L-Akwadott ta’ Wignacourt

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Bħal-lum, erba’ mija u sitt snin ilu, preċiżament, fid-21 ta’ April 1615, l-Ordni ta’ San Ġwann organizza festeġġjamenti kbar fil-Belt Valletta biex jinawgura l-akwadott ġdid li fih seta’ jinġarr l-ilma mill-widien fl-inħawi tar-Rabat sal-Belt Valletta. Dan l-awkadott hu magħruf bħala ta’ Wignacourt.

Alof_de_Wignancourt_official_portraitWara l-Gran Mastru La Valette, Alof de Wignacourt huwa l-aktar Gran Mastriu.i tal-Ordni ta’ San Ġwann li jibqa’ jissemma appuntu minħabba dan il-proġett grandjuż għax kien hu li insista biex isir. Kien hu li ħareġ l-akbar ammont ta’ flus biex dan il-proġett jintemm.

Sal-aħħar tas-seklu sittax, jiġifieri daqs tletin sena wara li l-Ordni ta’ San Ġwann kien telaq mill-Birgu u mar jamministra mill-Belt Valletta, beda jinħass sew in-nuqqas ta’ risorsi tal-ilma f’din il-belt il-ġdida. Verament, kien hemm liġi li ma’ kull binja fil-Belt ikun hemm bir imħaffer t’apposta biex jissuplixxi l-ilma suffiċjenti s-sena kollha. Biss, l-abitanti tal-Belt issa bdew ilaħħqu mall-10,000 ruħ. Apparti minn hekk, l-ilma kien hemm bżonnu .għax-xwieni tal-Ordni u bastimenti oħrajn meta dawn isalpaw mill-Port il-Kbir fuq vjaġġi li kultant kienu jdumu x-xhur.

Inizzjalment, il-fondi biex jinbena dan l-akwadott inħarġu minn taxxa li ġiet imposta fuq il-qamħ li kien jinbigħ lill-furnara. Din it-taxxa ġabret is-somma ta’ 40,000 skud li biha il-proġett kien jibda, iżda li żgur ma kinetx biżżejjed biex ix-xogħol jitkompla. Peress li kien hemm bżonn ta’ flejjes ħafna aktar minn hekk, xi kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ikkontribwew flushom għall-dan il-proġett. Il-bqija tal-flus ħariġhom il-Gran Mastru Wignacourt innifsu.

Biex taqra aktar artikli  kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

Fl-1610 l-Ordni qabbad lill-inġinier Sqalli, il-Ġiżwita Natale Tomasucci biex ifassal u jmexxi x-xogħol ’il quddiem. Wara xi żmien li x-xogħol kien beda, Tomasucci sab problemi kbar ta’ inġinerija biex l-ilma jiġi kkanalizzat fin-naħa ta’ Ħ’Attard. Wara ftit dan qata’ qalbu u telaq lura lejn Sqallija. Minfloku ġie kkummisjonat Bontadino Bontadini, (x’aktarx tal-ewwel hu laqam u mhux ismu proprja) inġinier minn Bologna, li fl-1612 kompla fejn ħalla ta’ qablu.

Dan l-inġinier ra li waħda mill-problemi li ried isolvi kienet kif il-pressa tal-ilma għaddej minn ġol-kanal ma tixpakkax iċ-ċnagen mqiegħda wieħed wara l-ieħor u li l-ilma ma jnixxix minn bejnithom. Għalhekk Bontadini ġab kwalità ta’ siment magħmul mit-trab vulkaniku, imsejjaħ pozzolana min Pozzuoli, raħal li jinsab mal-kosta qrib Napli. Bih seta’ jgħaqqad il-ġonot ta’ bejn il-ġebel biex l-ilma jgħaddi minghajr ma jinfiltra ‘l barra.

Il-problema l-oħra, dik tal-imxija u l-qlib tal-ilma mill-għoljiet tar-Rabat sal-Belt Valletta, solviha billi flok għadda l-akkwadott kollu minn taħt l-art, f’ċerti nħawi, bħal f’Ħ’Attard u Santa Venera eleva l-kanal fuq arkati. F’Santa Venera – preċiżament fejn illum nafuh bħala Fleur de Lys, l-arkati jaqsmu min-naħa għall-oħra tat-triq. L-arkata l-kbira tan-nofs hi dekorata fi stil Barokk, x’aktarx l-ewwel darba li f’Malta intuża dan l-istil ta’ arkitettura. (It-tieni darba li nbena bini f’dan l-istil kien meta fl-1638, l-arkitett Francesco Buonamici ddisinja l-knisja tal-Ġiżwiti li hemm fi Triq il-Merkanti, il-Belt.

Aqueduct furdulisc2-620x348

Fuq waħda mit-tliet arkati li jaqsmu t-triq twaħħlet l-arma tal-Gran Mastru Wignacourt li fiha hemm tliet ġilji (bil-Franċiż magħrufa bħala fleur de lys) u b’hekk l-ambjent tal-madwar ħa dan l-isem li l-Maltin kienu jafuh aħjar bħala, il-Furdulis. Sfortunatament, din l-arkata kienet intlaqtet bi krejn fiż-żmien t-Tieni Gwerra Dinjija u ma reġgħetx imbniet – għax ġie deċiż li billi minn hemm jgħaddu inġenji kbar din kienet ta’ ostaklu għalihom. F’2016 inbniet kopja tal-arkata li żżejjen ir-rawndebawt, qrib ħafna fejn kienet l-arkata l-antika.

L-akwadaott minn hawn jibqa’ jkompli fuq l-arkati matul it-triq prinċipali li tinżel lejn il-Ħamrun. Imbagħad dan jerġa’ jinħeba taħt l-art sakemm jasal il-Furjana, ħdejn il-Knisja ta’ Sarria. Hawn naraw speċi ta’ torri dekorattiv b’ħawt miegħu li minnu jixorbu ż-żwiemel. Min hawn l-ilma kien jibqa’ għaddej taħt l-art biex jilħaq bieb il-Belt Valletta fejn imbagħad l-ilma kien jinfirex f’ċisterni kbar imħaffrin apposta.

Wignacourt fountainFlorxParti mill-kanalizzazzjoni kienet tagħti dirett għal binjiet ta’ ċertu importanza, bħal ma hu l-Palazz tal-Gran Mastru, il-knisja konventwali ta’ San Ġwann, il-ħabs tal-iskjavi (magħruf bħala l-Bagno), kif ukoll il-Forti Sant’Iermu. L-ilma kien ukoll jiżbokka  minn funtani biex il-pubbliku jinqeda minnhom ukoll. Dik il-funtana li llum hemm mal-ħajt tal-Kavalier ta’ San Ġakbu kienet magħrufa l-aktar bħala l-post fejn in-nies kienu jistgħu jaħslu il-ħwejjeġ. Fuqha nsibu l-iskrizzjoni bil-Latin Omnibus Idem, li bil-Malti tfisser: ‘lil kulħadd l-istess’ (nassumi li din tfisser li kulħadd kellu d-dritt li jagħmel użu mill-ilma). Kien hemm imbagħad żewġ funtani oħra, waħda fil-pjazza tal-Palazz u l-oħra max-xatt tal-Belt ħdejn il-knisja ta’ Liesse. F’nofs din il-funtana kien hemm il-famuża statwa ta’ Nettunu, jew kif nafuha, l-istatwa tal-Ġgant li fi żmien l-Ingliżi żżarmat u ddaħħlet fil-bitħa ta’ isfel tal-Palazz tal-Gvernatur.

Valletta Wignacourt Fountain near porta realeL-akwadott kien jaqsam distanza ta’ madwar tnax-il kilometru. Dam jinbena mal-ħames snin u ġieli kien hemm mas-600 ruħ jaħdmu fuqu. Kien sewa b’kollox 155,000 skud. Biex ikollok idea ta’ kemm jiswew dawn il-flus – tliet skudi kienet ħafna drabi l-paga ta’ xahar ta’ bumbardier li kien ikun għassa f’wieħed  mit-torijiet tal-kosta.

Dan l-akwadott baqa’ jopera sal-1911. Sa dak iż-żmien l-amministrazzjoni Ingliża kienet bdiet toħloq sistema ta’ kanalizzazzjoni tal-ilma aktar estensiva u magħmula minn katusi tal-ħadid imqiegħda taħt l-art. Din is-sistema ssuperat dan il-proġett li serva lill-Ordni ta’ San Ġwann u l-popolazzjoni tal-Belt għal daqstant żmien.

______

Fi żmien l-Ordni kien hemm regoli stretti maħsuba biex jipproteġu l-funtani mill-użu abużiv jew inkella minn xi ħsarat. Kien hemm anki uffiċjal inkarigat biex dawn il-funtani jinżammu fi stat tajjeb. Dan l-uffiċjal kien imsejjaħ, il-funtanier.

Qiegħed inġib hawn taħt bandu li sibt  fil-Manuskritt nru, 429, Vol 1. paġna 14, fil-Biblioteka Nazzjonali. Dan il-bandu kien ħareġ fid-19 ta’ Awissu tal-1722, fi żmien il-Gran Mastru Vilhena. B’dan il-bandu l-Gran Mastru qiegħed jordna u jwissi li l-funtana tas-Suq fil-Belt għandha tinżamm nadifa u li min jinqabad iħammiġha jew jużaha b’mod ħażin jeħel multa.

 Bando

Per la Fontana Della Piazza  

S[ua]:A[ltissima]:S[erenità]:
Padrone volendo che la fontana pos=
ta nel mezzo della Piazza del Mercato 
di q[ue]sta Citta Valletta sia mantenuta con
politezza conforme conviene per il p[rese]nt[e]
bando ordena e comanda che nessuno del
bottegani e rivenditori che esercitano qual=
siasi mestiere dentro l’istessa Piazza e sue 
loggie, come sono macellari Pizzicanti e 
rivenditori d’erba possa lavare nella detta
fontana e al di fuori vicino a q[eu]llo
nessuna specie di carne robba da lurdo ne
erba che altra qulunq[ue]: cosa che sia volendo
che tutti q[ue]ll[i]: che avevan bisogno debba=
no solamente cavare l’acqua dell’ istesse 
fontana con un vaso di creta che sia netto
e polito sotto pena alli contraventori di 
pagare al Fisco dell’ S:A:S onze quattro del p.g. toties quoties.
proibisce in oltre a qual: sia[si] persona general=
mente di poter abbevare animali nell’istessa fontana in qualunq[ue]: tempo che    sia 
ne lavare in quella biancheria ne altre 
robbe uguali e general[men]:te nissuna cosa sot=
to l’istessa pena. 

Die xix men Aug:[us]ti 1722: Lectum in publica Platea.

 

baNDU 09_122314

 

Martin Morana

21.04.2021

Biex taqra aktar artikli  kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/

Bibliografija:

Bonello Giovanni, ‘Bontadino Bontadini, builder of Wignacourt’s Aquaduct’.  The Sunday Times of Malta, June 2, 2002.
Bonello Giovanni, ‘Bontadini’s tragic end’. The Sunday Times of Malta, June
9, 2002.
Grima Joseph F., ‘Construction and Inauguration of Wignacourt’s aqueduct’.
The Sunday Times of Malta, April 21, 1919.
Vella Therese M., ‘A ‘new’ fountain for the Marina Waterfront’, The Sunday
Times of Malta
, June 16, 2019.
Zammit Vincent, Wignacourt’s Aqueduct. Heritage, Vol. 2. Midsea Books.
‘Celebrating the Reconstruction of the Wignacourt Arch’, Times of Malta,
April 28, 2016.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:

https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s