L-IMNARJA matul iż-Żminijiet

Ara wkoll:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

L-Imnarja fi Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

Il-festa ddedikata lil martirju ta’ San Pietru u San Pawl hi waħda mill-eqdem festi li nafu bihom f’Malta. Din il-festa tradizzjonali ilha tiġi ċċelebrata kull sena, fid-29 ta’ Ġunju fil-Katidral tal-Imdina u fir-raħal tan-Nadur, Għawdex, u fl-istess ħin hi wkoll meqjusa bħala festa ta’ statura nazzjonali u festa kmandata. Skont l-istudjużi tal-istorja, din il-festa kienet diġà ċċelebrata fil-bidju tas-seklu sittax, possibilment qabel ma ġew il-Kavallieri f’Malta, possibilment, fil-bidu tas-seklu ħmistax. Ħjiel ta’ din il-qima lejn dawn iż-żewġ qaddisin kbar tal-knisja narawh f’Malta fix-xogħlijiet artistiċi, li jinsabu fil-Katidral.

IMG_3202 - CopyL-isem tal-festa ‘l-Imnarja’ ġej mill-Latin illuminaria, (M. mixegħla). Dan jurina kif fl-antik wieħed mill-aqwa modi kif kienet tkun iċċelebrata l-festa kien billi jinxtelu kwantitajiet kbar ta’ fjakkoli, imsiebaħ taż-żejt jew ħġejjeġ biex jallegraw u jqajmu l-atmosfera. Intant din ma kinetx l-unika festa fejn din l-illuminazzjoni kienet isseħħ. Tant hu hekk illi fl-Imdina, biss biss, kien hemm il-festa tal-Karmnu kif ukoll il-festa ta’ Santa Marija li kienu jagħtu l-lok biex isir l-istess.

appostolat-ImdinaKuntrarju għal-lum, fl-Imnarja tal-imgħoddi, il-festa liturġika u solenni kienet ittratta ta b’importanza kbira u b’mod mill-aktar dinjituż. Eluf kbar ta’ Maltin kienu jattendu għal din il-festa, bħallikieku xi pelegrinaġġ. Bosta kienu jieħdu l-ikel magħhom għax il-vjaġġ kien twil; għal dawk li kienu jiġu mill-bogħod, dawn kien anki jġibu d-drapp magħhom biex jorqdu il-lejl barra l-Imdina, u b’hekk ikunu jistgħu jattendu għall-funzjonijiet reliġjużi tal-jum tal-festa. Naturalment, mal-obbligu reliġjuż kien jidħol dejjem l-element ta’ pjaċir bl-ispettaklu tad-dwal tal-fjakkoli jew imsiebaħ ta’ fuq il-Katidral. Tant kienu jipparteċipaw nies għaliha din il-festa, li f’dik il-ġurnata l-ibliet u l-irħula kienu jkunu diżabitati. Bosta drabi l-Gran Mastru u anki l-Inkwiżitur kienu jkun mistiedna mill-Isqof biex jattendu għal festa imbagħad jieklu u jistriħu għandu. Mhux ta’ b’xejn illi d-darbtejn li l-ilsiera Torok ikkomplottaw bir-reqqa’ biex jagħmlu rewwixta u jwaqqgħu l-Ordni ta’ San Ġwann mill-poter, għażlu proprju dan il-jum, darba minnhom fl-1631, u darba’ oħra fl-1749.

F.E. Guignard, Count of Saint Priest, Kavalier Franċiż li għex xi żmien f’Malta, jgħid li l-Maltin kienu jmorru l-Buskett lejliet il-festa biex hemm jixxalaw fost l-għajjat u storbju esaġerat. Jgħid li l-familji kienu jmorru hemm  u t-tfajliet u nisa kienu jilbsu l-aqwa ilbies. L-atmosfera matul dan il-lejl kienet tkun akkumpanjata mid-daqq tal-vjolini u għal din il-mużika bosta kien jisfnu biex jallegraw rwieħhom. Il-karrettuni u ż-żwiemel li kienu jwasslu dawn in-nies hemm kienu jkunu mżejna bi friegħi tal-pjanti.

Li l-Belt Valletta kienet titbattal minn nisha f’din il-festa hi kkonfermata anki fi żmien l-Ingliżi. Fil-ktieb tiegħu, A Hand Book, or Guide, for Strangers Visiting Malta, 1839), Thomas MacGill, jgħid li l-Belt kienet tibdel ir-rwol tagħha mal-Imdina f’dak il-jum għall-kwantità massiċċa ta’ nies li kienu jitilgħu għall-festa. Jgħid ukoll li l-Gvernatur Ingliż kien ikun mistieden mill-Isqof ta’ Malta biex jattendi bħala l-ospitu tiegħu.

It-Tiġrijiet

tigrijietxxApparti minn hekk, wara nofsinhar tad-29 ta’ Ġunju, kienu jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem, dwieb, żwiemel u ħmir, taħt is-Saqqajja, fit-trejqa li tagħti lejn is-Siġġiewi. Fi żmien l-Ordni, dawn it-tipi ta’ tiġrijiet kienu fil-fatt isiru f’bosta festi. Mat-tiġrijiet tal-bhejjem kien ikun hemm tiġrijiet tat-tfal u tal-iskjavi. Dawn it-tiġrijiet kienu jsiru f’ Santa Marija, f’San Ġwann, fl-24 ta’ Ġunju, u f’Santu r-Rokku. In-nies kienet tmur tistenna għal sigħat sħaħ fix-xemx biex tara dawn it-tlielaq. Interessanti, li l-istoriku Agius de Soldanis, (1712 – 1770), jikkumenta u jitkaża fuq dan, u jgħid li n-nies kienu lesti li jagħmlu dawk is-sigħat twal fix-xemx biex jaraw it-tlielaq, iżda mbagħad waqt xi omelija kienu jkunu bla sabar biex tispiċċa. Dan il-kumment jurina li bħal-lum bosta minna jippreferu x-xalar milli r-riti reliġjużi ta’ ġol-knejjes. De Soldanis jgħid ukoll illi meta nies kienet tmur il-Buskett, bosta kienu jixorbu tant inbid li jiskru.

Apparti l-mixegħla, l-ispettaklu prinċipali tal-festa kien jikkonsisti minn diversi avvenimenti. L-ewwel ma nsemmu hi l-purċissjoni f’jum il-festa li kienet issir filgħodu u li kienet titlaq mill-Katidral u timxi lejn il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. In-nies kienu jitpaxxew jaraw l-Isqof u l-monsinjuri għaddejjin proċessjonalment libsin il-paramenti sbieħ tagħhom. Għal din il-purċissjoni kienu jipparteċipaw mal-kapitlu u l-kleru tal-Katidral l-ordnijiet reliġjużi kollha tal-Imdina u r-Rabat, kif ukoll bosta fratellanzi. Din il-purċissjoni wara kienet terġa’ tirritorna lejn il-Katidral. Ma kienx ikun hemm wisq tiżjin fit-toroq, biss meta l-purċissjoni kienet toħroġ mill-Imdina fost id-daqq tal-qniepen, kienu jkunu sparati xi tiri bil-maskli.

Il-Buskett u l-Wirja Agrarja

Mnarja Wirja QOTON1930 - Copy.JPG

Fi żmien il-Gvernatur William Reid, bdiet tittella’ fil-Buskett wirja agrarja biex tikkonċidi mal-festa. L-ewwel darba li din saret kienet filgħodu tad-29 ta’ Ġunju tal-1854, fil-Buskett. Ċert li s-Soċjetà Agrarja kienet approfitat ruħha minn din l-okkażjoni billi eluf ta’ Maltin kienu jitilgħu lejn ir-Rabat u bosta kienu jmorru jfittxu d-dell tas-siġar fil-Buskett. Jidher għalhekk li f’dak iż-żmien it-trasport bil-kaless, karettuni u fuq dahar xi bhima, kemm GHANA - Copyprivat kif ukoll pubbliku, kien frekwenti. Hekk kif jispiċċaw il-funzjonijiet reliġjużi, wieħed seta’ jqatta’ n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fil-Buskett u jammira l-annimali u l-prodotti tal-bidja waqt li jitrejjaq, sakemm jibdew it-tiġrijiet wara nofs inhar. Imbagħad fis-sena 1866, il-wirja bdiet anki tiftaħ fit-28 ta’ Ġunju u tkompli sal-għada filgħodu. Din il-wirja saret bl-iskop li l-bdiewa jippreżentaw u jkunu kburin mill-prodotti tagħhom. Biż-żmien daħal l-element kompetittiv u l-premjijiet u l-wirja kibret sew. Intant, in-nies issa bdew jintasbu fil-Buskett, anki biex jieklu l-ikla ta’ lejliet il-festa fost id-daqq tal-kitarri u l-kant tal-għana.

V. Busuttil, fil-kitba tiegħu ‘Holiday Customs in Malta’, jikkumenta kemm kienu jiddandnu n-nisa, u kemm kienu jmorru karozzini mimlijin sa ruħ ommhom lejn il-Buskett. Fit-triq xi wħud kienu jissuttaw bit-tuffieħ lil min ikun għaddej.

Fis-seklu għoxrin

Bjagju Galea jagħti diskrizzjonijiet fit-tul ta’ dak li kien isir matul u lejliet l-Imnarja ta’ qabel it-Tieni Gwerra. Hu jinota kemm id-devozzjoni u d-divertiment kienu jmorru flimkien. Il-paljijiet tat-tiġriji kienu jiddaħħlu fil-katidral lejliet il-festa waqt il-kant tal-għasar u l-Magnificat u jibqgħu hemm sal-għada.

Illum il-festa tal-Imnarja naqset ħafna mill-importanza tagħha. Fl-Imdina, ftit li xejn isiru festeġġjamenti kif imdorrijin naraw fil-festi tal-qaddisin tal-irħula u bliet. Jibqa l-element ta’ ikel u festeġġjament fil-Buskett kif ukoll aspettativa għal min hu interessat fit-tiġriijiet tal-bhejjem.

Għalkemm dan li għedt ma jgħoddx għan-Nadur, Għawdex, fejn din il-festa hi ċċelebrata bħall-festi oħrajn tradizzjonali tal-irħula. Intant, Agius de Soldanis jgħid li fi żmienu n-Nadur kienu jsiru wkoll it-tiġrijiet tal-bhejjem u dawn fil-fatt għadhom isiru sal-lum.

Illum, għal bosta, l-Imnarja hi jum pubbliku bħall-oħrajn u xejn aktar. Fuq in-naħa tal-funzjonijiet reliġjużi din hi festa solenni u silenzjuża fejn il-purċissjoni mmexxija mill-Isqof issir mingħajr tant pompożità żejda .

Mnarja

Martin Morana

Jum l-Imnarja 2019

Biblijografija

Carabott Rosabelle (editriċi), DAMMA Tal-Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Għaucin. Diversi Istituzzjonijiet ingħaqdu biex dan il-ktieb kien ippubblikat. Mitbugħ Firenze, 2016.

Cassar Carmel,  Fenkata: An Emblem of Maltese Peasant Resistance? Ministry 
for Youths and the Arts, 1994.

Cassar Pullicino, Joseph. Studies in Maltese Folklore, Malta University 
Press, 1992.

Ciappara Fran, The Roman Inquisition in Enlightened Malta. Pubblikazzjoni 
Indipendenza, 2000.

Galea Bjagju, L-Imdina Ta' Tfuliti. Klabb Kotba Maltin, 1975.

MacGill Thomas,  A Hand Book , or Guide, for Strangers Visiting Malta, !839.

Comte De Saint Priest, Malthe par un voyageur Francois. (1791).

Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books, 1989.

Vella Charlene,  The Mediterranean Artistic Context of Late Mediaeval Malta,
 1091 - 1530. Midsea Books, 2013.

‘Ajjut ….!’ … ‘Help …!’

 

 

2 Comments

  1. Huwa ta nteress li fit-Tunisia jghamlu il-festa tal ”Menara” f’dan iz-zmien tas-sena meta l-jiem ikunu twal. Jista jkun li originarjament din il-festa bdiet fi zmien l-gharab u baqghat sal-llum mibdula bi tradizzjonijiet kristjani ?

    Like

    1. Grazzi Joe tal-informazzjoni interessanti …jien bħalek nemmen …anzi ngħid aktar li jista’ jkun li lkelma imnarja mhux ġejja minn luminara imma minn imnara…imma forsi din fantasija ta’ moħħi…

      Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s