L-GĦERIEN  FIL-GŻEJJER  MALTIN -Bejn  Stejjer u Leġġendi

 

ara wkoll:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

ghar dalam IMG_5510

F’Malta jeżistu mijiet ta’ għerien. Ħafna minnhom jinsabu fil-blat żonqri jew tal-qawwi, l-aktar fl-inħawi fejn hemm l-irdumijiet jew il-widien. Oħrajn jinsabu max-xtut x’aktarx fil-ġebla tal-franka. Bosta minn dawn l-għerien huma r-riżultat taċ-ċaqliq u l-qsim tal-blat li seħħ matul il-miljuni tas-snin minn mindu ilhom jeżistu l-gżejjer Maltin.

Minn meta l-bniedem beda  jgħammar f’dawn il-gżejjer, daqs 7,000 sena ilu, dan għamel użu minn bosta għerien, għax fl-istat naturali tagħhom dawn kienu joffru l-ewwel rifuġju, qabel ma n-nies bdew iduru għall-blat imkisser li bih setgħu jibnu l-ewwel giren biex jgħixu fihom. Matul is-sekli dawn l-għerien intużaw għal diversi raġunijiet, mhux biss biex fihom jgħixu n-nies u l-bhejjem iżda anki biex jintużaw bħala post ta’ qima.

Nafu li fi żmien preistoriku n-nies għamlu użu minn Għar Dalam, li jinsab fil-wied qrib Birżebbuġa.  Nafu li fil-perijodu Neolitiku, f’dan l-għar kienu jgħixu l-bdiewa fih, għax hawn instabu żrieragħ ta’ diversi tipi.  Imbagħad fi żmien il-Bronż, nafu li kienu ndifnu żewġt itfal żgħar, wieħed ta’ erba’ xhur u l-ieħor ta’ xi sentejn.  Dan l-għar bħal ħafna oħrajn, sal-bidu tas-seklu għoxrin, kien jintuża bħala stalla għall-mogħoż.

Mhux wisq ‘il bogħod, fir-Raħal Ġdid kien hemm għerien li ntużaw mill-istess nies preistoriċi li kienu bnew it-tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien. Dawn L-għerien kienu biż-żmien ġew imħaffra aktar fil-fond biex inħoloq l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, fejn seta’ jsir fih id-dfin ta’ eluf ta’ nies. Aktar tard kien ukoll tħaffer speċi ta’ tempju megalitiku fil-qalba ta’ dan l-istess ċimiterju. Meta l-Ipoġew kien skopert fl-1902, kien magħruf bħala Tal-Għerien. L-Ipoġew kien meqjus bħala post sagru, mhux biss għax kienu ndifnu n-nies fih, iżda wkoll għax kienu jsiru riti reliġjużi.

L-għeqdem knejjes f’Malta ukoll ħafna drabi nsibuhom fl-għerien. Din hi ħaġa naturali meta wieħed jikkonsidra li l-għerien iżommu aktar fit-tul taż-żmien mill-binjiet tal-ġebel tal-franka li jkunu mikxufa għall-elementi u l-vandaliżmu. Biex nagħtu eżempju nistgħu nsemmu l-għar u l-kappella tal-Minsija, l-għar u l-kappella tal-Twelid tal-Madonna fil-Mellieha, u l-għar u l-kappella tal-hekk imsejħa Madonna tal-Għar, li tinsab taħt il-bieb prinċipali tal-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat.

Fost l-għerien li għexu n-nies fihom insibu Għar il-Kbir li jinsab daqs mitejn metru fin-nofsinhar tal-Buskett. Bejn s-seklu sbatax u s-seklu dsatax hawn kienu jgħixu familji raħħala li b’kollox kienu jlaħħqu mal-120 ruħ.  Din il-komunità kienet baqgħet tgħix fi stat primittiv ħafna sas-seklu dsatax (1835), għax imbagħad l-awtoritajiet Ingliżi ħarġuhom minn hemm.

Fil-ħemda tal-għerien wieħed jista’ jitpaxxa bil-forma tal-blat, u jaħseb x’seta’ ġara f’dan il-post sieket fis-sekli li għaddw. Kien hawn min ivvinta stejjer dwar dawn l-għerien li mbagħad saru jitwemmnu, jew kważi, għax leġġendi.

 Biex nagħtu xi eżempji nsemmu l-leġġenda magħrufa ta’ Għar Ħasan, li jinsab f’xifer l-irdum ta’ Kalafrana. Hawn kienet miżmuma tfajla minn Tork Musulman li kien jismu Ħasan. Tissemma wkoll il-leġġenda dwar l-għar u l-kappella tal-Madonna taI-speranza fil-Mosta. F’dan l-għar kienet inħbiet tfajla mill-furbani li kienu niżlu l-art ifittxu lil kull min setgħu jkaxxkru magħhom bħala lsir. Din it-tfajla baqgħet mistura minnhom għaliex mirakolożament meta daħlet tinħeba fl-għar, mal-bokka tal-għar intisġet għanqbuta li ġiegħlet lit-Torok jifhmu li fl-għar ma seta’ kien hemm ħadd.

Mal-knisja tal-Mensija hemm leġġenda li tgħid li l-għar tal-Madonna u San Anard kien instab wara li feġġ bħal dawl minnu. F’Wied il-Għasel li jinsab barra l-Mosta hemm il-kappella ddedikata lill-San Pawl Eremita.  F’dan l-għar jingħad li kien jgħix raġel qaddis, San Korradu (nafuh ukoll bħala San Kirrew), li minkejja li kien jgħix ħajja sewwa, għal xi raġuni jew oħra kien imkeċċi minn hemm mill-bdiewa tal-inħawi.  Jingħad li dan il-qaddis ħarab u mar jgħix f’għar taħt il-kappella tal-Kunċizzjoni tal-Qala, Għawdex. Verżjoni oħra tal-leġġenda tgħid li minn Malta San Korradu tar fuq mantel u spiċċa jgħix f’Noto fi Sqallija fejn għadu venerat sal-lum.

Għar ieħor li għandu leġġenda ħelwa hu dak magrħuf bħala l-Għar tas-Sirena li hemm l-Isla. Dwar dan in-nitfa ta’ għar jingħad li kienet tgħix fih sirena u li lil din kien sar iħobba ġuvni baħri. Hekk kif dan resaq lejha u bisha din is-sirena minn waħda ħajja saret statwa tal-ġebel.

Min ma semax bl-Għar u Casa tal-Mellieħa? Sa ftit żmien ilu hawn kien għadu jgħix waħdu raġel f’ambjent primittiv ta’ għar fis-sisien tal-Għoljiet tal-Mellieħa. Minn hawn dan ir-raġel kellu veduta mill-isbaħ l-aktar meta tkun niżla x-xemx fuq ix-xefaq tal-punent u għar li jnessieh mid-dinja u l-ambjent komdu tal-villel ta’ madwaru. Isfel fil-wied ta’ quddiemu hemm l-Għar tal-Madonna li ukoll hemm leġġendi marbuta miegħu.

Minn dan li għedna naraw li matul l-eluf tas-snin l-għerien taw kenn lin-nies kemm b’mod fiżiku kif ukoll b’mod spiritwali.

Martin Morana

Settembru 2014

 

Ara aktarhttps://kliemustorja.com/a

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s