L-EWWEL ORDNIJIET  RELIĠJUŻI F’MALTA

 

Għalkemm ħafna għadhom jaħsbu li żmien Għarbi-Musulman f’Malta ġie fi tmiemu mal-wasla tal-Konti Ruġġieru (1091) għax konna naqraw li dan ħeles lil-Maltin mill-ħakma Għarbija, illum nafu li dan mhu veru xejn. Nafu mid-dokument ta’ Giliberto Abbate, l-aġent tar-Re Federiku II, li nkiteb fl-1241, li sa dak iż-żmien kien għad hawn popolazzjoni kbira Għarbija-Musulmana li baqgħet tħaddan it-twemmin Musulman. Dawn kienu jgħixu fl-istess waqt li kien hawn ukoll familji Insara kif ukoll familji ta’ twemmin Lhudi.

L-istoriċi Stanley Fiorini u Alexander Bonnici jgħidulna li bejn l-1272 – 1297, l-isqof li kien imexxi d-djoċesi ta’ Malta minn Sqallija kien Franċiskan, magħruf bħala Fra Giacomo di Malta. Dan ma jfissirx li f’Malta kien hawn komunità Franġiskana, għax Giacomo mar issieħeb mal-patrijiet Franġiskani fi Sqallija, kif kienu jagħmlu ħafna Maltin li jixtiequ jidħlu rħieb. Dan il-fatt juri li kien hawn Maltin li kienu konxji dwar dawn il-komunitajiet reliġjużi barra minn Malta u xi wħud issieħbu magħhom.

Jidher li l-ewwel ordnijiet reliġjużi bdew jaslu Malta minn Sqallija biex jiftħu l-kunventi tagħhom kien fit-tieni nofs tas-seklu erbatax u matul is-seklu ħmistax. X’kienet ir-raġuni għalfejn dawn ġew hawn mhiex ċara. Seta’ bagħthom l-Isqof ta’ Sqallija biex jagħmlu ħidma pastorali fost il-Maltin, għax Malta kienet tagħmel parti mid-djoċesi tiegħu. Jista’ jkun ukoll li kien il-kapitlu tal-Katidral li ħajjar lil dawn l-irħieb jiġu Malta. Nafu ukoll li kien hemm każi fejn xi persuni nobbli, sinjuri u tar-ruħ ħallew artijiet fit-testment tagħhom biex ordnijiet reliġjużi jiftħu l-kunvent tagħhom f’Malta.Aktar qari dwar l-

Aqra aktar artikli dwar istorja u l-kultura ta’ Malta:   http://www.kliemustorja.com

 

Il-Franġiskani

Santu Spirtu sptar24
Sptar Santo Spirito ħdejn il-kunvent tal-Franġiskani konventwali -Rabat

Waħda mill-eqdem komunitajiet reliġjużi li ġew Malta kienu żgur il-Franġiskani. Stanley Fiorini jgħid li dawn kienu Franġiskani Terzjarji Regolari, li wara xi żmien ma baqgħux għax naqsu fin-numru. Alexander Bonnici jgħid li dawn kienu l-Franġiskani (Minuri) Konventwali. Dawn bdew jgħixu f’kunvent u knisja bieb ma’ bieb mal-isptar tar-Rabat – li sar magħruf bħala

Ta Giezu MG_6458
Kunvent tal-Franġiskani Minuri Osservanti – Ta’ Ġieżu

ta’ San Franġisk. Għandna nifhmu issemma hekk mill-patrijiet Franġiskani.  Wara ħafna snin dan sar magħruf bħala l-isptar ta’ Santo Spirito.  L-istoriċi Taljani Roco Pirri u Filippo Cagliola jgħidu li l-wasla tal-Franġiskani f’Malta seħħ meta l-Isqof ta’ Malta kien Enrico ta’ Ċefalù (1334 – 1342). Alexander Bonnici sab dokument fl-Arkivji Sigrieti tal-Vatican iddatat 1347, li juru li r-Re ta’ Sqallija innomina bħala rettur tal-kunvent lil Paolo Papalla minn Palermo. Flimkien miegħu kienu jgħixu sitt patrijiet.

Fl-1500, komunità oħra ta’ patrijiet Franġiskani, din id-darba Franġiskani Minuri Osservanti, fetħu l-kunvent ieħor fir-Rabat, fejn illum hemm il-knisja magħrufa bħala Ta’ Ġieżu (minn fejn toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira).

 

Agostinjani

Augustininan convent MG_6495
Kunvent tal-Agostinjani -Rabat

Jidher, li wara l-Franġiskani, f’Malta waslu l-Agostinjani. Hawn min jgħid li dawn kienu hawn lejn l-aħħar tas-seklu erbatax. Minn dokument tal-1413, nafu li dawn żgur li kienu stabbilew ruħhom fir-Rabat sal-bidu tas-seklu ħmistax. Il-kunvent tagħhom kien, litteralment, tefgħa ta’ ġebla ’il bogħod mis-swar tal-Imdina. Minkejja dan, minħabba li beżgħu minn xi attakk għal għarrieda mill-fubrani, fl-1434 talbu lir-Re ta’ Sqallija biex il-kapitlu tal-Katidral isibulhom post fl-Imdina. Dan minħabba li ftit snin qabel, preċiżament, fl-1429, kien sar żbark aħrax mill-furbani, u l-Imdina sfat attakkata. It-talba tagħhom ġiet milqgħuha u dawn il-patrijiet ingħataw parti minn binja fejn kien hemm l-isptar iddedikat lil San Pietru. Biss, jidher li wara xi żmien, l-Agostinjani reġgħu marru lura fejn kienu. F’nofs is-seklu sittax, wara l-attakk mit-Torok tal-1551, dawn kellhom iħallu din il-binja qrib is-swar, għax din kienet ittellef lill-għassiesa tal-Imdina milli jissorveljaw l-art tal-madwar, u għalhekk kienet ta’ periklu kbir f’każ ta’ xi attakk mill-għadu. B’hekk l-Agostinjani ngħataw il-knisja ddedikata lil San Mark (mibnija fl-1402, li llum ħafna jafugħha bħala ta’ Santu Wistin) u magħha bnew il-kunvent tagħhom.

Aktar qari dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta:   http://www.kliemustorja.com

Il-Karmelitani

Madon tal-karmnu statIMG_6565
Statwa tal-Madonna tal-Karmnu -mal-kunvent tal-Karmelitani l-Imdina

Il-Karmelitani waslu Malta fl-1441. Dawn bdew jgħammru fil-kunvent tal-Lunzjata fl-inħawi ta’ San Anard, fuq Wied Liemu, daqs tliet kilometri ’l bogħod mill-Imdina. L-art u l-kappella kienu mħollija lilhom min-nobbli Margarita D’Aragona b’testment. Kien post ideali għal dawn il-patrijiet kontemplattivi. Biss, Fiorini jgħidilna li xorta waħda dawn il-patrijiet kienu anki jagħmlu xogħol ieħor, l-aktar dak relatat mal-Katidral tal-Imdina. Hekk insibu li fl-1470ijiet xi wħud mill-patrijiet kienu jaħdmu l-parċmini għall-Katidral; l-organista tal-Katidral kien ċertu Antoni Pericuni, kien Patri Karmelitan; Anki l-għalliem tal-Katidral Giovanni Bugeja kien Karmelitan. Forsi kien minħabba dan ix-xogħol fl-Imdina li l-Karmelitani, fl-1671 iddeċidew li jiftħu il-kunvent u l-knisja tal-Madonna tal-Karmnu li hemm fit-Triq Vilgaignon fl-Imdina. Biss, dawn xorta żammew il-kunvent li kellhom f’San Anard.

Id-Dumnikani

Imbagħad, fl-1450/51 waslu minn Sqallija d-Dumnikani. Dawn ingħataw il-Grotta-kappella magħrufa bħala l-Madonna tal-Għar biex jieħdu ħsiebha u ħdejha jtellgħu kunvent u knisja. Din il-grotta kellha diġà fama ta’ post ta’ devozzjoni għaliex skont il-leġġenda, il-Madonna kienet dehret lil kaċċatur. Għall-ewwel kienu tlieta l-patrijiet f’dan il-kunvent, tnejn minnhom Sqallin u wieħed Malti li magħhom minn Sqallija.

Subpage-Where-to-Start_-800x400

Imbagħad, meta l-komunità kibret, fl-1528, xi patrijiet minn din il-komunità fetħu kunvent ġdid fil-Birgu. Dan sar wara li l-abitanti tal-Birgu ġabru petizzjoni biex dawn imorru hemm u jieħdu ħsieb il-kappella ddedikata lil Santa Maria (x’aktarx diġà kienet magħrufa bħala l-Lunzjata). Dak iż-żmien il-popolazzjoni tal-Birgu kienet magħmula minn bosta negozjanti u baħħara involuti fil-qasam tal-kummerċ ma’ barra. Sa dak iż-żmien il-kappella kienet tieħu ħsiebha fratellanza tal-post. Għal bidu hawn marru jgħixu tliet patrijiet.

Aktar qari dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta:   http://www.kliemustorja.com

Hawn ta’ min wieħed jinnota li l-kunvent fil-Birgu nfetaħ sentejn biss qabel ma l-Ordni ta’ San Ġwann wasal Malta. Dan ifisser li d-Dumnikani, u magħhom in-nies tal-Birgu, għalkemm ma kellhomx il-protezzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann, setgħu sa ċertu punt, iserrħu moħħhom li f’każ ta’ żbark mit-Torok (bħal ma kien diġà seħħ fl-1488) jew tal-furbani, kienu jsibu ċertu serħan il-moħħ bi protezzjoni mogħtija mill-gwarneġġun tas-suldati barranin u Maltin li kien stazzjonat fil-forti Sant’Anġlu.

Sorjiet Benedittini

Benedittini MG_6573
Kunvent tas-sorijiet Benedittini – Mdina

Apparti dawn l-ordnijiet, fl-1455 infetaħ fl-Imdina l-ewwel monasteru tas-sorijiet tal-Benedittini, fl-istess binja fejn kien hemm l-isptar iddedikat lil San Pietru. Dan il-kunvent beda jiġbor fih nisa mhux miżżewġin li xtaqu – jew kienu mġiegħla – jgħixu miġbura f’ħajja kontemplattiva, u fejn l-ikla ta’ kuljum kienet assigurata! Dan l-ordni tal-klawsura, kiber u l-kunvent ma felaħx għal aktar, tant li sal-aħħar tas-seklu 15 kellu jinfetaħ kunvent ieħor fl-Imdina stess. Dan il-kunvent kien iddedikat lil Santa Skolastika. Fl-1571 dan il-kunvent għalaq u floku nfetaħ ieħor mill-istess komunità fil-Birgu, f’binja li sa ftit qabel kienet isservi bħala l-isptar tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Santa Skolastika _0087 (2)
Kunvent Santa Skolastika l-Birgu

Wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta, dawn l-ordnijiet reliġjużi baqgħu jikbru. Meta mbagħad l-Ordni  ta’ San Ġwann ittrasferixxa ruħu lejn il-Belt Valletta, id-Dumnikani fetħu t-tielet kunvent tagħhom u knisja fil-belt il-ġdida. Hawn saru l-ewwel parroċċa li kienet tieħu ħsieb lill-komunità l-ġdida fil-Belt.

Ma’ dawn, fl-1592, żdiedu l-Ġiżwiti, li ġew Malta biex iħeġġu u jgħallmu t-tagħlim tagħhom f’diversi oqsma, skont it-twemmin stabbilit mill-Knisja Kattolika fill-Konċilju ta’ Trento (1542 – 1564). Dawn fetħu kulleġġ fi Strada San Giacomo (illum Triq il-Merkanti fejn hemm il-knisja tal-Ġiżwiti). Dan kien il-bażi li minnu ħarġet l-Università ta’ Malta.

Xi ħsibijiet

Jidher li fis-seklu tnax u erbatax kien hawn moviment sħiħ biex il-Maltin anki jekk kienu ftit eluf, iħaddnu t-tagħlim u jipprattikaw ir-reliġjon Nisranija. Wieħed jinnota li l-ewwel l-kunventi nfetħu qrib l-Imdina, l-akbar ċentru ta’ abitazzjoni u dik il-parti li kienet l-aktar ’il bogħod mill-kosta, u protetta bis-swar. Fl-istess ħin, il-patrijiet li kienu kemm kontemplattivi kif ukoll mendikanti setgħu jserrħu rashom illi fejn ma jwassalx il-ġid modest tagħhom kienu ser ikunu mgħejjuna mill-Katidral, mill-Università u mill-abitanti nfushom tal-madwar. Kien hemm ukoll il-vantaġġ li l-kunventi tar-Rabat u l-Imdina kienu qrib art agrikola, fejn dawn l-irħieb setgħu anki jaħdmu r-raba’. Bix-xogħol tagħhom fl-għelieqi, il-patrijiet sa ċertu punt, setgħu jsostnu lilhom infushom bl-uċuħ tar-raba’ u xi bhejjem, jekk mhux ukoll bil-bejgħ tal-istess prodotti. Is-seklu ħmistax u sittax ra lil dawn l-ordnijiet jissodaw u jiftħu kunventi oħra kemm fil-Birgu kif ukoll f’Għawdex.

Martin Morana

26 ta’ Frar 2021

Biblijografija

Bonnici Alexander, Storja ta’ Malta fi ġrajjiet il-Knisja. Franġiskani 
Konventwali / PEG. 1996.
Bonnici Alexander   ‘1347 Franciscan Document’,   The Sunday Times of Malta
October 22, 1995.
Bonnici Alexander, ‘The Franciscan Conventuals in Malta’,   The Sunday Times
of Malta, January 22, 2006
Dalli Charles, The Medieval Millenium. Midsea Ltd. 2006
Dingli Pauline, Rabat - Mdina: Discover. 2007
Dingli Pauline, Rabat - The Exceptional Outskirts. 2009.
Fiorini Stanley, ‘Origins of Religious Orders in the Maltese Islands’, 
Treasures of Malta, Easter 1996, Vol II, no 2.
Fsadni Michael, ‘The Dominicans’, Birgu - A Maltese Maritime Harbour, Vol II,
Malta University Services Ltd. 1993.
Luttrell Anthony T., Medieval Malta, The British School at Rome, London, 
1975.
Mizzi P. & Borg Seraphim, ‘Augustinians in Gozo’, Heritage Vol 4, p 1201.
Vella Charlene, The Mediterranean Artistic context of Late Medieval Malta 
1091 - 1530. Midsea Books, 2013.
Wettinger Godfrey, ‘The Castrum Maris and its Suburb of Birgu during the
Midle Ages’, Birgu - A Maltese Maritime Harbour, Vol I. Malta University 
Services Ltd. 1993.

Aktar qari dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta:   www.kliemustorja.com

Dwar pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

ENĊIKLOPEDIJA dwar kliem antik u l-istorja ta’ Malta

A *   B *   Ċ *   C *   D *   E *   F *

Ġ *   G *   *   H *   Ħ *   I *    J *    K *

L *   M *    N *    O *    P *    Q *    R *    S

T *    U *    V *   W *    X *    Ż *    Z *

1 Comment

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s