Il-Bidu tal-Kappelli f’Malta

Ritratt ta’ fuq juri l-kappella ta’ San Ġwann l-Evanġelista, Ħal Millieri (ħajr: Joe Morana)

 

Meta wieħed jifli l-mijiet ta’ kappelli li hawn imxerrda f’Malta u Għawdex, hemm bżonn li dak li jkun jagħmel distinzjoni bejn dawk il-kappelli żgħar mibnija qishom kubu, li bosta minnhom inbew minn individwi bħala wegħda jew qima, għal użu personali tal-familja, u dawk il-kappelli mibnija apposta biex iservu lil-komunità tal-madwar. Oriġinarjament, dawn kollha ma kinux mibnija wisq differenti minn xulxin.

L-eqdem kappelli f’Malta, almenu dawk li nafu bihom llum, imorru lura sas-seklu tlettax / erbatax. Dawn bdew jinbew wara l-perijodu Għarbi (u miegħu dak Musulman), meta bdew jaslu l-ħakkiema l-ġodda, bħan-Normanni, (1127), l-Isvevi 1195, l-Anġevini (1266) u warajhom l-Aragoniżi (1282), li kollha ġew minn Sqallija. Dawn l-ewwel ma  għamlu bnew il-kappelli għalihom infushom, fil-, u barra l-Kastell Sant Anġlu, fil-Birgu. Fl-istess waqt dawk li kienu jamministraw lill-Malta mill-Imdina, barranin ukoll, għamlu l-istess. Fis-seklu tlettax, il-Katidral, li sa dak iż-żmien kien qisu parroċċa, kien l-akbar f’Malta fl-istruttura u fl-importanza fost il-knejjes kollha. Minħabba li l-Imdina kienet il-Belt kapitali din saret il-knisja li kienet tirrappreżenta l-Isqof ta’ Malta, li kien jamminstra lill-Malta minn Sqallija bħala parti mid-djoċesi tiegħu.

Hekk waqt li l-ħakkiema u l-amministraturi barranin kienu qed irabbu l-għeruq tagħhom fil-gżejjer Maltin, id-devozzjoni Nisranija bdiet tinfirex sew u ssir aktar tanġibbli bit-twaqqif ta’ postijiet tat-talb ma’ kullimkien. Nistgħu ngħoddu daqs għaxar kappelli tas-seklu erbatax li għadhom jeżistu, xi wħud imwaqqfa f’għerien, ħaġa li kienet normali fir-rit Grieg. Fis-seklu erbatax u ħmistax bdew ġejjin f’Malta patrijiet individwali, kif ukoll komunitajiet reliġjużi li bnew djar u knejjes għalihom infushom. Dawn komplew jagħtu ħajja lill-fidi Nisranija u nisslu devozzjoni ikbar lejn il-qaddisin billi fetħu kappelli għalihom infushom u għall- komunità ta’ madwarhom.

st-paul-s-grottoŻgur li wieħed mill-eqdem postijiet ta’ devozzjoni barra l-Katidral tal-Imdina, kienet il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, għax skont it-twemmin popolari, San Pawl kien qatta’ t-tliet xhur f’Malta miżmum bħala ħabsi hemmhekk. Nafu li mhux biss il-Maltin kienu jżuru dan l-għar, imma anki bosta barranin, li minn żmien għall-ieħor kienu jieqfu Malta waqt il-vjaġġ tagħhom fil-Mediterran. Imbagħad kien hemm kappelli oħra li bħal din il-grotta, kienu saru santwarji ta’ devozzjoni u pellegrinaġġi. Fost dawn insemmu s-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa. Naturalment, dawn il-kappelli felħu iż-żmien li għadda minn fuqhom l-aktar minħabba li kienu kappelli-għerien jew kappelli parzjalment imħaffrin fil-blat, u għalhekk, sa ċertu punt, kienu protetti mid-distruzzjoni tal-elementi naturali, bħar-riħ, ix-xemx u x-xita.

Bil-kuntrarju, sfortunatament, ftit huma dawk il-kappelli qodma li kienu mibnija fuq l-art fl-istess żmien, li illum  għadhom jeżistu. Dan minħabba li l-binjiet ċkejknin, magħmula mill-ġebla tal-franka kienu aktar esposti għall-elementi u b’hekk il-ġebla tmermret u x-xorok tas-saqaf inqasmu u waqgħu. Seta’ anki ġara li dawn il-kappelli kienu abbandunati meta s-sidien tagħhom fittxew post ieħor fejn joqgħodu, aktar qrib iċ-ċentru tar-raħal, u għalhekk dawn il-kappelli ntesew u inqerdu biż-żmien.

20210219_132847
Affresk fil-kappella tal-Lunzjata, Ħal Millieri (ritratt: Din L-Art Ħelwa)

Intant, waħda mill-eqdem kappelli mibnija fuq l-art, li rreżistit l-elementi, anki jekk din kienet mibnija qrib il-baħar, hi dik ta’ Kemmuna, magħrufa bħala Ta’ Santa Marija. Il-binja ta’ din il-kappella turina li kienet influwenzata mill-istil tal-arikitettura u r-rit Biżantin (Bażiljan). Wieħed mill-karatteristiċi tal-knejjes Biżantini kien li l-apside tal-artal kien ikun miżmum separat u magħluq bi speċi ta’ kanċell (iconostasis) mill-qbija tal-kappella. L-istess, il-kappella ta’ Ħal Millieri li kienet mibnija fis-seklu ħmistax għandha elementi arkitettoniċi tal-istess stil u bil-bankijiet mal-ħajt fejn wieħed seta’ joqgħod bilqegħda. Apparti minn hekk, it-tpinġijiet ta’ mal-ħitan f’din il-kappella juru wkoll li l-qaddisin meqjuma dak iż-żmien f’Malta kienu l-istess bħal dawk meqjuma fi Sqallija tal-Lvant fejn il-Kristjaneżmu kien ta’ rit Biżantin.

 

 

Santa Maria Kemmuna 56_n (1)
Kappella ta’ Santa Marija, Kemmuna (ħajr: Roderick Busuttil).

Fl-1436, l-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Senatore de Mello, għamel ċensiment (rollo) biex tinġabar informazzjoni dwar it-taxxi li kienu dovuti mid-djoċesi ta’ Malta. Dan iċ-ċensiment jindika li barra l-bliet tal-Birgu u tal-Mdina, f’Malta kien hawn għaxar kappelli ta’ ċerta importanza aktar minn oħrajn, għax kienu jservu mhux biss bħala post ta’ devozzjoni, iżda anki bħala ċentru ta’ amministrazzjoni spiritwali. Dawn kien jieħdu ħsiebhom b’mod permanenti qassisin, (presbyter). F’dawn il-kappelli, il-qassis kien ukoll jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-abitanti tal-madwar. Il-qassis ġieli kien ikun magħżul u mibgħut f’kappelli bħal dawn mill-Kapitlu tal-Katidral, ġieli le. Dawn il-kappelli ma kienux jinsabu fil-qalba tar-raħal, iżda kienu jkunu maqtugħin għalihom, ekwidistanti mill-irħula tal-viċin. Ir-raġuni setgħet kienet li b’hekk dawn il-kapelli setgħu jintlaħqu mir-raħħala (qed nuża dan l-appellattiv fis-sens ta’ abitanti tal-irħula) tal-madwar, aktar faċilment, biex jirċievu s-sagramenti, bħal magħmudija, żwieġ u r-riti tad-dfin. Ħafna drabi, id-dfin kien isir jew fil-kappella jew inkella taħt iz-zuntier. Intant, interessanti li wieħed ikun jaf li l-kelma zuntier ġejja mill-Isqalli, zimitier, fi kliem ieħor, ċimiterju. Il-qassis kien jamministra s-sagramenti bi ħlas, aktar u aktar meta kien ikollu jmur iqaddes jew jamministra fl-irħula aktar ’il bogħod. Jekk mhux ħlas dan kien jgħix ukoll bid-donazzjonijiet.

Skont l-istess rollo ta’ Di Mello, insibu li fost l-eqdem kappelli / parroċċi kien hemm dik ta’ Birkirkara, għax tissemma f’dokument partikulari tal-1402. L-oħrajn kienu, il-kappelli ta’ Bir Miftuh, ta’ Ħad-Dingli, tal-Mellieħa, tan-Naxxar, ta’ Ħal-Qormi, tas-Siġġiewi, taż-Żejtun u taż-Żurrieq. Għawdex ma jissemmiex, biss, aktar tard nafu li kien hemm erba’ lokalitajiet li l-matriċi tagħhom kienet dik ta’ Santa Marija tar-Rabat.

San Bazilju mqabba zewg kappelliJoe Morana
Il-kappella ta’ San Bażilju, Mqabba (ritratt: Joe Morana)

Fl-1575, l-Inkwiżitur Pietro Dusina nnota li f’Malta u f’Għawdex kien hawn b’kollox mal-430 kappella. Dan mill-ewwel jidher numru esaġerat għall-popolazzjoni li dak iż-żmien ma kinetx aktar minn 30,000 ruħ – dan ifisser li kien hawn kappella waħda għal kull sebgħin ruħ, għalkemm ħafna minnhom kienu privati u oħrajn ma jiffunzjonawx. Fejn il-binja jew l-altar kienu fi stat ħażin, l-Inkwiżitur Dusina ordna li dawn jew ikunu rranġati jew jingħalqu. Fil-fatt, kien hemm daqs ħamsin minnhom li ġew dekonsagrati. Biss oħrajn kibru fil-popolarità tagħhom, jew għax il-popolazzjoni tal-inħawi kienet kibret jew għax xi wħud kienu saru aktar imfittxija bħala post ta’ devozzjoni lejn il-qaddis, l-aktar meta n-nies kient titlob u taqla’ l-grazzi bl-interċessjoni tal-qaddis meqjum hemmhekk. Fost dawn is-santwarji insemmu, il-kappella tal-Madonna tal-Ħlas, barra Ħal-Qormi u dik tal-Ħerba ta’ Birkirkara.

Xi wħud mill-kappelli fi żmien il-Medjuevu u anki wara, ma kienux biss binja waħda b’altar wieħed u bieb wieħed. Ġieli kienu jkunu żewġ kappelli jew tliet kappelli maqgħuda strutturalment flimkien, x’aktarx kollha mibnija mill-istess familja. Dawn it-tip ta’ kappelli multipli nsibuhom f’diversi postijiet, bħal f’Ħal Millieri, San Bażilju l-Imqabba, Ħal Lija (il-parroċċa l-Qadima), u ‘It-Tliet Kappelli’ ta’ Ħal Balzan li qegħdin ftit metri ’l bogħod minn xulxin.

Bir Miftuh genb
Kappella ta’ Bir Miftuħ (ritratt Joe Morana)

Il-qassisin / kappillani li kienu jieħdu ħsieb dawn il-kappelli, minn żmien għall-ieħor daru għall-għajnuna finanzjarja tal-parruċċana biex il-kappella fejn kienu qed jamministraw tissewwa, tinbidel, jew titkabbar fl-istruttura tagħha. Hekk naraw li xi wħud mill-kappelli li kienu mibnija oriġinarjament f’forma ta’ kubu żgħir u sempliċi, issa, jew twaqqgħu jew inkella saritilhom estensjoni fin-navata biex jikbru fl-ispazju ta’ ġewwa. Ġieli anki man-navata żdiedu speċi ta’ żewġ kappelli laterali (kappelluni – Ingliż: transepts) li joħorġu bħal dirgħajn minn ħdejn l-altar maġġur, biex b’hekk il-kappella issa ssir knisja li tista’ tilqa’ ħafna aktar nies. Hekk ġralha l-knisja l-qadima ta’ Santa Katerina taż-Żejtun (magħrufa aħjar bħala ta’ San Girgor) li ħadet il-forma ta’ Salib Ta’ Sant’Antnin (Tau jew crux commissa). Fil-bidu tas-seklu sbatax, fuq ras l-altar saretilha koppla li kienet isserraħ fuq il-kappelluni u n-navata f’daqqa. Din hi l-ewwel koppla li nafu biha f’Malta.

20210219_095341
Il-Knisja parrokkjali l-qadima ta’ Santa Katarina (magħrufa aħjar bħala Ta’ San Girgor)

Bi żviluppi bħal dawn żdied il-prestiġju ta’ dawn il-kappelli għax saru qishom knejjes żgħar. Fil-fatt, hu kultant diffiċli tgħid jekk il-binja għandiex tissejjaħ kappella jew inkella knisja fil-veru sens tal-kelma. L-għażla donnha ssir abbażi tal-komplessità tal-binja u kultant minħabba l-istorja sagra u prestiġjuża tal-kappella. Hawn anki kappelli li għalkemm daqs nitfa, għandhom it-titlu ta’ bażilika, bħal ma hi l-kappella magħrufa bħala Tal-Patroċinu, li hemm f’Wied il-Għasri Għawdex. Fis-snin sittin l-Isqof Gonzi kien iddikjara li kull kappella għandha tissejjaħ knisja, u t-titlu ta’ kappella kellu jkun mogħti biss lil dawk il-partijiet ta’ ġewwa l-knisja, fejn hemm apside fejn b’altar iddedikat lill-qaddis.

Dawn il-mijiet ta’ kappelli ċkejna mxerrda ma’ Malta u Għawdex jgħinuna nifhmu aħjar it-twemmin tal-Maltin u tad-devozzjoni li dawn kellhom matul l-aħħar seba’ mitt sena lejn tant qaddisin. Il-kappelli juru wkoll kemm dawk li ġew qabilna investew biex ikollhom lok ta’ devozzjoni dinjituż għall-qaddis tagħhom, u fl-istess ħin tempju żgħir iżda diċenti li fih setgħu jsibu l-kenn spiritwali fejn jikkomunikaw ma’ dawk li hemm fis-sema’.

Martin Morana

19.02.2021

Borg Vincent (Ed.) Marian Devotions in the Islands of Saint Paul (600 – 1800). The Historical Society, 1983.

Buhagiar Mario, ‘The First Maltese Parish Churches’ ta’ Mario Buhagiar fi, Treasures of Malta, Christmas 2002, no 25, Vol IX no 1.

Buhagiar Mario, Essays on the Archaeology and Anciwent History of the Matlese Islands – Bronze Age to Byzantine. Midsea Books 2014.

Fiorini Stanley, ‘Status Animarum 1: A Unique Source for the 17th and 18th Century Maltese Demography’, Melita Historica, Vol VIII no 4, 1983.

Freller Thomas, St Paul’s Grotto and its Visitors, Valletta Publishing Ltd. 1995.

Freller Thomas, Malta  – The Order of St John, Midsea Books. 2010.

Wettinger Godfrey, ‘The Militia List’’, Melita Historica, Vol 5. No 2, 1969, pp. 80-106;

Anthony Luttrell, Ed. Ħal Millieri, A Maltese Casale – its Churches and Paintings, Midsea Books Ltd. 1976.

Luttrell Anthony, ‘The Cappella of Birkirkara 1402’, Melita Historica Vol VIII no 2, The Historical Society Malta. 1981,

Spiteri Michael, (Kilin). A Hundred Wayside Chapels of Malta & Gozo ta’  Heritage Books. 2000.

Għal aktar dettalji fuq dan is-suġġett nirrikomanda ħafna li żżuru s-sit elettroniku www.kappellimaltin.com.

 

Aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura Maltija: https://kliemustorja.com/

Kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur … https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Aktar qari …ikklikkja hawn: 

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *

Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *    K *

L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S

T *    U *    V *   W *    X *    Ż *    Z *

5 Comments

  1. Martin nahseb li l-uzu tal-kelma kappella huwa zbaljat. Dawn kienu knejjes,hekk dejjem irreferew ghalihom l-isafijiet fil-visti pastorali. Meta inti mbaghad semmejt il-cappelle tal-1436 semmejthom bhallikieku l-istess. Le dawk kienu l-knejjes principali tal-lokal. U haga ohra il-cappella jew parrocca tan NA x. Xar kienet qabel dil ta’ Birkirkara. Ara ftit il-kitba tieghi fuq dan. Dan kollu mhux bi kritika imma biex inkunu aktar korretti

    Liked by 1 person

    1. Proset Paul. Hekk . Jiena naf li l-kappelli jew kappelluni huma dawk l-altari lterali li jinsabu fil-ġenb tal-knisja. Dawn, fl-antik kienu jieħdu ħsiebhom il-fratellanzi tal-qaddis jew qaddisa li jkunu dedikat. Eż: Jekk altar ikun dedikat lill-San Ġużepp, il-fratellanza kienet tieħu ħsieb dak l-altar, tagħmel il-festa, u anke torganizza l-purċissjoni.

      Like

      1. Grazzi tal-kummenti Louis u Paul …iva għandkom raġun …. biss jien ippreferejt li nżomm mas-semantika popolari fost il-Maltin .. għax għal ħafna minna nirreferu għall-kappelli, l-aktar dawk li bl-Ing;iż nirriferu għalihom bħala wayside chapels hekk … anki Erin Serracino Inglott jispjegahom t-tifsira ta’ kappella b’dan il-mod plus li l-kappella tista’ tkun fil-knisja. .. Aquilina fid-dizzjunarju Malti – Ingliħ mhux daqstant ċar … Jiena personalment nara li l-kappella għandha tkun dik fejn hemm jiffunzjona il-kappillan … għax hemm mnejn hemm relazzjoni bejn iż-żewġ nomenklaturi u forsi l-konnessjoni etimoloġika vera tal-kelma.

        Like

    2. Paul ….liema kitba tiegħek qed tirreferi għaliha ? Jien għandi l-ktieb tiegħek People of the North … forsi hemm … dan l-aħħar rajt xi kitba oħra tiegħek ukoll x’imkien ieħor …….

      Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s