Il-Bandu tal-Karnival (1722 – 1725)

 

Waqt li kont qiegħed nattendi l-kors tal-Baċellerat tal-Istorja, fl-Università ta’ Malta, fost ir-riċerka li minn żmien għal-ieħor il-professuri kienu jqabbduna nagħmlu, darba kelli nipprovdi traskrizzjoni tal- bandi, li kienu maħruġa fl-ewwel ħames snin tat-tmexxija tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena, ta’ bejn l-1722 u l-1725. Il-bandi kienu kollha miktubin bil-pinna, u bit-Taljan, u kienu jittrattaw diversi setturi tal-amministrazzjoni u tal-ħajja soċjali. Dawn il-proklami li jien ikkupjajt sibthom kollha miġbura fil-Manuskritt numru 429, vol 1, fil-Bibljoteka Nazzjonali, l-Belt.

Hawn ser nittratta bandu partikulari li għandu x’jaqsam mar-regoli jew liġijiet li kienu joħorġu fi żmien tal-Karnival. Proprjament, dan il-bandu kien ħareġ ukoll fi żmien il-Gran Mastru Zondadari, il-gran mastru ta’ qabel Vilhena, kif jidher fuq l-istess manuskritt imsemmi, għax dan jinkludi d-data 1721, fi żmien Zondandari. Biss, dan il-bandu baqa’ jirrepeti ruħu fi żmien Vilhena, sena wara l-oħra sa mill-inqas l-1725. Jidher li l-unika żieda li kien hemm fil-liġijiet kienet fis-sena 1725.

Dan il-bandu jikkonsisti f’sett ta’ regoli li kif ser taraw kienu rigorużi ħafna, magħmula bl-għan biex ma jsir l-ebda abbuż waqt li n-nies ikunu qed jitbaħardu waqt il-jiem hekk imsejħa, ‘Tal-blugħa’. Għall-istudjuż tal-istorja soċjali, u allura fil-kuntest tal-folklor Malti, dan il-bandu jiswa mhux ħażin, għax il-bandu jinfurmana dwar dak li kien ipprojbit li jsir u b’hekk, bħal ritratt fin-negattiva nifhmu x’kienu l-abbużi li kienu jsiru. Bis-saħħa ta’ dan il-bandu naraw x’ma kienx aċċettabli għall-Ordni ta’ San Ġwann – kemm f’dak li hu l-bwonordni, kif ukoll il-ħarsien morali / reliġjuż. Mill-ordnijiet maħruġa, nifhmu li l-Karnival kien joffri opportunità ta’ trasgressjoni, darba fis-sena dak li normalment ma kienx permess, kien iseħħ, l-aktar minħabba li l-parteċipanti kienu jkunu lebsin il-maskra u għalhekk setgħu jabbużaw għax ma kienux jintgħarfu.

Ara aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta: https://kliemustorja.com/

Naqraw dwar il-pieni ħorox li l-Ordni kien ibeżża’ bihom biex ħadd ma jazzarda. Il-pieni mogħtija juru li l-awtoritajiet,kienu jitrattaw lit-trasgressuri b’modi differenti, skont il-klassi soċjali li kienu jappartjenu. B’hekk jekk dak li jkun kien jiflaħ iħallas kien jeħel ċitazzjoni u ġieli swat, jekk le kien isofri s-swat jew priġiunerija anki fuq ix-xwieni. L-aktar pieni ħorox kienu immirati lejn l-iskjavi li minnhom kien hawn mijiet, jekk mhux eluf jiġġerrew mat-toroq. Dawn, jekk jinqabdu jiksru r-regoli, kienu jintrabtu u jissawtu fil-pubbliku minnufih mingħajr l-ebda proċess ġudizzjarju.

Il-kitba f’dan il-bandu mhiex dejjem hi grammatikalment ċara. Kultant kelli naqleb mit-Taljan għall-Malti b’mod kemxejn liberali biex it-test jinftiehem sew. Fejn il-kelma bit-Taljan tagħti lok għal xi dubju fit-tifsira tagħha, jien infilsajt ukoll din il-kelma bit-Taljan kif imniżżla fil-dokument. Fejn rajt li t-test jistħoqqlu xi tifsira jew xi kumment, għamilt annotazzjoni nnumerata u spjegajt il-kuntest fl-aħħar tal-artiklu.

Hawn nixtieq nirringrazzja lis-sinjura Vivian Micallef (B.A. Taljan), li jien ikkonsultajt meta l-kliem bit-Taljan kien mhux daqstant sempliċi fit-tifsira tiegħu.

Il-test tal-bandu hu dan li ġej:

bandu xx

 

Maschare¹

S.A.S. [Sua altissima Serenità Padrone]² jordna li:

L-ebda persuna li jilbes ta’ Camisella³ jew ta’ maskerat ma għandu jġorr armi fuqu li bihom jista’ jweġġa’ lil xi ħadd [armi offensivi], jew li bihom jipproteġi lilu nnifsu [ne difensivi], la xi bastun u lanqas xi għasluġ [canna]. Min jinqabad jikser din il-liġi jintbagħat jaqdef fuq ix-xwieni għal erba’ snin, u lilu jkunu kkonfiskat l-kostum [perdere i vestiti che portera’]⁴. Jekk il-persuna tkun ta’ ċertu stat soċjali [essendo persone di qualità], din ikollha tħallas lit-Teżor Pubbliku [al fisco] mitt skud u jittiħidlu l-kostum⁵. Jekk il-persuna tkun ta’ sess feminil, ikun ikkonfiskat il-kostum [i vestiti], kif ukoll, din tkun imsawta bil-frosta [frustata].

L-ebda maskerat ma jista’ jweġġa’ [ingiuriare] lill-maskerati oħra fiżikament jew jinsulentahom. Min jagħmel hekk jingħata erba’ daqqiet bil-ħabel [corda]  minnufiħ. Jekk il-persuna tkun ta’ ċertu stat soċjali, minflok tissawwat bil-ħabel, ikollha tħallas lit-Teżor Pubbliku ħamsin skud.

U biex ikun evitat kull inkonvenjent li jista’ jinqala’, hu pprojbit li jsir issuttar bil-bajd jew inkella tgarar ta’ bajd li fih ikun hemm il-ħelu [confettura]. Min jinqabad jikkontravjeni jeħel tliet daqqiet bil-ħabel u jkollu jħallas 50 skud. Taħt piena simili, hu pprojbit li jintefa’ qxur tal-granza [garabanzane] jew jitgaraw xkupi tat-tindif tal-qxur tal-qamħ [scopette di caniglia]⁶.

L-ebda skjav ma jista’ jilbes ta’ Camisella. Jekk dan jagħmel hekk jingħata mitt daqqa ta’ frosta [nervate] mal-kolonna tal-Pjazza,⁷ u l-kostum ikun ikkunfiskat. S.A.S. jrid illi r-Reliġjon⁸ [l-Ordni ta’ San Ġwann] tipproċedi b’dawn il-pieni kontra min jabbuża mill-ewwel u mingħajr l-ebda proċess ġudizzjarju.

L-ebda raġel jew mara ma jista’ jilbes ta‘ maskerat b’mod diżonest. Dawn lanqas ma jistgħu jġorru f’idejhom xi oġġetti vulgari u diżonesti [lascive e disonesti]. F’każ li t-trasgressur ikun raġel dan jaqla’ tletin daqqa ta’ ħabel, u jekk mara, din taqla’ xebgħa frosta.

Aktar minn hekk, qiegħed ikun ordnat li l-ebda mara ma tista’ tilbes ta’ raġel u l-ebda raġel ma jista’ jilbes ta’ mara. Ħadd ma jista’ jilbes il-faldetta b’tali mod li jinkixfu s-saqajn mill-irkoppa ’l isfel. Jekk dan iseħħ, il-mara jittiħdilha l-kostum u taqla’ xebgħa frosta. Fil-każ li l-kontraventur ikun raġel ta’ stat baxx, [uomini di bassa condizione] dan jaqla’ tliet daqqiet bil-ħabel kif ukoll jittiħidlu l-kostum. Jekk imbagħad dan ir-raġel ikun ta’ stat għoli, dan ikun eżiljat mill-Erbat Ibliet ⁹. Jekk il-persuna tkun ta’ età anqas minn tmintax-il sena din jittiħdilha l-kostum u teħel xahar ħabs.

Ħadd ma jista’ jilbes b’mod illeċitu u skandaluż, mhux biss b’mod vulgari u oxxen imma anki b’kull mod ieħor li jista’ jwassal għal xi att illeċitu u skandaluż. Għal min jagħmel hekk hemm piena ta’ tliet daqqiet bil-ħabel, jekk ikun raġel, u jekk tkun mara, din taqla’ swat bil-frosta li jingħataw dak il-ħin stess.

Qiegħed ikun ordnat ukoll li l-artiġjana, l-aktar dawk li jaħdmu bħala mastrudaxxi [falegname] ma jistgħux jipproduċu [travagliare] u lanqas ibigħu bsaten jew oġġetti [strumenti] oħra lill-maskerati, li bihom dawn jistgħu joffendu jew ikunu ta’ dannu għal ħaddieħor. F’każ li dan iseħħ, kemm l-artiġjan kif ukoll dak li jixtri l-oġġett jingħataw tliet daqqiet ta’ ħabel.

Finalment, hekk kif idoqq l-Anġelus [la salutazione Anglelica] il-maskerati jridu bilfors jinżaw il-maskra (10).

Moqri u ppublikat fl-Erbat Ibliet fil-14 ta’ Frar 1722.

[Die xjv: men Febrij 1722 Lectum et publicatum in his quatuor civitatibus].

…..1723…..

…..1724…..

….1725…………………… u l-istess

Maskerati jew oħrajn ma jistgħux iduru fit-toroq idoqqu t-tnabar taħt piena kif maħsuba mill-A.[ltissima] S.[erenità].

(Die 2 men Febraij. Lectum et publictum

In his quator civitatibus)

 

Bandu Carnival 172300001

Ara aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta: https://kliemustorja.com/

Annotazzjonijiet

  1. Aktar ’l quddiem maschareġieli tinkiteb maschere, biss jidher li din il-kelma dejjem tfisser l-istess.
  2. It-titluonorarjuli dak iż-żmien kien indirizzat il-Gran Mastru.
  3. Fid-Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fiel fom tal Maltin u Ghaucin(Rosabelle Carabott – ed. 2016) ta’ Agius Sultana insibu hekk:  Kamużeln.s.m. (nome singolare maschile) Zanni, buffone l. [Latin] riducularius, scurra. In Malta e Gozo viene presa questa voce per ogni mascherato sia uomo sia femmina, e con qualunque abito vestito.
  4. Nassumi li ‘i vestiti’jirriferu għall-kostumi li kienu jintlibsu fil-Karnival.
  5. Fi żmien l-Ordni,żewġ skudi kienu jagħmlu daqs paga ta’ xahar ta’ ħaddiem komuni li ma għandux xi majjestrija partikolari. Jekk il-ħaddiem kien aktar kapaċi kien jaqla’mat-tliet skudi fix-xahar jew aktar.
  6. X’aktarx li l-kelma canigliahi l-istess bħal canigghia. Fil-website www.dialettando.com sibt li caniglia hi kelma li tintuża biss fl-Abruzzo u li tfisser l-istess bħal  canigghia li tfisser: buccia di grano o di bidade macinata, separate dalle farina. Crusca. Żdin tal-aħħar sibtha fid-Dizionario Nuovo Siciliano – Italiano,  (1853) ta’ Vincenzo Mortillaro.
  7. Din il-kolonna jista’ jkun li kienet fil-kantuniera bejn Triq San Ġwann u Triq il-Merkanti li kienet tagħmel parti mill-binja tal-Qorti tal-Ordni jiġ., Il-Kastellanja – fejn għadha hemm. Nassumi li s-swat seta’ jsir billi l-persuna kienet tkun imdendla bil-ħabel fuq jew taħt il-kolonna. Ara: Kissing the Gallows, ta’ William Zammit, b’informazzjoni u anki disinji fuq il-paġni 75, 282, 372 u 373.
  8.  ‘L-Erbat Ibliet’ nassumi li kienu dawk ta’ ġewwa s-swar, jiġifieri l-belt Valletta, L-Isla, Bormla u l-Birgu.
  9. Hawn ma nafux jekk din il-liġi hiex qed tirriferi għad-daqq tal-Anġelus, tliet darbiet matul il-jum, jiġifieri, filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija. Jekk hu hekk nifhmu li l-maskra kellha titneħħa b’sinjal ta’ rispett u dover reliġjuż. Jekk l-Anġelus li qed jirriferi għalih hu biss dak ta’ qabel ma jidlam, dan jista’ jfisser li l-maskerat kien obbligat jinża l-maskra u magħha l-kostum ftit qabel ma jidlam, biex it-tbaħried jieqaf hekk kif jidlam.

carnevale-popolare-torre-del-greco

Martin Morana ©

Oriġinarjament dan l-artiklu ppubblikajtu fl-IMNARA, Vol. 11, Nru 3, Ħarġa Nru 42.  (Pubblikatur: BDL) f’isem L-Għaqda Maltija tal-Folkor, 2019.

Ara aktar artikli dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta: https://kliemustorja.com/

Paġni tal-Enċiklopedija storika kulturali: 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

AA cover page

 

Dan il-ktieb hu għall-bejgħ bħala paperback.

ISSA jinsab ukoll għall-bejgħ bi prezz irħas bħala ebook fuq Amazon – Kindle.

Ikklikkja hawn:

https://WWW.AMAZON.COM/MALTESE-HUMOUR-SERIOUSLY-MARTIN-MORANA-EBOOK/DP/B08ZYYZ5PM/REF=SR_1_2?DCHILD=1&QID=1616830931&REFINEMENTS=P_28%3AMALTESE&S=BOOKS&SR=1-2

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s