FRENĊ TAL-GĦARB (1892 – 1967)
Franġisku Saverju Mercieca, jew kif kien u għadu magħruf aħjar, Frenċ tal-Għarb, twieled fl-1892. Minn ċkunitu kien dejjem ħadem ta’ bidwi mal-familja tiegħu u meta kiber baqa’ jagħmel dan ix-xogħol. Jibqa’ magħruf għal fejqan ta’ eluf ta’ individwi li kienu jmorru għandu minħabba kull tip ta’ mard, uġigħ jew kundizzjonijiet li kienu jbatu minnhom. Daħal għal dan ix-xogħol l-ewwel darba, wara li wieħed mit-tfal ta’ ħutu kien kiser saqajh u ried jikkurah hu. Hekk kif il-kelma xterdet li dan ir-raġel sempliċi rnexxielu jfejjaq tifel minn ksur fl-għadam, l-Għawdxin u warajhom il-Maltin bdew iffittxuh biex ifejjaqhom mill-mard.
Fil-kura tiegħu Frenċ kien ta’ spiss juża pjanti mediċinali ta’ kull tip, fosthom denb iż-żiemel, (Ing. Horsetail jew shave grass; Is. xj. Equisetum arvense), weraq tal-melissa (Ing. lemon balm, Is. xj. Melissa officinalis), fejġel, (Ing. wall rue jew fringed rue, Is. xj. Ruta chalepensis), terra (talcum powder), żjut u ingwenti. Ma’ dawn it-tip ta’ rimedji dejjem kien iżid it-talb, u jirrikomanda li l-pazjent iżur u jitlob lill-Madonna ta’ Pinu, għax hu kellu devozzjoni kbira lejha. Frenċ kien iżomm kuntatt ma’ Karmni Grima (1838 – 1922), mara twajba oħra mill-Għarb, li fl-1883 kienet semgħet leħen il-Madonna tkellimha hi u għaddejja minn ħdejn il-kappella barra l-Għarb. Magħha kien jaqsam id-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna ta’ Pinu.
Il-ħidma tiegħu ta’ fejqan kien jagħmlu wara li jiġi lura mix-xogħol fl-għalqa, xogħol li żamm sakemm xjaħ sew. Frenċ ma kienx jitħallas tax-xogħol ta’ fejqan li kien jagħmel. Xorta waħda, fl-1938, xi tobba Għawdxin kienu tellgħuh il-qorti għax akkużawh li qed jipprattika il-professjoni ta’ tabib mingħajr ma kellu l-kwalifiki u l-liċenzja li jagħmel dan. Għalkemm kien instab ħati Frenċ ma kien weħel xejn, u wara kien reġa’ beda jipprattika dak li kien jemmen fih għal ġid tal-pazjenti. Biss, issa, meta dak li jkun kien imur għandu, Frenċ kien isaqsih jekk għandux iċ-ċertifikat mit-tabib biex dan seta’ jmur għandu. Billi ma kienx jieħu ħlas min kien jippersisti li għandu jħallsu kien jgħidlu biex il-flus imur joffrihom lis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.
Frenċ tal-Għarb, mhux biss kien kapaċi jfejjaq bix-xtieli mediċinali u duwa oħra, iżda kien kapaċi wkoll jaqra dak li kien qed jinkwieta lill-pazjent qabel ma dan biss jiftaħ fommu. Frenċ kien jinduna x’għandu l-pazjent li jmur iżuru appena dan jidħol ħdejh. Apparti minn hekk, kemm-il darba marru għandu nies jitkellmu għan-nom ta’ xi ħadd marid fil-familja għax il-pazjent kien qed ibati minn xi ħaġa li ma kinetx tħallih imur hu nnifsu għandu. Frenċ kien jgħid lill-qarib tal-pazjent preċiżament x’għandu l-marid u kien kapaċi jbassar jekk hux ser ifiq jew le, anke jekk dan ma kienx ikun jgħix Għawdex jew Malta iżda jkun xi emigrant fl-Awstralja. Jekk il-pazjent stess mhux preżenti, Frenċ kien ikun jaf li l-pazjent wasal fl-aħħar ta’ ħajtu u li ma hemm xejn x’jista’ jagħmel għalih.
Darba minnhom tliet tfajliet marru għandu biex jonsbuh f’xogħlu u biex jiddieħku bih. Hu qalilhom biex ma jidħkux bih għax, it-tlieta li huma kellhom għax jinkwetaw fuq saħħithom. Daqs ġimgħatejn wara, waħda minn dawn it-tfajliet mietet u t-tnejn l-oħra marru għandu biex jitolbuh maħfra.
Il-mard li fejjaq Frenċ tal-Għarb kien ta’ kull tip. Uġigħ fid-dahar, ksur tal-għadam, eċċessjonijiet, ażma, u mard gravi. Wieħed mill-każijiet l-aktar strambi li rnexxielu jfejjaq kien ta’ ġdim minn fuq wiċċ ta’ tfajla. Il-fejqan kien jirnexxi kemm bis-saħħa tal-ħxejjex li hu kien juża bħala mediċina kif ukoll bit-talb. Qabel ma jitilqu, Frenċ kien jagħmel salib fuq moħħ il-pazjent u jtaptaplu b’mod ta’ inkoraġġiment. Meta kienu jistaqsuh kif tgħallem ifejjaq bil-pjanti mediċinali, hu kien iwieġeb li kienet il-Madonna li għallmitu.
Frenċ tal-Għarb miet fid-19 ta’ Mejju tal-1967. Kien midfun fiċ-ċimiterju tal-Għarb, qrib il-kappella. Biss xi żmien wara, il-fdalijiet tiegħu ttieħdu fis-Santwarju ta’ Pinu fejn ġie midfun f’qabar apposta għalih. Forsi l-aqwa deskrizzjoni dwar dan ir-raġel twajjeb li għamel tant ġid lill-għajru insibu din: ‘Frenċ kien tabib tal-ġisem u tar-ruħ!’.
Illum ir-remissa ta’ mad-dar fejn kien jara l-pazjenti kuljum saret mużew li wieħed jista’ jżurha b’appuntament.
Martin Morana
3 ta’ Settembru 2021
Biblijografija
Bonnici Alexander, Frenċ tal-Għarb 1892 – 1967, Il-Franġiskani Konventwali.
Mizzi Pawlu, Mid-Dinja Ċkejkna Tiegħi – Għawdxin li għadna niftakru. Klabb Kotba Maltin. 2019
Tagħrif Dwar il-Qaddisin – Frenċ tal-Għarb https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com/2018/11/26/frenc-tal-gharb/
Wikipedia, Frenċ Tal-Għarb, https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
L-Istorja ta’ Frenċ tal-Għarb, Flash Productions. Kitba Jonathan Farrugia. https://www.youtube.com/watch?v=vl-
Tagħrif dwar Maltin b’fama ta’ qdusija. https://www.youtube.com/watch?v=RnSdyguZiW4
Kitba oħra tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/