COSTANTINO COLOMBOS
IL-PIKE
Kultant fil-ħajja issib nies b’karattru li jispikka għall-kwalitajiet kariżmatiċi tagħhom, nies li ssir tħobbhom mill-ewwel għax iġibu ruħhom bi ħlewwa ma’ kull minn jagħmluha, nies b’umoriżmu inventiv li joħroġ minn moħħ li josserva l-ħajja ta’ madwaru. Dawn ma jkunux xi nies ta’ fuq il-palk imdorrijin jgħidu ċ-ċajt lil xi sala mimlija nies; dawn ikunu individwi li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum fit-triq. Wieħed minn dawn it-tip ta’ nies kien jgħix magħna mal-mitt sena ilu. Kienu jgħidulu l-Pike.
Dan kien il-laqam ta’ Costantino Colombos, bniedem magħruf u popolari sew li għex matul l-ewwel għexieren ta’ snin tas-seklu għoxrin. Sfortunatament, sa issa għad ma’ ġewx f’idejja id-dati eżatti ta’ meta twieled u miet. Biss milli nista’ nifhem skont dak li sibt fuqu, kien jgħix fl-ewwel nofs tas-snin għoxrin.
Il-Pike kien membru tal-familja Griega Colombos. Nannuh kien ġie Malta minn Kios, gżira fil-Greċja, fl-1868. Dan kien fetaħ fabrika żgħira ta’ tnejn min-nies kollox, li kienet tipproduċi s-sigaretti. Dan fi żmien meta s-sigaretti kienu għadhom ma sarux popolari, għax sa dak iż-żmien, in-nies kienu jippreferu il-pipa jew is-sigarri. Il-familja kienet tgħix il-Furjana, biss il-fabbrika kienet il-Belt Valletta. Biż-żmien in-negozju kiber u l-familja Colombos
fetħet fabbrika ġdida u ikbar f’binja b’diversi sulari fi Strada San Paolo, il-Belt Valletta (l-istess binja fejn wara stabilliet ruħha l-Progress Press, tal-Berqa u The Times of Malta). Sal-1918, il-kumpanija tant kienet għamlet suċċess li kienet tħaddem mat-360 ruħ, bi produzzjoni ta’ madwar 70 miljun sigarett fis-sena, ta’ brands differenti. Il-kumpanija kienet anki fetħet fabrika oħra fil-Kajr, l-Eġittu.
Is-Sur Colombu
Costantino Colombos, jew kif kienu jafuh, is-Sur Colombu, kien raġel twil sew, tant li meta jkun miexi fit-triq kien ikun ras ‘l fuq ogħla minn ħaddieħor. Herbert Ganado fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel (it-tieni volum) jgħid li l-Pike kien ħabib ma’ Strada Rjali kollha u ta’ spiss kien ipoġġi fil-Café Premier. Karattru kkulurit għall-aħħar li kulħadd kien jitkellem dwaru għax kien bniedem ċajtier, għalkemm kultant iċ-ċajt kien idur kontrih. Billi kien twil sew, kien hemm min jinkih u kultant kien ikun hemm min jittantah fuq tulu u jgħidulu, ‘kif inhu t-temp hemm fuq? (riferenza għat-tul tiegħu). U l-Pike kien jirrispondi, ‘xita llum’. Costantino kien ħelu u dħuli ma’ kulħadd u kien magħruf għal ġenerożità tiegħu. Meta kien jippassiġġa l-Belt, kien iżomm but mimli tliett soldijat (konna ngħidulha skorfina), u meta jfettillu kien iqassamhom lit-tfal, jekk mhux ukoll għax billi kien ħa l-fama ta’ bniedem ġeneruż dawn kienu jiġru warajh għal xi munita tat-tlett soldi. Kien hawn min jgħid li tant kien ġeneruż li spiċċa anki biex tellef ħafna flus lill-kumpanija tal-familja tiegħu, li kienet f’idejn missieru u zijuh. Costantino kien entużjast kbir tal-logħob tal-futbol. Wara l-inawgurazzjoni tal-istadjum tal-Mile End fil-Blata l-Bajda (1912), Colombos kien daħal jilgħab mat-tim tal-Valletta United u anki spiċċa leħaq kaptan tat-tim. Kien magħruf bħala player partikolari għax fil-logħob tiegħu kien jippreferi, fejn kien possibli, li jidħol għal ballun bir-ras aktar milli bis-sieq. Tant hu hekk li l-players sħabu kienu jgħidulu li kellu kalamata ma’ rasu għall-ballun.
Il-Pike il-fooballer
Intant l-istess players kienu qalgħuhielu ‘il-Pike’, minħabba li waqt il-logħob, jekk ma’ kienx ikun jaf l-isem tal-player, kien jgħajjatlu, ‘Pike’ u sħabu bdew ukoll isejħulu ‘il-Pike’. Pike kien l-isem ta’ brand tas-sigaretti, fost sittin oħra li l-kumpanija tal-familja tiegħu kienet tipproduċi.
Colombos kien irtira mill-futbol wara l-istaġun tal-1920-21, biss fl-istaġun tal-1923-24, il-Furjana ħajruh jilgħab magħhom. Il-ġurnalist, T. Hedley, f’wieħed mill-artikli tiegħu fil-’Ħajja’ li kiteb dwar Colombos, jgħid li meta darba il-Furjana kienu qed jilgħabu logħba għat-Tazza Challenge kontra t-tim tal-H.M.S. Malaya, il-Pike kien spiċċa biex ħalla sinna mwaħħla f’ras footballer Ingliż meta dan ipprova jogħla miegħu biex jeħodlu l-ballun!
Il-Pike L-Umorist
Forsi il-Pike jibqa’ l-aktar magħruf għal-umoriżmu spontanju tiegħu, li kien bosta drabi jirrifletti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar kollox. Tant hu hekk li bosta baqgħu jikkwotaw iċ-ċajt li kien jgħid, anki snin wara mewtu. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Eh… taf x’kien jgħid il-Pike…?’ Billi hu kien minn familja Griega Ortodossa, kien iħobb jinki lil Maltin billi, jgħidilhom, ‘San Pawl, il-qaddis patrun ta’ Malta, tant kiteb ittri, lir-Rumani, lill-Korinti, lill-Efesini u oħrajn, biex imbagħad lilkom mank bagħatilkom kartolina’.
Darba il-Pike kien taħ ħass ħażin kbir, u meta mar jinvistah it-tabib, billi l-Pike kien tant midħla tal-futbol, lit-tabib staqsieh, “Dott, dan il-ħass ħażin li tagħni, tgħid din hi s-suffara tal-half time, jew it-tisfira tat-tmiem il-partita?” Tibqa’ msemmija wkoll osservazzjoni oħra li għamel b’mod umoristiku pensiv dwar il-futbol. Il-Pike kien jgħid, “Kos … Alla meta ħalaq lill-bniedem ma missux poġġa l-qasba tas-sieq fuq quddiem, imissu għamilha fuq wara flok il-pexxul; b’hekk waqt il-logħob il-qasba ma taqlax daqstant daqqiet fuqha.”
Anki wara mewtu, in-nies baqgħet tikkwota xi ċajt li kien jgħid il-Pike. Darba anki kkwotah il-Prim Ministru Dom Mintoff f’wieħed mid-diskorsi tiegħu, meta biex jiċċajta qal: Il-Pike kien jgħid, ‘imissa x-xita tibda titla’ mill-art flok tinżel mis-sema – biex ma nixxarbux’. Mintoff imbagħad kien żied, ‘kieku kien ikollna nżommu l-umbrella ’l isfel biex ma nxxarrbux il-linfa!’
Fil-ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, Ganado jinfurmana li kien il-Pike li daħħal fil-lingwaġġ Malti żewġ kelmiet Griegi: ‘ħamallu’ u ‘vroma’.
Martin Morana
20 ta’ Awwissu 2021
Ħajr lil paġna tal-facebook, ‘Malta and International Football Collection’ għall-artiklu ta’ T. Hedley, u lil Michael Cassar u Anthony Zarb Dimech.
Forsi hawn minn jaf aktar aneddoti dwar dan il-karattru. Nieħu gost jekk tikbtuli dwarhom.
Bibliography
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, it-Tieni Ktieb, u t-Tielet Ktieb. Interprint. 1977.
‘C. Colombos – Retracing an old Maltese cigarette manufacturer’, The Malta Independent, 27th November 2011.
Hedley T., ‘Colombos Centre Half b’ras ta’ Kalamita’, Il-Ħajja, Il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru, 1972. http://www.independent.com.mt/articles/2011-11-27/news/c-colombos-retracing-an-old-maltese-cigarette-manufacturer-302342/
Malta and International Football collection (Facebook Page). https://www.facebook.com/MaltaandInternationalFootballCollection/posts/1481834388625980:0
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
L-aħħar biċċa tal-umbrella l-isfel kienet miżjuda minn Mintoff u kien qal li tagħmel hekk biex ma xxarrabx il-linfa.
LikeLike