A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Definizzjoni
Il-folkor hu dak l-istudju tal-użanzi ta’ snin twal ta’ missirijietna. Meta naqraw jew nisimgħu dwar kif għexu l-antenati tagħna nkunu qed niskopru ħajja oħra, ferm differenti minn tagħna, ħajja ta’ qabel iż-żmien modern u industrijali.
Għandna ħabta, meta nitkellmu dwar il-folklor, nibdew hekk, ‘Mela dari taf x’konna nagħmlu ….’ Din is-sentenza tkun qiegħda tiftaħ tieqa biex min jitkellem, jagħti x’jifhem li ser iqanqal eżempji mill-passat, x’aktarx ta’ żmien meta l-kelliem kien għadu żgħir jew inkella ta’ żmien nannietu jew bu]nannitu. Mod ieħor li wieħed jibda jitkellem dwar id-drawwiet tal-passat hu billi wieħed jgħid, ‘L-antiki kienu jgħidu / jagħmlu? … ‘
Il-folklor huwa dak l-arkivju li mhux dejjem ssibu fil-kitba. Kultant l-informazzjoni dwar il-folklor tintiret minn ġenerazzjoni għal ta’ warajha. L-antik jibqa’ b’hekk, fil-memorja kollettiva tal-poplu, l-aktar tax-xjuħ.
L-Użanzi fil-ħajja mit-Twelid sal-Mewt
Wieħed jista’ jiġbor il-folkor kollu f’dokument wieħed u jintitolah: ‘Il-Ħajja ta’ Dari’. Fih wieħed jista’ jirrakkonta l-użanzi tal-bniedem minn meta jitwieled sakemm imut. Hekk insibu illi fil-folkor Malti hemm marbuta ħafna użanzi mal-liturġija tal-Knisja, il-biedja u s-sajd, il-bini, u l-mod ta’ kif il-familja kienet tgħix.
Ir-riti reliġjużi u l-mod ta’ kif dawn ikunu kkumplimentati mill-poplu jgħaqqdu volumi sħaħ dwar il-folklor Malti. Ngħidu aħna, l-użanzi fil-magħmudija, fil-preċett, fiż-żwieġ u l-funerali, kollha għandhom ir-ritwal reliġjuż tagħhom li jmur lura mijiet tas-snin. Xi wħud minn dawn l-użanzi mbidlu. L-għemejjel u l-ħsibijiet tan-nies, kultant superstizzjużi, kienu jaqgħu barra r-regoli tal-Knisja. Biex nagħtu eżempju, insemmu il-ġilwa tat-tieġ, jiġifieri l-purċissjoni li kienet issir mid-dar tal-għarusa sal-knisja ftit qabel iċ-ċerimonja taż-żwieġ, it-tbaħħir tad-dar bil-weraq taż-żebbuġ, jew inkella, il-ġarr fuq il-persuna tal-amuletti kontra l-għajn ħażina.
Il-Loghob tat-Tfal
Agius de Soldanis fid-Damma, id-dizzjunarju li fiħ ġabar mijiet u eluf ta’ kliem Malti ta’ żmienu, bejn l-1750 u l-1766, isemmi bosta logħbiet tat-tfal, xi wħud minnhom għadhom jintlabu sal-lum, oħrajn li ntesew. Fost dawn isemmi l-gardinaw, speċi ta’ logħba bħall-ħarba. Logħba oħra antika hi in-noli. Ftit jafu li l-isem ta’ din il-logħba ġej mit-Taljan, għaliex t-tifel li jkun qed ifittex lil sħabu kien jgħajjat: tu li? ir-risposta kienet tkun no li, le mhux hemm!’ Isem ieħor għal din il-logħba kien, mistoħbija. Anki l-kbar kellhom u għad għandhom il-logħob tradizzjonali tagħhom, bħal ma nsemmu il-logħob tal-brilli u l-logħob tal-boċċi. Hemm ukoll logħob relatat mal-festi, bħal ma hi l-ġostra jew ir-regatta.
L-Għajdut u Leġġendi
L-antiki kienu jħobbu jinterpretaw dak li ma jifhmux bi qlajjiet u stejjer, biex jissodisfaw, b’mod kif jifhmu huma, il-misteri tal-ħajja. Per eżempju, wieħed kien jipprova jaqta’ t-temp tal-futur bl-irwiegel li kienu interpretati fil-jiem ta’ qabel il-Milied. It-temp ta’ kull wieħed mit-tnax-il jum ta’ qabel il-Milied kien suppost jirrifletti it-temp ta’ kull xahar tas-sena ta’ wara. Stejjer li kienu rrakkuntati lit-tfal, biż-żmien saru leġġendi li jagħmlu parti mill-folkor Malti. Hekk insibu l-istorja ta’ kif tħaffret il-Maqluba, dik il-ħofra kbira li hemm qrib il-Qrendi, jew, ta’ kif inbnew it-tempji preistoriċi.
Id-Divertiment – Kant Daqq u żfin
In-nies riedu mhux biss jaħdmu biex jaqilgħu x’jieklu, iżda anki jiddevertu, biex forsi b’hekk ineħħu ftit mill-monotonija tal-ħajja. Il-Maltin, bħal popli, oħra fittxew il-kant u l-mużika biex jiddevertu, l-aktar fil-festi. L-għana, kien popolari ħafna u kien jitkanta ġewwa l-ħwienet tat-te, jew fuq xi għatba, jekk mhux ukoll f’xi festa. Hemm l-għana tal-fatt, fejn isir rakkont ta’ ġrajja vera; l-għana spirtu pront, fejn żewġ għannejja jew aktar jgħannu b’versi li jagħtu botta u risposta li jivvintaw dak il-ħin fil-pront. Hemm ukoll l-għana msejjaħ, a la Bormliża, fejn l-għannej ikanta b’noti għoljin daqs li kieku ser jaqla’ l-garġi.
Il-Qwiel
Fost ħafna modi kif il-folklor wasal għandna, hu mill-qwiel. Il-qwiel jirreferuna għal kull aspett tal-ħajja ta’ dari. Bihom, ta’ qabilna għaddew kwantità kbira ta’ twissijiet siewja dwar x’għandna u x’ma għandniex nagħmlu f’kull tip ta’ sitwazzjoni. Il-kalendarju tal-bidwi kien imsaħħaħ bil-qwiel, ibbażat fuq l-esperjenza ta’ minn ġarrab is-suċċessi u l-fallimenti fil-qasam tal-biedja. L-istess f’kull sitwazzjoni oħra, biex wieħed seta’ jevita l-inkwiet, kien u għadu jdur għall-qwiel.
Nistgħu insemmu aktar attivitajiet tal-ħajja komuni, bħal per eżempju, it-trasport, is-snajja’ u l-mod kif kienu jilbsu dari. Nistgħu anki nsemmu t-taqbil u l-ħaġa muħġaġa u nkunu bilkemm bdejna.
Il-folklor hu dak it-teżor li nistgħu liberament noħorġu miċ-ċelloli tal-passat biex nitgħallmu dwar dak li sar fi żminijiet ta’ qabilna. Il-folklor jibqa’ dejjem is-sinsla tal-karattru tal-pajjiż, riferenza orali jew miktuba dwar aħna min aħna, u dwar aħna min konna.
Martin Morana
17 ta’ Ġunju, 2019
Biblijografija Agius W. Albert, Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħra. BDL. 2004. Attard Anton F., Mid-Dinja tas-Seħer. A. & M. Printing Press, Qala, Għawdex. 2002. Attard Anton F., Mill-Ħajja ta' l-Imgħoddi. A. & M. Printing Press, Qala, Għawdex. 1991. Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992. Gatt Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta' Lsieni.Klabb Kotba Maltin. 2005. Gatti Ġużi, Qiegħda fil-Ponta ta' Lsieni 2.Klabb Kotba Maltin. 2015. Grima Lily, (translated & ed.) Stumme's Folktales from Malta. Malta University Publishing. 2019. Lanfranco Guido, Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-tfal Maltin. Wise Owl Publication. Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN. 2004. Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012. Micallef Denise, Malta - mitt sena ilu. PEG.1986. Pisani Ġorġ. Għawdex Joħlom fil-Leġġendi - L-ewwel ġabra ta' leġġendi Għawdxin.PIN. 1999. Spiteri Charles B. Drawwiet u Tifkiriet. BDL. 2015. Zarb Tarcisio, Folklore of An Island - Maltese Threshold Customs. PEG. 1998.
Ara aktar artikli : https://kliemustorja.com/blog/
* * *
https://sites.google.com/view/maltesehumoursbutseriously/home
Dan il-ktieb issa qiegħed għal bejgħ bħala ebook fuq Amazon – Kindle. Ikklikkja hawn:
Ara aktar billi tikklikkja fuq dawn l-ittri
A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*