-taħrik li jinżamm marbut bix-xkiel (lenza ħafifa tal-ġild ma’ saqajh). Dan l-għasfur (eż., gamiema) ikun fil-’bejta’ tiegħu mibnija minn turrun ta’ ġebel bejn wieħed u ieħor, żewġ piedi għoli, b’ħofra, bħal bejta fin-nofs tiegħu). Dan it-torri jintrama fit-tarf tal-mansab, apposta biex minn hemm l-għasfur iħajjar l-għasafar jinżlu qrib tiegħu u fuq il-mansab. Skont Natalino Fenech dan it-terminu jirriferi wkoll għat-torri żgħir/ bejta magħmul mill-ġebel.
SENSJA Kelma oħra għall-liċenzja tal-kaċċa.
SENTER Kelma li ġejja mill-Ing., centre fire. Bid-differenza tal-ixkubetta, dan ikun ikkargat bl-iskrataċċ minn wara tal-kanna.
STOPPA Ħjut tal-qanneb li kien jintuża mill-kaċċaturi billi jkun imdeffes minn ġol-bokka tal-kanna u ppressat ’l isfel sakemm jiġi jagħfas fuq it-takka.
STRONKJATA Espressjoni li tingħad mill-kaċċaturi biex tirriferi għal tajra li tkun milquta u feruta biċ-ċomb. Tal. stronco, immankat.
SUFFARA Kien u għad hemm diversi tipi ta’ sfafar li jintużaw biex iħajru l-għasafar jersqu lejn il-mansab jew fid-direzzjoni tal-kaċċatur, minħabba li tagħmel l-istess ħoss tal-għasfur. Fost dawn insibu s-suffara tal-venewwa. Hemm ukoll is-suffara tat-tip mea culpa. Jidgħulha hekk għax din biex tindaqq tintgħafas mill-kaċċatur fuq sidru. (Natalino Fenech). Ara: KWALJARIN.
TAĦRIK Għasfur tat-taħrik. Hekk kif in-nassab jirtira l-ġbid tat-taħrika, il-ġoga titla’. Imbagħad x’ħin titniżżel il-ġoga il-gamiema tibda tferfer ġwinħajha u b’hekk tiġbed l-attenzjoni tal-gamiem lejha (Eric Bonanno).
TAKKA Meta l-kaċċaturi kienu jippreparaw l-iskrataċ huma stess, bejn il-porvli u ċ-ċomb tal-iskartoċċ kienu jpoġġu t-takka. Din kienet ċirku tal-kartun jew tas-sufri, li titqiegħed fuq il-porvli fl-iskartoċċ. Imbagħad fuq it-takka jitqiegħed iċ-ċomb, u fuq iċ-ċomb titqiegħed takka oħra, u b’hekk l-iskartoċċ jkun lest u jista’ jingħalaq. (Eric Bonanno).
TARRAF Terminu wżat mill-kaċċaturi u nassaba li jirriferi għall-għasafar li jkunu qed jidhru fil-bogħod. (Joe Gouder u E. Serracino Inglott).
TEFTIFA Kelma li tintuża mill-kaċċaturi u n-nassaba meta jirriferu għall-qatgħa żgħira ta’għasafar li tkun qed tpassi. Bħal meta tgħid, ‘għaddejja teftifa gamiem’ (Joe Gouder).
TEKTIEKA Dan l-oġġett żgħir u sempliċi kien ikun magħmul minn żewġ muniti tas-sold bejn is-saba’ l-kbir u t-tieni saba’ biex in-nassab ifaqqa’ l-muniti ma’ xulxin. Ħoss simili kien isir billi jintuża tapp tal-luminata u miegħu jintrabat musmar min-naħa għall-oħra bi spaga b’mod li meta in-nassab jagħfas il-musmar ’l isfel b’subgħu, dan ifaqqa’ mat-tapp u jagħmel ħoss bħal dak tal-pitiross.
TIĊLISA L-istess bħal TEFTIFA (Joe Gouder).
TRABOKK Tip ta’ gaġġa li tintuża min-nassaba biex jinqabdu fiha l-għasafar. Jeżistu diversi tipi ta’ trabokki. L-aktar popolari fosthom hu dak magħruf bħala ‘tal-kampnar’. Jissejjaħ hekk għax il-ġnub tiegħu huma mxattrin u mal-ġnub jitqiegħdu x-xbiek. It-trabokk kien jintuża l-aktar mit-tfal li, jew minn xi ġnien jew minn fuq il-bejt jittantaw jaqbdu l-pitirrossi; tip ta’ nsib li llum hu pprojbit bil-liġi. Fuq barra tal-gaġġa, it-trabokk jkollu perrieċa biex meta jersaq l-għasfur qrib jitħajjar jistrieħ fuqha u din tfaqqa’ ’l fuq u magħha titla’ x-xibka li taqbad l-għasfur fiha. TRABUKETT Trabokk żgħir.

XKUBETTA Din l-arma kienet l-arma tal-kaċċaturi qabel ma kien ivvintat u introdott f’Malta is-senter. Din kont tikkargaha minn ħalq il-kanna, titfa’ l-polvri, stoppa (takka), ċomb u takka oħra u tpoġġi l-kaps fuq il-beżżul fuq barra. (Ing. muzzle loader).
ZEKZIEKA Il-ħoss li n-nassab jagħmel biex jaqbad il-l-imlievez (pl. ta’ melvizz). Riferenza wkoll għat-tip ta’ suffara li tintuża għall-istess skop.
ŻEWĠEJN Żewġ pari (f’dan il-każ, riferenza għall-żewġ pari għasafar).
Xi ħsejjes / għana tal-għasafar (lista mgħoddija lili minn Ġużi Gatt).
Is-summiena, tfaqqa’
Il-gamiema tparpar
Il-ħamiema tbarqam
Il-verdun iwexwex, ikerker, iżamżam, iġaħġaħ
L-isponsun ipenpen, iwenwen, iċamċam.
Il-pitirros itektek,
Il-malvizz izekzek
Taż-żebbuġ izekzek jew isiħ
Il-ġojjin igeżgeż, iċaqċaq, ibeżbeż
L-ortolan ipaqpaq, isiħ, jgħanni
L-apparell jgħanni, jagħlaq.
L-ekra issiħ (l-ewwel forma ta’ “issejjaħ).
Ħajr kbir lil Joe Gouder li għaddieli bosta informazzjoni verbalment biex stajt nikteb dan l-artiklu b’mod aktar ampju u preċiż. Ħajr ukoll lil Eric Bonano tal-artiklu interessanti tiegħu li minnu ħadt ħafna informazzjoni. Hajr lil Natalino Fenech talli dar l-artiklu kollu u ppreċiżali bosta tifsiriet kif għandhom ikunu spjegati.
Martin Morana ©
27 ta’ Marzu 2025
Bibliografija
Aquilina Joseph, Maltese English Dictionary (Vol. 1 & Vol. 2). Midsea Books Ltd. 1987 & 1990.
Agius De Soldanis Gianfrancesco, Damma Tal Kliem Kartaġinis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin. (ċ. 1767) (ed. Rosabelle Carabott). L-akkademja tal-Malti et al. 2016.
Bonanno Eric, ‘Ħarsa lejn il-kaċċa fil-Mellieħa tal-imgħoddi’. Ktieb tal-Festa, Soċjetà Filarmonika, Mellieħa. 2004.
Fenech Natalino, ‘ Ismijiet tal-għana tal-Għasafar’, L-Imnara, 2021, Vol 12. nru 1. Ħarġa 44. BDL. 2021.
Mercieca Simon, ‘History of Falconry in Malta with a Difference’, Malta Independent, March 27, 2017.
Serracino Inglott, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin ( Disa’ volumi, 1974 – 1989).
Manuscript 429. ‘Bando Per li Caciatori’, Die 6 men Martis 1725. Malta National Library.
Aktar kitba u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur …. ikklikkja hawn:
