Ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
L-Imnarja fi Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann
Il-festa ddedikata lill-martirju ta’ San Pietru u San Pawl hi waħda mill-eqdem festi li nafu bihom f’Malta. Din il-festa tradizzjonali ilha tiġi ċċelebrata kull sena, fid-29 ta’ Ġunju mill-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina kif ukoll mill-parroċċa tan-Nadur, Għawdex, u hi wkoll meqjusa bħala festa ta’ statura nazzjonali. Skont l-istudjużi tal-istorja, f’Malta, din il-festa kienet diġà ċċelebrata fil-bidju tas-seklu sittax, possibilment qabel ma ġew il-Kavallieri f’Malta, anki fis-seklu ħmistax. Ħjiel ta’ din il-qima lejn dawn iż-żewġ qaddisin kbar tal-knisja narawh f’Malta fix-xogħlijiet artistiċi, li jinsabu fil-Katidral fosthom it-tinqix fl-injam li hemm mal-bieb tas-sagristija li hu antik ferm.

L-isem tal-festa ‘Imnarja’ ġej mill-Latin illuminaria, (Mal. mixegħla). Dan jurina kif fl-antik wieħed mill-modi li kienet tkun iċċelebrata l-festa kien billi jinxtegħlu kwantitajiet kbar ta’ fjakkoli, tazzi taż-żejt u ħġejjeġ biex iqajmu l-atmosfera filgħaxija u jallewgraw lin-nies. Intant, din ma kinetx l-unika festa fejn din l-illuminazzjoni kienet isseħħ. Tant hu hekk illi fl-Imdina, fil-festa tal-Karmnu kienu jagħmlu l-istess. Hekk ukoll fil-festa ta’ Santa Marija kienet issir l-illuminazzoni. Ta’ min wieħed isemmi wkoll il-ħuġġieġa ta’ San Ġwann, lejlet l-24 ta’ Ġunju.
Kuntrarju għal-lum, fl-Imnarja tal-imgħoddi, il-festa liturġika u solenni kienet ittratta b’importanza kbira mill-poplu, u b’mod mill-aktar dinjituż. Eluf kbar ta’ Maltin kienu jattendu għal din il-festa, bħallikieku xi pelegrinaġġ nazzjonali. Bosta kienu jieħdu l-ikel magħhom, għax il-vjaġġ mir-raħal jew belt sal-Imdina kien jimpjega ħafna ħin. Dawk li kienu jiġu mill-bogħod kienu anki jġibu l-affarijiet fuqiex jorqdu matul il-lejl, barra l-Imdina. Imbagħad, kienu jqumu kmieni ħafna biex jattendu għall-quddies li kien jibda ftit wara s-sagħtejn ta’ filgħodu u jibqa’ sejjer sat-tmienja. Naturalment, mal-obbligu reliġjuż kien jidħol dejjem l-element ta’ pjaċir bl-ispettaklu tad-dwal tal-fjakkoli jew imsiebaħ imdendla mal-faċċata tal-Katidral.
Tant kienu jattendu nies għaliha din il-festa, li f’dik il-ġurnata l-ibliet u l-irħula kienu jispiċċaw diżabitati. Bosta drabi, il-gran mastru u anki l-inkwiżitur kienu jkunu mistiedna mill-Isqof biex jattendu għall-festa, imbagħad jieklu u jistrieħu fir-residenza tiegħu. Mhux ta’ b’xejn illi d-darbtejn li l-ilsiera Torok ikkomplottaw biex jagħmlu rewwixta u jwarrbu l-Ordni ta’ San Ġwann mill-poter, għażlu proprju dan il-jum, darba minnhom fl-1631, fi żmien il-Gran Mastru Antoine de Paule, u darba’ oħra fl-1749, fi żmien il-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca.
F.E. Guignard, Comte de Saint Priest, Kavalier Franċiż li għex xi żmien f’Malta, fil-ktieb tiegħu ‘Malte par un voyageur Francois’ (1791), jgħid li l-Maltin kienu jmorru l-Buskett lejlet il-festa biex hemm jixxalaw fost l-għajjat u l-istorbju esaġerat. Jgħid li l-familji kienu jmorru hemm, u li t-tfajliet u nisa kienu jilbsu l-aqwa ilbies. L-atmosfera ferrieħa ta’ matul dan il-lejl kienet tkun imqanqla mid-daqq tal-vjolini, u għalhekk, bosta kien jiżfnu biex jallegraw irwieħhom. Il-karrettuni u ż-żwiemel li kienu jwasslu lin-nies il-Buskett kienu jkunu mżejna bi friegħi tal-pjanti.
Li l-Belt Valletta kienet titbattal minn nisha f’din il-festa hu fatt li jerġa’ jikkonfermah Thomas MacGill fis-seklu dsatax. Fil-ktieb tiegħu, A Hand Book, or Guide, for Strangers Visiting Malta, 1839), MacGill, jgħid li f’jum l-Imnarja l-Belt kienet tibdel ir-rwol tagħha mal-Imdina minħabba l-kwantità ta’ residenti li kienu jitilgħu minn hemm lejn iċ-Città Vecchia. Jgħid ukoll li l-Gvernatur Ingliż kien ikun mistieden mill-Isqof ta’ Malta biex jattendi l-festeġġjament.
It-Tiġrijiet
Apparti minn hekk, wara nofsinhar tad-29 ta’ Ġunju, kienu – kif għadhom sal-lum – isiru t-tiġrijiet tal-bhejjem, dwieb, żwiemel u ħmir, taħt is-Saqqajja, fit-trejqa li tagħti lejn is-Siġġiewi. Fi żmien l-Ordni, dawn it-tiġrijiet kienu fil-fatt isiru f’bosta festi, bħal pereżempju f’ Santa Marija, f’San Ġwann, fl-24 ta’ Ġunju, u f’Santu r-Rokku. In-nies kienet tmur tistenna għal sigħat sħaħ fix-xemx biex tara dawn it-tlielaq. Interessanti, li l-istoriku Agius de Soldanis, (1712 – 1770), jitkaża dwar il-fatt li n-nies kienu lesti li jqattgħu dawk is-sigħat twal fix-xemx biex jaraw it-tiġrijiet, iżda mbagħad waqt xi omelija kienu jkunu bla sabar biex tispiċċa! Dan il-kumment jurina li bħal-lum bosta minna jippreferu x-xalar milli r-riti reliġjużi ta’ ġol-knejjes. De Soldanis jgħid ukoll illi meta n-nies kienet tmur il-Buskett, bosta tant kienu jixorbu inbid li kienu jispiċċaw fis-sakra.
Apparti l-mixegħla, kien hemm affarijiet oħra li jpaxxu n-nies. L-ewwel ma nsemmu hi l-purċissjoni f’jum il-festa li kienet issir filgħodu u li kienet titlaq mill-Katidral u timxi lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. In-nies kienu jiintrassu biex jaraw l-Isqof u l-monsinjuri għaddejjin proċessjonalment libsin il-paramenti kkiuluriti tagħhom. Għal din il-purċissjoni kienu jipparteċipaw mal-kapitlu u l-kleru tal-Katidral l-ordnijiet reliġjużi kollha tal-Imdina u r-Rabat, kif ukoll bosta fratellanzi. Din il-purċissjoni wara kienet terġa’ tirritorna lejn il-Katidral. Ma kienx ikun hemm wisq tiżjin fit-toroq, biss meta l-purċissjoni kienet toħroġ mill-Imdina fost id-daqq tal-qniepen, kienu jkunu sparati xi tiri bil-maskli. L-istess meta l-purċissjoni kienet tasal qrib iz-zuntier tal-knisja ta’ San Pawl fir-Rabat.
Il-Buskett u l-Wirja Agrarja

Fi żmien il-Gvernatur William Reid, bdiet tittella’ fil-Buskett wirja agrarja biex tikkonċidi mal-festa. L-ewwel darba li din saret kienet filgħodu tad-29 ta’ Ġunju tal-1854, fil-Buskett. Is-Soċjetà Agrarja kienet approfitat ruħha minn din il-festa billi eluf ta’ Maltin kienu jitilgħu lejn ir-Rabat u bosta kienu jmorru jfittxu d-dell tas-siġar fil-Buskett. Jidher għalhekk li f’dak iż-żmien it-trasport bil-kaless, karettuni kemm
privati kif ukoll tal-kiri, kien frekwenti. Hekk kif jispiċċaw il-funzjonijiet reliġjużi, wieħed seta’ jqatta’ n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fil-Buskett u jammira l-annimali u l-prodotti tal-biedja waqt li jitrejjaq bi ftit ikel u xorb, sakemm jibdew it-tiġrijiet wara nofs inhar. Imbagħad fis-sena 1866, il-wirja bdiet anki tiftaħ fit-28 ta’ Ġunju u tkompli sal-għada filgħodu. Biż-żmien daħal l-element kompetittiv u l-premjijiet tal-bhejjem u l-wirja kibret sew.
Vincenzo Busuttil, fil-kitba tiegħu ‘Holiday Customs in Malta’ (1920), jikkummenta kemm kienu jiddandnu n-nisa, u kemm kienu jinstaqu karozzini mimlijin sa ruħ ommhom lejn il-Buskett. Jgħid ukoll li fit-triq xi wħud kienu jieħdu gost jissuttaw bit-tuffieħ lil min ikun għaddej.
Fis-seklu għoxrin
Bjagju Galea jagħti diskrizzjonijiet fit-tul ta’ dak li kien isir matul u lejlet l-Imnarja ta’ qabel it-Tieni Gwerra. Hu jinnota kemm id-devozzjoni u d-divertiment kienu jmorru flimkien. Il-paljijiet tat-tiġriji kienu jiddaħħlu fil-Katidral lejlet il-festa waqt il-kant tal-għasar u l-Magnificat bħala parti miċ-ċeremonjal u jibqgħu hemm sal-għada.
Illum, il-festa tal-Imnarja naqset ħafna mill-importanza tagħha. Fl-Imdina, ftit li xejn isiru festeġġjamenti kif imdorrijin naraw fil-festi tal-qaddisin tal-irħula u bliet oħra. Biss, jibqa’ l-element ta’ ikel u festeġġjament fil-Buskett kif ukoll l-aspettativa għal dawk interessati fit-tiġriijiet tal-bhejjem.
Għalkemm dan li għedt, ma jgħoddx għan-Nadur, Għawdex, fejn din il-festa hi ċċelebrata bil-kbir bħal fil-festi ibliet u irħula. Intant, Agius de Soldanis jgħid li fi żmienu n-Nadur kienu jsiru wkoll it-tiġrijiet tal-bhejjem u dawn fil-fatt għadhom isiru sal-lum.
Illum, għal bosta, l-Imnarja hi jum pubbliku ta’ mistrieħ u xejn aktar. Fl-Imdina, il-funzjoni fil-Katidral tkun segwita b’purċissjoni mmexxija mill-Arċisqof. Biss il-parteċipanti ma għadhomx ikun mijiet ta’ fratellanzi u ordnijiet reliġjużi. Hi purċissjoni solenni u silenzjuża mingħajr dik il-pomposità ta’ qabel.

Martin Morana
Jum l-Imnarja 2019
Biblijografija
Carabott Rosabelle (editriċi), DAMMA Tal-Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Għaucin. Diversi Istituzzjonijiet ingħaqdu biex dan il-ktieb kien ippubblikat. Mitbugħ Firenze, 2016.
Cassar Carmel, Fenkata: An Emblem of Maltese Peasant Resistance? Ministry for Youths and the Arts, 1994.
Cassar Pullicino, Joseph. Studies in Maltese Folklore, Malta University Press, 1992.
Ciappara Fran, The Roman Inquisition in Enlightened Malta. Pubblikazzjoni Indipendenza, 2000.
Galea Bjagju, L-Imdina Ta' Tfuliti. Klabb Kotba Maltin, 1975.
MacGill Thomas, A Hand Book, or Guide, for Strangers Visiting Malta, !839.
Comte De Saint Priest, Malthe par un voyageur Francois. (1791).
Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books, 1989.
Vella Charlene, The Mediterranean Artistic Context of Late Mediaeval Malta,1091 - 1530. Midsea Books, 2013.

Huwa ta nteress li fit-Tunisia jghamlu il-festa tal ”Menara” f’dan iz-zmien tas-sena meta l-jiem ikunu twal. Jista jkun li originarjament din il-festa bdiet fi zmien l-gharab u baqghat sal-llum mibdula bi tradizzjonijiet kristjani ?
LikeLike
Grazzi Joe tal-informazzjoni interessanti …jien bħalek nemmen …anzi ngħid aktar li jista’ jkun li lkelma imnarja mhux ġejja minn luminara imma minn imnara…imma forsi din fantasija ta’ moħħi…
LikeLike