TERMINI EKKLEŻJASTIĊI
Tifsir ta’ oġġett marbuta mal-funzjonijiet
reliġjużi li jinkludu fost oħrajn
vestwarju tal-kleru, oġġetti liturġiċi u arti sagra u simbolika
AMBONE Leġiju li jkun wieqaf fuq il-presbiterju u li minnu tinqara l-Epistola, isir qari mill-Bibbja kif ukoll tinqara l-omelija waqt il-quddies. Minn fuq l-ambone jsir ukoll talb, qari u anki kant minn min imexxi l-kongregazzjoni fit-talb jew il-kant tal-quddiesa. Kemm-il darba fuq l-ambone jkunu ddisinjati simboli tal-Evanġelisti. Gr. ambon:
AMPULLUZZA Kunjett tal-ħġieġ biż-żennuna rqieqa, li jintuża waqt il-quddies mis-saċerdott biex minnu jitferra l-inbid jew l-ilma fil-kalċi. Ing. cruet.
ASPERĠES / ASPERSORJU / RAXXIEXA Oġġett tal-metall f’għamla ta’ ċilindru żgħir b’boċċa fit-tarf. Dan l-oġġett jintuża miċ-ċelebrant għat-tberik f’ħafna okkażjonijiet liturġiċi, bħal pereż. fil-quddiesa, waqt it-tberik tad-djar, it-tberik tal-annimali, waqt il-funeral, jew għat-tberik tal-qniepen, eċċ. Is-saċerdot ibill l-asperġes fis-satla bl-ilma biex ibierek bih. Dan ifakkarna li l-ilma hu simbolu li bih l-Insara jkunu mnaddfa hekk kif jitgħammdu. Lat. asperges: M. ‘Int roxx l-ilma’ meħuda mill-ewwel kelma tal-vers 9 tas-Salm 51. Lat. aspersorium.
BAĊIR F’sens ekklesjastiku dan jista jkun bieqja tonda tal-metall, ġieli tal-fidda li fiha jkun hemm l-ilma biex bih jgħammdu t-trabi. Trofew imżejjen bil-ħbejżiet tal-injam, u li f’nofsu jkun hemm statwetti tal-qaddisin. Dawn kienu jinġarru fil-proċessjoni tal-Madonna tal-Karità fil-Birgu, biex imbagħad il-ħobż jitqassam lill-fqajrin.
BAKLU Il-bastun simboliku li jġorr l-isqof magħruf ukoll bħala crosier. Il-baklu jingħata mill-Papa lill-prelat tal-Knisja li jkun ordnat isqof biex jissimbolizza li dan issa sar ir-ragħaj spiritwali tal-fidili. Waqt iċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni l-Papa jgħid: Accipe baculum pastoralis jiġ.: ‘Irċievi l-bastun tar-ragħaj!’ Il-baklu norm. jinżamm mill-isqof u l-prelati li huma aktar ’l isfel minnu fil-ġerarkija tal-Knisja. Biss, meta l-prelat ikun xi ħadd ta’ kariga iżgħar, il-parti mgħawġa tal-bastun tinżamm tħares ’il ġewwa lejn il-prelat u mhux ‘il barra.
BALDAKKIN Tinda li magħmula mid-damask, ta’ għamla tonda jew kwadra. Din tintrefa’ minn erbat irġiel waqt il-purċissjoni, eż. fil-purċissojini Ta’ Korpus. Bit-Taljan il-baldakkin (baldacchino) jirriferi għat-tribuna tal-ġebel, irħam jew injam, mibnija fuq l-altar maġġur li ġen. tkun fi stil Barokk.
BANKUN 1. Il-bażi tal-injam, għoli mal-1.70 m, magħmul biex titqiegħed l-istatwa tal-qaddis fuqu. Fuqu il-bankun tistrieħ il-bradella, (Ara: BRADELLA). Il-bankun ħafna drabi jkun iddekorat b’xogħol sabiħ u artistiku ta’ interzjar u riljievi. 2. Il-mejda kbira u għolja fis-sagristija fejn fuqu jinfirxu l-paramenti tal-qassisin. Din l-għamara sservi wkoll bħala gradenza għax fiha jitqiegħdu l-istess paramenti tas-saċerdoti. 3. Għamara tal-kawba li titqiegħed fil-ġenb fuq il-presbiterju forma ta’ tliet siġġijiet imwaħħlin flimkien biex fuqhom joqgħodu ċ-ċelebrant u ż-żewġ konċelebranti l-oħra.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
BERRETTIN Kappa li jilbsu l-qassisin fuq rashom, ġen. magħmula mill-ħarir maqsuma fi tliet diviżjonijiet u jkollha ġummiena fin-nofs. Il-berrettin tal-Isqof ikun bis-satin aħmar.
BRADELLA Dik il-parti ċatta tal-injam li tistrieħ taħt il-PEDESTAL u fuq il-BANKUN. Fiha jidħlu l-lasti tar-reffiegħa minn quddiem għal wara. L-istatwi tal-Ġimgħa normal. iserħu direttament fuq il-bradella. Tal. Predella – bassa piattaforma che serve di base a un base mobile; es. la predella di una catedra. V. Busuttil (1900) jispjega din il-kelma hekk: a stool, a foot stool, an altar stool. Jgħidilha wkoll predella.
BUĠIJA Kontenitur tal-metall, bosta drabi f’għamla ta’ kannol wieqaf u bi platin żgħir madwaru biex iżomm ix-xemgħa wieqfa. Il-funzjoni tal-buġija hi wkoll li tilqa’ r-ruttam li jdub u jqattar mix-xemgħa. Fil-liturġija din tintuża meta jqaddes l-isqof. Dan ukoll privileġġ li kien jingħata l-aktar lill-Monsinjuri tal-Katidrali ta’ Malta u Għawdex, jew lill-provinċjal tal-patrijiet. Fil-purċissjoni wara ċ-ċelebrant li jkollu dan il-privileġġ kien ikun hemm żewġ abbatini wieħed bil-buġija u l-ieħor bil-messal. Tal. bugia; Fr. bougie. Ara: RUTTAM.
ĊENSIER Ic-ċensier hu l-kontenitur tal-metall, imdendel minn żewġ jew tliet ktajjen irqaq li jista’ jintuża kemm miċ-ċelebrant kif ukoll mill-abbati li jkun qiegħed jgħinu. Iċ-ċensier jixxengel min-naħa għall-oħra biex il-BĦUR ta’ ġon-NAVETTA jfewwah. It-tixrid tal-duħħan tal-inċens, hu mod kif is-saċerdot jippurifika kemm l-arja tal-madwar kif ukoll il-kongregazzjoni li tkun qiegħed tattendi.
ĊIBORJU Pissidi. Kalċi li fih jinżammu l-ostji. Rif. ukoll għat-tabernaklu fejn jinżamm dan il-kalċi bl-ostiji kkonsagrati fuq l-altar.
ĊILIZJU Tip ta’ ċoqqa ħoxna li l-Patrijiet Penitenzjarji kienu jilbsu biex tidentifikahom minn komunitajiet oħrajn. Kienu jgħidu, ‘Dak jilbes iċ-ċilizji.’ – rif. għal xi ħadd li jilbes ħwejjeġ qodma u mitluqin għall-aħħar. Tal. cilizio – drapp tal-ixkejjer.
ĊINGLU Kurdun li jiddawwar mal-qadd fuq iċ-ċoqqa tal-patrijiet. Dari ċ-ċinglu kien jinħadem bis-sistema tal-malji. L-istess bħal: ĊINTURA.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
DALMATIKA Tip ta’ tuniċella li l-prelati tal-knisja kif ukoll id-djakni jilbsu waqt xi ċerimonja taħt ilbies ieħor. Norm. din tkun tasal sal-irkoppa. Oriġ. id-dalmatika kienet libsa bi kmiem wisgħin iżda qosra li n-nies nobbli u oħrajn kienu jilbsu fl-Imperu bikri Bizantin.
FLABELL / MREWĦA TAT-TAWES Tip ta’ mrewħa kbira li kienet tintuża fuq il-presbiterju waqt il-quddies. L-oriġini tal-flabell imur lura sa żmien il-Faragħuni tal-Eġittu, u ta’ spiss narawh fit-tpinġijiet ta’ dak iż-żmien. Din l-imrewħa kienet tkun magħmula ġen. mir-rix tan-nagħma jew tal-pagun, jekk mhux ukoll minn weraq finti, u kienet tkun miżmuma mid-djaknu. Biż-żmien il-flabell ħa xejra simbolika, għax kien jagħti ċerta importanza liċ-ċerimonjieri li kienu ta’ ċerta importanza. Illum, il-flabell jintuża biss f’xi ċerimonja solenni li jkun qiegħed sehem fiha l-Papa. Tal. flabello, final. Lat. flabellum.
ĠILANDRA Bħal tabernaklu tal-injam iddekorat u maħdum f’forma ċilindrikali. Fih hemm struttura oħra tal-injam li fiha jinżam l-ostensorju. Meta l-istruttura tiddawwar, il-parti miftuħa tagħha turi l-ostensorju bl-ostja konsagrata. Norm. din l-għamara tinsab fuq l-altar biex l-ostensorju ta’ ġo fiha jkun sponut għall-adorazzjoni. Tal. girandola – jiġ. oġġett li jdur.
ĠINOKKJATUR / INĠINOKKJATUR Għamara li tintuża l-aktar fil-knejjes, magħmula apposta biex wieħed jinżel arkupptejh fuqha meta jitlob. Magħruf ukoll bil-Fr. bħala Prie-Dieu – M. titlob lil Alla. Il-ġinokkjatur kont issibu l-aktar jew fil-kunventi jew fid-djar tas-sinjuri li kien ikollhom kappella privata fejn jitolbu. Tal. ginocchio – M. irkoppa.
ĠONTA TAL-MEJTIN Il-missal żgħir li jkun fih it-talb u l-quddiesa tal-mejtin.
GARŻUBLA Il-pjaneta tas-saċerdot li jilbisha meta jqaddes, fuq il-bqija tal-ilbies l-ieħor. Din tkun ta’ kulur differenti skont il-liturġija; eż., bajda fi żmien il-Milied, l-Għid u l-festi tal-qaddisin mhux martri, kif ukoll fil-quddies taż-żwieġ; ħadra fil-Ħdud tal-ottava tal-festi; safra kulur id-deheb fi żmien in-novena; ħamra fi żmien il-festi tal-qaddisin martri u fil-ġimgħa ta’ Pentekoste; vjola fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira. Etim. Sqal. casubbula. Ing. chasuble. Ara: PJANETA.
I H S L-ittri ‘IHS’ huma l-inizzjali bil-Grieg, tal-ewwel tliet ittri ta’ Ġesù: ΙΕΣ (U Σ) –iota, eta u sigma, (IESUS). Din il-monogramma u d-disinn li jakkumpanjaha nħolqot u xterdet fis-seklu tnax, bis-saħħa ta’ San Bernard, li kien jisħaq fuq il-glorifikazzjoni tal-isem ta’ Kristu. Dawn l-ittri kienu interpretati wkoll bħala l-abbr. ta’ Jesus Hominum Salvator – li bil-Latin ifissru Ġesù s-Salvatur tad-Bniedem. Bosta drabi, dawn it-tlett ittri jidhru fi xbieha li tinkudi d-disinn tar-raġġi tax-xemx. Fuq il-‘H’ ikun hemm salib u taħtu jidhru tlett imsiemer. Dan is-simbolu jidher kemm fuq il-pjaneta tas-saċerdot kif ukoll fuq l-ostja u oġġetti oħra sagri.
IKONA Pittura sagra ta’ stil Biżantin, li kienet titpinġa ġen. fuq l-injam u li ġieli tkun iddekorata b’żidied ta’ ornamenti fil-fidda. Dan l-istil ta’ pittura kien u għadu popolari mal-Insara Ortodossi. L-eqdem ikoni f’Malta huma dawk tas-seklu tlettax. X’uħud mill-ikoni ġabuhom magħhom il-Kavallieri minn Rodi fis-seklu sittax. Ikona oħra magħrufa hi dik li hemm fil-kappella laterali tal-Katidral l-Imdina li x’aktarx tmur lura sas-seklu ħmistax. Ara: FILERMO MADONNA TA’. Tal. Icona. Gr. Eikon – M. immaġini.
KALLOTTA Għata fit-tond għar-ras, li tintlibes mill-membri tal-kleru. Tissejjaħ ukoll ZUKKETTA. Il-kallotta toqgħod bil-qies taħt il-berettin. Hemm diversi kuluri ta’ kallotti li jintlibsu, biex jissimbolizzaw il-ġerarkija tal-kleru. Il-kallotta s-sewda tintlibes mill-qassis; dik vjola hi tal-monsinjur u tal-isqof, ħamra tal-kardinal u bajda tal-Papa.
KAPPAMANJA Libsa li tintlibes mid-dinjitarji tal-Knisja f’ċerti funzjonijiet partikulari ż. Għamla ta’ mantell ta’ kulur aħmar, blu jew aħdar, wiesa’ u mżewwaq bil-glalen u l-ħjut tad-deheb li jxiddu fuqhom il-qassisin, il-kanonċi, il-monsinjuri, l-isqfijiet u l-kardinali. Il-kappamanja tissimbolizza l-awtorità u l-privileġġi tal-ġerarkija għolja tal-kleru.
KAPPELLUN Rif. għal dik il-parti laterali tal-knisja mibnija forma ta’ salib, li tkun fuq naħa u oħra tal-altar maġġur. Iż-żewġ kappelluni faċċata ta’ xulxin, flimkien jagħmlu traversa, li min-nofs tagħha toħroġ il-kursija lejn il-bieb ta’ barra. Il-knejjes mibnija biż-żewġ kappelluni jieħdu l-forma ta’ salib.
KARNIERJA / KANNIERJA Post fejn jinġabru l-fdalijiet tal-għadam tal-mejtin li jkunu diġa midfunin fl-oqbra. Il-kannierja kienet titħaffer norm. taħt il-knisja stess. Oriġ. kienet intenzjonata biex fiha jindifnu il-membri tal-kleru waqt li l-parruċċana kienu jindifnu taħt iz-zuntier jew f’xi ċimiterju barra r-raħal.
KARTAGLORJA / KARTA TAL-GLORJA Fuq l-altar, waqt il-quddiesa, il-qassis ċelebrant kien ikollu miktuba quddiemu l-orazzjonijiet ta’ ċertu tul, skont il-jum. Dan it-talb kien jitqiegħed fi kwadretti biex is-saċerdot ikun jista’ jaqrah faċilment. Dawn il-kwadretti norm. kienu jkunu tlieta, bil-kwadru tan-nofs xi ftit akbar mit-tnejn l-oħra. Fost it-talb kien ikun hemm biċċa mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, għaliex fl-antik qabel ma tintemm il-quddiesa din kienet dejjem tinqara, il-Kredu u l-Glorja, u t-talb tal-ħasil tal-idejn (il-lavabo). Xi drabi kienu jitqassmu f’erba’ talbiet, kollha fl-istess inkwatru. Maż-żmien dawn il-kwadretti bdew ikunu f’forma aktarx dekorattiva tal-injam jew tal-fidda, bħalma mdorrijin narawhom fuq l-artal, l-aktar fil-jiem tal-festi.
KAXXARIZZ Kaxxa li tinġarr, jew armarju, fejn jinqaflu ħwejjeġ żgħar personali. Fis-sagristija kull qassis ikollu l-kaxxarizz tiegħu, li fih jqiegħed il-paramenti, il-kalċi u affarijiet oħra meħtieġa biex iqaddes. Anki l-abbatini jista’ jkollhom il-kaxxarizzi tagħhom fejn jerfgħu ħwejjiġhom. Wieħed jista’ jara xogħol sabiħ ta’ kaxxarizzi fis-sagristija tal-knisja ta’ San Pawl, il-Belt. Xogħol ieħor sabiħ jinsab fl-oratorju tas-Sagrament, fl-anness tal-kunvent tad-Dumnikani, il-Belt u fil-knijsa parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Sqal. casciarizzu.
KERUBIN Rappreżentazzjoni ta’ anġlu żgħir li jidher fl-arti sagra ħafna drabi f’sura ta’ ras ta’ tifel żgħir gustuż. Tal. cherubino.
KORPSANT / KORPUSANT Ir-relikwi, jew aħjar, il-fdalijiet tal-ġisem tal-qaddis li jkun meqjum l-aktar fil-knejjes, norm. f’xi kappella jew altar laterali tal-knisja. B’kollox fil-gżejjer Maltin nsibu mat-tnejn u tletin korpsant li ħafna minnhom inġabu minn Ruma. Fost il-korpsanti magħrufa u l-aktar meqjuma hemm dak ta’ Santa Liberata li jinsab fil-knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Korpsant ieħor magħruf hu dak ta’ San Valentinu, li hemm fuq l-artal ta’ San Mikiel fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. L-aktar korpsant riċenti u li hu meqjum hu dak tal-uniku qaddis Malti, San Ġorġ Preca, miżmum fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża, fil-knisja tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) il-Blata l-Bajda.
LABTU Apparti l-labtu li jiddendel mal-għonq mil-lajċi, dan it-terminu jirriferi wkoll għall-ispeċi ta’ tunika mingħajr kmiem li tintlibes mill-patrijiet. Din tintlibes minn fuq ir-ras u tiddendel minn quddiem u minn wara tal-ġisem qisu fardal twil. Dan il-fardal jissejjaħ ukoll SKAPULAR. Sqal. l’abitu. Tal. l’abito.
LAVABO Mejjilla li tinsab ġen. wara l-altar maġġur jew fis-sagristija, biex is-saċerdot jaħsel idejh fiha qabel, waqt jew wara l-quddiesa. Fl-antik il-lavabo kien ikun ippożizzjonat ħdejn ħerża ta’ ġiebja minn fejn jittella’ l-ilma; illum din il-kelma tirriferi għall-ħawt taħt il-vit tal-ilma. Ħafna drabi il-lavabo kien jinħadem mill-irħam u ddekorat b’mod artistiku. Il-kamra jew il-madwar ta’ fejn isir il-ħasil tal-idejn mill-qassis ukoll jista kultant jissejjaħ ‘il-lavabo’.
LUNETTA Tip ta’ pittura jew fuq it-tila jew impenġija dirett mal-ħajt fil-knejjes li fiha ikun hemm figura ta’ xi qaddis. Kultant hawn minn il-PENDENTI tat -truf tal-Kappelluni wkoll jgħidulhom lunetti. Etim. Tal. lunetta minn luna li tfisser (nofs) qamar.
MAZZA Oġġett li jinġarr mill-mazzier waqt xi ċerimonja. Il-mazzier jkun liebes ħwejjeġ ċerimonjali antiki, tkun qiegħda tirrappreżenta a) il-Kapitlu tal-Katidral, jew b) il-Kapitlu tal-Kolleġġjata. Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata jkollu quddiemu l-mazza lewn il-fidda. Il-Kapitlu tal-Katidral iġib quddiemu mazza lewn id-deheb. Fil-purċissjoni tal-festa, il-mazzier iġorr il-mazza fuq spalltu b’mod normali, biss, meta jkun hemm xi funeral il-mazza tinġarr f’idejh.
MENSA 1. Il-wiċċ tal-artal. 2. Il-mensa tal-isqof – jiġ., id-dħul finanzjarju li jmur għand l-isqof għall-użu tiegħu personali. Minn dan il-fond, il-flus żejda jmorru għall-karità.
MESSALIN Messal żgħir. Ktejjeb tat-talb u l-lezzjonijiet li jinqraw fil-quddies. Apparti li dan kont issibu f’idejn il-kleru, il-messalin kont tista’ tixrih, inkella tiddubbah, biex issegwi mas-saċerdot il-qari tal-quddies. Wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, l-Messalin beda jkun stampat bil-Malti. Illum ħafna minn dan it-talb jinkiteb fuq fuljetti li wieħed norm. issib fl-ixkaffa tal-bank fejn wieħed joqgħod bilqiegħda.
MREWĦA TAL-PIRJOL / IMREWĦA TAT-TAWES De Soldanis ifissru bit-Taljan bħala, Ventaglio formato dalle penne di pavone. Ara: FLABELL.
MUZZETTA / MOZZETTA Mantelletta li tintlibes mill-isqfijiet u dinjitarji ekkleżjastiċi bħal kappillani, kanonċi, arċiprieti u oħrajn. Dan jintlibes ukoll mill-membri ta’ xi fratellanzi li jingħataw il-permess mill-Isqof li jilbsu l-muzzetta. Il-muzzetti tal-fratellanzi għandhom il-kulur skont il-fratellanza tagħhom.
NAVATA 1. Il-krosija prinċipali fil-knisja Sors: J.A. 2. Skont E.S.I. din hi dak l-ispazju ta’ bejn il-kolonni jew pilastri li jagħti għal kull kappella laterali.
NAVETTA Ir-reċipjent tal-metall li fih jintefa’ il-BĦUR (l-inċens) biex jinħaraq u jfewwaħ il-madwar. Ara: ĊENSIER jew inċensier.
OSTENSORJU / L-ISFERA Kontenitur, ħafna drabi tal-fidda jew maħsul bid-deheb, li fih tinżamm l-ostja. Fin-nofs tiegħu l-ostensorju ikollu ħġieġa biex l-ostja tkun viżibbli għall-adorazzjoni u l-qima tan-nies.
PARAMENT Terminu ġenerali għall-vestwarju tas-saċerdot. Kull tip ta’ ħwejjeġ iddekorat b’xogħol ta’ rakkmu bid-deheb, jew disinji li jintlibsu għal xi ċerimonja reliġjuża. Tal. paramenti.
PARTIKOLA / PARTIKULA Nom ieħor għall-ostja ta’ daqs żgħir. Ngħidu, ‘fil-pissidi hemm daqs għoxrin partikula’. Din il-kelma tintuża flok, ‘hemm għoxrin ostja.’ Tal. particola – ostja jew kwalunkwe parti mill-ostja li tkun kkonsagrata.
PENDENT Ara: LUNETTA.
PETTORAL Bokkla li tkun imżejna b’xi fosos li biha jinqafel il-pivjal fuq is-sider tal-isqof.
PISSIDI Kalċi x’aktarx maħsul bid-deheb li fih jinżammu l-ostji kkonsagrati fit-tabernaklu u li minnu jitqassmu l-ostji fit-tqarbin. Lat. Ciborium, Gr. Kiborion.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
PIVJAL Parament sagru li s-saċerdot jilbes fuq il-ħwejjeġ l-oħra waqt ċerti funzjonijiet. Il-pivjal jintlibes bħal mantell li jinqafel b’bokkla minn quddiem fuq is-sider. Dan jintlibes meta s-saċerdot ikun se jagħti l-barka u meta jkun qiegħed iġorr is-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija. Tal. piviale.
PJANETA Sopravest tas-saċerdot li jintlibes meta dan iqaddes u jiċċelebra r-riti liturġiċi.
POLIPTIKU Pittura fuq pannelli tal-injam li jinqasam fi kwardi ta’ ħafna xeni b’temi differenti jew inkella b’temi relatati. Bla dubju ta’ xejn l-aktar poliptiku artistiku magħruf li hawn f’Malta huwa dak li jirrappreżenta l-episodji varji mill-ħajja ta’ San Pawl impinġi għall-Katedral tal-Imdina. Dan imur lura sas-seklu 1. Illum hu esibit fil-Mużew tal-Katidral. Ara: TRITTIKU.
PROSPETTIVA Il-kwadru ġen. imnaqqax fil-ġebel, fi stil Barokk li jdawwar b’mod dekorattiv u emfatiku l-pittura ta’ fuq l-artal.
PULPTU / POLPTU Għamara tal-knisja, norm. tal-injam, ġebel jew irħam maħdum ta’ ċertu għoli, minn fejn il-predikatur jagħmel il-prietka jew il-paniġierku tiegħu. Il-pulptu kien importanti l-aktar fi żmien qabel ma kienet introdotta s-sistema tal-amplifikazzjoni, billi l-pulptu kien jinbena f’nofs il-korsija biex il-vuċi tal-predikatur twassal aktar u tinstema’ sew min-nies. Tal. pulpito.
RELIKWARI Kien u għad hawn ħafna relikwi fil-gżejjer Maltin. Ħafna drabi frammenti ta’ għadam tal-qaddisin huma miżmuma f’relikwarji tal-ħġieġ u ddekorati b’kull tip ta’ fidda, deheb u ħaġar prezzjuż. Oħrajn jinsabu esposti bħala KORPSANT. F’Malta u Għawdex għad hawn ħafna relikwiji li ħafna minnhom intbagħtu Malta mill-Vatikan. Forsi l-aktar żewġ relikwiji prominenti li jeżistu f’Malta, huma d-‘Driegħ ta’ San Pawl’, li tinsab fil-parroċċa tar-Rabat, Malta, u dik li hemm fil-Parroċċa ta’ San Pawl il-Belt Valletta. Din tal-aħħar inġiebet minn Ruma fl-1960, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ċentenarji tal-Miġja ta’ San Pawl. Fl-istess knisja tan-Nawfraġju tinsab ukoll biċċa mill-kolonna tal-qtugħ ir-ras tal-istess Appostlu.
ROKKETT / RUKKETT Tip ta’ spellizza li tintlibes fuq l-ispallejn mill-prelati tal-knisja. Tal. rocchetto.
SAĠĠ / SIĠĠA (pl. saġeġ) Skont Aquilina dan hu l-konfessinarju. Skont E.S.I., dan jissejjaħ siġġa u jirriferi mhux biss għall-konfessinarju imma anki għal tip ta’ pultruna bil-maqbad magħmula apposta għad-dinjitarji fil-knejjes jew postijiet oħra. Skont E.S.I. dan is-siġġu jista’ anki jinġarr bħal portantina. Fil-ktieb ta’ E.B. Vella, Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha, dan jirriferi għal maqgħad fejn ipoġġu bilqiegħda il-kapitlu jew il-qassisin fil-kor wara l-altar.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
SANTU KORP Isem ieħor għall-Ewkaristija. Terminu li jintuża l-aktar meta wieħed jirriferi għall-ostja li tkun qed tiġi ttrasportata minn tabernaklu u altar għall-ieħor. L-istess, meta l-ostja tkun merfugħa fl-ostensorju u f’idejn is-saċerdot waqt il-purċissjoni ta’ Korpus, din tissejjaħ ‘is-Santu Korp’.
SKANNELL 1. L-ixkaffa għolja, speċi ta’ dahar dekorattiv ta’ fuq l-altar li fuqu jitqiegħdu oġġetti ornamentali, eż., affarijiet tal-fidda, fjuri jew gandlieri. L-iskannelli ma baqgħux isiru wara l-Konċilju Vatikan II, meta l-altari bdew jinbnew bħala mejda biex il-qassis jiċċelbra l-quddiesa b’wiċċu lejn in-nies. Ara: SKANELLUN.
SKAPULAR Ara: LABTU.
SPELLIZZA Sopravest bajdani li jintuża miċ-ċelebrant waqt il-funzjonijiet reliġjużi. Sqal. suppillizza.
STELLARJU Dijadema ta’ tnax-il stilla mqiegħda fuq / madwar ras il-Madonna. L-istellarju jista’ jkun tal-fidda jew tad-deheb. Dan jista’ anki jkollu miegħu ħaġar prezzjuż biex iżejnu aktar. It-tnax-il stilla jfissru t-tnax-il virtù tal-Madonna.
STOLA Strixxja tad-drapp dekorata b’disinn, ħafna drabi fir-rakkmu, li s-saċerdot jilbes madwar spalltu meta jkun qiegħed jamministra s-sagramenti. Din ikollha l-kulur tagħha, eż., abjad, aħdar, vjola, eċċ., skont il-kwalità tal-funzjoni liturġika li titwettaq. Idj. ‘Bl-istola miegħu’ – din tingħad meta bniedem ikun qiegħed imut jew gravi, u jkollu saċerdot ħdejh jamministra s-sagrament tal-griżma eċċ. STOLA U SALIB Espr. li tirriferi għal xi ħadd li jkun bla sold fil-but.
STUTA Oġġett użat mis-sakristan biex jitfi x-xema’ ta’ fuq l-altar. Minn fuq, l-istuta jkollha qisha lembut rasu ’l isfel, magħluq. L-istuta tintrefa’ fl-għoli b’lasta biex il-lembut jilħaq it-tarf tax-xemgħa u jintgħafas ’l isfel fuq il-fjamma. Meta l-altari tal-knejjes kollha kienu għadhom jiddawlu bix-xema’, din kienet għodda utili għas-sakristan biex jitfi kull xema’ li bosta drabi ma kontx tilħaq kif ġieb u laħaq. Il-lasta tal-istuta kienet tkun twila aktar minn żewġ metri u nofs. Is-sakristan kien jimmira l-istuta lejn ix-xama’ mixgħula u jagħfas il-lembut invers ‘l isfel fuq il-fjamma biex din tintefa minnufih. Sqal. stuta canili, stuta lampi.
SURĠENTINA Bastun irqajjaq miksi bil-metall li jintuża mill-fratell inkarigat li jqassam u jippożizzjona lil sħabu l-fratelli waqt il-purċissjoni. Norm. dan il-bastun ikun iddekorat b’simboli relatati mal-qaddis li l-fratellanza tkun imsemmija u ddedikata għalih. Tal. sergentina.
TERĦA TAL-ARTAL Drapp norm. ħamrani li jiksi l-artal u li jitneħħa meta tkun qiegħda issir xi funzjoni.
TINTINNABLU Qanpiena żgħira mwaħħla ma lasta li tinġarr waqt xi purċissjoni. It-tintinnablu jintuża wkoll bħala oġġett simboliku biex juri li dik il-knisja hi onorata bit-titlu ta’ bażilika. Ara: BAŻILIKA u UMBRELLUN.
TONKA Ċoqqa. Il-libsa tal-patrijiet. Tal. tonaca.
TRIBUNA 1. Tron jew siġġu speċjali fejn joqgħod bilqiegħda xi ħadd distint. It-tribuna riservata b’mod permanenti biex fuqha joqgħod l-Isqof. Fi żmien l-Ordni kien hemm waħda fil-knisja konventwali, għall-Gran Mastru. F’Għawdex kien hemm oħra fil-Knisja Matriċi tar-Rabat merfugħa għal użu tal-Gvernatur tal-Ordni li kien jamminstra lil Għawdex. 2. Armar dekorattiv mibni fuq il-presbiterju li jkollu wkoll iċ-ċelu.
TRITTIKU Tpinġija li tkun magħmula fuq tliet pannelli tal-injam. Xogħol bħal dan kien isir l-aktar fi żmien il-Medjuevu biex l-artist jittrattaw suġġetti sagri u l-qaddisin. Fuq kull pannell titpinġa figura jew xena reliġjuża. F’Malta jinsabu diversi eżempji ta’ dan it-trittiċi. Fost dawn insibu t-trittiku li hemm fil-knisja tal-Mensija ddedikat lil Madonna tal-Lunzjata.
TUBRU Struttura tal-injam li tixbah lil tebut mgħotti bil-faldrappa. Dan jintuża waqt iċ-ċerimonji funebri fil-knisja. It-tubru kien jintrama b’xemgħat twal u tiżjin ieħor biex iżid mas-sonelennità tal-okkażjoni. L-aktar li jintrama t-tubru hu meta jkun imfakkar xi ħadd importanti, eż., xi isqof, kanonku, eċċ.
TUŻELL Ċelu magħmul minn struttura tal-injam iddekorata bid-damask, li jiddendel mis-saqaf fuq l-altar. Dan jiżżejjen bi drapp ta’ kuluri differenti skont l-użanza liturġika. Sqal. tusellu jew mit-Tal. antik dossello jew tossello, kollha, kliem sinomimi ma’ baldacchino.
UMBRELLA / UMBRELLUN Umbrella kbira li tinġarr fil-purċissjonijiet tal-festi u taħtha jimxi l-arċipriet / prepostu tal-basilika. L-umbrellun hu wieħed mill-oġġetti simboliċi li hi ntitolata għalihom knisja basilikali. Ara: BALDAKKIN u BASILIKA.
VENTALTAR Xogħol fl-injam, drapp jew metall, l-aktar tal-fidda, b’dekorazzjonijiet fini li jitqiegħed mal-faċċata tal-altar f’okkażjonijiet speċjali, bħal pereż. fil-festa tal-qaddis patrun. X’aktarx, l-aktar li jispikka huwa dak magħmul fil-fidda fejn l-artist juri l-kapaċitajiet tiegħu fil-basso riljiev. Tal. avanti + altare.
ŻIMARRA Libsa twila li tintlibes mill-qassis jew mit-tfal fil-Ġimgħa l-Kbira (jew fil-festa ta’ Corpus jew tal-Qalb ta’ Ġesù).
ZUKKETTA Ara: KALLOTTRA.
ZUNTIER / ZIMTIER Ir-reċint, jew pavimentar preċiżament quddiem jew ħdejn il-knisja. Fl-antik din il-parti kienet isservi bħala ċimiterju. Sqal. zimmiteri. A. de S. jirriferi għaz-zuntier bħala, ‘zimtier’. Dan jindika li fiż-żmien ta’ A. de S. (nofs is-seklu 18), iz-zuntier kien għadu jservi bħala l-post tad-dfin. Fil-kuntest tal-lum, iz-zuntier iservi bħala l-post fejn wara l-quddiesa ħafna nies jieqfu u jinġabru biex jgħidu kelma.
Xi wħud minn dawn l-oġġetti huma spjegati b’aktar dettall fil-paġni ENĊIKLOPEDIJA tal-website. Hemm issib aktar termini ekkleżjastiċi. Biex tfittex aktar ikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Tista’ wkoll issib bosta termini ekklesjastiċi u termini oħrajn f’dawn il-kotba li jittrattaw kliem antik Malti
Dawn it-tliet kotba bejniethom jgħaqqdu enċiklopedija kompluta tal-wirt storiku Malti. Fihom naqraw dwar teżori li tista’ tmisshom b’idejk, waqt li nifhmu aktar dwar il-ħajja ta’ kuljum, kemm dik tal-imgħoddi kif ukoll tal- lum. F’din il-ġabra ta' madwar 3,300 suġġett wieħed jista’ jdur dawra mal- kultura Maltija f’livelli varji.
Hemm hafna oggetti ohra li ma semmejtx u li ghadek issibhom , perezempju il korporall, dak li speci ta maktur abjad li jqaddes fuqu, il purifikatur, il borza u s sopra kalci, il maniplu, l ammittu, l alba, l lavabo, u lavadita, il Palju u d dalmatika, uhafna affarijiet ohra, li jekk ma ndejqekx, niktibhom ukoll
LikeLiked by 1 person