Termini relatati mal-
FESTI
ta’ ġewwa u ta’ barra

ANTIFONA Talba li titkanta waqt il-funzjonijiet reliġjużi, l-aktar dawk tal-festa tal-qaddis patrun jew fil-Milied. Ġeneralment, l-antifona titkanta b’mod polifoniku minn tenuri, baritoni u soprani. Dan ifisser li ħafna drabi, il-kant isir b’vuċijiet individwali, inkella minn żewġ korijiet jew aktar, fejn dawn jalternaw wieħed wara l-ieħor fil-kant tagħhom. Normalment, fl-antifona jkun hemm orkestra żgħira takkumpanja. Etim: Gr. Antifononos – M. innu.
ANTINJOLA / ANTARJOLA Arblu mwaħħal fit-triq li miegħu tiddendel bandira jew bandalora tal-festa. Sqal. antinnola. Dan l-arblu jitwaqqaf billi jiddeffes fil-bejta (ħofra) forma ta’ ċilindru mħaffra apposta qrib jew fuq il-bankina. L-antinjola tinżamm soda f’postha billi bejn l-ablu u l-ġnub tal-bejta jkunu mdeffsa xi KAVILJI tal-injam. Ġieli f’nofs l-għoli tal-antinjola jitwaħħal TROFEW.

ARBLU Dan għandu kważi l-istess skop bħall-antinjola. Biss l-arbli tal-festa jitwaħħlu fuq il-bjut, kemm tal-każini u tal-knejjes kif ukoll fuq dawk ta’ djar privati. Ġeneralment, l-arblu jintrabat mal-OPRAMORTA. Kultant, din il-parti tal-opramorta jkollha speċi ta’ frontispizju dekorattiv. L-arblu jinżamm sod bil-ventijiet. Għal matul il-jiem tal-festa, bal-ventijiet jintrabat xi festun.

ANTEVIĠILJA Jumejn qabel jum il-festa. Il-VIĠILJA hu lejlet il-festa u għalhekk l-anteviġilja hu jum qabel jum il-festa. L-anteviġilja hu terminu li aktarx beda fil-Birgu, u jirriferi għat-8 ta’ Awwissu, jumejn qabel l-10, il-festa ta’ San Lawrenz. F’lokalitajiet oħra, dan il-jum hu magħruf aktar bħala ‘l-aħħar tat-TRIDU’.
BALDAKKIN Speċi ta’ tinda kwadra magħmula mid-damask, li tintrefa’ minn erba’ jew sitt irġiel. Il-baldakkin narawh l-aktar fil-purċissjoni ta’ KORPUS.

BANDALORA Tip ta’ bandiera kbira rettangolari, imtella’ vertikali, li tkun imdendla minn bastun orizzontali li jiddendel fuq l-ANTINJOLA.

BANKUN Il-bażi tal-injam, għoli mal-1.70 m, magħmul biex fuqu titqiegħed l-istatwa tal-qaddis. Fuq il-bankun tistrieħ il-BRADELLA u fuq il-bradella l-PEDESTALL. Ħafna drabi il-bankun ikun iddekorat b’xogħol sabiħ u artistiku ta’ interzjar u riljievi fl-injam.


BOMA Fil-Birgu, il-boma tirriferi għall-arblu li miegħu jittellgħu l-istatwi taż-żewġ qaddisin ta’ din il-belt, jiġ., San Lawrenz u San Duminku. Arblu, imsejjaħ ‘Il-boma’ jintrabat mat-torri (Kavalier) ta’ San Ġwann, biex jintuża bħala GRABJA; dan l-arblu ikun maħruġ ’il barra mis-sur bil-ħbula stirati fuq kull naħa. Ħbula oħra jkunu marbutin apposta mat-tarf tal-boma biex bl-għajnuna ta’ TARJOLA titella’ l-istatwa fuq il-kolonna.
BRADELLA Din hi bħal kaxxa kwadra u ta’ ftit ċentimetri għoli magħmula fl-injam li tkun bejn il-PEDESTALL u l-BANKUN. Fiha jidħlu l-lasti (hawn min jgħidilhom bsaten) tar-reffiegħa li minn quddiem jinfdu għal fuq wara tal-bradella. L-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira normalment iserrħu direttament fuq il-bradella għaliex ma jkollomx pedestall.

ĊELU Saqaf maħdum bħal tinda ta’ tron jew ta’ sodda; għata ta’ baldakkin. Tip ta’ TUŻELL. Fil-vara ta’ Kristu Mejjet (magħruf l-aktar bħala l-Monument). Dan hu s-saqaf tad-drapp li hu miżmum bi frejm tal-injam, biex taħtu jitqiegħed il-korp ta’ Kristu. Tal. cielo.

FORĊINA Lasta twila daqs metru u nofs li min-naħa ta’ fuq għandha forma ta’ nagħla kwadra tħares ’il fuq. Din il-last tintuża biex meta r-reffiegħa jkollhom bżonn jieqfu u jserrħu l-vara, dan jagħmluh permezz ta’ erba’ forċini li jitpoġġew taħt il-lasti tal-irfigħ. Dan in-nom jintuża wkoll bħala ordni: ‘forċina!’ – li wieħed mir-reffiegħa jgħajjat bħala sinjal lill-sħabu biex dawn jieqfu mill-ġarr ħalli jistrieħu billi jwaqqfu l-bradella fuq il-forċini. Il-forċini jkunu f’idejn nies imqabbda apposta. Tal. forca.

ĠIGĠIFOGU Logħob tan-nar tal-art, norm, b’ħafna rdieden li jtajru n-nar ikkulurit minnhom. Tal. gioco di fuoco.

ĦADD IN-NIES Kultant magħruf bħala ‘Tal-Grazzja ż-Żgħira’, pellegrinaġġ tradizzjonali li jsir kull sena, fl-ewwel Ħadd tar-Randan f’Ħaż-Żabbar, b’qima lejn il-Madonna tal-Grazzja. Fl-antik, f’din il-festa, in-nies kienu jimxuha lejn Ħaż-Żabbar u mat-triq kienu jirreċitaw it-talb. Biż-żmien, dan il-pelegrinaġġ beda jkollu skop ieħor, bħala penitenza kollettiva, biex jinħafru d-dnubiet li setgħu saru fil-jiem tal-Karnival. Biss, E.B. Vella jgħid li fi żmienu, f’Ħadd in-Nies, bħal ma kien jiġri f’ħafna pellegrinaġġi oħra, kien beda jsir ix-xalar, ħaġa li jgħid mhiex sewwa, għax dan il-jum kien jaqa’ fir-Randan. Fit-tletinijiet tas-seklu għoxrin, il-pellegrinaġġ ħa forma oħra, meta beda jkun organizzat biss fit-triq tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. Fil-ħamsinijiet kienu bdew isuqu l-immaġini tal-Madonna fuq vann bi skop li jkattru d-devozzjoni. Ara: Il-Ġimgħa l-Kbira F’Malta ta’ Brian Bonnici, pp. 12-14. Ħaż-Żabbar Bil-Ġrajja Tiegħu, ta’ E.B. Vella, 1926. http://zabbar.webs.com/haddinnies.htm.
ĦADD LAZZRU Il-Ħadd qabel Ħadd il-Palm li fih jinqara l-Evanġelu tal-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt.
ĦADD IL-PALM il-Ħadd li fih tibda l-liturġija li twassal sal-Għid il-Kbir. Hu magħruf hekk minħabba li fl-Evanġelu jinqara l-episodju meta Kristu daħal Ġerusalem u n-nies laqgħuh ixejru l-weraq tal-palm. Dan il-jum hu magħruf b’ismijiet oħra, bħal, ĦADD il-PASSJU, minħabba li jinqara l-Evanġelu tal-ħajja ta’ Kristu bl-episodji tal-Passjoni b’kollox. Magħruf ukoll bħala ĦADD Iż-ŻEBBUĠ, għax dakinhar, iċ-ċelebrant ibierek il-friegħi taż-żebbuġ waqt il-quddies, li mbagħad jitqassmu lil dawk preżenti. Antikament, dakinhar kienu jitgħattew l-inkwadri kollha tal-knisja. Ara wkoll: TBAĦĦIR. F’Ħadd il-Palm jispiċċa r-Randan u tibda l-Ġimgħa Mqaddsa.

ĦADD TAL-BOLLA ( Dan hu s-sebgħin jum qabel l-Għid, magħruf ukoll bħala ĦADD IS-SEBGĦIN. Sors: E.S.I. Damma) Settuagesima, Domenica avanti quaresima.
ĦADD IR-RFUGĦ / ĦADD IL-BLUH(A) / ĦADD IĊ-ĊKEJKEN / ĦADD IŻ-ŻGĦIR Ħadd il-Karnival. (Damma) Domenica di Quinquagesima.
ĦADD IL-ĠDID L-ewwel Ħadd wara l-Għid. Sors: E.S.I., Damma: Domenica in Albis.
ĦANŻIRA TAL-ERWIEĦ Skont l-għejdut tradizzjonali, fl-antik kien hemm użanza f’ċerti rħula fejn il-konfraternità tal-paroċċa kienet tiddobba ħanżir u dawn kienu jitilquh għar-rasu fit-toroq biex kulħadd jitma’ fih. Meta l-ħanżir jikber u jismen, dan kien jinbiegħ, u l-flus li kienu jaqilgħu minnu, kienu jingħataw għall-quddies tal-erwieħ. Fost l-irħula fejn jingħad li din it-tradizzjoni kienet issir, kien hemm ix-Xewkija, il-Gudja u Ħal Qormi. Verżjoni oħra kif inhi magħrufa hi, li ftit qabel l-Għid tal-Erwieħ, jiġifieri, qabel l-ewwel ta’ Novembru, kienet tintelaq ħanżira fit-toroq tar-raħal biex kulħadd jitma’ fiha. Fil-festa mbagħad tinqatel biex tittiekel minn dawk in-nies foqra tar-raħal.
ĦARQA Fil-lingwaġġ tad-dilettanti tal-logħob tan nar, din tfisser l-irfugħ fis-sema ta’ kwantità ta’ logħob tan-nar f’sessjoni waħda, bħal f’lejla waħda. Din il-kelma tista’ tirriferi għal bosta tipi ta’ logħob tan-nar, kemm jekk l-ħarqa ssir waħda wara l-oħra, (jgħidulhom ukoll one by one), kif ukoll jekk il-logħob tan-nar isir flimkien bħal f’KAXXA INFERNALI. Ara: l-artiklu dwar LOĠĦOB TAN NAR …. ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2022/07/10/loghob-tan-nar/

KARTAPESTA Materjal li bih ħafna drabi jsiru l-istatwi tal-qaddisin u figuri oħrajn. F’Malta teżisti kultura antika ta’ statwarji li jaħdmu fil-kartapesta. Dawn l-istatwi bdew jinħadmu fis-seklu dsatax, wara li nstab li l-kartapesta kienet eħfef biex iġġorr u irħas biex taħdimha minn statwi tal-injam. Biex isir il-materjal tal-kartapesta, jintużaw karti mqattgħin u mxarrbin bil-kolla normali, u kolla tal-verniċ. Dan il-materjal ikun imħallat ukoll bil-ġibs imfarrak, serratura, drapp u żejt tal-kittien. Etim. Tal. cartapasta (oriġ. carta impasta) – M. karta li tintgħaġen biex tinħadem u titħallat ma’ materjal ieħor biex tingħata l-forma mixtieqa. Ara: L-Istatwi Titulari u l-Istatwarji Tagħhom, ta’ Guido Lanfranco. ‘Carlo Darmanin: A pioneer in Good Friday Iconography’, Fabian Mangion, The Sunday Times of Malta, April 14, 2019.

KONFRATERNITÀ Għaqda lajka reliġjuża li l-membri tagħha għandhom l-iskop ewlieni li juru d-devozzjoni tagħhom b’qima partikulari lejn is-Sagrament, il-Madonna jew xi qaddis partikolari. Kienu ħafna drabi dawn il-membri li rawmu l-imħabba u d-devozzjoni kbira lejn il-qaddis partikolari. Dawn raw kif għamlu biex il-qaddis tagħhom ikun iffesteġġjat mhux biss fil-knisja iżda wkoll fit-toroq. Meta l-membri tal-konfraternità jakkumpanjaw f’xi purċissjoni dawn jilbsu il-KONFRATIJA. Madwar l-ispallejn il-fratelli jilbsu l-MUZZETTA li jkollha l-kulur partikolari assoċjat mal-konfraternità. Tal. confraternità. Sqal. cunfratia. Associazione dei laici.
KWADREĠEŻIMA L-ewwel Ħadd tar-Randan. Jissejjaħ hekk għaliex dan il-Ħadd hu l-erbgħin jum qabel l-Għid il-Kbir. Tal. Quadragesima.

KWAREŻIMAL 1. Antikament din il-kelma kienet tirreferi għal kors ta’ prietki tar-Randan. Dak li jagħmel dawn il-prietki jissejjah KWAREŻIMALIST. 2. Tip ta’ ħelu li jittiekel fir-Randan, magħmul minn lewż mitħun u mħallat mad-dqiq, ftit qxur tal-kannella (Is. xj. cinamonum) u ftit ilma żahar. Wara li jissajjar fil-forn il-ħelu jiżdidlu l-għasel u xi ftit pistaċċjo. Dan il-ħelu jittiekel l-aktar fir-Randan. Etim. Tal. Quaresima. Lat. quadrigesima – M. L-erbgħin jum qabel l-Għid. Sp. cuaresma.
KWINDIĊINA Il-ħmistax-il jum ta’ talb li jsiru qabel il-festa. Il-kwindiċina hi aktar assoċjata mal-festa tal-Assunta (Santa Marija).
KWINKWAĠEŻIMA Ħadd iż-Żgħir, jew Ħadd il-Karnival, jiġ. il-Ħadd qabel ir-Randan. Fir-rit ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, (1964) dan kien ikkunsidrat bħala l-Ħadd li fih wieħed jibda jimmedita dwar il-passjoni ta’ Ġesù Kristu. Lat. Quinquagesimus – M. Il-Ħamsin Jum qabel l-Għid il-Kbir.
LUMINI (pl. ta’ lumina) Tazzi mimlijin biż-żejt li antikament kienu jitwaħħlu mal-faċċata tal-knisja fejn tkun qed issir festa biex jiddekoraw il-faċċata bid-dwal. Dawn kien ikollhom ftila mdeffsa f’injama ħafifa, tgħum fiż-żejt ġot-tazza. Antikament, lumina waħda kienet tinxtegħel quddiem xi immaġini tal-Madonna u għalhekk kienet magħrufa bħala musbieħ tal-Madonna.
MACCHINA DEL FUOCHO Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, din kienet bħal arkata tal-injam għolja mal-għaxar metri li kienet tintrema’ biex fuqha jitqiegħdu l-maskli u b’hekk kien jittella’ l-logħob tan-nar minn fuqha.

MASKLU Kontenitur tal-metall oħxon li minnu jkun sparat il-murtal. Oriġinarjament, l-isparar tal-festa kien isir billi jitqiegħdu diversi maskli ħdejn xulxin u bejn waħda u oħra titqiegħed il-miċċa magħmula minn ringiela twila ta’ porvli.

MAZZIER Dak li waqt ċerti ċerimonji u purċissjonijiet iġorr mazza simbolika. Din il-persuna li tkun liebsa ħwejjeġ ċerimonjali antiki, tkun qed tirrappreżenta jew: a) il-Kapitlu tal-Katidral, jew b) il-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Fil-każ tal-Kolleġġjata il-mazzier iżomm fuq dirgħajh mazza ta’ lewn il-fidda. Fil-każ tal-Katidral il-mazzier iżomm fuq dirajgħ mazza lewn id-deheb. Fil-purċissjoni tal-festa, il-mazzier iġorr il-mazza fuq spalltu b’mod normali, waqt li meta jkun hemm xi funeral, il-mazza jġorrha f’idejh it-tnejn. Sors: Anton F. Attard.

MEJDA TAL-QUBBAJT Il-bankun tradizzjonali li minn fuqu jinbiegħ il-qubbajt fil-festi. Fl-antik, biċċa qubbajt kienet tissejjaħ ‘xriek tal-qubbajt’. Il-qubbajt kien jinbiegħ ukoll bil-lenza jew bit-TURRUN. Turrun qubbajt kien m’għola 30 ċm, waqt li lenza kienet in-nofs ta’ dan it-tul. Idj: ‘Qisu mejda tal-qubbajt’ – tingħad għal xi ħadd li jattendi kull festa. Sqal. cubbaitta – confettura o torrone di noci o mandorle e mele cotto. Għ. iqubbajt.

NOVENA In-novena, kif jindika l-isem, hu żmien ta’ disat ijiem, intenzjonat għat-talb. Dan hu ż-żmien ta’ tħejjija spiritwali ta’ qabel il-festa. Waħda mill-aktar noveni importanti hi dik tal-Milied li antikament kien ikun hemm matulha serje ta’ prietki, u meta il-quddies kien ikun kantat. In-novena kienet użanza li daħħluha f’Malta d-Dumnikani fis-sena 1599, fil-knisja parrokkjali tal-Porto Salvo, il-Belt. Dak iż-żmien, in-novena kienet magħrufa bħala ‘s-Solennità tal-Virġinità tal-Madonna’. Billi kienu d-Dumnikani li xerrdu d-devozzjoni u t-talb tar-Rużarju, in-novena hi assoċjata l-aktar mal-artal iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju. Fl-1781, f’Ħal Lija bdiet titqiegħed urna fuq l-artal tar-Rużarju għal matul in-novena. Ara: ‘Some Aspects of Maltese Christmas Traditions’ ta’ Guido Lanfranco, fi Treasures of Malta, n. 34, Christmas 2005, Vol. XII n. 1.
OSKLU / OSKULATORJU Il-bews li jingħata lir-relikwija fil-funzjonijiet u ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knejjes. Fl-artiklu miktub minn F. Porsella Flores, ‘Il-Festa fil-knisja ta’ San Lawrenz fl-Imgħoddi: in-novena, lejlietha, nharha u l-ottava’ insibu miktub hekk: ‘[…] Il-funzjoni kienet bil-kant tat-Tantum Ergo u l-barka sagramentali, u l-osklu, jiġ., il-bews tar-relikwija, waqt il-kant tal-innu […]’. Etim. Latin osculor, M. tbus; Tal. osculazione. Sors: Programm tal-Festa San Lawrenz, 2000.
OTTAVA Tul ta’ tmint ijiem wara l-festa. Eż. L-OTTAVA TAL-GĦID IL-KBIR. Din tissejjaħ il-Ħadd Fuq l-Għid. Fl-ottava, tittieħed lura f’postha r-relikwija li tkun inħarġet min-niċċa biex tkun esposta għal matul il-ġranet ta’ qabel il-festa. Waqt l-uffizjatura tal-Ottava isiru orazzjoni speċjali. Minn din il-kelma toħroġ l-OTTAVARJU – jiġ., sensiela ta’ prietki li kienu jsiru waqt l-ottava. Dawn kienu jsiru wkoll fix-xahar ta’ Novembru u magħrufa bħala l-OTTAVA TAL-QADDISIN KOLLHA. MOTA TAL-OTTAVA TAL-ERWIEĦ Din il-mota kienet tindaqq fix-xahar ta’ Novembru. Sors: Lorenzo Zahra u Anton F. Attard.
PANEĠIERKU / PANIĠIERKU Diskors li ċ-ċelebrant jagħmel f’okkażjoni liturġika bħala eloġju lill-qaddis li jkun imfakkar. PANEĠIRIST Fl-antik kienu jinġiebu minn barra qassisin jew patrijiet oraturi ta’ fama biex jagħmlu l-paneġierku. Tal. panigerico oriġ. Gr. pan (kollox) agyris (poplu). Ngħidu, ‘wara l-vanġelu jintiseġ il-paneġirku’.
PAVALJUN Speċi ta’ bandalora, biss, ta’ kobor orizzontali. Ħafna drabi l-bastun ma xiex jiddendel ikollu pendent f’kull tarf. Normalment, il-pavaljun jkun twil tul il-wisgħa tat-triq. L-intenzjoni hi li barra li jżejnu u jimlew b’mod sabiħ, meta jkunu fi kwantità, il-pavaljuni joħolqu speċi ta’ saqaf, b’mod dekorattiv li jsebbaħ u jkenni t-triq.

PEDESTALL / PEDISTALL Norm. dan it-terminu jirriferi għal bażi tal-injam indurat bid-deheb jew inkella magħmul mill-fidda u ddekorat. Fuqu titqiegħed l-istatwa tal-qaddis fil-knisja meta din toħroġ min-niċċa. Fil-knejjes Maltin jeżistu bosta pedestalli sbieħ u ta’ xogħol artistiku fl-injam, iddekorati bi skulturata.


PILANDRA Speċi ta’ pjanta finta, li titqiegħed fuq kolonna tal-armar tat-toroq, waħda minn bosta li jintremgħu biex iżejnu t-toroq. Din tkun magħmula minn weraq dekorattiv, u anki bozoz tad-dawl, eċċ. Ġieli, dawn il-pilandri jkunu miżmuma minn anġlu tal-kartapesta; għaldaqstant dan ħa l-isem bħala l-Anġlu tal-Pilandra. Oriġ. tal-kelma ġejja minn piramida, minħabba l-arranġament tal-weraq pjuttost jieħu forma piramidali.

PLANĊIER / PJANĊIER Oriġ. palk sempliċi li kien jintrama fil-festi, magħmul minn pjanċi kbar tal-injam imqiegħedin ċatti waħda ħdejn l-oħra; b’għoli ta’ 60 – 80 ċm ’l fuq mill-art, biex il-bandisti jdoqqu fuqu. F’ħafna lokalitajiet dan il-pjanċir illum sar aktar dekorattiv u b’xogħol maħdum tal-aqwa kwalità artiġjanali. Il-planċier illum sar ikun mtarraġġ biex il-bandisti jidhru aktar. Fr. plancher – M. materjal biex tarma paviment bih.


PUPA Ta’ MARSILJA Fis-seklu dsatax, bdew jinħadmu xi statwi tal-qaddisin f’Marsilja, ikkummissjonati minn diversi parroċċi Maltin. Dawn kienu ntogħġbu ħafna. Fost dawn l-istatwi insibu (i) l-istatwa tal-Madonna taċ-Ċintura tal-Gudja, (ii) dik ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop, (iii) dik tal-Madonna ta’ Loreto, f’Għajnsielem (iv) tal-Kunċizzjoni tal-Qala (v) San Pietru u San Pawl tan-Nadur u (vi) Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Meta fil-Gudja, il-Madonna taċ-Ċintura toħroġ mill-knisja fil-festa tagħha, il-miġemgħa għadha sa llum tinfexx tgħajjat ‘Viva l-pupa ta’ Marsilja.’
QUĊĊIJA Mijiet tas-snin ilu, din il-kelma kienet tirreferi għall-qamħ, żbib, ġulġlien, lewż, ġellewż u ikel ieħor li kien jitqassam lill-foqra fl-ewwel ta’ Novembru, fil-festa tal-Għid il-Mejtin, u f’festi oħrajn. L-Inkwiżitur Mons. Duzina (1575), jgħid hekk: Alcuni usano a far, quando e l’anima dei morti, [L-Għid tal-Mejtin] la coccia allo vespro [it-talb ta’ waranofsinhar], cioe di portar alla chiesa certo grano cotto, con postovi dentro amandole e noci, fatti in croce, e quelle si dividano tra quelli che stanno in chiesa. Sq. cuccia: minestra di frumento bollito nel latte con zucchero e altri savori. Hemm diversi bliet fi Sqallija fejn il-cuccia kienet tittiekel f’ċerti jiem tas-sena, bħal f’Sirakuża fil-festa ta’ Santa Lucia, fit-13 ta’ Diċembru. Sors: E.S.I.

SFINEĠ Dawn u ŻEPPOLI huma l-istess ħaġa. Tradizzjonalment, dan il-ħelu jittiekel fil-festa ta’ San Ġużepp, fiz-19 ta’ Marzu. F’Malta, kemm jekk żeppoli kif ukoll jekk sfineġ, dejjem inkunu qed nirriferu għal dik il-ħelwa magħmula minn l-għaġina forma ta’ ballun żgħir, moqlija fiż-żejt u mimilja b’ingredjenti ta’ ħlewwa jew imluħa. Kultant, iż-żeppoli jkunu mimlija bl-irkotta li fiha jkun hemm biċċiet taċ-ċikkulata, konfettura u fuqha l-għasel. L-għaġina tvarja fil-konsistenza tagħha, imma norm. tkun aktarx tip ta’ choux pastry. F’Malta hawn ukoll l-isfineġ tal-bakkaljaw. Billi San Ġużepp ħafna drabi jiġi fir-Randan, fl-antik kienu aktarx jagħżlu l-inċova bħala ingredjent prinċipali biex jimlew bih. Din ir-riċetta hi magħrufa sew ukoll ma’ bosta naħat tal-Italja. F’Ruma dawn isejħulhom Bignè di San Guseppe. Fit-tramunta tal-Italja dawn jissejħu frittelle. Għ. asfanġa. Sors: E.S.I., J.A. u sorsi oħra.
SORPRIŻA Nom li dan l-aħħar snin beda jintuża biex jirriferi għal xi biċċa xogħol ġdida li tinħadem apposta għall-festa. Dan l-oġġett jista’ jkun xi umbrellun kbir, xi mrewħa jew bandalora, li kollha jkun fihom xogħol artiġjanali u ta’ preġju.


SUNETTI Oriġ. Din kienet tirreferi għal xi poeżiji qosra li kienu jkunu stampati biex jinqraw bħala eloġju lill-qaddis waqt il-festa. Dawn is-sunetti kienu jintefgħu fit-toroq minn fuq il-knisja jew mill-gallariji tad-djar biex in-nies jiġbruhom u jaqrawhom. Fil-kuntest tal-festi, illum, is-sunetti huma bċejjeċ żgħar tal-karti mqattgħa rqaq li jintefgħu fil-purċissjoni. Bit-Taljan u anki bl-Ingliż dawn jgħidulhom confetti.
TE DEUM / TEDEW/M L-innu ta’ talb ta’ radd il-ħajr lil Alla li jitkanta fil-knejjes. L-isem komplut hu Te Deum Laudamus, li jfisser ‘Lilek O Alla Infaħħruk’. Dan jitkanta norm. f’ċelebrazzjonijiet liturġiċi. B’mod aktar komuni l-Maltin isejħulu it-‘TEDEW jew ‘tedewm’.
TITULAR Din il-kelma, apparti li tirriferi għall-pittura jew statwa tal-qaddis/a patrun/a u għat-titlu tal-knisja li għalih/a tkun iddedikata, tista’ tirriferi wkoll għall-istatwa li tinħareġ proċessjonalment fil-festa tal-istess knisja.
TRANSULAZZJONI / TRASLAZZJONI Iċ-ċeremonja tat-teħid tar-relikwija minn post għal ieħor, anki jekk fl-istess knisja, bħal ngħidu aħna, minn artal fil-ġenb għall-artal maġġur, biex tkun esposta aktar għad-devozzjoni. It-transulazzjoni dejjem issir lejlet il-festa tal-qaddis/a billi ssir purċissjoni bir-relikwija. Din tindika li issa, il-knisja daħlet fis-solennità tal-festa.Tal. traslazione.
TRIDU Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u t-talb li jsir qabel il-festa ta’ xi qaddis, li norm. idumu tliet ijiem. L-aktar tridu importanti hu t-tridu paskwali li jibda f’Ħamis ix-Xirka, ikompli Sibt il-Għid u jispiċċa Ħadd il-Għid. (Tal. triduo). Sors prinċipali www.treccani.it.
TROFEW Bħal tarka tal-injam li fuqha jkun hemm impinġija disinji li jissimbolizzaw oġġetti jew ħsibjiet relatati mal-qaddis. Minn din it-tarka joħorġu ħafna bnadar fid-direzzjonijiet laterali.

VĠILI (pl. vġejjel) Fis-sens l-aktar ristrett, dan hu ż-żmien ta’ sawm u astinenza ta’ lejlet il-festa. Dari kien hemm erba’ vġejjel kmandati: f’lejlet il-festi tal-Għid il-Ħamsin, il-Qaddisin kollha, Santa Marija u l-Milied. Espr. ‘Illum vġili’ – jiġ., illum hu jum ta’ sawm u astinenza. Tal. Aġġ., n. vigilia, v. vigile.

XALATA Divertiment ta’ grupp ta’ nies li joħorġu flimkien biex iqattgħu ġurnata jirrilassaw ħdejn il-baħar jew imkejjen oħra. Din norm. issir l-għada tal-festa, organizzata mill-partitarji l-istess organizzaturi tal-festarnata ħdejn il-baħar, biex ‘jixxalaw’ flimkien. G. B. Falzon. (1845). jagħtiha bħala, Sport diversion, recreation, feast. Sq. scialata, solazzo ricreazione in brigata. Sors: Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano, Vincenzo Mortillaro (1853). Tal. scialare, dissipare al proprio godimento, fare sfoggio. Sors: www.etimo.it.
Martin Morana ©
Ħajr lil Noel D’Amato għal kontribuzzjoni tiegħu f’dan l-artiklu.
3.07.2025
Aktar kitba u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur ….ikklikkja hawn

Sur Morana, kont minghalija li quccija hija cerimonja zghira li naghmlu ma tarbija ta’ sena fejn indawruha b’hafna oggetti differenti biex mbaghad it tarbija tghazel wahda u din tindika x’se ssir it-tarbija meta tikber. Dan bhal speci li jekk it-tarbija taghzel pinna jahsbu li se ssir skrivana; jekk tagħżel martell se ssir mastrudaxxa etc.
LikeLike