Fil-Malti bħal, f’kull lingwa oħra, insibu ħafna espressjonijiet li jingħadu b’mod figurattiv biex jenfasizzaw xi sitwazzjoni partikulari. Meta dawn l-espressjonijiet jirriferu għal xi ħaġa li tippargunaha ma’ oġġett, essri, jew avveniment fl-istorja, dawn donnhom isiru cliché u jimmaturaw f’idjomi li bosta drabi jibqgħu jingħadu għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-idjomi jagħtu kulur aktar b’saħħtu lil-lingwaġġ tagħna.
Hawn qiegħed nagħti xi eżempji ta’ idjomi li ħafna minnhom għandhom tifsira storika jew soċjali. Id-deskrizzjoni tagħhom hi kemxejn qsajra, għalhekk jekk tixtieq tkun taf aktar tista’ tidħol fuq il-paġni tal-‘Enċiklopedija’ ta’ din il-website biex tfittex aktar dettalji. Hemm ukoll artiklu ieħor li kont ippubblikajt fuq l-istess website dwar l-idjomi relatati mal-baħar. Biex taraha kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2019/04/01/787/
—–
AĊĊJOMU Idj: ‘Sar qisu aċċjomu’. Il-kelma aċċjomu ġejja mil-Latin Ecce Homo, riferenza għall-figura ta’ Kristu msawwat u mżeblaħ, irraffigurat f’immaġini ta’ bniedem kollu dmija. Skont ir-rakkont tal-vanġelu, Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman tal-Ġudea, ippreżenta ’l Kristu lil-Lhud, wara li dan kien ifflaġġellat mis-suldati, u qalilhom, ‘Dan hu l-bniedem’ – espressjoni li bil-Latin nafuha bħala: Ecce Homo.
ALAXALXÈ Idj: Għamel kollox alaxalxè. Espressjoni li biha rridu nfissru li oġġett sar bl-addoċċ. Skont id-dizzjunarji ta’ Aquilina (J.A.) u Erin Serracino Inglott (E.S.I.) din il-kelma ġejja mill-Ingliż / Franċiż recherché, avverb li jirreferi għal oġġett imfittex għall-kwalità tajba tiegħu u li hu magħmul b’reqqa. Il-kelma recherché, nsibuha fil-kuntest Malti f’żewġ kitbiet ta’ awturi differenti: a) f’rapport li deher fl-1907 dwar iż-żjara tar-Re Dwardu VII f’Malta, fejn l-awtur, b’riferenza għar-Royal Opera House tal-Belt, jikkwota hekk: “The beautiful decorations, costly furniture and rich carpets were of the daintiest and most recherché style”; u b) f’Muir’s Almanac tal-1845, meta l-awtur jiddeskrivi l-kwalitajiet tajbin tal-inbejjed li wieħed seta’ jsib fil-Princess Royal Hotel, il-Belt: “… it served wines of the most recherché quality direct from the Vigneron”. Wara l-użu fattwali ta’ din il-kelma, jidher li din imbagħad bdiet tintuża b’mod ironiku biex iwaqqa’ għaċ-ċajt kull tip ta’ xogħol ta’ kwalità inferjuri u allura bdiet tfisser l-oppost. Biż-żmien dan is-sens ironiku intesa u llum it-tifsira hi biss dik spjegata fl-ewwel sentenza. Sors: ‘19th Century Hotels in Malta’ ta’ Paul Cassar, Melita Historica Vol VIII, No 2, 1981, p.116, u History in Marble ta’ Michael Ellul. Ara wkoll: Maltese – English Dictionary, ta’ Joseph Aquilina (J.A.), u Il-Miklem Malti l-Ewwel Volum, ta’ E.S.I.
Għal aktar tagħrif dwar l-istorja u l-kultura Maltija kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
ALBANJA / ARBANJA Idj: ‘Qisek l-Albanja!’ – Din kienet tingħad lil xi ħadd ta’ statura goffa u li mhuwiex kapaċi jagħmel xogħlu sew. Din l-idjoma kienet tqabbel dan il-persuna ma’ bastiment, l-H.M.S. Hibernia, li l-Maltin kienu jsejħulu l-Albanja jew l-Arbanja. Fis-seklu dsatax dan dam sorġut għal ħafna snin fin-nofs tad-daħla ta’ bejn l-Isla u l-Birgu. Kien bastiment kbir u sabih, biss qatt ma jiċċaqlaq minn fejn kien irmiġġjat. Għaldaqstant, dejjem kien jidher b.mod prominenti minn kull fejn tħares fil-Port. L-Ingliżi kienu jużawh biss bħala barracks għas suldati jew baħrin li jkunu Malta għal żmien qasir. L-analoġija ma’ dan il-bastiment kienet tingħata għaliex dan il-vapur kbir u sabiħ kemm tridu qatt ma kien joħroġ mill-port, u għaldaqstant bla siwi. Idjoma oħra kienet: ‘Qisek baħri tal-Arbanja’. Dan il-paragun kien jingħata lil xi ħadd li jitkellem fuq xi suġġett partikulari, biss, mingħajr qatt ma esperjenza dak li qiegħed jgħid. L-istess bħal meta baħri li jaħdem dejjem fuq l-Arbanja mhux kapaċi jinnaviga bastiment, għaliex il-bastiment ma jkun qatt salpa ‘l barra mill-Port.
ANTIKALJA TA’ PIZZOLU Idj: ‘Antik daqs Pizzolu’. Oġġett antik li ma jibqax ta’ valur jew użu. Pizzolu hu l-isem li l-Maltin kienu jsejħu lil Pozzuoli, belt żgħira mal-kosta ta’ Napli, fejn għad hemm fdalijiet antiki Rumani. X’aktarx li xi Maltin kien jivvjaġġaw sa din il-belt minħabba illi kien jiġi impurtat minn hemm trab vulkaniku, magħruf bħala pozzolana, li kien jintuża bħala siment. Ta’ min wieħed jgħid li biex inbena l-akwadott ta’ Wignacourt, it-taħlita użata fit-tkaħħil tal-kanal kienet magħmula mill-pozzolana. Tal. anticaglia. Kif Ngħiduha, Gino u Anna Muscat Azzopardi (1985).
APPA Idj: ‘Għid appa!’ Espr. li tfisser li xi ħaġa li ġrat issa mhix se terġa’ tmur lura għalli kienet. Ngħidu: “Għid appa!” – b’mod ta’ antiċipazzjoni meta xi ħadd jixtieq li tiġri xi ħaġa li żgur hi impossibbli li tirranġa ruħha. Tista’ tingħad ukoll meta xi ħadd jimbex tfajjel tfajjel ċkejken billi jagħmel idejh ma’ mnieħeru biex taparsi se jeħodulu. Dan jgħidlu biċ-ċajt, ‘għid appa!’, u t-tifel jirrispondi, ‘appa!’ Imbagħad, tal-ewwel jurih sebgħu l-kbir imdeffes bejn is-swaba’ l-oħra, bħallikieku dak hu mnieħer it-tifel. Din l-espressjoni tingħad ukoll f’rakkont ta’ storja folkloristika li Manwel Magri kien ġabar mingħand fomm in-nies. Fl-istorja, tfajla tkun maqbuda minn koppja ġganta bl-iskop li jsemmnuha u jikluha. Din it-tfajla toqtol lill-Ġganta biex taħrab, u wara tikkonvinċi lill-Ġgant biex jinżel fil-bir b’ħabel biex itella l-ftit ilma li kien hemm f’barmil. Meta dan jasal fil-qiegħ tal-bir u jiġi biex jitla’ lura, it-tfajla tgħidlu, ‘Issa għid appa!’ u dak iwiġibha, ‘appa!’ Fil-pront it-tifla tgħidlu ‘il-ħabel skappa!’ u titlaq il-ħabel minn idejha u l-Ġgant jibqa’ hemm isfel, u t-tifla taħrab. Ara: Manwel Magri – Ħrejjef Missirijietna, ta’ Ġorġ Mifsud Chircop, pp. 146 – 152.
APPALT Idj. ‘Ħadu bl-appalt’ Kelma li normalment tintuża fil-frażi ‘kuntratt jew xogħol bl-appalt’, jiġifieri, xogħol b’kuntratt, jew bi ftehim għal xi proġett kbir, eż., xi bini ta’ stabbiliment kbir. Dan hu terminu legali li bih l-appaltatur (il-kuntrattur) jintrabat li xogħlu jsir b’reqqa u skont is-sengħa, u jidħol garanti għal kull ħsara li tista’ tiġri lill-binja sa snin wara. Biss, l-idjoma ġġorr magħha ċerta ironija, bħal meta wieħed jakkuża lil ieħor li dan qiegħed jikkapparra l-oġġett jew il-post wisq, mingħajr ma għandu d-dritt. L-istess bħal meta wieħed jgħajjar lil ieħor: ‘Mela hawn ħadtu b’ċens?’ Tal. appaltare – M. ikkonċeda, ta, jew akkwista xi negozju b’kuntratt. Sors: Idjomi Maltin ta’ Karm Fenech, edizzjoni 2006.
ARGUŻIN / ARKUŻIN Idj: ‘Qisek l-argużin!’. L-idjoma tirreferi għal bniedem sever jew kattiv, u li jimponi r-rieda tiegħu fuq ħaddieħor. Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, l-argużin kien dak l-uffiċjal ta’ fuq ix-xwieni, responsabbli mill-qaddiefa, jew inkella il-gwardjan prinċipali tal-ħabsin u l-ilsiera. Franċiż: argousin, representant de force de l’ordre. Sqal. Aguzzinu. Carceriere spietato. Sp. Alquazil (sergente di palazzo).
ASS Idj. ‘Waqa’ l-ass!’ Karta tal-logħob magħrufa hekk, li jkollha koppa, mazza, dinar jew spata waħda biss. L-idjoma tingħad meta xi ħadd jispiċċa jitkellem dejjem fuq l-istess suġġett. Dan hu paragun bħal meta fil-logħob tal-karti l-lagħbi jitfa’ l-karta li turi l-ass, għax ma jkollux karta aħjar x’jilgħab. L-isem u s-sinjifikat tal-ass jiddependi skont il-logħba. Fost il-logħob li jeżisti fejn jidħol l-ass hemm dik li bil-Malti hi magħrufa bħala, ‘L-Ass Idur’. It-Taljani għandhom l-Iscopa u l-Ingliżi għandhom l-Ace. Bħal din l-idjoma hemm oħra li għandha x’taqsam ukoll mal-logħob tal-karti: ‘erġajna koppi’.
AWDISSA Dan kien il-mod kif il-Maltin kienu jsejħu l-port ta’ Odessa, fil-Baħar l-Iswed. Idj: ‘Qisu barri ta’ Awdissa’ Fl-antik il-Maltin kienu jimpurtaw bosta affarijiet minn Odessa, l-aktar il-qamħ, il-ħnieżer u l-barrin. Mid-dehra dawn il-barrin kienu ta’ statura kbira u għalhekk malajr inħolqot l-espressjoni b’paragun ta’ dan għal xi ħadd li jkun b’saħħtu u mibni sew.
AŻŻMU Idj. ‘Kemm hu ażżmu!’ Aġġettiv li jingħad għal persuna diffiċli u riġida fil-manjieri tagħha man-nies. Bniedem żorr. Jekk l-għaġina tal-ħobż ma jkollhiex il-ħmira, din tibqa’ baxxa u ċatta u ngħidulha, ħobż ażżmu. Għal ħafna, dan hu ħobż li hu indiġest u li mhux ta’ min jieklu. L-istess il-bniedem meta jkun xi ħadd ‘ażżmu’ dan ikun antipatku u li ma tniżżlux malajr.
BEATI PAOLI Idj: ‘Tah daqqa / qala’ daqqa tal-Beati Paoli’. Fil-ħsieb kollettiv Sqalli, il-Beati Paoli kienet setta sigrieta. Jingħad bosta fuqha, biss il-verità hi li qatt ma nstabu dokumenti storiċi li juru li din l-għaqda kienet verament teżisti. Din l-ispeċi ta’ konfraternità kienet deskritta u mogħtija laqta romantiċizzata fil-ktieb, I Beati Paoli, ta’ Luigi Natoli (1921). L-awtur jambjenta din is-setta f’Palermo tas-seklu sbatax u jpinġiha bħala għaqda ta’ nies li tgħin il-foqra, waqt li l-membri tagħha jikkumplottaw biex jiskapulaw l-awtoritajiet korotti. Is-setta kienet tagħmilha ta’ tribunal bil-poteri awtonomi tagħha, u sa anki kienet tiġġustizzja n-nies, u tuża l-vjolenza biex tivvendika ruħha għan-nom ta’ min ikun sofra xi deni. L-espressjoni nużawha meta xi ħadd jaqla’ daqqa li jibqa’ taħtha. Kultant issib min juża l-espressjoni b’mod ieħor, eż., ‘tlajt telgħa tal-Beati Paoli, li jfisser li t-telgħa kienet twila / wieqfa, b’mod li tgħejjik u taqtagħlek nifsek.
BIJAMBÒ Idj: ‘Donnu qam bil-bijambò’ – jiġ., il-persuna inkwistjoni qamet bil-buli; għandha burdata ħażina. Il-biambò hu strument mużikali żgħir tal-ħalq li narawh jintuża l-aktar mill-Isqallin. Biss, l-Isqallin isejħu dan l-istrument, scacciapensieri jew maranzano. Dan jindaqq billi jinżamm max-xuftejn bejn is-swaba, waqt li b’saba’ wieħed jintgħafas il-fildiferru li jkun imwaħħal mal-qaws ċkejken tal-metall. Il-ħoss tiegħu hu monotonu u jixbah kemxejn wieħed inewwaħ. Il-kelma bijambò tintuża fi Spanja, fil-Portugal u fil-Brażil fejn hu mitkellem il-Portuġiż. Hemm jgħidulu, Birimbao jew Berimbao. Biss hemm l-istrument hu xi ħaġa differenti (ara r-ritratt).
BONA Idj: ‘Ikrah daqs id-dagħa ta’ Bona’ Paragun ta’ persuna jew oġġett mad-dagħa li wieħed seta’ jisma’ f’Bona, (port fl-Alġerija, illum magħruf bħala Annaba). Fis-seklu dsatax kienu emigraw eluf ta’ Maltin lejn l-Alġerija biex isibu x-xogħol. Apparti minn hekk, f’dak iż-żmien kien isir ħafna kummerċ bejn Malta u Bona u għaldaqstant l-importaturi Maltin, kienu ġejjin u sejrin hemm. Storikament, l-idjoma x’aktarx tikxef kemm kien jispikka d-dagħa Malti meta wieħed jisimgħu f’post ’il bogħod minn pajjiżu.
BUŻILLIS / BUSILLIS Idj: ‘Taf x’inhu l-bużillis….’ Problema, ostaklu, saram, taħwida nobis. Oriġ. din il-kelma ġejja mill-Lat. in diebus illis, kliem li nsibuh fil-bidu tal-Vanġelu, li jfisser sempliċiment: ‘F’dak iż-żmien….’. It-tgħawwiġ tal-Latin ma sarx mill-Maltin meta bdew jgħidu din il-frażi bil-Latin. Insibu li ċertu Giovanni Papini, Taljan, fil-kitba tiegħu, Lezioni Sopra il Burchiello (1733), jgħid hekk: …. ‘in diebus illi. Di qui viene il detto questo è il busillis’. Dan qed jikwota awtur ieħor Taljan tas-seklu ħmistax. Issa wieħed irid jara għaliex din l-espressjoni kienet mgħawġa anki bit-Taljan, u saret busillis. Ir-risposta li sibt jiena u nqalleb, hi din: Biż-żmien il-kitba bil-Latin diebus illis bdiet tkun ikkupjata ħażin, u flok in diebus illis, kien hemm min kitibha indie busillis. Għaldaqstant il-Latinisti meta ġew biex jaqraw din il-kelma ma fehmuhiex u bdew isaqsu: imma din busillis xi tfisser? U ħadt ma kien jaf iwieġeb. B’hekk din il-kelma ġiet tirrapreżenta kwalunkwe problema diffiċli li ma hemmx tarfha.
Għal aktar tagħrif dwar l-istorja u l-kultura Maltija kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
BŻALLU Idj: “int ġej bil-bżallu llum jew?” Tingħad meta xi ħadd ikun ġej biċ-ċajt jew qed jipprova jkun diffiċli. Imma x’hinu l-bżallu? Dan jista’ jkun bosta affarijiet. 1. Għamla ta’ ċombin li jitkebbeb miegħu t-tajjar jew il-ħajt. 2. Logħba bħax-XIXU. 3. Logħba oħra magħrufa wkoll bħala piżallu jew bħala Ħames Ċagħkiet. Din hi logħba fejn it-tfal jaqbdu xi ftit piżelli f’idhom u jgħolluhom fl-ajru u jipprovaw jilqgħuhom qabel ma jaqgħu fl-art. – etim. Tal. pisello – oriġ. rif. għall-forma taċ-ċombin. V. Busuttil (1900) jittraduċiha bl-Ing. bħala the seven balls game. Ara: Logħob Taqbil u Ġugarelli ta’ Guido Lanfranco.
ĊIKKU BRIKU Idj: ‘Dan kollu ċikku briku’. Risposta għall-problema li ma twassal għal ebda soluzzjoni. Rif. għas-soluzzjoni li tagħżel, tkun xi tkun, din ser tibqa’ kif kienet u mhux ser issolvi xejn. Sqal. Sceccu: asino, bricco: wkoll asino. Sors etim: J.A.
DI U DO, id- Idj. ‘Qishom id-di u d-do‘. Din if-frażi tirriferi għal tnejn min-nies li dejjem tarahom flimkien. Storikament, din l-idjoma nħolqot mill-fatt li għal bosta żmien, fil-port ta’ Marsamxett kien hemm żewġ vapuretti tan-Navy Ingliża, sorġuti ħdejn xulxin. Dawn kienu żewġ gunboats, waħda jisimha HMS Dee u l-oħra HMS Don. Billi dawn kienu dejjem qrib xulxin, wieħed kien ixebbah xi koppja li dejjem fil-kumpanija ta’ xulxin, b’mod umoristiku, billi jgħidlhom, ‘qishom id-di u do’. Idjomi oħra simili huma: qishom ħabel u satal; qishom ħobża u sikkina, jew, qishom parilja (żewġt iżwiemel li jiġbdu l-istess karozzella).
DEMM ID-DARS Idj. ‘ħadu fuq demm id-dars’, jiġ., aċċetta lil xi ħadd kontra qalbu; ngħidu wkoll ‘għamel li kellu jagħmel fuq demm id-dars’, jiġ., għamel xi ħaġa għax sfurzat. Fil-Lexicon li Mikiel Anton Vassalli ppubblika (1796) din l-espressjoni hi mfissra hekk: ‘prendere o soffrire mal volentieri; soppracuor; contro genio’. Fl-istess dizzjunarju insibu wkoll tifsira tal-verb ‘demmes’: ‘condire le vivande’. L-analoġija tagħtina x’nifhmu li meta bniedem jaċċetta lil xi ħadd fuq qalbu dan ikun qisu qed jiekol l-ikel ta’ bilfors, u biex jogħġbu bilfors irid idemmsu. Inkwantu għall-kelma, ‘dars’, din x’aktarx ġejja mill-verb ‘daras’, ‘dires’ jew ‘darras’. M.A.V. jispjega ‘dires’ b’dan il-mod: 1. Kiel billi bela’ l-ikel malajr; II. Farrak jew inkella ssepara l-qamħ minn ħxejjex oħra.
FAĦAM MIBLUL Idj: ‘Għandu l-faħam miblul’. Tingħad għal min għandu xi ħaġa x’jaħbi. Din l-idjoma ssibha kemm fil-Lexicon (1796) kif ukoll fil kitba tal-istess M.A.V., Motti, Aforismi e Proverbii Maltesi. (1828). Vassalli jżid li din l-espressjoni hi bbażata fuq analoġija mill-ħajja ta’ kuljum, meta dawk li kienu jbigħu l-faħam bl-użin kienu jqarqu bin-nies. M.A.V. jgħid li biex ipattu għal xi telf tal-faħam li jaqalgħhom, il-bejjiegħa kienu jxarrbuh bl-ilma biex dan jitqal fuq il-miżien. Meta l-bejjiegħ jinqabad fil-fatt, kien ikun ikkastigat fil-pubbliku. In-nies kienet tgħid, ‘dak żgur għax għandu l-faħam miblul’. Din l-idjoma kienet tingħad ukoll fi Sqallija. F’dizzjunarju Sqalli-Toscan tal-1863, insibu espressjoni simili: Cu avi lu carvuni vagnatu sempri sta ccu l’arma satata = Chi ha il carbone bagnato sempre sta con l’arma satata.
FILEP, SAN Idj: ‘Telgħalu San Filep’: Irrabja ħafna, tilef l-erre. Ma baqax kalm; qabżitlu. L-oriġini ta’ din il-frażi hi dubjuża. Jidher li din l-idjoma ma tirriferix għal San Filep ta’ Aġira, il-qaddis patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fittixt fuq kemm-il San Filep jeżisti, u sibt li din l-espressjoni tista’ tirriferi għal San Filippu Neri. Dan il-qaddis li twieled Firenze, (1515-1595) kellu karattru ġentili għall-aħħar u anki kellu sens ta’ umoriżmu. Biss, insibu li f’episodju minnhom, San Fillippu / San Filep kien qiegħed jipprova jipperswadi raġel ta’ kondotta ħażina, biex jindem u jbiddel ħajtu. Il-midneb baqa’ stinat u ma riedx jisma’. San Filippu Neri, fl-aħħar qabżitlu, qabad lill-ħabsi mill-kozz ta’ għonqu u sabtu mal-art. Dan tant inħasad b’dan l-aġir, li malajr aċċetta li jindem u għamel qrara sħiħa dak il-ħin stess. Din l-istorja qed turina li kulħadd għandu l-limitu tal-paċenzja, u anki jekk twajjeb jista’ wkoll jiżbel.
FJOKKI Idj: ‘kiel ikla bil-fjokki’. Normalment inkunu qed nirriferu għal xi ħaġa tal-aqwa kwalità. Issa għal liema fjokki qed nirriferu meta ngħidu din l-espressjoni? Il-fjokki jistgħu jkunu bosta affarijiet. 1. Ornament tal-fidda li jitqiegħed fuq il-lampier quddiem is-sagrament. 2. Il-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem ta’ bastiment jew dgħajsa; ġibb. 3. It-tarf idekoratt ta’ ħabel li jdur mal-purtiera biex iżommha f’posta. Din l-idjoma tista’ anki tingħad b’mod ironiku, u kultant b’mod negattiv, eż., ‘Laqqat riħ bil-fjokki’. Tal. fiocchi – M. ċoff jew tajjara żgħira li tintuża biex timsaħ l-għaraq. It-Taljani wkoll jużaw l-istess espressjoni: coi fiocchi – M. xi ħaġa mill-aqwa, bil-ġmiem.
GĦERUQ u x-XNIEXEL Idj: ‘Daħal għaliha bl-għeruq u x-xniexel’. Tfisser li dak li jkun daħal għal xi ħaġa b’mod li kellu jintriga ruħu sal-aħħar dettall. Ix-xniexel huma dawk il-ħjut irqaq tal-għeruq. Bl-għeruq u x-xniexel nifhmu wkoll li wieħed jaf suġġett jew persuna b’kull dettall tagħha.
ĦORROX BORROX Idj: ‘kollox ta’ ħorrox borrox’. Din tirriferi għal xi pjan jew xogħol li jsir kif ġie ġie u ta’ malajr. L-istess bħal alaxalxé. Qawl: F’xogħol ta’ ħorrox borrox, l-istokk u ż-żebgħa jgħattu kollox. Sors: E.S.I.
KIRXA Idj: ‘Dak qatt ma kilt il-kirxa miegħu’ – tingħad biex tiddeskrivi relazzjoni ta’ bla importanza bejn bniedem u ieħor. Il-kirxa tagħmel parti mill-istonku tal-barri u annimali oħra. Meta tistieden lil xi ħadd biex jiekol il-kirxa miegħek, tkun qed timplika li tixtieq toffri ikla speċjali lil xi ħadd li għandek ħbiberija intima miegħu. Biex issajjar il-kirxa, jinħtieġ ħafna preparazzjoni. Qabel xejn, il-kirxa trid tinħasel sew, għaliex mal-istonku tal-bovin ħafna drabi jkun hemm fdalijiet tal-ikel li jkun għadu mhux iddiġerit u dan, jekk jinżel mal-ikel kapaċi javvelena l-bniedem. Il-kirxa trid titgħalla, fl-ilma bil-melħ, għal bejn sagħtejn u tliet sigħat. Magħha mbagħad jintefa’ l-istuffat biex din tieħu t-togħma tiegħu. Għaldaqstant, meta wieħed jistiednek tiekol il-kirxa miegħu, dan ikun qiegħed jieħu ħafna xogħol ta’ preparament, li jfisser li qiegħed joffri xi ħaġa speċjali għall-mistieden partikulari. Ing. tripe.
KUS Idj: ‘Ara ma ddendilx kusek miegħu’, – bħallikieku, jekk tazzarda ttawwalha ma’ dak li jkun tista’ tiġi f’inkwiet kbir. Il-kus huwa buqar jew ġarra żgħira. M.A.V. (1828) jgħid hekk: ‘La ddendilx kusek f’bieb l-imgħallaq’. It-twiddiba ‘iddendilx kusek miegħu’, hi magħmula biex wieħed jevita li dak li jkun ikisser il-kus imdendel mal-post fejn mhux loku’. Fl-istorja ta’ Agostino Levanzin, Is-Saħħar Falzun, naqraw hekk, ‘[…Girgor is-sakristant] ġibed ‘il ġewwa lil Ħamid biex xi flien ma jaraħx hemm u jorbotlu kusu ma’ bieb Ambroġ’.
LABRÈ Idj: ‘Maħmuġ daqs San Ġużepp Labrè’. Kienet tingħad għal xi ħadd li jkun maħmuġ ħafna. San Ġużepp Labrè (1748-83) kien magħruf bħala l-qaddis patrun kontra l-mard tal-ġdim u l-qamel. San Ġużepp kien daħal mat-Terza Ordni ta’ San Franġisk, biss, ħajtu qattagħha jiġġerra minn post għall-ieħor, iżur is-santwarji ta’ pellegrinaġġi magħrufa fl-Ewropa. Skont l-għajdut tal-folklor Malti, fost il-pajjiżi li żar, San Ġużepp Labrè kien anki ġie Malta. Dan l-aħħar xi ħadd irrakkuntali li xi żmien ilu r-Raħal Ġdid kien hemm waħda li tiġġerra mat-toroq liebsa ħwejjeġ maħmuġin u li kienu jgħidulha l-Labrina.
LAĦAM IL-FARD Idj: ‘bniedem laħam il-fard’ – jiġ., raġel mibni b’saffejn – bniedem li ma jimradx kif ġieb u laħaq. Bniedem b’saħħtu daqs barri. Appel. għall-annimali bovini. Laħam taċ-ċanga u laħam ieħor tal-bovini li jittiekel mill-bniedem. Sorsi: J.A. u E.S.I.
LAĦAM IL-KELB Idj., ‘dak laħam il-kelb.’ – tingħad għal xi ħadd ħażin u malizzjuż. Espr. Appel. għall-annimali ekwini, jiġifieri, iż-żwiemel, il-bgħula, il-ħmir eċċ. Kull tip ta’ laħam minn dawn l-annimali li jitqatta’ għall-ikel. Dan jissejjaħ hekk għax tradizzjonalment, kien laħam li x’aktarx kien jingħata lill-klieb. Sorsi: E.S.I. u J. A.
MERQTU U FTIETU Idj: ‘kulħadd merqtu u ftietu’. jiġ., kulħadd għal rasu; kulħadd tiegħu f’tiegħu, fejn wieħed ma għandux għalfejn ikollu x’jaqsam mal-ieħor. Din l-espressjoni nsibuha fl-istorja, Viku Mason (1881) ta’ Ġużè Muscat Azzopardi, fejn naqraw hekk: ‘[…] It-tabib mar għal xogħlu, jaħlef ġo qalbu li minn dakinhar ’il quddiem ma’ Viku kulħadd merqtu u ftietu.’ L-meraq tfisser ‘brodu’ u ftiet hu ‘ħobż li jixxappap fil-brodu’. Il-kelma ‘merqtu’ ġejja minn ‘meraq’ bit-t marbuta u l-pronom ‘u’ mehmuż, waqt li ‘ftietu’ hu n-nom fil-plural, ‘ftiet’, bil-pronom ‘u’ mehmuż bħala l-possessiv. Mela din l-idjoma sservi ta’ tagħlima biex wieħed idabbar rasu u ma jaqsam ma’ ħadd.
QAJFAS Idj. ‘Mingħand Qajfas għal għand Pilatu’. Tingħad meta xi ħadd ikollu jiġġerra għand bosta nies jew awtoritajiet responsabbli biex jinqeda. Qajfas kien is-saċerdot il-kbir tas-Sanedrin li jissemma fir-rakkont tal-Passjoni ta’ Kristu. Qajfas flimkien ma’ Annas, qassis ieħor importanti fis-Sanedrin, interrogaw u akkużaw lil Kristu li hu kien qed jiddikjara lilu nnifsu bħala l-Messija. Wara li kien interrogat, Ġesù ntbagħat minn Qajfas għand Pilatu biex dan jinterrogah ukoll, kif fil-fatt ġara, u kien issentenzjat għall-mewt.
QALEB Idj: ’tilef il-qaleb u l-ġbejna’: Tingħad meta bniedem, biex jipprova jsalva oġġett żgħir u ta’ bla valur, jitlef ukoll affarijiet oħra miegħu li huma aktar importanti. Din l-idjoma tista’ sservi wkoll għal xi argument jew kawża mitlufa. Din l-analoġija ġejja mill-preparament u l-bejgħ tal-ġbejniet. Il-qaleb hu qoffa żgħira, daqs 7 ċm għolja u 5 ċm wiesgħa, li fl-antik kienet tkun magħmula mill-pjanta tas-simar, biex iżżomm il-ġbejna fiha. Fiha kienu jqiegħdu l-ġbejna biex tinxef. Il-qaleb kien jingħata flimkien mal-ġbejna meta din tinbiegħ mill-ħwienet. Billi l-qaleb kien ikun magħmul minn weraq niexef tas-simar dan ma tantx kont tista’ tirranġa fih għax kien jinkiser faċilment u għalhekk fil-proċess kont tista’ anki taqgħalek il-ġbejna ta’ ġo fih. Ara: Mill-Ħajja ta’ L-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard. pp. 4-9.
QALA’ Idj: ‘Dak għandu r-riħ fil-qala’ – tingħad għal xi ħadd li għandu lil minn jaqilgħu. Il-qala’ hu dak id-drapp tax-xoqqa li jintrama’ mal-arblu fuq il-mirkeb meta l-baħħar ikun irid isalpa bil-qawwa tar-riħ. Meta ngħidu, ‘għandu r-riħ fil-qala’’ dan ifisser li d-dgħajsa jew bastiment jimxu ’l quddiem għax il-qala’ jimtela bir-riħ li ġej minn warajha.
QAMAR Hemm diversi idjomi dwar il-qamar:
- bniedem ‘jgħix fil-qamar’ – bniedem li ma għandux sens ta’ realtà;
- ‘Ra l-qamar fil-bir’ – espr. li tingħad biex tispjega sitwazzjoni kera għall-aħħar, fejn bniedem ikun f’periklu tal-mewt;
iii. ‘darba f’mitt f’qamar’ – darba fill.
SANĠAKK Idj: ‘Mur aħraq is-sanġakk tiegħek’ – li tfisser: ‘neħħi l-fehmiet żbaljati tiegħek!’. Fl-Imperu Ottoman, is-sanġakk kien l-istandard, jew il-bandiera militari tal-Bej Tork. Il-kelma tirreferi wkoll għar-reġjuni u diviżjonijiet militari tal-Imperu Ottoman. Għaldaqstant meta wieħed juża din l-idjoma jkun qiegħed jgħid, ‘tkomplix iżomm mal-fehmiet / it-twemmin żbaljati li għandek’.
Għal aktar tagħrif dwar l-istorja u l-kultura Maltija kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/
SITTA LA SINISTRA Idj: ‘Beda jagħti sitta la sinistra’ – jiġ., beda jfajjar daqqiet bl-addoċċ. L-oriġini ta’ din l-espressjoni ġej mit-Taljan sotto la sinistra, li tfisser, ta daqqa ta’ ponn fuq il-geddum minn taħt min-naħa tax-xellug. Il-kelma sotto l-Maltin għawġuha għal sitta. Dan it-terminu norm. jintuża fil-lingwaġġ tal-boxing.
SKOTTI Idj: ‘Idoqq l-iskotti’, jiġ., għamel xi ħaġa tajba immens, bħal pereż, ikla ddoqq l-iskotti. Tingħad meta dak li jkun irid ifaħħar b’mod superlattiv. Kultant nużaw din l-espr. b’mod ukoll ironiku u negattiv, bħal meta wieħed jgħid, ‘għandi uġigħ ta’ ras idoqq l-iskotti’. Meta tgħid, ‘idoqq l-iskotti’ tkun qed tagħti l-analoġija ta’ meta d-DAQQAQ tal-qoton idoqq l-iskotti (tip ta’ qoton). Tal. Scoto, scotto. Lat. Scotum.
STOLA u SALIB Idj: ‘Dak stola u salib’ Oriġ. din l-idjoma kienet riferenza għal xi qassis fqir li ma għandux biex jiekol. Kien hemm żmien fejn il-qassisin kienu kultant ikunu tat-tajjeb jew foqra skont l-introjtu li kienu jdaħħlu mir-raħal fejn kienu jservu. Għal dawn tal-aħħar wieħed kien jgħid, ‘dak stola u salib biss għandu’. Din l-espressjoni setgħet bdiet tintqal ukoll għal kwalunkwe persuna li kien ta’ ftit flus.
ŻEJT FIL-BAŻWA Idj: ‘Dak kollu żejt fil-bażwa’. Jiġifieri li għamilt ma jiswa’ xejn. L-analoġija ġejja mill-antik meta ħafna kienu jemmnu li ż-żejt tal-lewża kien iservi bħala mediċina mfittxa għal kull tip ta’ uġigħ u mard. Kien hemm forsi min jaħseb li l-bażwa (Ing. hernia) stajt tittrattaha billi tidlek xi żejt fuqha, meta fil-fatt dan ma kien jiswa’ għal xejn.
Biex tkun taf dwar aktar pubblikazzjonijiet tal-istess awtur ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/Xi
Ara aktar kliemustorja: